Kastell ta' Kronborg

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn in-navigazzjoni Aqbeż lejn it-tfittxija
Il-Kastell ta' Kronborg

Il-Kastell ta' Kronborg huwa kastell u fortizza fir-raħal ta' Helsingør, id-Danimarka. Immortalizzat bħala Elsinore f'Hamlet ta' William Shakespeare, il-Kastell ta' Kronborg huwa wieħed mill-iktar kastelli Rinaxximentali importanti fit-Tramuntana tal-Ewropa u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]

Filmat tal-Kastell ta' Kronborg

Il-kastell jinsab fit-tarf estrem tal-Grigal tal-gżira ta' Zealand fl-idjaq punt tal-Øresund, l-istrett bejn l-art li llum il-ġurnata hija d-Danimarka u l-provinċji li llum il-ġurnata huma parti mill-Iżvezja u li fl-imgħoddi kienu Daniżi meta nbena l-kastell. F'din il-parti, l-istrett wiesa' erba' kilometri biss, b'hekk toħroġ fid-dieher l-importanza strateġika li tinżamm fortifikazzjoni kostali biex isservi ta' għassa għal wieħed mill-ftit żbokki tal-Baħar Baltiku.

L-istorja tal-kastell tmur lura għal fortizza, Krogen, li nbniet mir-Re Eric VII fis-snin 20 tas-seklu 15. Flimkien mal-fortizza ta' Kärnan f'Helsingborg fil-kosta opposta tal-Øresund, kienet tikkontrolla d-daħla għall-Baħar Baltiku. Mill-1574 sal-1585, ir-Re Federiku II ordna li l-fortizza Medjevali tiġi ttrasformata b'mod radikali f'kastell Rinaxximentali mill-isbaħ. L-arkitetti prinċipali kienu l-Fjammingi Hans Hendrik van Paesschen u Anthonis van Obbergen, filwaqt li x-xogħol tal-iskultura ġie kkoordinat minn Gert van Groningen.

Fl-1629, in-nirien qerdu l-biċċa l-kbira tal-kastell, iżda r-Re Christian IV sussegwentement ordna r-rikostruzzjoni tiegħu. Il-kastell fih ukoll knisja fi ħdanu. Fl-1658, Kronborg ġie assedjat u nħakem mill-Iżvediżi li ħadu ħafna mit-teżori tal-arti magħhom. Fl-1785 il-kastell ma baqax iktar residenza rjali u ġie kkonvertit f'barrakki għall-armata. L-armata telqet mill-kastell fl-1923, u wara rinnovazzjoni kbira nfetaħ għall-pubbliku.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Krogen[immodifika | immodifika s-sors]

L-istorja tal-kastell tmur lura għal meta kien fortizza, Krogen (litteralment "il-Ganċ"), li nbniet fil-bidu tas-seklu 15 mir-re Daniż Eric ta' Pomeranja. Ir-re insista fuq il-pagament ta' miżati għall-użu tal-istrett mill-vapuri kollha li xtaqu jidħlu jew joħorġu mill-Øresund għall-Baħar Baltiku jew minnu; sabiex jinforza t-talbiet tiegħu, huwa bena fortizza b'saħħitha fl-iktar punt dejjaq fl-istrett. Dak iż-żmien, ir-Renju tad-Danimarka kien estiż maż-żewġ naħat tal-istrett, u fuq ix-xatt tal-Lvant, il-Kastell ta' Helsingborg kien ilu jeżisti minn żmien il-Medju Evu. Bis-saħħa taż-żewġ kastelli u tal-vapuri tal-għassa kien possibbli li tiġi kkontrollata n-navigazzjoni kollha fl-istrett.

