Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-Iżvezja
Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Ir-Renju tal-Iżvezja rratifika l-Konvenzjoni fit-22 ta' Jannar 1985, u b'hekk is-siti indikattivi tiegħu setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Mill-2020 l-Iżvezja għandha ħmistax-il Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, fosthom tlettax-il sit kulturali, sit naturali u sit imħallat. L-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Iżvezja kien id-Dominju Rjali ta' Drottningholm, li tniżżel fil-15-il sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li sar f'Kartaġni, it-Tuneżija, fl-1991.[4] L-iżjed sit reċenti li żdied mal-lista huma l-Irziezet Imżejnin ta' Hälsingland, li żdied fl-2012.
Hemm żewġ siti transnazzjonali. Is-sit ta' Kosta Għolja / l-Arċipelagu ta' Kvarken huwa kondiviż mal-Finlandja, filwaqt li l-Ark Ġeodetiku ta' Struve huwa kondiviż ma' disa' pajjiżi oħra.
Siti ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[5]
NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)
Sit | Ritratt | Post | Sena tad-deżinjazzjoni | Kriterji tal-għażla | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|---|---|
Palazz ta' Drottningholm | Stokkolma | 1991 | iv (kulturali) | Il-Palazz ta' Drottningholm huwa r-residenza privata tal-familja rjali Żvediża, u jinsab fuq il-gżira ta' Lovön fil-Lag ta' Mälaren f'subborg ta' Stokkolma. Il-proprjetà tmur lura għas-seklu 17, b'modifiki li saru fis-seklu 18, u tinkludi t-teatru li għadu operattiv, Paviljun Ċiniż, villaġġ taparsi, u ġonna fil-madwar. Il-palazz minn ġewwa mżejjen b'mod rikk u dan jirrifletti l-fatt li l-Iżvezja kienet waħda mill-ikbar poteri fl-Ewropa tas-seklu 17. L-arkitettura tal-kumpless ġiet influwenzata mill-Palazz ta' Versailles.[6] | |
Birka u Hovgården | Stokkolma | 1993 | iii, iv (kulturali) | Iż-żewġ siti li jiffurmaw kumpless arkitettoniku minn żmien il-Vikingi. Birka kien raħal merkantili importanti u ċentru kummerċjali fir-reġjun Baltiku li laħaq il-quċċata tiegħu bejn is-750 u d-980 W.K. Kien ukoll is-sit tal-ewwel kongregazzjoni Kristjana fl-Iżvezja, stabbilita minn San Ansgar għall-ħabta tat-830. Birka qabad it-triq tan-niżla fis-seklu 10 meta Sigtuna sar iċ-ċentru kummerċjali ewlieni. Ir-residenza rjali baqgħet fil-qrib f' Hovgården, kif joħroġ fid-dieher mill-kitba mnaqqxa fuq il-ħaġra runika u mill-fdalijiet ta' Alsnö hus, il-post fejn sar il-Kunsill Irjali tal-1280, li stabbilixxa l-pedamenti tas-sistema fewdali Medjevali Żvediża.[7] | |
Fabbrika tal-Ħadid ta' Engelsberg | Västmanland | 1993 | iv (kulturali) | Il-Fabbrika tal-Ħadid ta' Engelsberg hija l-iżjed eżempju ppreservat tajjeb u komplut ta' fabbrika tal-ħadid (järnbruk) tas-sekli 17 sa 19 fl-Iżvezja, meta l-Iżvezja kienet fuq quddiem nett fid-dinja f'dan il-qasam. It-tradizzjoni tal-estrazzjoni u tat-tidwib tal-minerali tal-ħadid fl-inħawi tmur lura għas-seklu 12. L-ewwel forn tal-blast inbena fl-1681 biex jiġi prodott il-ħadid fondut grezz, filwaqt li l-forn attwali nbena fl-1778-1779 u kien jinkorpora għadd ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi ta' dak iż-żmien. Forġeriji u fran addizzjonali nbnew fis-seklu 19. Il-fabbrika tal-ħadid għalqet fl-1919 peress li ma kinitx vijabbli iktar ekonomikament. Iktar minn 50 binja minn żminijiet differenti u b'funzjonijiet differenti ġew ippreservati, inkluż il-binjiet teknoloġiċi, amministrattivi u residenzjali.[8] | |
