Efesu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-faċċata tal-Librerija ta' Ċelsu

Efesu (/ˈɛfɪsəs, ˈɛfəsəs/[1][2]; bil-Grieg: Ἔφεσος, b'ittri Rumani: Éphesos; bit-Tork: Efes; li oriġinarjament setgħet ġiet mill-Ittit: 𒀀𒉺𒊭, b'ittri Rumani: Apaša) kienet belt fil-Greċja Antika mal-kosta Jonja, tliet kilometri fil-Lbiċ ta' fejn illum il-ġurnata hemm Selçuk fil-Provinċja ta' İzmir, it-Turkija.[3][4] Inbniet fis-seklu 10 Q.K. fuq is-sit fejn qabel kien hemm il-belt kapitali ta' Arzawan mill-kolonjalisti Attiċi u Grieg tal-Baħar Jonju.[5][6] Matul iż-Żmien Grieg Klassiku, kienet waħda mit-tnax-il belt li kienu membri tal-Lega Jonja. Il-belt sfat taħt il-kontroll tar-Repubblika Rumana fil-129 Q.K.

Fi żmienha l-belt kienet famuża għat-Tempju ta' Artemis fil-qrib (li tlesta għall-ħabta tal-550 Q.K.), li ġie ddeżinjat bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Antiki tad-Dinja.[7] Fost il-bosta binjiet monumentali tagħha hemm il-Librerija ta' Ċelsu u t-teatru li kapaċi jilqa' 24,000 spettatur.[8]

Efesu kienet ukoll waħda mis-seba' knejjes tal-Asja kkwotati fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni (2:1-7) fil-Bibbja; il-Vanġelu ta' San Ġwann jaf inkiteb hemmhekk[9]; u kienet is-sit fejn saru diversi Kunsilli Kristjani tas-seklu 5. Il-belt inqerdet mill-Gotiċi fil-263. Għalkemm wara ġiet rikostruwita, l-importanza tagħha bħala ċentru kummerċjali naqset peress li bil-mod il-mod il-port imtela' sedimenti mix-xmara Küçükmenderes. Fis-614, il-belt inqerdet parzjalment minn terremot.

Illum il-ġurnata, il-fdalijiet ta' Efesu huma attrazzjoni turistika lokali u internazzjonali importanti ħafna, u huma aċċessibbli mill-Ajruport ta' Adnan Menderes u mir-raħal turistiku ta' Kuşadası. Fl-2015, il-fdalijiet ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[10]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Żmien Neolitiku[immodifika | immodifika s-sors]

Il-bnedmin bdew jgħixu fiż-żona madwar Efesu miż-Żmien Neolitiku (għall-ħabta tas-6000 Q.K.), kif ħareġ fid-dieher minn skavi fil-höyük (tumbati artifiċjali tat-tajn u l-ħamrija) fil-qrib ta' Arvalya u Cukurici.

Żmien il-Bronż[immodifika | immodifika s-sors]

L-iskavi f'dawn l-aħħar snin żvelaw insedjamenti minn Żmien il-Bronż Bikri fl-Għolja ta' Ayasuluk. Skont sorsi Ittiti, il-belt kapitali tar-renju ta' Arzawa (stat indipendenti ieħor fil-Punent u fin-Nofsinhar tal-Anatolja/Asja Minuri) kienet Apasa (jew Abasa), u xi studjużi jissuġġerixxu li hija l-istess post li iktar 'il quddiem il-Griegi sejħu Efesu. Fl-1954, ġie skopert post funebri minn żmien Mycenae (1500-1400 Q.K.), li kien fih bċejjeċ taċ-ċeramika, u nstab qrib il-fdalijiet tal-Bażilika ta' San Ġwann. Dan kien il-perjodu tal-espansjoni ta' Mycenae, meta l-Achaioi (kif sejħilhom Omeru) bdew jinsedjaw fl-Asja Minuri, proċess li baqa' għaddej sas-seklu 13 Q.K. L-ismijiet Apasa u Efesu jidher li għandhom l-istess oriġini, u kitbiet li nstabu dan l-aħħar jidher li jindikaw il-postijiet fir-reġistri Ittiti.

Żmien il-migrazzjonijiet Griegi[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kolonna li għad fadal mit-Tempju ta' Artemis

Efesu ġiet stabbilita bħala kolonja Attika-Jonja fis-seklu 10 Q.K. fuq għolja (issa magħrufa bħala l-Għolja Ayasuluk), tliet kilometri miċ-ċentru ta' Efesu tal-qedem (kif indikat mill-iskavi fil-Kastell tas-Seljuk matul is-snin 90 tas-seklu 20). Il-fundatur mitiku tal-belt kien prinċep ta' Ateni jismu Androklos, li kellu jitlaq minn pajjiżu wara l-mewt ta' missieru, ir-Re Kodros. Skont leġġenda, huwa stabbilixxa Efesu fuq il-post fejn l-oraklu ta' Delphi sar realtà ("Ħuta u ċingjal juruk it-triq"). Androklos keċċa l-biċċa l-kbira tal-abitanti Karjani u Leleġjani tal-belt u għaqqad niesu mal-kumplament. Huwa kien ġellied ta' suċċess, u bħala re kien kapaċi jgħaqqad lit-tnax-il belt ta' Jonja flimkien fil-Lega Jonja. Matul ir-renju tiegħu l-belt bdiet tkattar il-ġid. Huwa miet f'battalja kontra l-Karjani meta ġie jgħin lil Priene, belt oħra tal-Lega Jonja. Androklos u l-kelb tiegħu jidhru fil-freġju tat-Tempju ta' Adrijanu, li jmur lura għas-seklu 2. Iktar 'il quddiem, storiċi Griegi bħal Pausanias, Strabo u Herodotos, kif ukoll il-poeta Kallinos assenjaw mill-ġdid l-istabbiliment mitoloġiku tal-belt lil Efos, ir-reġina tal-Amazon.