Il-kastell inbena fuq l-Ørekrog, ilsien ramli ta' art li jibqa' sejjer sal-baħar mill-kosta ta' Zealand sal-kosta ta' Scania. Il-kastell kien jikkonsisti minn sur diviżorju kwadru b'għadd ta' binjiet tal-ġebel fuq ġewwa. Il-binja tal-ġebel fil-kantuniera tal-Grigal kien fiha r-residenza tar-re. Il-binja fil-kantuniera tal-Lbiċ kien fiha sala kbira tal-banketti bil-ħnejjiet. Il-binja fil-kantuniera tax-Xlokk possibbilment kienet isservi bħala kappella. Partijiet kbar tas-swar ta' Krogen huma integrati fil-Kastell ta' Kronborg attwali.[2]

Ir-Re Christian III ordna li l-kantunieri tas-sur diviżorju jiġu ssupplimentati b'bastjuni fl-1558-1559.

Federiku II[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Kronborg u l-Øresund mill-ktieb tal-ġeografija tas-snin 80 tas-seklu 16 Civitates Orbis Terrarum

Bħala konsegwenza ta' żviluppi fit-teknika militari ta' dak iż-żmien u tal-qawwa mtejba tal-artillerija, kien ċar li kien meħtieġ li jiġu mmodernizzati l-fortifikazzjonijiet ta' Krogen. Wara l-konklużjoni tal-Gwerra tat-Tramuntana ta' Seba' Snin fl-1570, ir-Re Federiku II ta bidu għal estensjoni tal-bastjuni avvanzati minflok il-ħajt diviżorju Medjevali. L-arkitett prinċipali kien il-Fjamming Hans Hendrik van Paesschen u x-xogħlijiet fil-fortifikazzjonijiet tlestew fl-1577. Wara dan il-perjodu, il-kastell kiseb l-isem attwali tiegħu Kronborg (litteralment "il-Kastell tal-Kuruna").

Il-kastell innifsu ġie rikostruwit mill-1574 sal-1585, bil-binjiet separati ta' Krogen li ġew estiżi għal tliet naħat koerenti tal-istess binja. In-naħa tat-Tramuntana kienet mgħammra b'kompartimenti għar-re, għar-reġina u għall-qaddejja femminili tagħha kif ukoll għall-kanċellerija. Fin-naħa tan-Nofsinhar, il-binja Medjevali fil-kantuniera tax-Xlokk ġiet mgħammra b'kappella moderna bi twieqi bil-volta li jħarsu lejn il-kappella l-antika li nżammet. Federiku kien patrun akkanit tat-teatru u meta kellu l-qorti tiegħu fl-1579 saru spettakli fil-kastell.[3]

Inizjalment, il-kastell ġie rikostruwit biss sa għoli ta' żewġ sulari. Madankollu, fl-1578, l-arkitett Fjamming Anthonis van Obbergen tqabbad bħala arkitett ġdid u nbeda x-xogħol biex il-Kastell ta' Kronborg jitkabbar iktar u jsir iktar grandjuż. Ix-xogħol tal-iskultura ġie kkoordinat minn Gert van Groningen.[4][5] Bħala sinjal tal-ambizzjonijiet ġodda, in-naħa tan-Nofsinhar għoliet b'sular ieħor u nbniet sala tal-ballu ġdid u ġganteska fuq il-kappella. Ftit wara n-naħat tal-Punent u tat-Tramuntana għolew ukoll b'sular. Finalment, in-naħa tal-Lvant għoliet ukoll b'passaġġ, il-Gallerija tar-Reġina, biex b'hekk ir-reġina setgħet tgħaddi bil-kumdità kollha mill-kompartimenti tagħha fin-naħa tat-Tramuntana għas-Sala tal-Ballu fin-naħa tan-Nofsinhar. Il-ħitan esterni nbnew bil-blat ramli minn Scania, u l-kastell il-ġdid ingħata saqaf b'folji tar-ram.

