Aqbeż għall-kontentut

Baħar ta' Wadden

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Gżejjer Frisjani tat-Tramuntana fil-Baħar ta' Wadden

Il-Baħar ta' Wadden (bl-Olandiż: Waddenzee [ˈʋɑdə(n)zeː]; bil-Ġermaniż: Wattenmeer; bil-Ġermaniż kollokjali: Wattensee jew Waddenzee; bid-Daniż: Vadehavet; bil-Frisjan tal-Punent: Waadsee; bil-Frisjan tat-Tramuntana: di Heef) huwa żona intermareali fix-Xlokk tal-Baħar tat-Tramuntana. Jinsab bejn il-kosta tal-Majjistral tal-Ewropa kontinentali u l-firxa ta' Gżejjer Frisjani baxxi, u jifforma korp tal-ilma baxx b'artijiet mareali u b'artijiet mistagħdra. Il-Baħar ta' Wadden għandu diversità bijoloġika rikka u huwa żona importanti għat-tnissil u għall-passa tal-għasafar. Fl-2009, il-partijiet tal-Baħar ta' Wadden li jagħmlu man-Netherlands u mal-Ġermanja tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u l-parti li tagħmel mad-Danimarka ġiet miżjuda f'Ġunju 2014.[1][2][3]

Il-Baħar ta' Wadden jestendi minn Den Helder, fil-Majjistral tan-Netherlands, ikompli tul l-estwarji l-kbar tax-xmajjar tal-Ġermanja, u jibqa' sejjer sal-konfini tat-Tramuntana ta' Skallingen fid-Danimarka, tul kosta totali ta' xi 500 kilometru u erja totali ta' madwar 10,000 km2. Fi ħdan in-Netherlands, il-Baħar ta' Wadden huwa kkonfinat mill-Ijsselmeer permezz tal-Afsluitdijk. Storikament, ir-reġjuni kostali spiss kienu soġġetti għal għargħar kbar, li rriżultaw f'eluf ta' mwiet, inkluż l-għargħar ta' San Marcellus tal-1219, l-għargħar ta' Burchardi tal-1634 u l-għargħar tal-Milied tal-1717. Uħud minn dawn l-għargħar bidlu l-kosta b'mod sinifikanti.[4][5] Bosta digi[6] u diversi mogħdijiet għoljin inbnew u bis-saħħa tagħhom kien hemm ftit li xejn fatalitajiet fl-aħħar għargħar[7] (anke jekk xi digi xi drabi, f'episodji rari reċenti, ma kinux biżżejjed). B'hekk il-Baħar ta' Wadden huwa fost l-iktar ħabitats mibdula mill-bniedem fil-pjaneta.[8]

L-artijiet mareali bit-tajn ta' Pilsumer Watt qrib Greetsiel, il-Ġermanja

Il-kelma wad hija kelma Frisjana u Olandiża li tfisser "art mareali bit-tajn" (bil-Ġermaniż: Watt, bid-Daniż: Vade). Iż-żona hija kkaratterizzata minn artijiet mareali bit-tajn estensivi, trinek mareali iktar fondi (qaliet mareali) u gżejjer, f'reġjun f'taqbida bejn l-art u l-baħar.[9]

Il-pajsaġġ fil-biċċa l-kbira tiegħu fforma permezz ta' mareat tat-tempesti fis-sekli 10 sa 14, li ħakmu ħafna raba' bil-peat wara d-duni kostali. Il-gżejjer attwali huma fdalijiet tad-duni kostali preċedenti.

Lejn il-Baħar tat-Tramuntana, il-gżejjer għandhom bosta duni bajjiet wesgħin bir-ramel, u lejn il-Baħar ta' Wadden, il-gżejjer għandhom kosta mareali baxxa. L-impatt tal-mewġ u l-kurrenti li jġorru magħhom is-sedimenti bil-mod il-mod qed jibdlu kemm il-mases tal-art kif ukoll il-kosta. Pereżempju, il-gżejjer ta' Vlieland u Ameland resqu lejn il-Lvant matul is-sekli, u tilfu l-art minn naħa u żiduha min-naħa l-oħra.