L-alla femminili Griega Artemis u l-alla femminili l-kbira tal-Anatolja Kybele ġew identifikati flimkien bħala Artemis ta' Efesu. Il-"Mara ta' Efesu" b'bosta isdra, identifikata ma' Artemis, kienet tiġi venerata fit-Tempju ta' Artemis, wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Antiki tad-Dinja u l-ikbar binja tad-Dinja l-Antika skont Pausanias (4.31.8). Pausanias isemmi li t-tempju nbena minn Efesu, iben l-alla tax-xmara Caystrus, qabel il-wasla tal-Jonji. Minn din l-istruttura, fadal biss ftit traċċi.

Sorsi antiki jidher li jindikaw li isem iktar antik tal-post kien Alope (bil-Grieg Antik: Ἀλόπη, b'ittri Rumani: Alópē).

Veduta panoramika tat-triq tal-port ta' Efesu

Żmien Arkajku[immodifika | immodifika s-sors]

Madwar is-650 Q.K., Efesu ġiet attakkata miċ-Ċimmerjani li qerduha, inkluż it-Tempju ta' Artemis. Wara li ċ-Ċimmerjani tkeċċew, il-belt ġiet immexxija minn sensiela ta' tiranni. Wara rewwixta mill-poplu, Efesu ġiet immexxija minn kunsill. Il-belt reġgħet bdiet tkattar il-ġid taħt tmexxija ġdida, u pproduċiet għadd ta' figuri storiċi importanti bħall-poeti Callinus u Hipponax, il-filosfu Eraklitu, il-pittur il-kbir Parrhasius u iktar 'il quddiem il-grammatiku Zenodotos u l-fiżiċi Soranus u Rufus.

Munita Electrum ta' Efesu tas-620-600 Q.K. In-naħa ta' quddiem: ċerva. In-naħa ta' wara: siġill kwadru.

Għall-ħabta tal-560 Q.K., Efesu nħakmet mil-Lidjani taħt ir-re Croesus, li minkejja li kien mexxej aħrax, kien jittratta lill-abitanti b'rispett u saħansitra sar il-kontributur ewlieni għar-rikostruzzjoni tat-Tempju ta' Artemis. Il-firma tiegħu nstabet fuq il-bażi ta' waħda mill-kolonni tat-tempju (issa għall-wiri fil-British Museum). Croesus wassal għar-raggruppament tal-popolazzjonijiet tal-insedjamenti (synoikismos) differenti madwar Efesu, fil-qrib tat-Tempju ta' Artemis, u b'hekk kabbar il-belt.

Iktar 'il quddiem fl-istess seklu, il-Lidjani taħt Croesus invadew il-Persja. Il-Jonji rrifjutaw offerta ta' paċi minn Ċiru l-Kbir, u minflok żammew mal-Lidjani. Wara li l-Persjani għelbu lil Croesus, il-Jonji offrew il-paċi, iżda Ċiru insista li jarrendu u jsiru parti mill-imperu. Huma ġew megħluba mill-kmandant tal-armata Persjana Harpagos fil-547 Q.K. Il-Persjani mbagħad inkorporaw il-bliet Griegi tal-Asja Minuri fl-Imperu Akemenid. Dawk il-bliet imbagħad ġew immexxija minn satrapi.

Efesu qanqlet il-kurżità tal-arkeologi minħabba li għaż-Żmien Arkajku ma hemm l-ebda post definit fejn kien jinsab l-insedjament. Hemm bosta siti li jissuġġerixxu ċ-ċaqliq ta' insedjament bejn Żmien il-Bronż u Żmien ir-Rumani, iżda s-sedimenti li nġemgħu fil-portijiet naturali kif ukoll iċ-ċaqliq tax-xmara Kayster wasslu biex il-post qatt ma baqa' l-istess wieħed.

Żmien Klassiku[immodifika | immodifika s-sors]

L-istatwa ta' Artemis fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Efesu

Efesu kompliet tistagħna, iżda meta Cambyses II u Darius għollew it-taxxi, il-poplu ta' Efesu ħadet sehem fir-Rewwixta Jonja kontra t-tmexxija Persjana fil-Battalja ta' Efesu (498 Q.K.), avveniment li wassal għall-gwerer bejn il-Griegi u l-Persjani. Fl-479 Q.K., il-Jonji, flimkien ma' Ateni, irnexxielhom ikeċċu lill-Persjani mix-xtut tal-Asja Minuri. Fl-478 Q.K., il-bliet Jonji ma' Ateni daħlu fil-Lega Deljana kontra l-Persjani. Efesu ma kkontribixxietx bil-bastimenti iżda tat appoġġ finanzjarju.

L-istatwa tas-Sinjura ta' Efesu fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Efesu

Matul il-Gwerra Peleponniża, Efesu l-ewwel alleat ruħha ma' Ateni iżda iktar 'il quddiem, fil-Gwerra Deċeljana jew Jonja, żammet ma' Sparta, li kienet irċeviet ukoll l-appoġġ tal-Persjani. B'riżultat ta' dan, it-tmexxija tal-bliet Jonji reġgħet għaddiet għand il-Persja.

Dawn il-gwerer ma tant affettwaw wisq il-ħajja ta' kuljum f'Efesu. In-nies ta' Efesu kienu tassew moderni fir-relazzjonijiet soċjali tagħhom: kienu jħallu lill-barranin jintegraw u l-edukazzjoni kienet meqjusa siewja. Iktar 'il quddiem, Plinju x-Xiħ semma li f'Efesu kien ra rappreżentazzjoni tal-alla femminili Diana magħmula minn Timarete, bint pittur.

