Aqbeż għall-kontentut

Pawlu l-Appostlu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Pawlu l-Appostlu
appostlu

44 -
Ħajja
Isem propju שאול התרסיu Saulus Tarsensis
Twelid Tarsuc. 5
Nazzjonalità Ruma Antika
Residenza Tarsu
Ġerusalemm
Damasku
Antioch (en) Translate
Salamis (en) Translate
Paphos (en) Translate
Antioch of Pisidia (en) Translate
Konya
Lystra (en) Translate
Derbe (en) Translate
Alexandria Troas (en) Translate
Philippi
Thessaloniki
Veria (en) Translate
Ateni
Corinth (en) Translate
Efesu
Miletus (en) Translate
Tyre
Acre
Caesarea Maritima (en) Translate
Sidon (en) Translate
Myra (en) Translate
Kaloi Limenes (en) Translate
Siracusa
Ruma
Mewt Ruma, 66
Kawża tal-mewt piena kapitali (dekapitazzjoni)
Edukazzjoni
Lingwi Grieg antik
Ebrajk
Grieg Koine
Latin
Għalliema Gamaliel (en) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kittieb
teologu
missjunarju
religious figure (en) Translate
rabbi
vjaġġatur
artiġjan
Xogħlijiet importanti Epistoli Pawlini
Influwenzat minn Gamaliel (en) Translate
Ġesù
Festa
12 ta' Lulju, 10 ta' Frar, 25 ta' Jannaru 18 ta' Novembru

San Pawl l-Appostlu (oriġinarjament Sawl ta' Tarsu) jew Pawlu ta' Tarsu hu karattru prinċipali fl-iżvilupp u t-tixrid tal-Kristjaneżmu. Ħafna Nsara jarawh bħala interpretu eċċellenti tat-tagħlim tas-Sultan (Ġesù); isejħulu wkoll "l-Appostlu tal-Ġnus". Pawlu hu deskritt fit-Testment il-Ġdid bħala Lhudi u ċittadin Ruman minn Tarsu, u kien jippersegwita ħafna 'l-Insara qabel ma kkonverta fit-triq lejn Damasku.

Pawlu huwa meqjum bħala qaddis minn kull Knisja li tqim lill-qaddisin, jiġifieri l-Kattoliċi, l-Ortodossi u l-Anglikani, kif ukoll xi denominazzjonijiet Protestanti. Hu pprova, u rnexxielu jagħmel ħafna biex idaħħal il-Kristjaneżmu fost il-pagani. L-ittri tiegħu jamplifikaw u jfissru ħafna mit-tagħlim ta' Ġesù. Xi wħud jgħidu li kien hu li rnexxielu jbiddel il-Kristjaneżmu f'reliġjon, biex ma baqgħetx setta tal-Ġudaiżmu.

Il-figura ta’ San Pawl hi l-aktar waħda magħrufa fl-istorja tal-Knisja Nisranija. Tnejn huma l-għejun importanti li jagħtuna ħjiel dirett fuq l-hekk imsejjaħ "Appostlu tal-Ġnus": il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli u l-istess Ittri ta’ San Pawl. It-tnejn flimkien jagħtuna materjal kotran ta’ ġrajjiet li seħħew fi żmien determinat u f’ambjent storiku u ġeografiku magħruf. B’hekk l-istorja, il-ġeografija, l-arkeoloġija, l-istudju tal-ambjent soċjali, kulturali, politiku u reliġjuż ilkoll jgħinuna nifhmu min kien San Pawl, x’kien il-messaġġ li wassal u liema huma l-ġrajjiet prinċipali tal-ħajja tiegħu u l-karatteristiċi tal-personalità tiegħu.

L-Atti tal-Appostli

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan il-ktieb jitħaddet fit-tul u b’mod sistematiku fuq il-persuna ta’ San Pawl. Nofs il-ktieb huwa ddedikat għas-sejħa u għall-ħidma tal-Appostlu. L-awtur tiegħu huwa San Luqa, kollaboratur ta’ Pawlu, li jikteb ukoll fuq kif il-Kelma xterdet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, anki bil-ħidma wtieqa tal-Appostlu tal-Ġnus. Kiteb madwar is-sena 80 WK, snin wara li nkitbu l-Ittri ta’ Pawlu. Luqa għaġen flimkien il-ġrajjiet marbuta ma’ Pawlu: juri li l-Appostlu kien magħżul għal missjoni preċiża, dik li jwassal, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-Vanġelu sa truf l-art. Mela Luqa fl-Atti jagħtina materjal li jintegra ruħu tajjeb ma’ dak li nsibu fl-Ittri biex nibnu l-ħajja ta’ Pawlu, il-ħidma u l-messaġġ tiegħu.

L-Ittri (Epistoli)

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Ittri huma tlettax u jitqiesu bħala l-għajn prinċipali għall-messaġġ u t-teoloġija ta’ San Pawl, kif ukoll għajn indispensabbli biex nibnu l-ġrajjiet prinċipali tal-ħajja tiegħu. F’dawn il-kitbiet okkażjonali li jesprimu sikwit sitwazzjoni konkreta u l-bżonn tal-mument tad-diversi Knejjes u persuni li lilhom Pawlu jikteb u li fihom sikwit jiddefendi ruħu minn dawk li ħaduha kontrieh, huma għajn tajba ħafna biex nifhmu aħjar lil Pawlu. Juri min hu, kemm Kristu kien biddillu ħajtu fit-triq lejn Damasku, x’kien jemmen, u l-preokkupazzjoni kontinwa li kellu għall-Knejjes tiegħu. Il-ġabra tal-Ittri hija teżor kbir u fihom wieħed jilmaħ b’mod ċar l-iżvilupp tal-Knisja Nisranija fil-bidu bikri tagħha. Huma xhieda prezzjuża tad-djalogu miftuħ bejn l-Appostlu u l-Knejjes tiegħu. Joffrulna kuntatt ħaj u dirett mal-personalità tal-Appostlu tal-Ġnus, l-esperjenzi differenti tiegħu, il-messaġġ, u l-ħsieb intimu tiegħu.

Tfulija u Formazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Hu San Pawl innifsu li jiġbor fi ftit kliem l-identità tiegħu quddiem l-awtorità Rumana: “Jiena Lhudi, minn Tarsu taċ-Ċiliċja, ċittadin ta’ belt magħrufa” (Atti 21: 39). Pawlu twieled bejn is-sena 5 u 10 WK. “...twelidt fil-poplu ta’ Israel, mit-tribù ta’ Benjamin, Lhudi mil-Lhud...” (Fil 3: 5); fit-tmien jum għamlulu ċ-ċirkonċiżjoni u semmewh Sawl ("mitlub minn Alla"), isem li ħa l-għamla Griega ta’ Saulos. Ingħata wkoll it-tieni isem, Paulus, bil-Latin, isem li juża l-Appostlu fl-Ittri tiegħu, u hekk ukoll jagħmel San Luqa minn Atti 13: 9 ’l quddiem.

