Lapponja Żvediża

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn in-navigazzjoni Aqbeż lejn it-tfittxija
Kamajokk, f'Kvikkjokk

Il-Lapponja Żvediża hija żona selvaġġa muntanjuża kbira fil-provinċja ta' Lapland fit-Tramuntana tal-Iżvezja, preċiżament fil-muniċipalità ta' Gällivare, fil-muniċipalità ta' Arjeplog u fil-muniċipalità ta' Jokkmokk. Hija parti mil-Lapponja, magħrufa wkoll bħala Lappland jew Sapmi, li hija estiża min-Norveġja sar-Russja.[1]

Iż-żona saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996 kemm għal raġunijiet kulturali kif ukoll għal raġunijiet naturali (sit imħallat).[2]

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Id-delta tal-Wied ta' Sarek Rapa mill-quċċata ta' Skierffe

L-erja totali tal-Lapponja Żvediża hija madwar 9,400 kilometru kwadru, u b'hekk hija l-ikbar żona naturali mhux modifikata fid-dinja li għadha ġestita minn abitanti nativi — f'dan il-każ l-abitanti nativi huma l-poplu Sami nomadiku li jieħu ħsieb il-merħliet tar-renni.[3] Partijiet biss tal-Lapponja Żvediża jintużaw tabilħaqq għar-ragħa tar-renni. Bi spazju daqshekk kbir, il-ġeografija taż-żona tvarja ferm; hija dominata mill-muntanji, mix-xmajjar u mil-lagi. Kull riżerva naturali u park nazzjonali tal-Lapponja Żvediża għandha/għandu karatteristiċi distinti. L-ammont ta' borra li tinżel fix-xitwa hija konsiderevoli u daqstant ieħor l-ammont ta' xita li tinżel fis-sajf hija konsiderevoli.

95 % tal-erja tal-Lapponja Żvediża hija protetta bħala park nazzjonali jew riżerva naturali. Il-Lapponja Żvediża hija magħmula mill-parks nazzjonali ta' Muddus, ta' Sarek, ta' Padjelanta u ta' Stora Sjöfallet, u mir-riżervi naturali ta' Sjaunja u ta' Stubba.[4] Il-5 % l-oħra tal-erja tal-Lapponja Żvediża tinsab fiż-żoni ta' Sulitelma, ta' Tjuoltadalen, u ta' Rapadalen (parti minn din iż-żona tal-aħħar fil-park nazzjonali ta' Sarek).

Il-villaġġ ta' Porjus huwa l-punt naturali ta' dħul għal-Lapponja Żvediża u dan l-aħħar fetaħ ukoll ċentru ta' informazzjoni. Hemm xmajjar, foresti boreali jew taiga vasti, glaċjieri, u ktajjen muntanjużi protetti.

Knisja tas-Saami fi Staloluokta

Stora Sjofallet ġie ddeżinjat bħala park nazzjonali fl-1909; wieħed mill-ewwel parks nazzjonali fl-Ewropa. Hemm muntanji, glaċjieri, boskijiet muntanjużi tas-siġar tal-fagu u foresti verġni mhux mimsusa tas-siġar taż-żnuber. Il-park nazzjonali huwa wieħed mill-postijiet fejn jirgħu r-renni tal-komunitajiet Saami ta' Sirges u ta' Urina Tjerusj. Il-Kaskata l-Kbira li għaliha ssemma dan il-park nazzjonali kważi ntilfet għalkollox minħabba l-kostruzzjoni ta' diga għall-impjant idroelettriku ta' Vietas, minkejja li din l-art kienet ilha ddeżinjata bħala park nazzjonali. Illum il-ġurnata, fiċ-ċentru ta' informazzjoni, din il-kaskata sservi ta' tbeżbiża għall-bniedem ta' kemm l-attività antropoloġika jista' jkollha impatt devastanti fuq in-natura.[5]

Fil-Lapponja Żvediża hemm ukoll tliet impjanti idroelettriċi kbar li jużaw il-baċiri taż-żona. Barra minn hekk, hemm biċċa art kbira fejn huma ppjanati 100 impjant tal-enerġija tar-riħ fi ħdan iż-żona tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

L-ogħla muntanja tal-Lapponja Żvediża hija Sarektjåhkkå, li tlaħħaq l-2,089 metru.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Renna tal-Lapponja Żvediża

Il-Lapponja Żvediża ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996 kemm għal raġunijiet kulturali kif ukoll għal raġunijiet naturali.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; u l-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Bourdeau, Laurent (2016). World Heritage Sites and Tourism. Routledge. ISBN 1134784376.
  2. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Laponian Area". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-06.
  3. ^ The Future of the World Heritage Convention for Marine Conservation. UNESCO. 2016. p. 117. ISBN 9231001949.
  4. ^ "National Geographic Magazine". National Geographic (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-06.
  5. ^ "Stora Falls | waterfalls, Sweden". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-06.