Pajsaġġ Agrikolu tan-Nofsinhar ta' Öland
Il-Pajsaġġ Agrikolu tan-Nofsinhar ta' Öland (bl-Iżvediż: södra Ölands odlingslandskap) huwa żona ta' iktar minn 56,000 ettaru li tinsab fil-gżira ta' Öland, l-Iżvezja. Il-pajsaġġ jinkludi lil Stora alvaret, promontorju tal-ġebla tal-ġir ta' madwar nofs dak id-daqs. Stora alvaret hija żona b'għamla ta' sejf, b'tul ta' kważi 40 kilometru (25 mil) u b'wisa' massima fit-Tramuntana ta' madwar 10 kilometri (6.2 mili). Dan il-promontorju tal-ġebla tal-ġir, li jammonta għal kważi kwart tas-superfiċe tal-gżira, huwa l-iżjed wieħed estiż tat-tip tiegħu fl-Ewropa. Bħala riżultat tas-saff irqiq ta' ħamrija u l-livelli għoljin ta' pH, fih firxa wiesgħa ta' pjanti, inkluż bosta speċijiet rari.
Il-Pajsaġġ Agrikolu tan-Nofsinhar ta' Öland ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000 għall-bijodiversità straordinarja tiegħu, għall-preistorja tiegħu, kif ukoll għall-mod kif il-bniedem adatta għall-kundizzjonijiet naturali tal-post.[1]
Oriġini ġeoloġiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-promontorju tal-ġebla tal-ġir inħoloq mill-azzjoni glaċjali qabel l-Era Glaċjali. Il-ġebla tal-ġir stess iffurmat madwar 500 miljun sena ilu mill-baħar fin-Nofsinhar. Gradwalment il-blat twebbes, sar ġebla tal-ġir u resaq lejn it-Tramuntana. B'hekk, il-ġebla tal-ġir ta' Stora alvaret fih bosta fossili fih ta' xi ħlejjaq tal-baħar bħall-Ortoċeri li nstabu f'xi strutturi ġeomorfoloġiċi tal-gżira.[2]
Preistorja
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed insedjament Paleolitiku famuż ta' Alby jinsab max-xatt tal-Lvant tal-gżira, fejn skavi żvelaw il-fdalijiet ta' għorfiet tal-injam madwar lag preistoriku żgħir. Instabu diversi oġġetti, inkluż l-evidenza li fost l-oħrajn kienu jgħixu l-orsijiet, il-foki u l-foċenidi, u ġew żvelati t-teknoloġiji tal-kaċċa u tal-ħsad, fosthom lanez, arpjuni magħmula mir-renni u żnied. L-arkeologi skoprew evidenza ta' fortijiet ċirkolari li nbnew ferm iktar 'il quddiem meta l-post kien magħruf bħala Eketorp. Matul Żmien il-Bronż u l-ewwel parti ta' Żmien il-Ħadid, l-iStora alvaret u l-madwar għaddew minn pressjoni kbira u prattikament is-siġar kollha għebu. Jannson jissuġġerixxi li l-għejbien tas-siġar ikkawża għejbien misterjuż tal-bnedmin għal-ħabta tal-500 Q.K., li ġie ddokumentat f'Eketorp u f'inħawi oħra. Jingħad li l-kawża x'aktarx li kienet li l-popolazzjoni umana espandiet ferm iktar mill-kapaċità tas-sit. Iktar 'il quddiem, għall-ħabta tat-800-1000 tfaċċaw diversi insedjamenti tal-Vikingi fil-periferija.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Agrikolu tan-Nofsinhar ta' Öland ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Agricultural Landscape of Southern Öland". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-30.
- ^ Thorsten Jansson, Stora Alvaret, Lenanders Tryckeri, Kalmar, 1999.
- ^ K. Borg, U. Näsman, E. Wegraeus, "The Excavation of the Eketorp ring-fort 1964-74," u Settlement Fortification Eketorp on Öland, Sweden, 1976.