Il-formazzjoni kulturali ta’ Pawlu seħħet skont il-ħsieb tal-Mishnah: beda jaqra l-Bibbja ta’ ħames snin, ta’ għaxra beda l-qari tal-Mishnah, ta’ tlettax kien obbligat għall-ħarsien tal-kmandamenti, u ta’ ħmistax beda l-istudju u l-qari tat-Talmud. Billi kien minn Tarsu, il-qari tal-Bibbja kien isir mill-verżjoni Griega tas-Septwaġint, li jfisser li studja tajjeb il-Grieg, minbarra l-Ebrajk u l-Aramajk biex seta’ jaqraha fl-ilsna oriġinali. Il-formazzjoni tiegħu kienet ikkumplimentata billi Pawlu tgħallem sengħa: dik li jagħmel it-tined.

Waħda mill-esperjenzi l-aktar importanti fil-formazzjoni ta’ Pawlu meta kellu daqs sittax-il sena ċertament kienet l-esperjenza akkademika tiegħu għal erba’ snin "f’riġlejn Gamaljel" (Atti 22: 3), mgħallem kbir, għaref u moderat. Fl-istudju tal-Liġi jidher li Pawlu, li kien Fariżew, għamel progress kbir, kif jistqarr hu stess, tant li sar bniedem tassew imħeġġeġ għat-tradizzjonijiet ta’ missirijietu: (ara Gal 1: 13-14) “...tħarriġt bir-reqqa fil-ħarsien tal-Liġi ta’ missirjietna” (Atti 22: 3); tant li ried jiddefendi l-Ġudaiżmu mit-theddida tal-fidi Nisranija fil-bidu tagħha (ara Atti 9: 1-2).

San Pawl "kien fehma waħda magħhom fil-mewt li tawh" (Atti 8: 1) lil San Stiefnu. Sawl kien qiegħed jagħmel ħerba mill-Knisja; kien jidħol minn dar għal oħra, jaqbad irġiel u nisa u jitfagħhom il-ħabs. Bejn is-snin tal-formazzjoni tiegħu u s-sena tat-tħaġġir ta’ Stiefnu (ara Atti 7: 54-60) ma nafu xejn fuq il-ħajja ta’ Pawlu. Li nistgħu ngħidu huwa dan: anki jekk il-Ġudaizmu kien jinsisti ħafna fuq iż-żwieġ, ma għandniex ħjiel li Pawlu kien miżżewweġ (ara 1 Kor 7: 8). Jista’ jkun li Pawlu ma żżewwiġx biex jingħata kollu kemm hu għall-istudju tal-Liġi. Jekk Pawlu ltaqax ma’ Ġesù storiku nistgħu biss nagħmlu suppożizzjoni: hu probabbli li Pawlu telaq minn Ġerusalemm qabel ma Ġesù beda l-ministeru pubbliku tiegħu. Il-ħjiel li nsibu f’1 Kor 3: 1 u 15: 8, fejn Pawlu jitkellem fuq il-laqgħa tiegħu mal-Mulej, jirreferu għall-esperjenza tiegħu fit-triq lejn Damasku.

Il-Konverżjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Hi l-ġrajja l-aktar importanti fil-ħajja ta’ Pawlu. Fl-Ittri tiegħu qatt ma jagħti ħjiel dirett fuq din l-esperjenza. Hu jitkellem fuq esperjenza li biddlet bis-sħiħ il-ħajja tiegħu. Iżda ma jqishiex bħala esperjenza iżolata fil-ħajja tiegħu: Alla kien dejjem preżenti fl-eżistenza tiegħu u mexxieh fit-toroq providenzjali tiegħu sa minn ġuf ommu.

L-Atti tal-Appostli u l-Ittri ta’ Pawlu jirrakkuntaw din il-ġrajja fid-dawl tal-Vanġelu. F’Gal 1: 15-16 l-esperjenza ta’ Pawlu titqiegħed fil-kamp tal-ħatra appostolika tiegħu li tagħmel minnu ħabbar tal-Iben ta’ Alla fost il-ġnus. L-istess fl-Atti: wara l-viżjoni li kellu ta’ Kristu, Pawlu jirċievi l-mandat profetiku li jħabbar u jixhed għal Kristu (Atti 26: 17-18) "...quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Israel" (Atti 9: 15).

Hu mela l-Vanġelu li jbiddel lil Pawlu l-Lhudi mħeġġeġ, u jagħmel minnu Nisrani awtentiku, missjunarju u appostlu mimli entużjażmu, xhud profetiku u kurraġġuż tal-Imgħallem Irxoxtat.

Il-bidla li sseħħ f’Pawlu hija radikali: il-kuntatt tiegħu ma’ Kristu għamel minnu ħlejqa ġdida, persuna kwalitattivament u radikalment ġdida, kif jistqarr hu stess: “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid;” (2 Kor 5: 17) u jżid li d-dawl ta’ Kristu idda fil-ħajja tiegħu: “Dan Alla li qal: ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam’, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu” (2 Kor 4: 6).

Fejn qabel il-Liġi ta’ Mosè kienet il-ftaħir ta’ Pawlu, wara l-esperjenza fit-triq ta’ Damasku, Pawlu kellu jistqarr ukoll: “Ngħid għalija ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja” (Gal 6: 14).

Fil-ġrajja li sseħħ fit-triq ta’ Damasku, Pawlu jara l-milja tal-eżistenza tiegħu. Minn ġuf ommu Alla mexxieh lejn il-mument deċiżiv, mument li fih Kristu ħatfu u għamlu tiegħu għal dejjem (ara Fil 3: 12). Alla jbiddel l-eżistenza ta’ Pawlu: “Imma dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu” (Fil 3: 7).

Nawfraġju f'Malta

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-60 AD, San Pawl u xi 274 nies oħra nawfragu f'Malta waqt li kienu qedin jaħarbu mir-Ruma. Il-festa tan-nawfraġju huwa fl-10 ta' Frar.

L-Ewwel Appostolat

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-ħatra tiegħu bħala Appostlu tal-Ġnus, Pawlu jistqarr lill-Galatin: "...minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam, bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli, jien mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku" (Gal 1: 16-17).