Ġakbu VI tal-Iskozja baqa' fil-kastell fl-1590 wara li żżewweġ ma' Anna tad-Danimarka. Ir-Re Ġakbu ta 2,000 daler Daniż f'muniti tad-deheb lill-uffiċjali u lill-qaddejja tal-kastell bħala premju.[6]

Nirien tal-1629[immodifika | immodifika s-sors]

Wasla ta' bastiment Olandiż bi tliet arbli fil-Kastell ta' Kronborg ta' Hendrick Cornelisz Vroom

Fl-1629, mument ta' traskuraġni ta' żewġ ħaddiema wassal biex il-biċċa l-kbira tal-kastell jinħakem mill-fjammi fil-lejl bejn l-24 u l-25 ta' Settembru. Il-kappella biss iffrankatha mill-qilla tan-nirien bis-saħħa tal-ħnejjiet tagħha. Ir-Re Christian IV għamel sforzi kbar biex jirrestawra l-kastell. Diġà fl-1631, ix-xogħol kien beda ġmielu, immexxi mill-arkittett Hans van Steenwinckel iż-Żgħir. Sal-1639, minn barra — skont ix-xewqa tar-re li ssir rikostruzzjoni mingħajr bidliet kbar — il-kastell reġa' ngħata l-bixra grandjuża tiegħu, iżda fuq ġewwa qatt ma reġa' kiseb il-glorja li kellu fl-imgħoddi. Barra minn hekk, sar ċertu mmodernizzar, u l-portali, iċ-ċmieni u l-pitturi tas-saqaf ġew rinnovati bi stil Barokk.

Ħakma Żvediża tal-1658[immodifika | immodifika s-sors]

L-assedju tal-Kastell ta' Kronborg fl-1658

Matul il-Ġwerra bejn id-Danimarka u l-Iżvezja tal-1658-1660, il-Kastell ta' Kronborg ġie assedjat, ġie attakkat u nħakem minn armata Żvediża mmexxija minn Carl Gustaf Wrangel. Matul l-okkupazzjoni Żvediża, ir-reġina tal-Iżvezja, Hedvig Eleonora ta' Holstein-Gottorp u oħt ir-re Żvediż Maria Eufrosyne ta' Pfalz għexu fil-Kastell ta' Kronborg, fejn żarhom Karlu X tal-Iżvezja matul il-kampanja militari u l-ambaxxaturi barranin.[7]

B'riżultat tal-okkupazzjoni Żvediża, il-Kastell ta' Kronborg ġie mċaħħad minn ħafna mill-iktar opri tal-arti prezzjużi tiegħu, inkluż il-funtana mżejna b'mod rikk fil-bitħa interna tal-kastell, il-kanopew ta' Federiku II u għadd ta' pitturi kbar tas-saqaf ikkummissjonati minn Christian IV għas-sala tal-ballu.

Fortizza u gwarniġjon[immodifika | immodifika s-sors]

L-eks barrakki militari fl-inħawi tal-kastell fl-2018

Il-ħakma Żvediża tal-Kastell ta' Kronborg fl-1658 uriet li l-kastell ma kienx invinċibbli. Wara l-ħakma, id-difiżi ġew imsaħħa b'mod sinifikanti. Mill-1688 sal-1690, ġiet miżjuda linja avvanzata ta' difiża msejħa l-linja tal-Kuruna. Ftit wara, sensiela ġdida ta' swar inbnew madwar il-kastell. Wara li tlestew, il-Kastell ta' Kronborg ġie kkunsidrat bħala l-iżjed fortizza b'saħħitha fl-Ewropa.[8]

Mill-1739 sal-bidu tas-seklu 20, il-Kastell ta' Kronborg intuża bħala ħabs. Il-ħabsin kienu mgħassa mis-suldati stazzjonati fil-kastell. Il-priġunieri kienu ngħataw sentenza ta' xogħol sfurzat fil-fortifikazzjonijiet tal-kastell. Il-priġunieri kienu jinqasmu f'żewġ kategoriji: dawk b'pieni minuri kienu kkategorizzati bħala "onesti" u kienu jitħallew jaħdmu barra s-swar tal-kastell; dawk li kienu qed jiskontaw pieni minħabba vjolenza, qtil, tqabbid ta' nirien, jew xi ħaġa simili kienu kkategorizzati bħala "mhux onesti" u kellhom jiskontaw il-piena sħiħa billi jagħmlu xogħol sfurzat iebes fi ħdan is-swar tal-kastell. Mill-bqija kienu jqattgħu l-bqija tal-ħin tagħhom bl-istess kundizzjonijiet: kollha kellhom jilbsu l-ktajjen u jqattgħu l-iljieli kkalzrati fil-kesħa u fl-umdità. Mis-17 ta' Jannar 1772 sat-30 ta' April 1772, il-Kastell ta' Kronborg kien il-post fejn intefgħet il-ħabs ir-Reġina Caroline Mathilde, oħt ir-Re Ġorġ III, wara l-iskandlu tar-relazzjoni tagħha ma' Johann Friedrich Struensee.