Fit-356 Q.K., it-Tempju ta' Artemis ingħata n-nar, skont il-leġġenda, minn miġnun imsejjaħ Herostratus. L-abitanti ta' Efesu mill-ewwel bdew jirrestawraw it-tempju u saħansitra ppjanaw wieħed ikbar u iktar grandjuż mit-tempju oriġinali.

Żmien Ellenistiku[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa storika ta' Efesu mill-Meyers Konversationslexikon, 1888

Meta Alessandru l-Kbir rebaħ kontra l-qawwiet Persjani fil-Battalja ta' Granicus fit-334 Q.K., il-bliet Griegi tal-Asja Minuri ġew illiberati. It-tirann pro-Persjan Syrpax u l-familja tiegħu ġew imħaġġrin u nqatlu, u Alessandru ntlaqa' b'għożża meta daħal trijonfanti f'Efesu. Meta Alessandru ra li t-Tempju ta' Artemis kien għadu ma tlestiex, huwa ppropona li jiffinanzjah u jkollu ismu mnaqqax fuq quddiem. Iżda l-abitanti ta' Efesu ma qablux, peress li sostnew li ma kienx adegwat li alla jibni tempju lil alla ieħor. Wara l-mewt ta' Alessandru fit-323 Q.K., fil-290 Q.K. Efesu sfat taħt it-tmexxija ta' wieħed mill-ġenerali ta' Alessandru, Lysimachus.

Wara li x-xmara Kayster (bil-Grieg: Κάϋστρος) imliet il-port l-antik bis-sedimenti, l-imraġ li rriżultaw ikkawżaw il-malarja u bosta mwiet fost l-abitanti. Lysimachus ġiegħel lin-nies jiċċaqilqu mill-insedjament l-antik madwar it-Tempju ta' Artemis għas-sit attwali xi żewġ kilometri 'l bogħod, meta bħala l-aħħar miżura r-re għerreq il-belt l-antika billi bblokka l-katusi tad-dranaġġ. L-insedjament il-ġdid uffiċjalment ġie msejjaħ Arsinoea (bil-Grieg Antik: Ἀρσινόεια jew Ἀρσινοΐα) jew Arsinoe (Ἀρσινόη), b'ġieħ it-tieni mara tar-re, Arsinoe II tal-Eġittu. Wara li Lysimachus qered il-bliet fil-qrib ta' Lebedos u Colophon fil-292 Q.K., huwa ordna r-rilokazzjoni tal-abitanti tagħhom fil-belt il-ġdida.

Efesu rvellat wara l-mewta kiefra ta' Agatokle, u tat lir-re Ellenistiku tas-Sirja u tal-Mesopotamja Seleucus I Nicator opportunità li jegħleb u joqtol lil Lysimachus, l-aħħar rivali tiegħu, fil-Battalja ta' Corupedium fil-281 Q.K. Wara l-mewt ta' Lysimachus il-belt reġgħet ingħatat l-isem ta' Efesu.

It-teatru ta' Efesu

B'hekk Efesu saret parti mill-Imperu tas-Selewċidi. Wara l-qtil tar-re Antiochus II Theos u l-mara Eġizzjana tiegħu, il-faragħun Tolomew III invada l-Imperu tas-Selewċidi u l-flotta Eġizzjana kaxkret il-kosta tal-Asja Minuri. Efesu sfat taħt it-tmexxija Eġizzjana bejn il-263 u l-197 Q.K.

Ir-re tas-Selewċidi Antiochus III l-Kbir ipprova jerġa' jikseb il-bliet Griegi tal-Asja Minuri u reġa' ħakem lil Efesu fil-196 Q.K., iżda mbagħad daħal f'kunflitt ma' Ruma. Wara sensiela ta' battalji, huwa ġie megħlub minn Scipio Asiaticus fil-Battalja ta' Manjesja fil-190 Q.K. Bħala riżultat tat-Trattat sussegwenti ta' Apamea, Efesu għaddiet taħt it-tmexxija ta' Eumenes II, ir-re Attalid ta' Pergamon li mexxa fil-197-159 Q.K. Meta n-neputi tiegħu Attalus III miet fil-133 Q.K. mingħajr ma ħalla werrieta maskili, huwa ħalla r-renju tiegħu lir-Repubblika Rumana, bil-kundizzjoni li l-belt ta' Pergamon titħalla ħielsa u awtonoma.

Żmien Ruman Klassiku (129 Q.K.-395 W.K.)[immodifika | immodifika s-sors]

Ġebla b'tinqixa tal-alla femminili Nike

Efesu, bħala parti mir-renju ta' Pergamon, sfat taħt ir-Repubblika Rumana fil-129 Q.K. wara li r-rewwixta ta' Eumenes III ma rnexxietx.