Pawlu probabbilment irtira għal ftit taż-żmien fir-reġjun semideżert tal-Għarabja, żona li tinkludi fiha l-Għarabja u parti mis-Sirja u l-Ġordanja tal-lum, u li kienet parti mis-Saltna tan-Nabatej, li mis-sena 4 sas-sena 40 WK kienet taħt il-ħakma tas-Sultan Areta. F’din iż-żona kien hemm preżenza ta’ djaspora Lhudija kbira. San Ġlormu jgħid li Pawlu mar fl-Għarabja biex jirrifletti u japprofondixxi l-ħatra tiegħu u l-esperjenza li kien għex fit-triq lejn Damasku. Kien il-mument li fih Pawlu seta’ jirrifletti sewwa fuq il-Mulej Ġesù, jikber fir-relazzjoni miegħu u jifhem ħajtu fid-dawl tal-Iskritturi Lhud li Pawlu tant kien jaf tajjeb. Kienet ukoll esperjenza li Pawlu jirreferi għaliha biex ikompli jsaħħaħ l-awtonomija tiegħu bħala Appostlu.

Lura f’Damasku, Pawlu "malajr beda jxandar lil Ġesù fis-sinagogi u jgħid li dan hu l-Iben ta’ Alla" (Atti 9: 20). Il-predikazzjoni tiegħu qanqlet stagħġib fost l-Insara li faħħru lil Alla għal dan il-fatt: "...dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed iħabbar il-fidi li darba hu ried jeqred; u huma faħħru lil Alla minħabba fija" (Gal 1: 23-24). Il-bidla ta’ Pawlu saret motiv ta’ mibegħda tant li "wara li għadda ħafna żmien" (Atti 9: 23), "...tliet snin wara" (Gal 1: 18), "...il-Lhud ftiehmu li joqtlu lil Sawl" (Atti 9: 23). Il-Lhud dawru għal magħhom lill-gvernatur tas-Sultan Areta, li fis-sena 37 WK kien reġa’ kiseb minn Kaligola l-awtorità fuq Damasku, u dan qiegħed għassa mal-bibien tal-belt biex Pawlu ma jkunx jista’ jaħrab. Imma Pawlu sar jaf bil-ħsieb tagħhom u għalhekk "...darba billejl id-dixxipli tiegħu qabduh u niżżluh ġo qoffa..." (Atti 9: 25) "...minn tieqa fil-ħitan tal-belt..." (2 Kor 11: 33), ħaġa li aktarx kienet komuni fil-Lvant.

Tliet snin kienu għaddew mill-ħatra tiegħu bħala Appostlu tal-Ġnus sa dan il-lejl drammatiku.

Il-Laqgħa ma' San Pietru

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li jaħrab minn Damasku, fis-snin 37-39 WK, Pawlu jitla’ Ġerusalemm biex iżur lil Kefa (ara Gal 1: 18 u Atti 9: 26). Skont Pawlu, din il-laqgħa kienet qasira u privata: "...bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata; mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd ħlief lil Ġakbu, qarib il-Mulej" (Gal 1: 18-19).

It-test bibliku ma jgħid xejn x'qalu bejniethom Pietru u Pawlu. Hu possibbli li Pawlu tela’ Ġerusalemm biex iżur u jsir jaf lil dak li l-Knisja tal-bidu kienet tagħraf bħala l-ewwel fost l-Appostli u l-kap tal-komunità Nisranija (ara Atti 12: 1-20 u Gal 2: 8-9). Hu possibbli li Pawlu tkellem fuq l-esperjenza tiegħu fit-triq lejn Damasku u l-ħatra tiegħu bħala Appostlu għall-Ġnus, filwaqt li Pietru seta’ tkellem fuq ix-xhieda li kellu fuq Ġesù storiku. B’din iż-żjara, Pawlu jidħol f’kuntatt dirett mal-komunità Nisranija-omm tal-bidu. U dan mhux biex l-appostolat tiegħu jitwettaq imma biex ikun f’komunjoni mal-Knisja ta’ Ġerusalemm li kienet tippresjedi fil-karità fuq il-Knejjes l-oħra.

F’Ġerusalemm għenitu ħafna l-persuna ta’ Barnaba, anki hu ġej mill-Ġudaiżmu Elleniku, minn Ċipru, u forsi anki sieħeb ta’ Pawlu fl-iskola ta’ Gamaljel (ara Atti 9: 27).

F’Ġerusalemm, Pawlu ma setax dam ħafna għax il-predikazzjoni tiegħu malajr saret okkażjoni ta’ polemika mal-Lhud tad-djaspora li kienu fil-belt, tant li "...kienu jfittxu li joqtluh. Meta l-aħwa saru jafu b’dan, niżżluh lejn Ċesarija u bagħtuh Tarsu" (Atti 9: 29-30). Pawlu ma ħadhiex kontra din id-deċiżjoni (ara Atti 22: 17-21).

Hu Pawlu li jiddeskrievi x’għamel f’dan iż-żmien: "Imbagħad mort fl-inħawi tas-Sirja u taċ-Ċiliċja. Il-Knejjes ta’ Kristu fil-Lhudija kienu għadhom qatt ma raw wiċċi; kienu semgħu biss lin-nies jgħidu li: 'dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed iħabbar il-fidi li darba hu ried jeqred'; u huma faħħru lil Alla minħabba fija" (Gal 1: 21-24). Aktarx li f’dal-kliem, Pawlu jiġbor żmien twil ta’ predikazzjoni. Probabbilment kellu l-bażi tiegħu f’Tarsu (ara Atti 11: 25) minn fejn seta’ jdur fil-Provinċja Rumana tas-Sirja-Ċiliċja biex jipprietka. Jidher li kellu suċċess, tant li l-predikazzjoni tiegħu saret mottiv ta’ tifħir lil Alla fil-knejjes tal-Lhudija.

L-istess Barnaba, mibgħut jorganizza l-komunità mħallta ta’ Antjokja (ara Atti 11: 19-24), riedu miegħu f’dan l-appostolat (ara Atti 11: 25-26). Il-kollaborazzjoni bejn Barnaba u Pawlu kellha twassal għal azzjoni missjunarja aktar wiesgħa fl-Asja Minuri u fir-reġjun tal-baċir tal-Mediterran.

Safar bla għadd

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-vjaġġi missjunarji ta’ San Pawl huma l-ġrajjiet l-aktar dokumentati tal-ħajja tiegħu. L-Atti tal-Appostli joffrulna xhieda ta’ min joqgħod fuqha fuq dawn il-vjaġġi, minkejja l-għamla skematika u attwalizzanti tagħhom.

