Aqbeż għall-kontentut

Gammelstad

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Gammelstad

Gammelstad, magħrufa wkoll bħala l-parroċċa ta' Gammelstad, (bl-Iżvediż: Gammelstads kyrkstad) hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li tinsab ħdejn il-belt ta' Luleå, l-Iżvezja, fin-naħa tat-Tramuntana tal-Golf ta' Bothnia. Hija l-aqwa eżempju ppreservat tal-parroċċi li fl-imgħoddi kienu mifruxa kullimkien fit-Tramuntana tal-Iskandinavja.

Il-parroċċa tinsab xi għaxar kilometri 'l fuq mix-xmara Lule. Fiċ-ċentru tal-parroċċa hemm il-Knisja ta' Nederluleå tas-seklu 15, imdawra b'424 dar tal-injam. Id-djar kienu jintużaw biss nhar ta' Ħadd u meta kien ikun hemm festivals reliġjużi biex jilqgħu lill-fidili mill-kampanja tal-madwar li ma setgħux jerġgħu lura d-dar tagħhom fl-istess jum minħabba d-distanza u l-kundizzjonijiet diffiċli tal-ivvjaġġar.[1]

Peress li l-binjiet huma tal-injam, jeħtieġu manutenzjoni regolari biex jiġi evitat it-taħsir mill-elementi jew mis-susa. Twettqu stħarriġiet biex jiġi ddokumentat il-livell ta' taħsir eżistenti, u l-borra titneħħa regolarment matul ix-xitwa.[2]

Ritratt antik tal-parroċċa ta' Gammelstad

Il-parroċċa ta' Gammelstad bdiet bħala insedjament kummerċjali, u saret l-enfasi ta' osservanzi reliġjużi għall-komunitajiet tal-bdiewa u tar-raħħala fir-reġjun. Gammelstad hija eżempju ppreservat b'mod eċċezzjonali ta' parroċċa tal-Iskandinavja. Tali insedjamenti huma uniċi, minħabba li kienu msawra mill-ħtiġijiet reliġjużi u soċjali tal-abitanti ta' reġjun, iktar milli minn forzi ekonomiċi u ġeografiċi.

Id-diversi djar tal-injam li nbnew madwar il-knisja kienu jintużaw nhar ta' Ħadd biss, jew inkella f'festivals reliġjużi bħala akkomodazzjoni fejn il-fidili kienu jibqgħu għal lejl minflok joqogħdu jivvjaġġaw għal distanzi twal jew f'kundizzjonijiet perikolużi tal-klima naturali fl-istess jum. L-iżvilupp ta' Gammelstad f'parroċċa minflok f'raħal merkantili hija riżultat dirett tal-olzar naturali tal-art li wassal biex il-port tar-raħal ma setax jintuża iktar fis-seklu 17, u b'hekk iċ-ċittadini kellhom jirrilokaw lejn iċ-ċentru kummerċjali tal-komunità. L-insedjament il-ġdid ħa l-isem ta' Luleå, filwaqt li s-sit bikri ta' madwar il-knisja ngħata l-isem ta' Gammelstad (jiġifieri Ċentru Storiku jew Raħal Antik). Ir-rilokazzjoni taċ-ċentru kummerċjali ppreservat l-insedjament uniku ta' Gammelstad, u b'hekk ma ntmessitx mill-industrijalizzazzjoni tar-reġjun li seħħet iktar 'il quddiem fis-seklu 19.[3]

Il-pjanta ta' Gammelstad baqgħet ippreservata għalkollox kif kienet oriġinarjament. Ir-raħal kiber b'mod organiku tul id-diversi sekli, b'żidiet li kienu jfeġġu dejjem mill-knisja, u b'toroq madwar iċ-ċentru tal-parroċċa fil-ġnub tal-għolja tal-parroċċa. Fl-imgħoddi kien inbena ħajt madwar il-knisja, madankollu l-ħajt li hemm attwalment huwa rikostruzzjoni. L-iżvilupp kien waqaf għalkollox wara nofs is-seklu 17. Illum il-ġurnata, ma tantx fadal wisq insedjamenti-parroċċi Skandinavi, u Gammelstad hija l-iktar eżempju ppreservat ta' din ix-xorta ta' insedjament, u b'hekk hija mħarsa mill-UNESCO.[3]

Id-djar tal-injam ta' Gammelstad

Hemm total ta' 520 binja fi ħdan il-parroċċa ta' Gammelstad. Dawn il-binjiet jinkludu 404 dar tal-parroċċa maqsuma f'madwar 552 kamra separata, u 116-il binja oħra. Id-djar tal-injam tal-parroċċa li servew bħala akkomodazzjoni fuq medda qasira ta' żmien għall-fidili, faċċata tagħhom hemm djar ikbar li huma iktar konvenzjonali għall-uffiċjali u għall-merkanti li kienu jgħixu b'mod permanenti fl-insedjament. Iż-żewġ tipi ta' akkomodazzjoni jinsabu madwar il-knisja tas-seklu 15, l-unika binja tal-ġebel tal-parroċċa, b'daqs li jirrifletti l-prosperità tar-reġjun. Binjiet notevoli oħra jinkludu l-Kappella ta' Bethel, id-Dar tas-Separatisti, il-Binja Parrokkjali, il-Matmura ta' Tithe, ir-Residenza tas-Sindku, ir-Residenza tal-Kaptan, u l-Binja għall-Viżitaturi (qisha lukanda żgħira).[3]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-pjanta tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ta' Gammelstad

Il-parroċċa ta' Gammelstad ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]

  1. Fast, April; Thomas, Keltie (2004). Sweden: The Culture. Crabtree Publishing Company. pp. 20. ISBN 077879329X.
  2. Kaslegard, Anne (2011). Climate Change and Cultural Heritage in the Nordic Countries. Nordic Council of Ministers. p. 16. ISBN 9289321954.
  3. 1 2 3 4 5 Centre, UNESCO World Heritage. "Church Town of Gammelstad, Luleå". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-02.