Il-belt ħasset l-influwenza Rumana minnufih; it-taxxi żdied b'mod konsiderevoli, u t-teżori tal-belt ġew sistematikament misruqa. B'hekk fit-88 Q.K., Efesu laqgħet lil Archelaus, ġeneral ta' Mithridates, ir-re ta' Pontus, meta ħakem l-Asja (l-isem Ruman għall-Punent tal-Asja Minuri). Minn Efesu, Mithridates ordna li kull ċittadin Ruman fil-provinċja jinqatel u dan wassal għall-Vespri Asjatiċi, il-qtil ta' 80,000 ċittadin Ruman fl-Asja, jew kwalunkwe persuna li kienet titkellem b'aċċent Latin. Bosta kienu għexu f'Efesu, u l-istatwi u l-monumenti ta' ċittadini Rumani f'Efesu nqerdu wkoll. Iżda meta raw kemm in-nies ta' Chios kienu ġew ittrattati ħażin minn Zenobius, ġeneral ta' Mithridates, irrifjutaw li jidħlu fl-armata tiegħu. Zenobius ġie mistieden fil-belt biex iżur lil Philopoemen, missier Monime, il-mara ppreferuta ta' Mithridates, u protettriċi ta' Efesu. Peress li n-nies ta' Efesu ma kienu qed jistennew xejn ta' ġid minnu, tefgħuh il-ħabs u qatluh. Mithridates ivvendika ruħu u ta kastigi ħorox. Madankollu, il-bliet Griegi ngħataw il-ħelsien u diversi drittijiet sostanzjali. Għal żmien qasir, Efesu saret belt b'awtogovernanza. Meta Mithridates tilef fl-Ewwel Gwerra Mitridatika kontra l-konslu Ruman Lucius Cornelius Sulla, Efesu reġgħet għaddiet taħt it-tmexxija Rumana fis-86 Q.K. Sulla impona indennità enormi, flimkien ma' ħames snin ta' taxxi arretrati, u dan wassal biex il-bliet Asjatiċi jkunu midjuna ferm għal żmien twil.

It-Tempju ta' Adrijanu f'Efesu

Ir-Re Tolomew XII Auletes tal-Eġittu rtira f'Efesu fis-57 Q.K., u qatta' żmienu fis-santwarju tat-Tempju ta' Artemis meta s-Senat Ruman ma reġax tah it-tron.

Marku Antonju ntlaqa' minn Efesu għal perjodi meta kien il-prokonslu u fit-33 Q.K. ma' Kleopatra meta ġabar flimkien il-flotta tiegħu ta' 800 bastiment qabel il-Battalja ta' Actium ma' Ottavjanu.

Meta Awgustu sar imperatur fis-27 Q.K., l-iżjed bidla importanti kienet meta għamel lil Efesu l-belt kapitali tal-Asja prokonsulari (li kienet tkopri il-Punent tal-Asja Minuri) minflok Pergamum. Efesu mbagħad daħlet f'era ta' prosperità, peress li saret kemm is-sede tal-gvernatur kif ukoll ċentru ewlieni tal-kummerċ. Skont Strabo, bħala importanza u daqs kienet saħansitra t-tieni belt wara Ruma.

Il-belt u t-tempju nqerdu mill-Gotiċi fil-263 u dan wassal biex il-ġmiel tal-belt jaqbad it-triq tan-niżla. Madankollu, l-Imperatur Kostantinu l-Kbir reġa' bena l-biċċa l-kbira tal-belt u bena banjijiet pubbliċi ġodda.

Popolazzjoni Rumana[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ħitan impittrin tad-djar imtarrġin ta' Efesu ta' Żmien ir-Rumani

Sa dan l-aħħar, il-popolazzjoni ta' Efesu fi Żmien ir-Rumani kienet stmata li kienet tammonta għal 225,000 ruħ skont Broughton. Studji iktar reċenti jqisu li dawn l-istimi mhumiex realistiċi. Stima daqstant kbira kieku tirrikjedi densitajiet tal-popolazzjoni li kienu jeżisti biss fi ftit bliet antiki, jew inkella insedjamenti estensivi lil hinn mis-swar tal-belt. Dan kien impossibbli f'Efesu minħabba l-ktajjen muntanjużi, ix-xatt tal-baħar u l-barrieri madwar il-belt.

Huwa stmat li s-swar ta' Lysimachus kienu jħaddnu żona ta' 415-il ettaru. Din iż-żona mhux kollha kienet abitata minħabba l-binjiet pubbliċi u l-ispazji fiċ-ċentru, kif ukoll ix-xaqliba wieqfa tal-muntanja Bülbül Dağı, li kienet ikkonfinata bis-swar. Ludwig Burchner stima li din iż-żona bis-swar kienet kbira 1000.5 akru. Jerome Murphy-O'Connor juża stima ta' 345 ettaru għall-art abitata (Murphey jikkwota lil Ludwig Burchner). Huwa jikkwota lil Josiah Russell li kien jgħid 832 akru u Ġerusalemm l-Antika fl-1918 bħala l-kejl stmat li l-popolazzjoni kienet tammonta għal 51,068 ruħ, b'14.85-il persuna kull elf metru kwadru. Billi juża 51 persuna kull elf metru kwadru, huwa jasal għal popolazzjoni ta' bejn 138,000 u 172,500 ruħ. J. W. Hanson kien tal-fehma li l-ispazju abitat kien iżgħar, eżattament 224 ettaru. Huwa jargumenta li d-densitajiet tal-popolazzjoni ta' 150 jew 250 persuna kull ettaru huma iktar realistiċi, u b'hekk x'aktarx li kien hemm bejn 33,600 u 56,000 abitant. Anke b'dawn l-istimi iktar baxxi tal-popolazzjoni, xorta waħda Efesu kienet waħda mill-ikbar bliet tal-Asja Minuri Rumana, u kienet l-ikbar belt wara Sardis u Alexandria Troas. B'kuntrast, Ruma fi ħdan is-swar tagħha kellha 1,500 ettaru b'popolazzjoni stmata ta' bejn 750,000 u miljun ruħ (iktar minn 1,000 akru ta' bini tħallew barra l-Ħajt Awreljan, li l-kostruzzjoni tiegħu bdiet fil-274 u spiċċat fil-279) jew 208 sa 277 abitant kull akru, inkluż l-ispazji fil-beraħ u pubbliċi.

Żmien ir-Rumani u l-Biżantini (395-1308)[immodifika | immodifika s-sors]

Efesu baqgħet l-iżjed belt importanti tal-Imperu Biżantin fl-Asja wara Kostantinopli fis-sekli 5 u 6. L-Imperatur Flavius Arcadius għolla l-livell tat-triq bejn it-teatru u l-port. Il-Bażilika ta' San Ġwann inbniet matul ir-renju tal-Imperatur Ġustinjanu I fis-seklu 6.