L-espressjoni tat-tliet vjaġġi missjunarji tippreżentalna mhux biss l-itinerarju tas-safar ta’ Pawlu imma wkoll il-ġrajjiet prinċipali li tagħhom l-Appostlu hu protagonista importanti, bħalma huma l-Konċilju ta’ Ġerusalemm, it-tilwima tiegħu ma’ Pietru f’Antjokja, ir-relazzjoni epistolari tiegħu u l-ġrajjiet li għaddewh minn Atjokja tas-Sirja, minn Ċipru, l-ibliet tal-Asja Minuri u tal-Greċja, sa Ruma u forsi anki sa Spanja.

Il-vjaġġi missjunarji tiegħu kienu megħjuna mill-ambjent storiku, politiku u kulturali tal-Greċja, tal-Asja Minuri u tal-Lvant ta’ żmienu. Qegħdin fi żmien it-tixrid tal-kultura Ellenistika u tal-qawwa politiko-militari Rumana. L-espansjoni imperjalistika ta’ Ruma ftit ftit ħakmet fuq is-saltniet il-kbar tal-Lvant li kienet organizzata fi provinċji. Hu għalhekk li fil-Lvant, Ruma saret sinjal ta’ għaqda, ta’ stabbiltà ekonomika u ġuridika filwaqt li ssawret għaqda kulturali, dik Ellenistika, bit-tifrix tal-lingwa Griega, u għaqda politika, dik Rumana.

Fil-vjaġġi appostoliċi tiegħu, Pawlu sab ir-riħ fil-qala’ b’din il-għaqda doppja. L-għaqda politika għenitu biex jieħu vantaġġ tal-Pax Romana, li tatu wkoll l-unur li jkun ċittadin Ruman. L-għaqda kulturali għenitu filli seta’ jitkellem bil-Grieg kull fejn mar, u seta’ jifhem il-mentalità kulturali u reliġjuża ġenerali taż-żmien. Is-sinkretiżmu reliġjuż qawwi msawwar mill-Ellenizmu tah l-okkażjoni jipprietka l-fidi Nisranija bil-miftuħ.

Vantaġġ ieħor li għenu fit-tixrid tal-messaġġ Nisrani kien is-sistema tat-toroq ta’ komunikazzjoni fuq l-art u fil-baħar, organizzata mill-Imperu Ruman. L-għaqda amministrattiva u kulturali kien irnexxielha toħloq komunikazzjoni relattivament faċli għaż-żmien. Id-distanzi, meqjusa bil-miljari, kienu jinkuraġġixxu lin-nies biex jivvjaġġaw b’sikurezza relattiva u b’xi programm imħejji minn qabel. Is-safar kien sar possibbli għal ħafna, minkejja d-diffikultajiet li kienu joffru t-temp, it-toroq qalb il-muntanji u l-biża’ tas-serq. U dan nistgħu ngħiduh ukoll għall-vjaġġi fuq il-baħar, minkejja li dawn kienu jsiru fl-istaġuni tajba bejn April/Mejju – Ottubru/Novembru.

Hu f’dan l-ambjent li jseħħu l-vjaġġi missjunarji ta’ Pawlu. Hu stess jisfrutta l-mument preżenti ta’ safar aktar faċli, imma mhux nieqes mit-tbatija: "...Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imb wiċċ mal-mewt...Tliet darbiet rajt il-għarqa... Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli mill-ħallelin... perikli fid-deżert, perikli fil-baħar... kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fil-għera!" (2 Kor 11: 23-28).

Il-vjaġġi lejn Ġerusalemm

[immodifika | immodifika s-sors]

Pawlu jitkellem fuq żewġ vjaġġi prinċipali għal Ġerusalemm (ara Gal 1: 18 sa 2: 3): l-ewwel wieħed wara tliet snin, mill-esperjenza tiegħu fit-triq lejn Damasku u li fiha ried iżur lil Kefa; it-tieni vjaġġ wara erbatax-il sena, fejn probabbilment telaq mis-Sirja għall-Konċilju ta' Ġerusalemm.

L-Atti tal-Appostli jitkellem fuq tliet vjaġġi prinċipali lejn Ġerusalemm: l-ewwel wieħed, wara l-ħarba mill-belt ta’ Damasku (ara Atti 9: 26-30); it-tieni wieħed, flimkien ma’ Barnaba (ara Atti 11: 30) meta telqu minn Antjokja bil-ġabra għall-Knisja ta’ Ġerusalemm; u t-tielet vjagg għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm (ara Atti 15: 2-29).

Li jinteressana mhux tant in-numru tal-vjaġġi. Dan għaliex Pawlu wkoll jaċċenna għall-vjaġġ lejn Ġersusalemm bil-ġabra għall-Knisja f’Gal 2: 10 u f'1 Kor 16: 1-4 u Rum 15: 23-32. Liema ordni tal-vjaġġi għandna nżommu? Irridu nistqarru li jkollna nikkuntentaw irwieħna b’konkordanza bejn iż-żewġ għejun li għandna f’idejna. Dan għaliex Pawlu u Luqa jiktbu għal żewġ skopijiet differenti. Ngħidu aħna, fl-Ittra lill-Galatin, Pawlu jagħmel għażla soġġettiva għal skopijiet apoloġetiċi u ma jiktibx biex jagħtina kronaka eżatta tal-vjaġġi tiegħu. Nistgħu ngħidu biss li skont Gal 2: 10: "talbuna biss, li min-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar, ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi." Pawlu jidher li qed juri li l-ġbir għall-Knisja ta’ Ġerusalemm u l-vjaġġ marbut miegħu saru wara l-Konċilju ta’ Ġerusalemm. Il-kronoloġija ta’ Pawlu hi aħjar. Dan meta nqabblu dak li jgħid Pawlu mal-Atti tal-Appostli, li ma jagħtuniex ordni kronoloġika tal-ġrajjiet imma żvilupp tematiku tal-istess ġrajjiet.

Probabbilment, mela, l-ordni tal-vjaġġi prinċipali għal Ġerusalemm hu l-ewwel vjaġġ li jsir wara tliet snin mill-esperjenza fit-triq ta’ Damasku, aktarx fis-sena 37-38 WK; it-tieni vjaġġ, li bħala skop kellu l-Konċilju ta’ Ġerusalemm (ara Atti 15: 2-29), u li sar wara l-ewwel vjaġġ missjunarju. Qegħdin aktarx fis-sena 48-49 WK. F’Ġerusalemm, Pawlu u Barnaba jirrakkuntaw il-ġrajjiet li seħħew fl-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom (ara Atti 15: 3 - 12) u Pawlu jikkonferma l-ħatra tiegħu bħala Appostlu għall-Ġnus (ara Gal 2: 7-9). It-tielet vjaġġ ‘tal-ġabra’ (ara Atti 11: 30), li Pawlu jaċċenna għalih f’Gal 2: 10 u f'2 Kor 8-9, u li aktarx sar wara l-Konċilju f’data li mhux faċli li nippruvaw.