Tinqix fuq il-Blat f'Tanum | Västra Götaland | 1994 | i, iii, iv (kulturali) | It-tinqix fuq il-blat imnaqqxa fuq saff tal-qiegħ tal-granit oriġina minn Żmien il-Bronż Nordiku (għall-ħabta tal-1700 sal-500 Q.K.). Hemm madwar 1,500 sit magħruf b'tinqix ta' bnedmin, annimali, armi, għodod, u suġġetti oħra. Dawn jipprovdu evidenza dwar il-ħajja u t-twemmin tan-nies li għamluhom, u xi postijiet ġew interpretati bħala ċentri kontemporanji primarji ta' qima u ta' ġieħ.[9] Xi tinqix ġie mimli bl-aħmar biex ikun iktar viżibbli għat-turisti; prattika li ġiet ikkritikata għaliex tneħħi l-awtentiċità u l-istat oriġinali tat-tinqix.[10][11] | |
Skogskyrkogården | Stokkolma | 1994 | ii, iv (kulturali) | Skogskyrkogården, "iċ-Ċimiterju fil-Boskijiet", huwa ċimiterju li jinsab fin-Nofsinhar ta' Stokkolma ċentrali, fid-distrett ta' Gamla Enskede. Ġie ddisinjat mill-arkitetti Gunnar Asplund u Sigurd Lewerentz fis-sit ta' eks fosos taż-żrar li fuqhom kibru s-siġar taż-żnuber. Inbena fl-1917-1920, u binjiet addizzjonali żdiedu sal-1940. Skogskyrkogården huwa eżempju sinifikanti ta' kif karatteristiċi arkitettoniċi jistgħu jiġu integrati għalkollox fl-ambjent u kellu influwenza kbira fuq id-disinn taċ-ċimiterji f'bosta pajjiżi madwar id-dinja.[12] | |
Raħal Anseatiku ta' Visby | Gotland | 1995 | iv, v (kulturali) | Ir-raħal ta' Visby, fuq il-gżira ta' Gotland, kien iċ-ċentru prinċipali tal-Lega Anseatika fir-reġjun Baltiku mis-sekli 12 sa 14. Oriġinarjament kien insedjament tal-Vikingi f'pożizzjoni strateġika mal-kosta b'port naturali, imkenni b'formazzjonijiet weqfin tal-irdumijiet. Fis-seklu 13 Visby ġie ttrasformat f'metropoli impressjonanti, imdawra b'ħajt difensiv b'saħħtu (is-Swar tal-Belt ta' Visby). Ġew ippreservati iktar minn 200 maħżen u abitazzjoni tal-merkanti mill-Medju Evu. Ir-rwol ta' Visby beda jbatti fit-tieni nofs tas-seklu 14 minħabba l-gwerer, il-piraterija, u l-bidliet fir-rotot kummerċjali. Il-belt qabdet it-triq tan-niżla wara li nsterqet minn armata minn Lübeck fl-1525.[13] | |
Raħal tal-Knisja ta' Gammelstad, Luleå | Norrbotten | 1996 | ii, iv, v (kulturali) | Gammelstad huwa l-eqdem "raħal tal-knisja" u l-iżjed wieħed ippreservat tajjeb. Huwa tip ta' insedjament li fl-imgħoddi kien komuni fit-Tramuntana tal-Iskandinavja. Ir-raħal jikkonsisti minn knisja tal-ġebel tas-seklu 15, il-Knisja ta' Nederluleå, imdawra b'iktar minn 400 dar tal-injam li kienu nbnew għall-fidili li kienu jiġu lejn Gammelstad nhar ta' Ħadd u għall-festi reliġjużi. Peress li ż-żona tal-madwar ma tantx kienet wisq popolata u l-ivvjaġġar lejn ir-raħal kien pjuttost iebes f'kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli, id-djar kienu jintużaw bħala abitazzjonijiet biex il-fidili jkunu jistgħu jorqdu u jistrieħu qabel ma jerġgħu jmorru lura lejn darhom.[14] | |
Lapponja Żvediża | Norrbotten | 1996 | iii, v, vii, viii, ix (imħallat) | Is-sit tal-Lapponja Żvediża huwa żona muntanjuża enormi fit-Tramuntana tal-Iżvezja. Iż-żona tkopri 9,400 kilometru kwadru (3,600 mil kwadru), u hija l-ikbar żona naturali mhux modifikata fid-dinja li għadha tiġi mħaddma mill-popolazzjoni indiġena, jiġifieri l-poplu Saami li jirgħu r-renni u jsegwu mogħdijiet tal-migrazzjoni kull sena. Hemm erba' parks nazzjonali u żewġ riżervi naturali fiż-żona, li hija importanti wkoll għall-formazzjonijiet tal-art glaċjali u għall-bijodiversità tagħha.[15] Iż-żona ta' biswit fin-Norveġja, Tysfjord, il-fjord ta' Hellemobotn u Rago, attwalment qed jitqiesu biex fil-ġejjieni jiżdiedu ma' dan is-sit.[16] | |