Il-belt inqerdet parzjalment b'terremot fis-614.

L-importanza tal-belt bħala ċentru kummerċjali qabdet it-triq tan-niżla meta l-port bil-mod il-mod imtela' sedimenti mix-xmara (illum il-ġurnata Küçük Menderes) minkejja diversi tentattivi ta' tħammil matul l-istorja tal-belt. Illum il-ġurnata l-port jinsab ħames kilometri 'l ġewwa mill-ilma. It-telfa tal-port tagħha wasslet biex Efesu titlef l-aċċess li kellha għall-Baħar Eġew, li kien tassew importanti għall-kummerċ. In-nies bdew jitilqu mill-art baxxa tal-belt u jerħulha lejn l-għoljiet tal-madwar. Il-fdalijiet tat-tempji ntużaw bħala materjal għall-bini ta' djar ġodda. Diversi skulturi tal-irħam ġew mitħuna biex it-trab tagħhom jintuża għat-tkaħħil.

Diversi attakki u serq mill-Għarab l-ewwel fis-654-655 mill-kaliff Muawiyah I u mbagħad fis-700 u fis-716 komplew jgħaġġlu d-deklin.

Meta t-Torok Seljuk ħakmu lil Efesu fl-1090, kienet saret villaġġ żgħir. Il-Biżantini reġgħu ħadu r-riedni f'idejhom fl-1097 u bidlu isem il-villaġġ għal Hagios Theologos. Huma żammew il-kontroll tar-reġjun sal-1308. Dawk li wettqu l-kruċjati, huma u għaddejin kienu sorpriżi li kien hemm villaġġ żgħir biss imsejjaħ Ayasalouk, peress li minflok kienu qed jistennew belt mimlija nies b'port kbir fuq il-baħar. Saħansitra t-Tempju ta' Artemis kien intesa' għalkollox mill-popolazzjoni lokali. Dawk li wettqu t-Tieni Kruċjata ġġieldu kontra s-Seljuk ftit 'il barra mill-villaġġ f'Diċembru 1147.

Qabel Żmien l-Imperu Ottoman (1304-1390)[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Moskea ta' Isa Bey, li nbniet fl-1374-1375, hija waħda mill-eqdem u l-iżjed fdalijiet impressjonanti mill-beylik tal-Anatolja.

Il-villaġġ arrenda fl-24 ta' Ottubru 1304, kontra Sasa Bey, ġellied tal-gwerer Tork tal-prinċipat ta' Menteşoğulları. Minkejja dan, kuntrarjament għat-termini ta' meta arrendew, it-Torok serqu l-Knisja ta' San Ġwann u deportaw il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni lokali lejn Thyrea, il-Greċja, meta rewwixta dehret bħala xi ħaġa probabbli. Matul dawn l-avvenimenti bosta mill-abitanti li kien għad fadal ġew massakrati.

Ftit wara, Efesu ġie ċedut lill-prinċipat tal-Ajdinidi li stazzjonaw flotta navali qawwija fil-port ta' Ayasuluğ (illum il-ġurnata Selçuk, qrib Efesu). Ayasoluk sar port importanti, li minnu ġew organizzati bosta attakki ta' piraterija kontra r-reġjuni Kristjani, kemm uffiċjali mill-istat kif ukoll privati.

Efesu reġa' għadda minn perjodu qasir ta' prosperità matul is-seklu 14 taħt dawn il-mexxejja Seljuk ġodda. Huma żiedu opri arkitettoniċi importanti bħall-Moskea ta' İsa Bey, bereġ tal-karovani u banjijiet Torok (hamam).

Żmien l-Imperu Ottoman[immodifika | immodifika s-sors]

In-nies minn Efesu ġew inkorporati bħala vassalli fl-Imperu Ottoman għall-ewwel darba fl-1390. Il-ġellied tal-gwerer tal-Asja Ċentrali Tamerlane rebaħ kontra l-Ottomani fl-Anatolja fl-1402, u s-sultan Ottoman Bayezid I miet fi priġunerija. Ir-reġjun reġa' għadda f'idejn il-beylik tal-Anatolja. Wara perjodu ta' rvellijiet, ir-reġjun reġa' ġie inkorporat fl-Imperu Ottoman fl-1425.

Efesu ġie abbandunat għalkollox mis-seklu 15. Fil-qrib, Ayasuluğ (Ayasoluk kienet forma Torka tal-isem Grieg oriġinali) saret Selçuk fl-1914.

Kristjaneżmu[immodifika | immodifika s-sors]

San Pawl Jipprietka f'Efesu, Eustache Le Sueur, 1649

Efesu kien ċentru importanti għall-Kristjaneżmu Bikri mis-snin 50 W.K. Bejn it-52 u l-54, l-appostlu Pawlu għex f'Efesu, u ħadem mal-kongregazzjoni u apparentement organizza attività missjunarja fil-periferiji. Inizjalment, skont l-Atti tal-Appostli, Pawlu attenda s-sinagoga Lhudija f'Efesu, iżda wara tliet xhur sar iffrustrat bl-għebusija ta' ras uħud mil-Lhud, u ċaqlaq il-bażi tiegħu lejn l-iskola ta' Tyrannus. il-Kummentarju tal-Bibbja ta' Jamieson-Fausset-Brown ifakkar lill-qarrejja li n-nuqqas ta' twemmin ta' "wħud" (bil-Grieg: τινες) jimplika li "oħrajn, x'aktarx għadd kbir ta' nies, kienu jemmnu" u b'hekk x'aktarx li kien hemm komunità ta' Kristjani Lhud f'Efesu. Pawlu introduċa madwar tnax-il raġel għall-"magħmudija fl-Ispirtu s-Santu" li preċedentement kienu esperjenzaw biss il-magħmudija ta' Ġwanni l-Battista. Iktar 'il quddiem, arġentier imsemmi Demetrios qajjem rewwixta kontra Pawlu, u sostna li kien qed jipperikola l-għajxien ta' dawk li kienu qed jipproduċu santwarji tal-fidda ta' Artemis. Demetrios b'rabta mat-Tempju ta' Artemis isemmi xi oġġett (x'aktarx immaġni jew ġebla) "li waqa' mingħand Żeus". Bejn it-53 u s-57 W.K. Pawlu kiteb l-ittra 1 lill-Korintin minn Efesu (possibbilment mit-"torri ta' Pawlu" ħdejn il-port, fejn intefa' l-ħabs għal żmien qasir). Iktar 'il quddiem, Pawlu kiteb l-Epistola lill-Efesej meta kien il-ħabs f'Ruma (għall-ħabta tat-62 W.K.).