Aktarx li Luqa f’Atti 11: 30 jagħtina sommarju tal-ġbir perjodiku li kien isir għall-fqar ta’ Ġerusalemm, b’referenza għall-profezija ta’ Agabu f’Atti 11: 27-30.

L-Ewwel Vjaġġ Missjunarju (ara Atti 13: 1-14:28)

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara sena ta’ ħidma flimkien f’Antjokja tas-Sirja, Pawlu u Barnaba, waqt ċelebrazzjoni liturġika, jinħatru għal missjoni ġdida fost il-pagani f’Ċipru u fl-Asja ż-żgħira. Kienet ir-rebbiegħa tas-sena 45 WK.

Pawlu, Barnaba u Ġwanni-Marku rħewlha jevanġelizzaw fil-gżira ta’ Ċipru b’suċċess. Qasmu l-gżira kollha sa Pafos. Hawnhekk Pawlu, minkejja l-oppożizzjoni tas-saħħar Elimas Barjesu, irnexxielu jikkonverti għall-Kristjaneżmu lill-Prokonslu Ruman Serġju Pawlu.

Wara Ċipru, Pawlu u sħabu telqu bil-baħar minn Pafos u waslu Perga, fil-Pamfilja. Mill-Port ta’ Attalja komplew il-vjaġġ sakemm waslu Antjokja ta’ Pisidja. Hawn Ġwanni-Marku ħalliehom u mar lura Ġerusalemm. Fl-ewwel Sibt, Pawlu jagħmel diskors u jxandar lil Ġesù bħala l-Messija l-Imwiegħed. Is-Sibt ta’ wara, ħafna, kemm mil-Lhud u kemm mill-Proseliti twajba, marru ma’ Pawlu u Barnaba, u dawn ħeġġuhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla (ara Atti 13: 42). Is-Sibt ta’ wara, ħafna mill-mexxejja Lhud ħaduha bl-aħrax kontra l-predikazzjoni ta’ Pawlu, tant li l-Appostlu kellu jistqarr: "Hekk kien meħtieg, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna sa nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej" (Atti 13: 46-47).

Pawlu u Barnaba waqfu fit-tul f’Antjokja ta’ Pisidja. Fl-aħħar tkeċċew minn hemm u huma komplew il-missjoni tagħhom f’Ikonju, il-belt ewlenija ta’ Likaonja. Anki hawn kien hemm min emmen u kien hemm min ħoloq oppożizzjoni. Għal darb’oħra kellhom jaħarbu u komplew il-missjoni tagħhom f’Listra fejn, għall-ewwel darba ż-żewġ Appostli ppritkaw direttament lill-pagani. Mal-fejqan ta’ magħtub, in-nies ħasbu li l-Appostli kienu l-allat Zews u Ermi li niżlu fosthom! Id-diskors li jagħmel Pawlu kellu jinqata’ ħesrem minħabba xi Lhud minn Antjoka u Ikonju ġew u tawh xebgħa ġebel!

L-Appostli marru Derbe u hemmhekk xandru l-Bxara t-Tajba f’dik il-belt u għamlu ħafna dixxipli (ara Atti 14: 21).

Fi triqthom lura, għaddew minn Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom jibqgħu sħaħ fil-fidi. Minn Perga, fejn xandru wkoll il-kelma ta’ Alla, marru lura Antjokja. Kienet ir-rebbiegħa tas-sena 49 WK. F’Antjokja laqqgħu lill-membri tal-Knisja u qagħdu jgħarrfuhom b’dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani. Hemm qagħdu għal ftit żmien sewwa mad-dixxipli (ara Atti 14: 27-28). B’hekk intemm l-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ Pawlu u Barnaba.

Il-Konċilju ta' Ġerusalemm (ara Atti 15: 1-35)

[immodifika | immodifika s-sors]

Waqt l-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ Pawlu u Barnaba, il-komunità ta’ Antjokja kellha tħabbat wiċċha mal-probema li ħolqu wħud mill-aħwa Nsara ta’ nisel Lhudi: "... imbagħad niżlu xi wħud mil-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa: 'Jekk ma toqogħdux għaċ-ċirkonċiżjoni skont id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw' " (Atti 15: 1).

Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ. Pawlu kien fehem sewwa l-problema li kienu qed joħolqu: inħoloq ir-riskju li l-verità tal-Vanġelu (ara Gal 2: 5) titħassar. Pawlu fehem li dan l-atteġġjament żbaljat kien qed imiss direttament il-qalba tal-fidi Nisranija. Is-salvazzjoni u l-perfezzjoni tal-ħajja Nisranija ma tiġix mill-ħarsien tal-Liġi ta’ Mosè imma biss minn Kristu. Pawlu hawn iddefenda bis-sħiħ il-ħelsien li n-Nisrani għandu fi Kristu Ġesù. B’hekk l-Insara ta’ nisel pagan kif ukoll dawk ġejjin mir-reliġjon Lhudija ma kienu obbligati jħarsu l-ebda preċett tal-Liġi, imma kellhom jgħixu ta’ bnedmin ħielsa fi Kristu permezz tal-fidi li ssir fl-imħabba (ara Gal 5: 6).

F’Ġerusalemm, Pawlu u Barnaba, flimkien mal-Appostli u l-presbiteri u l-komunità tal-Knisja-Omm, iltaqgħu. Huma saħqu fuq il-konvinzjonijiet tagħhom billi ġabu bħala provi l-għemejjel kbar li Alla kien wettaq fl-appostolat missjunarju tagħhom. Pietru wkoll jitkellem u jinsisti li l-Bxara t-Tajba hija wkoll għall-pagani u jistqarr: "Mela issa għaliex iġġarrbu lil Alla billi tridu tqiegħdu fuq għonq id-dixxipli madmad li la missirijietna u lanqas aħna ma flaħna nerfgħuh? Wara kollox,aħna nemmnu li, bħalhom, aħna nsalvaw permezz tal-grazzja tal-Mulej Ġesù" (Atti 15: 10-11).