Port Navali ta' Karlskrona | Blekinge | 1998 | ii, iv (kulturali) | Karlskrona hija l-unika belt Żvediża bi stil Barokk. Ġiet stabbilita fl-1680, matul ir-renju tar-Re Karlu XI, biex tissostitwixxi lil Stokkolma bħala l-bażi navali l-ġdida għall-Flotta Navali Żvediża, li kienet qawwa navali kbira dak iż-żmien. Minbarra l-belt, is-sit jinkludi l-infrastruttura navali fil-gżira ta' Trossö flimkien mal-fortifikazzjonijiet interni tagħha, il-fortifikazzjonijiet esterni fiċ-Ċittadella ta' Drottningskär u l-Forti ta' Kungsholms, kif ukoll il-Villa ta' Skärfva u l-Impjant tal-Kuruna f'Lyckeby. Ispirata minn bażijiet navali iktar antiki, Karlskrona min-naħa tagħha influwenzat il-bażijiet navali sussegwenti u l-bliet ta' dan it-tip.[17] | |
Pajsaġġ Agrikolu tan-Nofsinhar ta' Öland | Kalmar | 2000 | iv, v (kulturali) | Il-parti tan-Nofsinhar tal-gżira ta' Öland fil-Baħar Baltiku hija ddominata minn promontorju enormi tal-ġebla tal-ġir magħruf bħala Stora Alvaret. Il-gżira ilha abitata għal madwar ħamest elef sena. Il-ħamrija mhux għammiela kienet xkiel għall-użu tal-art. Għal millenji sħaħ, ċerti żoni intużaw bħala mergħat u oħrajn intużaw għall-agrikoltura.[18] | |
Höga Kusten / Arċipelagu ta' Kvarken* | Västernorrland | 2000 | viii (naturali) | Kemm il-Kosta Għolja (li oriġinarjament kienet tniżżlet waħedha) kif ukoll l-Arċipelagu ta' Kvarken (fil-Findlandja; estiż fl-2006) jinsabu fil-Golf tal-Botnija u jinkludu eluf ta' gżejjer. Iż-żona turi l-effetti prominenti tal-olzar postglaċjieri tal-art wara t-tidwib tal-medda tas-silġ kontinentali wara l-Aħħar Massimu Glaċjali (u b'hekk tneħħa l-piż tal-glaċjieri), bejn 10,000 u 24,000 sena ilu. L-olzar, f'xi postijiet sa kważi 300 metru (980 pied), qed jibdel il-pajsaġġ b'mod kostanti.[19] | |
Żona tal-Estrazzjoni tal-Muntanja l-Kbira tar-Ram f'Falun | Dalarna | 2001 | ii, iii, v (kulturali) | Il-Muntanja l-Kbira tar-Ram kienet wieħed mill-iżjed siti tal-estrazzjoni importanti fl-Ewropa, speċjalment fil-produzzjoni dominanti tar-ram. L-operazzjonijiet tal-estrazzjoni bdew fis-seklu 9 u laħqu l-qofol tagħhom fis-seklu 17. L-iżjed karatteristika prominenti tas-sit huwa l-Foss il-Kbir (Stora Stöten). Minbarra l-wirt industrijali u tal-estrazzjoni, bosta insedjamenti żgħar tax-xogħol fil-minjieri jixhdu l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet tal-estrazzjoni.[20] | |
Stazzjon tar-Radju ta' Grimeton, Varberg | Halland | 2004 | ii, iv (kulturali) | L-Istazzjon tar-Radju ta' Grimeton huwa stazzjon bikri tat-telegrafija bla fili fuq mewġa twila, li nbena fl-1922-1924. Is-sit huwa magħmul mill-binjiet prinċipali, iddisinjati bi stil Neoklassiku mill-arkitett Carl Åkerblad, u mit-torrijiet tal-antenni għoljin 127 metru (417-il pied), li meta nbnew kienu l-ogħla strutturi fl-Iżvezja. L-istazzjon juża t-teknoloġija bikrija tat-trażmettitur preelettroniku tar-radju msejħa alternatur ta' Alexanderson u għadu operattiv għalkollox.[21] | |
Ark Ġeodetiku ta' Struve* | Norrbotten | 2005 | ii, iii, vi (kulturali) | L-Ark Ġeodetiku ta' Struve huwa serje ta' punti ta' triangulazzjoni, mifruxa fuq distanza ta' iżjed minn 2,820 kilometru minn Hammerfest fin-Norveġja sal-Baħar l-Iswed. Il-punti ġew stabbiliti fi stħarriġ mill-astronomu Friedrich Georg Wilhelm Struve li kien l-ewwel wieħed li wettaq kejl bir-reqqa ta' segment twil tal-meridjan – u miegħu anke d-daqs u l-għamla tad-Dinja. Oriġinarjament, kien hemm 165 punt b'kollox. Is-Sit ta' Wirt Dinji jinkludi 34 punt f'għaxar pajjiżi (mit-Tramuntana għan-Nofsinhar: in-Norveġja, l-Iżvezja, il-Finlandja, ir-Russja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Belarussja, il-Moldova, l-Ukrajna), u erba' minnhom jinsabu fl-Iżvezja (fl-istampa hemm wieħed mill-punti tal-Iżvezja fl-Għolja ta' Jupukka).[22] | |