Il-Kastell ta' Kronborg batta fl-importanza tiegħu bħala kastell irjali, u l-forzi armati bdew jaqdu rwol dejjem iktar importanti. Mill-1785 sal-1922, il-kastell kien kompletament taħt amministrazzjoni militari. Matul dan il-perjodu, twettqu għadd ta' rinnovazzjonijiet.

Miżati tal-istrett u storja reċenti[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kaptan ta' kull vapur li kien ibaħħar mill-istrett kellu jiddikjara l-valur tal-merkanzija tal-vapur. Il-flejjes li kellhom jitħallsu lir-Re tad-Danimarka mill-miżati tal-istrett kienu jiġu kkalkulati skont il-valur tal-merkanzija ttrasportata. Ir-re kellu d-dritt li jixtri l-merkanzija għall-prezz iddikjarat mill-kaptan tal-vapur. Din il-politika kienet tipprevjeni li jiġu ddikjarati prezzijiet baxxi wisq. L-Armata Daniża Rjali telqet mill-kastell fl-1923, u wara rinnovazzjoni kbira l-kastell infetaħ għall-pubbliku fl-1938.[9]

Kronborg illum[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-Kastell ta' Kronborg mill-ajru

Il-Kastell ta' Kronborg jinsab fit-tarf estrem tal-Grigal tal-gżira ta' Zealand, lejn il-Grigal taċ-ċentru storiku tar-raħal ta' Helsingør. Jinsab f'elevazzjoni ta' 12-il metru, fuq biċċa art olzata fuq ilsien ħiereġ 'il barra mill-idjaq punt tal-Øresund, l-istrett bejn il-gżira Daniża ta' Zealand u l-provinċja Żvediża ta' Scania, li kienet Daniża wkoll sal-1658. Wieħed jasal għall-kastell mir-raħal min-naħa tal-Lvant, b'sensiela ta' ħniedaq u daħliet li jipproteġu r-rotta mir-raħal sal-kastell innifsu.[10]

Appartamenti rjali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kompartiment tar-Re fl-2008

L-appartament irjali jinsabu fl-ewwel sular tan-naħa tat-Tramuntana tal-kastell. Oriġinarjament l-appartamenti ġew mgħammra minn Federiku II għall-ħabta tal-1576, iżda wara n-nirien tal-1629, Christian IV għammar u żejjen mill-ġdid l-appartamenti b'pitturi mas-saqaf, portali tal-ġebel u ċmieni. L-art oriġinali kienet miksija bil-madum abjad u iswed li ġie sostitwit b'folji tal-injam fl-1760-1761, u l-ħitan ġew miksija b'tapizzeriji bil-ġlud u ndurati. Illum il-ġurnata l-appartamenti huma mgħammra b'għamara tas-seklu 17 min-Netherlands.

Il-Kompartiment tar-Re fih tieqa li toħroġ 'il barra mill-bqija tal-binja, li tinsab 'il fuq mill-portal prinċipali tal-kastell. Minn din it-tieqa r-re seta' jara l-mistednin li kienu jaslu fil-kastell, filwaqt li l-Kompartiment tar-Reġina għandu aċċess għal torri bil-volti li jagħti lejn il-Bastjun tal-Bandiera.