F’din il-laqgħa hu Ġakbu, li wara d-diskorsi ta’ Pawlu u Pietru, li jisħaq fuq il-għaqda tal-Knisja fit-tħabbir tal-Kerygma fundamentali tal-fidi. Fi Kristu, il-Knisja hi magħquda u minnu tieħu l-qawwa biex teħodha kontra l-iżbalji li qamu fil-Knisja tal-bidu, filwaqt li tħalli spazju biex il-kariżmi jitfissru b’mod vitali. Dan il-ħsieb ġabru Pawlu f’Gal 2: 7-10: "...meta raw li lili kien afdat ix-xandir tal-Evanġelju fost il-ġnus, bħalma kien lil Pietru fost il-Lhud... Ġakbu, Kefa u Ġwanni, li kienu meqjusin bħala l-kolonni, taw lili u ’l Barnaba l-id il-leminija tagħhom b’sinjal ta’ ħbiberija bejnietna, biex aħna naħdmu fost il-ġnus u huma fost il-Lhud; talbuna biss li, min-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar, ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi."

It-tentattiv tal-"aħwa foloz" (ara Gal 2: 4) li jifridu l-Knisja spiċċa fix-xejn, u lkoll għarfu l-unika verità tal-Vanġelu fil-ħelsien tan-nisrani li jgħix permezz tal-Ispirtu fi Kristu (ara Gal 4: 4-6; 5: 1.13).

Ma’ tmiem il-Konċilju, Pawlu u Barnaba, il-kollaboraturi tagħhom, flimkien ma’ Ġuda Barsaba u Sila, mibgħuta mill-Knisja ta’ Ġerusalemm, reġgħu "niżlu Antjokja, laqqgħu 'l-ġemgħa u tawhom l-ittra, qrawha, u ferħu għall-faraġ li tathom. Ġuda u Sila, li kienu wkoll profeti, farrġu lill-aħwa u wettquhom b’ħafna kliem" (Atti 15: 30-32). Pawlu u Barnaba baqgħu Antjokja jgħallmu u jxandru l-Bxara t-Tajba tal-Kelma ta’ Alla. Kien aktarx f’dan iż-żmien li Pawlu, f’Antjokja, ċanfar lil Pietru għal imġibtu.

Aktarx għall-habta ta’ nofs is-sena 50 WK, Pietru mar Antjokja. Aktarx li ried jagħmel esperjenza ħajja tal-ħidma appostolika ta’ Pawlu u Barnaba fi ħdan komunità Nisranija mħallta. Hu wkoll kien diġà kellu esperjenza mal-Insara ta’ nisel pagan (ara Atti 10: 1-48) u hu wkoll kien "qiegħed jiekol mal-ġnus" (Gal 2: 12) waqt din iż-żjara fraterna. Niftakru li skont il-Liġi ta’ Mosè, il-Lhud ma kinux jieklu mal-pagani. Kienet il-fidi Nisranija li waqqgħet kull ħajt li kien jifred il-Lhud u l-pagani.

Iżda l-prudenza eċċessiva ta’ Pietru, ikkawżata mill-prezenza ta’ xi Lhud-Insara, ġagħlitu jwarrab milli jiekol mal-Insara ta’ nisel pagan. Il-konsegwenzi kienu gravi għax kien hemm oħrajn li għamlu bħalu! "Il-Lhud l-oħra bdew jimxu bl-uċuħ bħalu, u saħansitra Barnaba ħalla ruħu jitħajjar minnhom fil-wiri ta’ ħaġa b’oħra" (Gal 2: 13).

Dan qanqal dispjaċir fil-komunità Nisranija ta’ Antjokja, li f’Pietru raw bniedem dgħajjef, mhux kapaċi jkun koerenti għall-Kerygma ċentrali tal-fidi Nisranija – fi Kristu jintemmu d-differenzi razzjali, personali u reliġjużi.

Pawlu ħadha bl-aħrax kontra Pietru u l-kompromess mal-verità tal-Vanġelu (ara Gal 2: 14) u għamel diskors ċar u iebes li fih jiddefendi l-ġustifikazzjoni bil-fidi fi Kristu f’oppożizzjoni għall-opri tal-Liġi ta’ Mosè li bihom ebda bniedem ma hu ġġustifikat (ara Gal 2: 14-21). "Meta Kefa ġie Antjokja, jiena waqaftlu f’wiċċu, għaliex kellu tort" (Gal 2: 11).

Pawlu ma jitkellimx fuq ir-reazzjoni u t-tweġiba ta’ Pietru iżda jidher li Pietru, wara li għaraf li l-ħafna prudenza umana setgħet twassal għall-kompromess tal-Vanġelu, reġa’ żamm ma’ dak li ntqal fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm (ara Atti 15: 6-11) u d-digriet appostoliku (ara Atti 19: 15-21). Dan ma kien bl-ebda mod xi impożizzjoni ta’ osservanza minima tal-Liġi, imma mod ta’ kif fil-prattika titħares bl-imħabba u l-għaqda bejn l-Insara ta’ nisel Lhudi u dawk ta’ nisel pagan fil-Knisja tal-bidu.

It-Tieni Vjaġġ Missjunarju (ara Atti 15: 36-18:22)

[immodifika | immodifika s-sors]

Din id-darba, Pawlu jitlaq flimkien ma’ Sila, wara li tlewwem ma’ Barnaba li mbagħad telaq jaħdem fil-gżira ta’ Ċipru. "Pawlu għażel għal miegħu lil Sila u telaq, wara li l-aħwa rrikmandawhom f’idejn il-ħniena tal-Mulej" (Atti 15: 40). U Pawlu, li dejjem kellu fi ħsiebu l-Knejjes li kien diġà waqqaf, "...dar is-Sirja u ċ-Ċiliċja kollha, iwettaq il-Knejjes" (Atti 15: 41). F’Listra, Pawlu ltaqa’ maż-żagħżugħ Timotju u sieħbu miegħu fil-missjoni tiegħu.

Pawlu mbagħad ħaseb biex jiftaħ il-qasam tax-xogħol tiegħu. Għal din ir-raġuni, huwa u Sila marru lejn il-Friġja u l-Galazja bl-intenzjoni li jilħqu xi belt importanti tal-provinċja Rumana tal-Asja Prokonsolari. Iżda Pawlu marad. Hu approfitta minn dan iż-żmien biex jevanġelizza l-inħawi tal-Galazja u jwaqqaf komunitajiet Insara ġodda (ara Gal 4: 13-14).

Fl-inħawi tal-Misja, ippruvaw jidħlu f’Bitinja, imma l-ispirtu ta’ Ġesù ma ħallihomx. Għalhekk niżlu Troas. Alla jqawwi lil Pawlu permezz ta’ dehra u jurih fejn kellu jipprietka: "Billejl, Pawlu kellu viżjoni: ra’ raġel mill-Maċedonja, wieqaf, jitolbu hekk: 'Ejja l-Maċedonja u għinna!' " (Atti 16: 9). Fi Troas, Pawlu jiltaqa’ ma’ Luqa, li kien jaf tajjeb il-Maċedonja u l-Greċja u jsir kollaboratur tiegħu.