Irziezet Imżejnin ta' Hälsingland | Gävleborg | 2012 | v (kulturali) | Dan is-sit jinkludi seba' rziezet bi strutturi tal-injam fil-Kontea ta' Gävleborg. Dawn inbnew fis-seklu 19 minn bdiewa indipendenti għonja. Is-sidien ikkummissjonaw lil artisti lokali biex ipittru l-istrutturi minn ġewwa, bi kmamar speċjali jew binjiet separati maħsuba għall-festi li ġew imżejna l-iktar. It-tpittir fuq ġewwa jirrappreżenta fużjoni ta' stili folkloristiċi b'influwenzi mill-Barokk u mir-Rokokò. Is-seba' strutturi huma r-razzett ta' Kristofers, ir-razzett ta' Stene, Järvsö, Gästgivars, Vallstabyn, ir-razzett ta' Pallars, Långhed, ir-razzett ta' Jon-Lars, Långhed, ir-razzett ta' Bortom åa, Gammelgården, ir-razzett ta' Bommars, Letsbo, Ljusdal, u r-razzett ta' Erik-Anders, il-villaġġ ta' Askesta, Söderala.[23] |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Sweden - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2019-03-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-03-22. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - 15th session of the World Heritage Committee". web.archive.org. 2020-07-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-04. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2023-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Royal Domain of Drottningholm - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Birka and Hovgården - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Engelsberg Ironworks - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Rock Carvings in Tanum - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2011-05-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-24. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Gustafsson, Anders; Karlsson, Håkan (Autumn 2008). "Places of Power: Control, Public Access and Authenticity at Rock Carvings in Tanum, Sweden and Val Camonica, Italy". Public Archaeology. 7 (3): 174–198.
- ^ Douglas Price, Theron (2013). Europe Before Rome. Oxford University Press USA. p. 284. ISBN 978-0-19-991470-8.
- ^ "Skogskyrkogården - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Hanseatic Town of Visby - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Church Town of Gammelstad, Luleå". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-20.
- ^ "Laponian Area - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "The Laponian Area - Tysfjord, the fjord of Hellemobotn and Rago (extension) - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2019-09-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-09-13. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Naval Port of Karlskrona - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Agricultural Landscape of Southern Öland - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "High Coast / Kvarken Archipelago - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2011-10-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-10-17. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Mining Area of the Great Copper Mountain in Falun - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Grimeton Radio Station, Varberg - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Struve Geodetic Arc - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2011-10-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-10-18. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Decorated Farmhouses of Hälsingland - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-07-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-07-01. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)