Sala tal-ballu[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sala tal-Ballu

Is-Sala tal-Ballu, b'62 x 12-il metru, kienet l-ikbar sala fit-Tramuntana tal-Ewropa meta tlestiet fl-1582. Mal-ħitan tas-sala hemm sensiela ta' pitturi kbar li oriġinarjament kienu saru mill-1618 sal-1631 għas-Sala l-Kbira tal-Kastell ta' Rosenborg f'Copenhagen. Il-pitturi fis-Sala tal-Ballu jinkludu: Tfal Jerħulha lejn l-Iskola ta' Francis Cleyn, Insegwimenti Femminili ta' Reinhold Timm, Irkib fil-Korsa ta' Reinhold Timm, Skola tas-Subien ta' Francis Cleyn, Żwieġ fi Knisja ta' Francis Cleyn, Akkademja għan-Nies Nobbli ta' Reinhold Timm, Bankett (1622) ta' Isaac Isaacsz. Il-pavimentar u l-fuklari li hemm attwalment saru fir-restawr tal-1924-1938.[11]

Is-Sala ż-Żgħira

Sala Żgħira[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ħitan tas-Sala ż-Żgħira huma mgħammra b'seba' tapizzeriji li oriġinaw minn sensiela ta' erbgħin tapizzerija ta' mitt re Daniż. Fost il-kapulavuri hemm Tapizzerija ta' Oluf (1376-1387) u Tapizzerija ta' Knud VI (1182-1202). It-tapizzeriji ġew ikkummissjonati minn Federiku II għall-ħabta tal-1580. Seba' tapizzeriji oħra jinsabu fil-Mużew Nazzjonali tad-Danimark, filwaqt li l-kumplament intilfu.[11]

Il-Kappella tal-Kastell ta' Kronborg

Kappella[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kappella tinsab fil-pjan terran tan-naħa tan-Nofsinhar u ġiet inawgurata fl-1582. Fl-1785, meta l-kastell beda jintuża bħala barrakki tal-armata, il-kappella kienet tintuża bħala gym u sala tal-iżgirma. Il-kappella reġgħet ġiet mgħammra bl-għamara oriġinali fl-1838 u reġgħet ġiet inawgurata fl-1843.

Importanza kulturali[immodifika | immodifika s-sors]

Hamlet[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Kronborg huwa magħruf ukoll bħala "Elsinore", fejn ġiet ambjentata t-traġedja famuża ta' William Shakespeare Hamlet, il-Prinċep tad-Danimarka, għalkemm "Elsinore" fil-fatt huwa l-isem Angliċizzat tar-raħal ta' Helsingør. Hamlet ittellgħet fil-kastell għall-ewwel darba biex jitfakkar il-200 anniversarju tal-mewt ta' William Shakespeare, b'suldati mill-gwarniġjon tal-kastell bħala atturi tat-traġedja. Il-palk intrama fit-torri tat-telegrafu fil-kantuniera tal-Lbiċ tal-kastell.

Minn dak iż-żmien, it-traġedja baqgħet tittella' diversi drabi fil-bitħa interna u f'diversi postijiet tul il-fortifikazzjonijiet. Fost dawk li ħadmu fit-traġedja ta' Hamlet fil-kastell hemm Laurence Olivier, John Gielgud, Christopher Plummer, Derek Jacobi, David Tennant, u fl-2009 Jude Law.[12] Fl-2017, Hamletscenen ippreżentaw produzzjoni ta' Hamlet ta' William Shakespeare fil-Kastell ta' Kronborg, diretta minn Lars Romann Engel; ir-rwol ta' Hamlet inħadem minn Cyron Melville u ta' Ophelia minn Natalie Madueño; il-mużika għall-produzzjoni kkomponiha Mike Sheridan.[13]

Ogier id-Daniż[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istatwa ta' Ogier id-Daniż