Il-missjunarji jaslu fil-belt ta’ Filippi. Sinagoga ma kienx hemm imma fejn ix-xmara, fejn kienu ltaqgħu xi nisa jitolbu, hemmhekk il-grazzja tmiss lil Lidja, "...li tgħammdet, hi u l-familja tagħha..." (Atti 16: 15) u Pawlu u sħabu baqgħu jaħdmu mid-dar tagħha għal xi ftit xhur. Jidher li kien żmien li ħalla ħafna frott għax hawn Pawlu waqqaf komunità Nisranija ħajja, li tant ħabb (ara Fil 1: 3-11; 4: 10-20), u li għenitu fil-mumenti li l-aktar kellu bżonn. Wara li Pawlu keċċa spirtu ħażin li kien jaqra x-xorti permezz ta’ tfajla lsira, hu u l-kumpanija tiegħu jaqilgħu xebgħa u jintbagħtu l-ħabs! Luqa jirrakkonta kif inħelsu b’mod mirakuluż, miraklu li qanqal il-fidi fl-għassies li wkoll "...tgħammed hu u niesu kollha" (ara Atti 16: 30-34).

Minn Filippi, Pawlu u sħabu marru fil-belt ta’ Tessalonika. Pawlu hawn iħabbar il-fidi lil-Lhud u mbagħad lill-pagani, u wara li sab xogħol fil-belt, kien imur fis-sinagoga jxandar lil Kristu. Uħud emmnu, oħrajn ħaduha bl-aħrax kontra Pawlu u Sila. Hemmhekk damu tliet xhur, b’ħidma li ħalliet il-frott f’dawk li laqgħu minn qalbhom il-Kelma ta’ Alla (ara 1 Tess 2: 13). Minn hemm, Pawlu u sħabu kellhom jitilqu ħesrem minħabba l-oppożizzjoni tal-Lhud li ma emmnux.

Wara li Pawlu u sħabu telqu ħesrem minn Filippi, huma marru l-Berija fejn kien hemm kolonja Lhudija li, skont l-Atti, "...kienu nies ta’ qalb kbira aktar minn dawk ta’ Tessalonika; huma laqgħu l-kelma bil-ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu. Għalhekk ħafna minnhom emmnu, fosthom għadd ġmielu ta’ Griegi, irġiel kif ukoll nisa nobbli" (Atti 17: 11-12). Imma xi Lhud mibgħuta minn Tessalonika ġew jeħduha bl-aħrax ma’ Pawlu tant li l-Appostlu ntbagħat Ateni waħdu.

"Kemm dam Ateni jistenniehom" (lil Sila u lil Timotju), "Pawlu kien jinkedd fih innifsu jara l-belt mimlija idoli" (Atti 17: 16). F’Ateni, Pawlu kien imur fis-sinagoga jiddiskuti mal-Lhud u ddiskuta anki mal-Atenin fis-suq tal-belt. "Malli semgħu kliemu fuq il-qawmien mill-imwiet, xi wħud minnhom bdew jidħku; iżda oħrajn qalu: 'Nerġgħu nisimgħuk fuq dan darb’oħra' " (Atti 17: 32).

Wara dan, Pawlu ħalla Ateni u mar Korintu. Hemmhekk issieħeb ma’ Akwila u Prixxilla u magħhom ħadem it-tined. "Meta Sila u Timotju waslu mill-Maċedonja, Pawlu ta ruħu kollu kemm hu għax-xandir tal-kelma, u kien jixhed lil-Lhud li Ġesù huwa l-Messija" (Atti 18: 4-5). Ħafna Lhud ma aċċettawx il-messaġġ u għalhekk Pawlu baqa’ jaħdem, ixandar il-kelma lill-pagani għal sena u sitt xhur sħaħ. Il-Mulej saħħu b’dehra: "...La tibżax, imma tkellem u tiskotx, għax jiena miegħek, u ħadd mhu se jmidd idu fuqek biex jagħmillek ħsara; għax poplu kbir hawn għalija f’din il-belt" (Atti 18: 9-10).

Minn Korintu, Pawlu jikteb l-Ewwel u t-Tieni Ittra lit-Tessalonkin biex isaħħilhom il-fidi fit-tieni miġja tal-Mulej, u kif għandhom jishru u jitolbu fil-konkret ta’ ħajjithom.

Is-suċċess ta’ Pawlu f’Korintu qanqal il-għira tal-Lhud. Wara li ppruvaw jakkużawh bla suċċess quddiem il-Prokonslu Galljon, Pawlu baqa’ hemm fit-tul. Fi tmiem il-missjoni, flimkien ma’ Akwila u Prixxilla, infired mill-aħwa u rħielha bil-baħar lejn is-Sirja. Waqaf Efesu u hemm iddiskuta mal-Lhud fis-sinagoga u riduh jibqa’ hemm. Imma Pawlu ried jerġa’ lejn Antjokja.

Kienet il-ħarifa tas-sena 52 WK, u wara li sellem ukoll il-Knisja f’Ċesarija, wasal f’Antjokja meta kienet ix-xitwa. Dat-tieni vjaġġ missjunarju dam sentejn. Matulhom, Pawlu saħħaħ il-knejjes imwaqqfa fl-ewwel vjaġġ u fetaħ qasam ta’ xogħol ġdid fl-Maċedonja u l-Akaja.

It-Tielet Vjaġġ Missjunarju (ara Atti 15: 23-20:38)

[immodifika | immodifika s-sors]

Kienet ir-rebbiegħa tas-sena 53 WK meta Pawlu jibda t-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu li, bħala skop aktarx li kellu l-belt ta’ Efesu. Huwa ma marx bil-baħar imma għażel it-triq it-twila fuq l-art biex jasal hemmhekk. Dan għamlu biex jerġa’ jżur il-knejjes tal-Galazja u l-Friġja, li hu kien waqqaf matul it-tieni vjaġġ missjunarju.

F’Efesu, Pawlu ltaqa’ ma’ grupp ta’ dixxipli li hu nduna li kienu laqgħu lil Ġesù bħala l-Messija Mwiegħed mingħajr ma kienu rċevew katekeżi Nisranija, il-Magħmudija fl-Isem ta’ Ġesù u t-tqegħid tal-idejn bid-don tal-Ispirtu s-Santu. Hu għalhekk ħejjihom u għammidhom.

Wara li għal tliet xhur kien imur fis-sinagoga jxandar lil Ġesù lil-Lhud u wħud webbsu rashom, hu "...telaq minn magħhom, ġabar miegħu lid-dixxipli, u kien joqgħod jitkellem magħhom kuljum fl-iskola ta’ wieħed jismu Tirannu" (Atti 19: 9-10).