L-Asja Rumana kienet assoċjata ma' Ġwanni, wieħed mill-appostli ewlenin, u l-Vanġelu ta' San Ġwann jaf inkiteb f'Efesu għall-ħabta ta' bejn id-90 u l-100 W.K. Efesu kienet waħda mis-seba' bliet imsemmija fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni, u dan jindika li l-knisja kienet b'saħħitha f'Efesu.

Skont Ewsebju ta' Ċesarja, San Timotju kien l-ewwel isqof ta' Efesu.

Polikrate ta' Efesu (bil-Grieg: Πολυκράτης) kien isqof tal-Knisja ta' Efesu fis-seklu 2 W.K. Huwa magħruf l-iktar għall-ittra tiegħu indirizzata lill-Papa Vittorju I, Isqof ta' Ruma, fejn iddefenda l-pożizzjoni Kwartodeċimana fil-kontroversja tal-Għid.

Id-Dar tal-Verġni Marija

Fil-bidu tas-seklu 2, il-Knisja ta' Efesu kienet għadha importanti biżżejjed li tiġi indirizzata f'ittra miktuba mill-Isqof Injazju ta' Antijoke l-Efesej li tibda hekk: "Injazju, imsejjaħ ukoll Teoforu, lill-Knisja ta' Efesu, fl-Asja, li jistħoqqilha tkun kuntenta, ladarba għandha l-barka tal-kobor u tal-milja ta' Alla l-Missier, u predestinata minn qabel il-bidu taż-żmien, li għandha tibqa' hekk għall-glorja dejjiema u kostanti" (l-Ittra lill-Efesej). Il-Knisja ta' Efesu kienet tat l-appoġġ tagħha lil Injazju, li ttieħed lejn Ruma għal eżekuzzjoni.

Skont leġġenda, li ssemmiet għall-ewwel darba minn Epifanju ta' Salamis fis-seklu 4, il-Verġni Marija jaf qattgħet l-aħħar snin ta' ħajjitha f'Efesu. L-Efesej saħħew din l-ipoteżi mill-preżenza ta' Ġwanni fil-belt, u mill-istruzzjonijiet ta' Ġesù lil Ġwanni biex jieħu ħsieb lil ommu Marija wara mewtu. Madankollu, Epifanju kien ħerqan li jindika li, filwaqt li l-Bibbja tgħid li Ġwanni telaq lejn l-Asja, ma tgħidx speċifikament li Marija marret miegħu. Iktar 'il quddiem iddikjara li ndifnet f'Ġerusalemm. Mis-seklu 19, id-Dar tal-Verġni Marija, li tinstab xi seba' kilometri minn Selçuk, tqieset bħala l-aħħar dar ta' Marija, omm Ġesù fit-tradizzjoni Kattolika Rumana, abbażi tal-viżjonijiet tas-soru Wistinjana Anne Catherine Emmerich (1774-1824). Hija post popolari għall-pellegrinaġġi Kattoliċi li żaruha tliet Papiet reċenti.

Il-Knisja ta' Santa Marija ħdejn il-port ta' Efesu kienet il-post fejn seħħ it-Tielet Kunsill Ekumeniku fl-431, li rriżulta fil-kundanna ta' Nestorju. It-Tieni Kunsill ta' Efesu seħħ fl-449, iżda l-atti kontroversjali tiegħu qatt ma ġew approvati mill-Kattoliċi. Għalhekk issejjaħ il-Kunsill Ħalliel ta' Efesu jew is-Sinodu Ħalliel ta' Latrocinium minn dawk li kienu kontrih.

Siti ewlenin[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Daħla ta' Awgustu

Efesu huwa wieħed mill-ikbar siti arkeoloġiċi Rumani fil-Lvant tal-Mediterran. Il-fdalijiet viżibbli għadhom jagħtu ħjiel tal-ġmiel oriġinali tal-belt, u l-ismijiet assoċjati mal-fdalijiet jevokaw il-ħajja preċedenti tal-belt. It-teatru jiddomina l-veduta tul it-Triq tal-Port, li twassal sal-port mimli sedimenti mix-xmara.

It-Tempju ta' Artemis, wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Antiki tad-Dinja, xi darba kien 418-il pulzier b'239 pulzier, u kellu iktar minn 100 pilastru tal-irħam, li kienu twal 56 pulzier kull wieħed. It-tempju qalla' l-belt it-titlu ta' "Qaddejja tal-Alla Femminili". Plinju jgħidilna li l-kostruzzjoni tal-istruttura grandjuża damet 120 sena biex titlesta u issa baqa' biss kolonna waħda mill-istruttura, li nstabet waqt skavi arkeoloġiċi mwettqa mill-British Museum fis-snin 70 tas-seklu 19. Xi frammenti tal-freġju (li mhumiex biżżejjed biex jissuġġerixxu l-forma kollha tal-freġju oriġinali) u sejbiet żgħar oħra tneħħew – uħud ittieħdu lejn Londra u wħud ittieħdu lejn il-Mużew tal-Arkeoloġija ta' Istanbul.