Skont leġġenda marbuta mal-mit ta' Arthur, re Daniż magħruf bħala Ogier id-Daniż (bid-Daniż: Holger Danske), ittieħed lejn Avalon minn Morgan le Fay. Huwa rritorna biex isalva lil Franza mill-periklu, imbagħad ivvjaġġa lejn il-Kastell ta' Kronborg, fejn raqad kemm kien hemm bżonn sa meta salva art twelidu. Id-daqna tiegħu kibret sal-art. Fil-kastell hemm statwa ta' Ogier rieqed.[14]

Port Kulturali ta' Kronborg[immodifika | immodifika s-sors]

Kulturhavn Kronborg (Port Kulturali ta' Kronborg) hija inizjattiva tal-2013 li offriet varjetà ta' esperjenzi kulturali lir-residenti u lill-viżitaturi ta' Helsingør. Kulturhavn Kronborg hija inizjattiva konġunta tal-Kastell ta' Kronborg, il-Mużew Marittimu Daniż, Kulturværftet u l-Port ta' Helsingør.

Oħra[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sensiela televiżiva tal-vaganzi Jul på Kronborg (Il-Milied fi Kronborg) ġiet ambjentata fil-Kastell ta' Kronborg, fejn dehru kemm Hamlet kif ukoll Holger id-Daniż. Il-"Birra ta' Elsinore" ngħatat isimha għall-kastell u l-kastell jidher fuq it-tikketta tal-birra fil-kummiedja tal-1983 Strange Brew, li fiha jaħdmu Rick Moranis u Dave Thomas.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Kronborg ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Donnelly, Marian C. (Diċembru 1984). "Theaters in the Courts of Denmark and Sweden from Frederik II to Gustav III". Journal of the Society of Architectural Historians. 43 (4): 328–340.
  • Mikkelsen, Birger (1997). Kronborg. Elsinore: Nordisk Forlag for Videnskab og Teknik. ISBN 978-87-980466-2-2.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Kronborg Castle". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-26.
  2. ^ "Nielsen, Heidi Maria Møller (2008). "Krogen: The Medieval Predecessor of Kronborg" (PDF). Château Gaillard: Études de castellologie médiévale. 23: 315–328" (PDF).
  3. ^ Donnelly, Marian C. (December 1984). "Theaters in the Courts of Denmark and Sweden from Frederik II to Gustav III". Journal of the Society of Architectural Historians. p. 328.
  4. ^ "Kronborg | lex.dk". Den Store Danske (bid-Daniż). Miġbur 2021-11-26.
  5. ^ "Gert van Groningen | lex.dk". Dansk Biografisk Leksikon (bid-Daniż). Miġbur 2021-11-26.
  6. ^ Miles Kerr-Peterson & Michael Pearce, 'James VI's English Subsidy and Danish Dowry Accounts, 1588-1596', Scottish History Society, Miscellany XVI (Woodbridge, 2020), pp. 38-39.
  7. ^ Lundh-Eriksson, Nanna (1947). Hedvig Eleonora (bl-Iżvediż). Wahlström & Widstrand.
  8. ^ "Hamlet's Elsinore: Kronberg Castle | The Forgotten Places". web.archive.org. 2017-09-28. Miġbur 2021-11-26.
  9. ^ Haan, M.A.; Heijnen, P.; Schoonbeek, L.; Toolsema, L.A. (2012). "Sound taxation? On the use of self-declared value". European Economic Review. 56 (2): 205–215.
  10. ^ elevationmap.net. "Kronborg, Hamilton, United States on the Elevation Map. Topographic Map of Kronborg, Hamilton, United States". elevationmap.net (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-26.
  11. ^ a b "The city of Helsingør in Denmark". independent-travellers.com. Miġbur 2021-11-26.
  12. ^ "HamletScenen :: HamletScenen 2016". web.archive.org. 2014-07-26. Miġbur 2021-11-26.
  13. ^ ""The Copenhagen Post - Danish News in English". cphpost.dk". web.archive.org. 2018-11-30. Miġbur 2021-11-26.
  14. ^ "975-976 (Nordisk familjebok / Uggleupplagan. 11. Harrisburg - Hypereides)". runeberg.org (bl-Iżvediż). 1909. Miġbur 2021-11-26.