Pawlu nnifsu aktar tard jistqarr li l-attività tiegħu f’Efesu kienet intensa, meta jkellem il-presbiteri tal-Asja Prokonsolari f’Miletu (ara Atti 20: 17-38). Hu għallem b’impenn, fil-pubbliku u fil-privat, f’nofs ħafna perikli u billi hu nnifsu ħaseb għall-bżonnijiet tiegħu. Il-ħidma tiegħu damet ftit aktar minn sentejn. Flimkien ma’ Timotju u Erastu, li ntbagħtu fil-Maċedonja, Gaju u Aristarku, li ntbagħtu f'Kolossi, Laodikija u Ġerapoli, Pawlu waqqaf u saħħaħ il-knejjes tal-Asja Prokonsolari u għamel b’tali mod "...li dawk kollha li kienu joqogħdu fl-Asja, kemm Lhud u kemm Griegi, semgħu l-kelma tal-Mulej" (Atti 19: 10).

Kien proprju f’dan iż-żmien li Pawlu ħass il-bżonn li jikteb kemm lill-Insara ta’ Korintu kif ukoll lill-Insara tal-Galazja; lill-Korintin biex ma jitħalltux ma’ nies medhija fil-vizzju; ma jinqasmux f’partiti bejniethom u biex iwieġeb għal diversi kwistjonijiet prattiċi li l-istess Korintin talbuh jagħtihom kelma fuqhom ma’ ittra li kienu bagħtu ma’ Stefana, Akajku u Fortunat. Kiteb lill-Galatin biex jinsisti li Kristu biss huwa s-salvazzjoni waħdanija għan-Nisrani li, bil-qawwa ta’ twemminu, huwa ħieles. F’din l-istess ittra, Pawlu jagħmel apoloġija tal-appostolat tiegħu.

Il-ħidma ta’ Pawlu f’Efesu tintemm b’esperjenza qarsa: l-arġentiera ta’ Efesu, immexxija minn Demetriju, qajmu rvell kontra Pawlu. Hija opinjoni komuni li Pawlu daq il-ħabs f’Efesu. Probabbilment kienet esperjenza qasira li matulha, Pawlu jirnexxilu jikteb lill-Filippin biex isaħħaħhom fil-fidi u jroddilhom ħajr tal-għajnuna li bagħtulu. Sakemm telaq, reġa’ kiteb ittra oħra lill-Korintin miktuba "...b’għafsa ta’ qalb u bid-dmugħ..." (2 Kor 2: 4), ittra li ntilfet jew twaħħdet mat-Tieni Ittra lill-Korintin (li għandna f’idejna llum).

Malli ħalla Efesu, Pawlu telaq għal Troas minn fejn ried jasal sal-Maċedonja. Hemmhekk stenna lil Titu biex iġiblu aħbarijiet mill-Knisja ta’ Korintu. Meta ma sabux, telaq għal Maċedonja. Lil Titu sabu Filippi u wara li dan wassallu aħbarijiet tajba minn Korintu, ħejja ruħu biex jerġa’ jmur hemm billi kiteb it-Tieni Ittra lill-Korintin (li għandna f’idejna llum) u rega’ bagħatha ma’ Titu.

Wara li żar il-knejjes ta’ Filippi, Tessalonika u Berija, Pawlu ma damx fil-Maċedonja. "Huwa u għaddej minn dawk l-inħawi, kien iħeġġeġ lid-dixxipli b’ħafna kliem" (Atti 20: 2). Sadattant wasal il-Greċja u sakemm stenna li jgħaddu t-tliet xhur tax-xitwa biex ikun jista’ jaqbad il-ġifen għas-Sirja, kiteb l-Ittra lir-Rumani. Din kellha sservi bħala tħejjija għall-vjaġġ li hu tant xtaq jagħmel biex iżur lil din il-komunità Nisranija.

Fir-rebbiegħa tas-sena 58 WK, meta minn Kenkre, Pawlu "...kien wasal biex jaqbad il-ġifen lejn is-Sirja, il-Lhud nasbu konfoffa kontra tiegħu, u għalhekk għamel il-ħsieb li jerġa’ lura u jgħaddi mill-Maċedonja" (Atti 20: 3). Wara li ċċelebra l-Għid f’Filippi, telaq għal Troas u hemm iltaqa’ mal-kollaboraturi tiegħu. Wara li mar Assos, sħabu tellgħuh fuq il-ġifen sakemm waslu Miletu. Billi ma riedx idum fl-Asja biex jasal Ġerusalemm għall-festa ta’ Għid il-Ħamsin, Pawlu bagħat lil sħabu jsejħu 'l-presbiteri tal-Knisja ta’ Efesu biex isellmilhom għall-aħħar darba (ara Atti 20: 13-17).

Id-diskors li jagħmel Pawlu f’Miletu jitqies bħala t-Testment Pastorali tiegħu. Huwa diskors li għandu ton kunfidenzjali u personali li jixhed għall-ispirtu uman u appostoliku tal-Appostlu tal-Ġnus. Fid-diskors tiegħu, Pawlu jitkellem fuq kemm kien ħadem fl-Asja Prokonsolari. Juri x-xewqa tiegħu li jitla’ Ġerusalemm, anki jekk kien jaf li kien sa jbati; jeħodha kontra l-għalliema foloz u jerħi l-Knisja f’idejn Alla u l-Kelma tal-grazzja tiegħu. "Kif temm jgħid dan, niżel għarkopptejh jitlob magħhom ilkoll. Imbagħad infexxew ilkoll f’bikja kbira u bdew jgħannqu lil Pawlu u jbusuh" (Atti 20: 36-37).

Kemm f’Tir kif ukoll f’Ċesarija, l-aħwa ħeġġuh biex ma jitlax Ġerusalemm. Imma Pawlu kien deċiż u "...wieġeb: 'Għalfejn qegħdin tibku u tiksruli qalbi? Jiena lest biex, għall-isem tal-Mulej Ġesù, mhux biss jorbtuni f’Ġerusalemm, imma wkoll jagħtuni l-mewt.' Billi ma ried jisma’ b’xejn, aħna skitna u għidna biss: 'Tkun magħmula r-rieda tal-Mulej!' " (Atti 21: 13-14).

  • 25 ta' Jannar (il-konverżjoni ta' San Pawl)
  • 10 ta' Frar (Malta - In-nawfraġju ta' San Pawl f'Malta)
  • 29 ta' Ġunju (l-Imnarja, festa ta' San Pietru u San Pawl)
  • 18 ta' Novembru (dedikazzjoni tal-Bażilka ta' San Pietru u San Pawl)