Veduta tal-Librerija ta' Ċelsu mill-ġenb

Il-Librerija ta' Ċelsu, bil-faċċata tagħha li ġiet rikostruwita bir-reqqa mill-biċċiet oriġinali, oriġinarjament inbniet għall-ħabta tal-125 W.K. bħala mafkar ta' Tiberju Ġulju Ċelsu Polimenu, Grieg Antik li kien gvernatur tal-Asja Rumana (105-107) fl-Imperu Ruman. Celsu ħallas għall-kostruzzjoni tal-librerija mill-ġid personali tiegħu u ndifen f'sarkofagu taħtha. Il-biċċa l-kbira tal-librerija nbniet minn ibnu Gaio Ġulju Aquila u fl-imgħoddi kienet taħżen kważi 12,000 skroll. Iddisinjata b'daħla esaġerata — biex tkabbar id-daqs perċepit tagħha, skont spekulazzjonijiet ta' bosta storiċi — il-binja tħares lejn il-Lvant sabiex il-kmamar tal-qari setgħu jużaw id-dawl ta' filgħodu bl-aħjar mod.

Fuq ġewwa, il-librerija kellha erja ta' madwar 180 metru kwadru u setgħet taħżen sa 12,000 skroll. Sal-400 W.K., il-librerija ma baqgħetx tintuża iktar wara li ġarrbet xi ħsarat fil-262 W.K. Il-faċċata ġiet rikostruwita matul l-1970 sal-1978 bil-frammenti li nstabu fil-post jew b'kopji tal-frammenti li kienu tneħħew u tqiegħdu fil-mużewijiet.

Akkwedott ħdejn Efesu – Mayer Luigi – 1810

Huwa stmat li t-teatru kien jesa' sa 25,000 ruħ bilqiegħda, u għaldaqstant x'aktarx li kien l-ikbar wieħed fid-Dinja l-Antika. Dan it-teatru fil-beraħ kien jintuża inizjalment għar-reċti, iżda iktar 'il quddiem matul Żmien ir-Rumani saru wkoll ġlidiet bil-gladjaturi; l-ewwel evidenza arkeoloġika ta' ċimiterju tal-gladjaturi nstabet f'Mejju 2007.

Kien hemm żewġ agori, waħda għall-affarijiet kummerċjali u l-oħra għall-affarijiet tal-istat.

Efesu kellha wkoll diversi kumplessi kbar ta' banjijiet, li nbnew fi żminijiet differenti meta l-belt kienet taħt ir-Rumani.

Il-belt kellha waħda mill-iktar sistemi avvanzati ta' akkwedotti fid-Dinja l-Antika, b'minn tal-inqas sitt akkwedotti ta' daqs differenti li jfornu l-ilma lil żoni differenti tal-belt. Kienu jalimentaw għadd ta' impjanti tal-ilma, u waħda minnhom ġiet identifikata bħala impjant tal-qtugħ tal-irħam.

Il-Qabar ta' San Ġwann l-Appostlu

L-Odeon kien teatru żgħir imsaqqaf li nbena minn Publiju Vedju Antoninu u martu għall-ħabta tal-150 W.K. Kien fih palk żgħir għar-reċti u għall-kunċerti, u kien jesa' madwar 1,500 ruħ. Fit-teatru kien hemm 22 tarġa. Il-parti ta' fuq tat-teatru kienet imżejna b'pilastri tal-granit aħmar bi stil Korinzju. Id-daħliet kien fiż-żewġ ġnub tal-palk u wieħed kien jasal għalihom bi ftit tarġiet.

It-Tempju ta' Adrijanu jmur lura għas-seklu 2 W.K. iżda sarulu xi tiswijiet fis-seklu 4 W.K. u reġa' nbena mill-frammenti arkitettoniċi eżistenti. Ir-riljievi fis-sezzjonijiet ta' fuq huma kopji moderni; l-oriġinali jinsabu għall-wiri fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Efesu. Għadd ta' figuri jidhru fir-riljievi, inkluż l-imperatur Teodosju I ma' martu u ibnu l-kbir. It-tempju deher fuq in-naħa ta' wara tal-karta tal-flus tal-20 miljun lira Torka tal-2001-2005 u tal-karta tal-flus tal-20 miljun lira Torka tal-2005-2009.

Eżempar tan-naħa ta' wara tal-karta tal-flus tal-20 miljun lira Torka tal-2005-2009.

It-Tempju tas-Sebastoj (xi kultant imsejjaħ it-Tempju ta' Domizjanu), iddedikat lid-dinastija Flavjana, kien wieħed mill-ikbar tempji fil-belt. Inbena skont pjanta psewdodipterali bi 8 × 13-il kolonna. It-tempju u l-istatwa tiegħu huma wħud mill-ftit fdalijiet marbuta ma' Domizjanu.

Il-Qabar/Funtana ta' Pollio nbena/nbniet fis-97 W.K. biex jingħata ġieħ C. Sestilju Pollio, li bena l-akkwedott ta' Marnas, minn Offilju Prokulu. Għandu/għandha faċċata konkava.

Parti mis-sit, il-Bażilika ta' San Ġwann, inbniet fis-seklu 6, taħt l-imperatur Ġustinjanu I, fuq is-sit preżunt tal-qabar tal-appostlu. Illum il-ġurnata hija mdawra b'Selçuk.