Il-Baħar ta' Wadden huwa famuż għall-flora u l-fawna rikka tiegħu, speċjalment l-għasafar. Mijiet ta' eluf ta' għasafar tal-kosta, papri u wiżż jużaw iż-żona bħala post fejn jieqfu jistrieħu waqt il-passa jew fix-xitwa. Huwa wkoll ħabitat rikk għall-gawwi u għaċ-ċirlewwi[10], kif ukoll għal diversi speċijiet ta' russetti, paletti u għasafar tal-priża, inkluż popolazzjoni żgħira u li qed tiżdied ta' ajkli tad-denb abjad li qed jitnisslu fiż-żona.[11] Madankollu, il-bijodiversità tal-Baħar ta' Wadden qed tonqos meta mqabbla mal-imgħoddi; fir-rigward tal-għasafar, fl-imgħoddi kienu komuni wkoll il-fjamingi u l-pellikani tad-Dalmazji, mill-inqas fiż-żmien ottimali tal-Oloċen meta l-klima kienet iktar sħuna.[12][13] Minħabba l-attività tal-bniedem u t-tibdil fl-ambjent, xi speċijiet ġew estinti, filwaqt li oħrajn mistennija jibdew ipassu hemmhekk.[14][15]

Għadd ta' foki jitbasktu fuq ramla fil-Baħar ta' Wadden, qrib Terschelling, in-Netherlands

Fost il-ħut il-kbir hemm ir-rebekkini, is-salamun tal-Atlantiku u t-trota tal-baħar li għadhom preżenti f'diversi sezzjonijiet tal-Baħar ta' Wadden, iżda oħrajn bħall-isturjun Ewropew għadhom jgħixu fir-reġjun bis-saħħa ta' proġett ta' introduzzjoni mill-ġdid. L-unika popolazzjoni naturali ta' houting (Coregonus oxyrhynchus) li għad fadal fid-dinja għadha tgħix fil-parti Daniża tal-Baħar ta' Wadden u ntużat bħala l-bażi għal introduzzjonijiet mill-ġdid iktar lejn in-Nofsinhar, iżda għad hemm konfużjoni tassonomika konsiderevoli dwar l-istatus tal-ispeċi (jekk hijiex l-istess bħall-houting li xi darba kienet tgħix iktar lejn in-Nofsinhar fil-Baħar ta' Wadden).[16][17] Il-gajdri Ewropej xi darba kienu jiffurmaw saffi kbar sħaħ fir-reġjun u kienu għadhom jeżistu sa xi ftit deċennji ilu, meta nqerdu għalkollox minħabba kombinament ta' mard u l-firxa invażiva kontinwa tal-gajdri tal-Paċifiku, li ħadet post il-gajdri Ewropej fil-Baħar ta' Wadden.[18] Speċjalment il-parti tal-Lbiċ tal-Baħar ta' Wadden naqset ferm. Storikament, ir-Renu kien bil-bosta l-iktar xmara importanti li kienet tnixxi f'din is-sezzjoni, iżda naqset ferm minħabba d-digi. B'riżultat ta' dan, madwar 90 % tal-ispeċijiet kollha li storikament kienu jgħixu f'dik il-parti tal-Baħar ta' Wadden jinsabu f'riskju.[19]

Il-Baħar ta' Wadden huwa ħabitat importanti għall-foki komuni u għall-foki griżi. Id-dniefel suwed u d-dniefel ta' geddumhom abjad huma l-unika ċetaċji residenti tal-Baħar ta' Wadden. Kien hemm żmien fejn kienu estinti fil-parti tan-Nofsinhar iżda reġgħu kkolonizzaw iż-żona mill-ġdid.[20] Bosta ċetaċji oħra jżuru l-baħar staġonalment, jew okkażjonalment.[21][22] Fl-istorja reċenti, il-balieni tat-Tramuntana tal-Atlantiku u l-balieni griżi (issa estinti fit-Tramuntana tal-Atlantiku)[23] kienu preżenti fir-reġjun, u x'aktarx kienu jużaw l-ilmijiet kalmi u baxxi għall-ikel u għat-tnissil tagħhom. Kien hemm teorija li kienet tgħid li dawn iċ-ċetaċji ġew ikkaċċjati mill-kaċċaturi tal-balieni tul il-kosta fi żminijiet Medjevali.[24][25] Ġeneralment kienu ilhom meqjusa estinti fir-reġjun, iżda fin-Netherlands x'aktarx li baliena tat-Tramuntana tal-Atlantiku ġiet osservata qrib il-bajjiet tal-gżira ta' Texel, waħda mill-Gżejjer Frisjani tal-Punent u lil hinn minn Steenbanken, Schouwen-Duiveland f'Lulju 2005.[26] Żidiet reċenti fl-għadd ta' balieni tal-ġwienaħ kbar jew megatteri u balenotteri żgħar tat-Tramuntana tal-Atlantiku jaf irriżultaw f'iktar żjarat u possibbilment f'kolonizzazzjoni mill-ġdid mill-ispeċijiet fiż-żoni speċjalment madwar Marsdiep.[27][28] Huwa mistenni wkoll li fil-ġejjieni jiġu rkuprati d-dniefel geddumhom qasir lokali li kienu estinti.[20]

Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Żjarat turistiċi fl-artijiet mareali bit-tajn tal-Baħar ta' Wadden

Għadd ta' speċijiet invażivi introdotti mill-bniedem, inkluż algi, pjanti, u organiżmi iżgħar, qed jikkawżaw effetti negattivi fuq l-ispeċijiet indiġeni.[29]

It-tliet pajjiżi li jmiss magħhom il-Baħar ta' Wadden għandhom siti Ramsar fir-reġjun.

Għalkemm il-Baħar ta' Wadden għadu mhux elenkat bħala sit Ramsar transkonfinali, parti kbira mill-Baħar ta' Wadden huwa protett b'kooperazzjoni bejn it-tliet pajjiżi. Il-gvernijiet tan-Netherlands, tad-Danimarka u tal-Ġermanja ilhom jaħdmu flimkien mill-1978 għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tal-Baħar ta' Wadden. Il-kooperazzjoni tkopri l-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-riċerka, kif ukoll kwistjonijiet politiċi. Barra minn hekk, fl-1982, intlaħaq qbil fuq Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Protezzjoni tal-Baħar ta' Wadden sabiex jiġu kkoordinati l-attivitajiet u l-miżuri għall-protezzjoni tal-Baħar ta' Wadden. Fl-1997 ġie adottat Pjan Trilaterali dwar il-Baħar ta' Wadden.[30][31][32]

Fl-1986, iż-Żona tal-Baħar ta' Wadden ġiet iddikjarata bħala riżerva ta' bijosfera mill-UNESCO.[33]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Parti mill-Baħar ta' Wadden li tagħmel mal-Ġermanja

F'Ġunju 2009, il-Baħar ta' Wadden (il-partijiet taż-Żona ta' Konservazzjoni Olandiża tal-Baħar ta' Wadden u l-Parks Nazzjonali Ġermaniżi tal-Baħar ta' Wadden ta' Niedersachsen u ta' Schleswig-Holstein) ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[34] Modifika minuri fil-konfini fl-2011 żiedet il-Park Nazzjonali tal-Baħar ta' Wadden f'Hamburg, u fl-2014 ġiet miżjuda l-parti li tagħmel mad-Danimarka.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[3]

Nies fil-bajja ta' Borkum, il-Ġermanja

Ħafna mill-gżejjer ilhom postijiet popolari għall-baħar u għall-bajjiet mis-seklu 19.

Iż-żjarat turistiċi fl-artijiet mareali bit-tajn, fejn dak li jkun imur jimxi fuq ir-ramel imtajjen meta l-marea tkun baxxa, saru popolari fil-Baħar ta' Wadden.[35]

Ir-reġjun huwa popolari wkoll ma' dawk li jħobbu l-opri tal-baħar rikreattivi.

Il-parti Ġermaniża tal-Baħar ta' Wadden intużat bħala l-pajsaġġ għar-rumanz tal-1903 ta' Erskine Childers, The Riddle of the Sands u għar-rumanz tal-1915 ta' Else Ury, Nesthäkchen in the Children's Sanitorium.