Seba' Reqdin[immodifika | immodifika s-sors]

Efesu jingħad li hija l-belt tas-Seba' Reqdin. Il-ġrajja tas-Seba' Reqdin, li jitqiesu qaddisin mill-Kattoliċi u mill-Kristjani Ortodossi, u li tissemma wkoll fil-Koran, tirrakkonta li kienu ppersegwitati minħabba t-twemmin monoteistiku tagħhom f'Alla u li raqdu f'għar qrib Efesu għal tliet sekli.

Arkeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

L-istorja tar-riċerka arkeoloġika f'Efesu tmur lura għall-1863, meta l-arkitett Brittaniku John Turtle Wood, sponsorjat mill-British Museum, beda jfittex għall-Artemision. Fl-1869 huwa skopra l-pavimentar tat-tempju, iżda peress li ma sarux skoperti ulterjuri mistennija, l-iskavi waqqfu fl-1874. Fl-1895 l-arkeologu Ġermaniż Otto Benndorf, iffinanzjat minn donazzjoni ta' 10,000 guilder mogħtija mill-Awstrijaku Karl Mautner Ritter von Markhof, kompla l-iskavi. Fl-1898 Benndorf stabbilixxa l-Istitut Arkeoloġiku Awstrijaku, li għadu jaqdi rwol ewlieni f'Efesu sa llum il-ġurnata.

Is-sejbiet mis-sit jinsabu għall-wiri l-iktar fil-Mużew ta' Efesu fi Vjenna, fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Efesu f'Selçuk u fil-British Museum.

F'Ottubru 2016, it-Turkija waqfet ħesrem ix-xogħlijiet tal-arkeologi, li kienu ilhom għaddejin għal iktar minn 100 sena, minħabba tensjonijiet bejn l-Awstrija u t-Turkija. F'Mejju 2018, it-Turkija ppermettiet lill-arkeologi Awstrijaċi jkomplu bl-iskavi.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Funtana ta' Trajanu

Is-sit arkeoloġiku ta' Efesu ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015.[10]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[10]

Nies notevoli[immodifika | immodifika s-sors]

  • Eraklitu (twieled għall-ħabta tal-535 – miet għall-ħabta tal-475 Q.K.), filosfu ta' qabel Sokrate
  • Hipponax (is-seklu 6 Q.K.), poeta
  • Zeuxis (is-seklu 5 Q.K.), pittur
  • Parrhasius (is-seklu 5 Q.K.), pittur
  • Herostratus (miet fit-356 Q.K.), kriminal
  • Zenodotus (fl. 280 Q.K.), grammatiku u kritiku letterarju, l-ewwel librar tal-Librerija ta' Lixandra
  • Agasias (is-seklu 2 Q.K.), skultur Grieg
  • Menander (bidu tas-seklu 2 Q.K.), storiku
  • Artemidorus Ephesius (għall-ħabta tal-100 Q.K.), ġeografu
  • Tiberju Ġulju Ċelsu Polimenu (twieled għall-ħabta tal-45 – miet qabel il-120), fundatur tal-Librerija ta' Ċelsu
  • Publiju Ordeonju Lolljanu (is-seklu 1), sofista
  • Rufus (is-seklu 1), fiżiku
  • Polikrate ta' Efesu (130–196), isqof
  • Soranu ta' Efesu (is-sekli 1-2), fiżiku
  • Artemidoru (is-seklu 2), divinista u awtur
  • Ksenofon (is-sekli 2-3), rumanzier
  • Maximus (is-seklu 4), filosfu Neoplatoniku
  • Sosipatra (is-seklu 4), filosfu Neoplatoniku
  • Manuel Philes (twieled għall-ħabta tal-1275 – miet fl-1345), poeta Biżantin

Sorsi[immodifika | immodifika s-sors]

  • Foss, Clive. 1979. "Ephesus After Antiquity." Cambridge: Cambridge University Press.
  • Athas, Daphne. 1991. Entering Ephesus. Sag Harbor, NY: Second Chance Press.
  • Oster, Richard. 1987. A Bibliography of Ancient Ephesus. Philadelphia: American Theological Library Association.
  • Scherrer, Peter, Fritz Krinzinger, and Selahattin Erdemgil. 2000. Ephesus: The New Guide. Rev. ed. 2000. Turkey: Ege Yayinlari (Zero Prod. Ltd.).
  • Leloux, Kevin. 2018. "The Campaign Of Croesus Against Ephesus: Historical & Archaeological Considerations", f'Polemos 21–2, p. 47–63.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Definition of Ephesus | Dictionary.com". www.dictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-30.
  2. ^ Olausson, Lena; Sangster, Catherine (2006). Oxford BBC Guide to Pronunciation. Oxford, England: Oxford University Press. p. 120. ISBN 978-0-19-280710-6.
  3. ^ Michael Gagarin (2010). The Oxford Encyclopedia of Ancient Greece and Rome. Oxford University Press. pp. 2–. ISBN 978-0-19-517072-6.
  4. ^ Carlos Ramirez-Faria (1 January 2007). Concise Encyclopeida Of World History. Atlantic Publishers & Dist. ISBN 978-81-269-0775-5.
  5. ^ Hawkins, J. David (2009). "The Arzawa letters in recent perspective". British Museum Studies in Ancient Egypt and Sudan (14): 73–83.
  6. ^ Hawkins, J. David (2009). "The Arzawa letters in recent perspective". British Museum Studies in Ancient Egypt and Sudan (14): 73–83.
  7. ^ "Diana's Temple at Ephesus (W. R. Lethaby, 1908)". penelope.uchicago.edu.
  8. ^ Ring, Trudy; Salkin, Robert (1995). "Ephesus". International Dictionary of Historic Places: Southern Europe. London: Fitzroy Dearborn. p. 217. ISBN 978-1-884964-02-2.
  9. ^ Harris, Stephen L., Understanding the Bible, Palo Alto, Mayfield, 1985.
  10. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ephesus". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-30.