  1. "Wadden Sea |". waddensea-worldheritage.org. Miġbur 2021-10-24.
  2. Centre, UNESCO World Heritage. "Six new sites inscribed on World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-24.
  3. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Wadden Sea". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-24.
  4. Christensen, Helena Holmenlund (2019-01-08). "Tusinder af omkomne: Se listen over historiens værste stormfloder". fyens.dk (bid-Daniż). Miġbur 2021-10-24.
  5. "Stormfloder". nationalparkvadehavet.dk (bid-Daniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-02-07. Miġbur 2021-10-24.
  6. "Wadden Sea Dikes" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-10-24. Miġbur 2021-10-24.
  7. "Nehring" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-05-02. Miġbur 2021-10-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. "Wadden Sea - The Encyclopedia of Earth". editors.eol.org. Miġbur 2021-10-24.
  9. Scheffel, Richard L.; Wernet, Susan J., eds. (1980). Natural Wonders of the World. United States of America: Reader's Digest Association, Inc. pp. 408–409. ISBN 0-89577-087-3.
  10. Couzens, Dominic (2008). Top 100 Birding Sites of the World. University of California Press. pp. 27–29. ISBN 978-0-520-25932-4.
  11. "Havørne sætter ny rekord i Danmark". DR (bid-Daniż). 2019-11-20. Miġbur 2021-10-24.
  12. Alanna Mitchell (2009). Seasick. The University of Chicago Press.
  13. Nikulina, E.A.; U. Schmölcke (2015). "First archaeogenetic results verify the mid-Holocene occurrence of Dalmatian pelican Pelecanus crispus far out of present range". Journal of Avian Biology. 46 (4): 344–351.
  14. "Regional Species Extinctions - Examples of regional species extinctions over the last 1000 years and more (PDF)" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-04-25. Miġbur 2021-10-24.
  15. Karsten Reise. "A natural history of the Wadden Sea – Riddled by contingencies" (PDF).
  16. Carl, R. and P.R. Møller (2012). Atlas over Danske Ferskvandsfisk. Natural History Museum of Denmark, University of Copenhagen, and DTU Aqua. ISBN 9788787519748.
  17. Borcherding, J.; M. Heynen; T. Jäger-Kleinicke; H. V. Winter; and R. Eckmann (2010). Re-establishment of the North Sea houting in the River Rhine. Fisheries Management and Ecology 17(3): 291–293.
  18. "Vi gider ikke spise unikke danske østers". Politiken (bid-Daniż). 2012-10-23. Miġbur 2021-10-24.
  19. MacKinnon B.J., 2013. The Nature of Nature. The Once and Future World: Nature as It Was, as It Is, as It Could Be. p.100.
  20. 1 2 "Links:". home.kpn.nl. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-10-24. Miġbur 2021-10-24.
  21. "Cetaceans | Seaonscreen - ZeeinZicht". archive.ph. 2014-04-05. Miġbur 2021-10-24.
  22. Lotze, Heike K. "Radical changes in the Wadden Sea fauna and flora over the last 2,000 years". Helgoland Marine Research (bl-Ingliż). 59 (1): 71–83.
  23. Mead JG, Mitchell ED (1984). "Atlantic gray whales". In Jones ML, Swartz SL, Leatherwood S (eds.). The Gray Whale. London: Academic Press. pp. 33–53.
  24. Szaro C.R., Johnston W.D., Wolff. J.W. et al. 1996. Biodiversity of the Wadden Sea. Biodiversity in Managed Landscapes: Theory and Practice. pp. 539.
  25. Wolff W. J., 2000. The south-east North Sea: losses of vertebrate fauna during the past 2000 years. Biological Conservation 95: 209-21.
  26. "blank". home.kpn.nl. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-10-24. Miġbur 2021-10-24.
  27. "Kees (C.J.) Camphuysen (2007). "Foraging humpback whale (Megaptera novaeangliae)in the Marsdiep area (Wadden Sea), May 2007 and a review of sightings and strandings in the southern North Sea, 2003-2007"" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-08-09. Miġbur 2021-10-24.
  28. frank (2008-10-21). "Springende walvis gezien bij Texel" (bl-Olandiż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-10-24. Miġbur 2021-10-24.
  29. Wolff W.J., Dankers N., Dilemma' K.S., Reijnders P.J.H., Smit C.J., Chapter 17: Biodiversity of the Wadden Sea (Denmark, Germany, The Netherlands): recent changes and future projections. pp. 342.
  30. "20th Anniversary of the Wadden Sea Plan | Wadden Sea". waddensea-secretariat.org. Miġbur 2021-10-24.
  31. "Trilateral Monitoring and Assessment Programme (TMAP) | Wadden Sea". waddensea-secretariat.org. Miġbur 2021-10-24.
  32. "Trilateral Wadden Sea Cooperation - Introduction". web.archive.org. 2012-02-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-27. Miġbur 2021-10-24.
  33. "Waddensea Area | United Nations Educational, Scientific and Cultural Organization". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-06-14. Miġbur 2021-10-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  34. "World heritage sites: slave outpost and Buddhist mountain on the list – but Wales has to wait". the Guardian (bl-Ingliż). 2009-06-26. Miġbur 2021-10-24.
  35. "Your visit | Wadden Sea". www.waddensea-worldheritage.org. Miġbur 2021-10-24.