Aqbeż għall-kontentut

Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fis-Serbja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Gamzigrad.

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Is-Serbja ffirmat il-Konvenzjoni fil-11 ta' Settembru 2001, wara l-isfaxxar tal-Jugoslavja.[3]

Mill-2021, is-Serbja għandha ħames siti fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-ewwel sit li tniżżel fil-lista mis-Serbja kien dak ta' Stari Ras u Sopoćani, matul it-tielet sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979. Is-siti l-oħra tniżżlu fil-lista fl-1986, fl-2004, fl-2007 u fl-2017. Is-siti kollha tas-Serbja huma siti kulturali, kif stabbilit skont il-kriterji tal-għażla tal-UNESCO. Erbgħa minn ħames siti jmorru lura għall-Medju Evu, filwaqt li l-ħames sit, il-kumpless ta' Gamzigrad, imur lura għall-aħħar ta' żmien il-qedem. Is-sit tal-Monumenti Medjevali fil-Kosovo, li tniżżel fil-lista fl-2004 u ġie estiż sentejn wara, tniżżel ukoll fil-lista ta' siti tal-UNESCO fil-periklu mill-2006 minħabba d-diffikultajiet fil-ġestjoni u fil-konservazzjoni tas-sit li jirriżultaw minn nuqqas ta' stabbiltà politika fir-reġjun.[4] Is-sit tal-Istećci Medjevali huwa sit transnazzjonali kondiviż ma' tliet pajjiżi ġirien.

Siti ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Ritratt Post Sena tad-deżinjazzjoni Kriterji tal-għażla Deskrizzjoni
Stari Ras u Sopoćani Novi Pazar 1979 i, iii (kulturali) Stari Ras kienet l-ewwel belt kapitali tas-Serbja u fiha grupp impressjonanti ta' monumenti Medjevali li jikkonsistu minn fortizzi, knejjes u monasteri. Il-Monasteru ta' Sopoćani jfakkar il-kuntatti bejn iċ-ċivilizzazzjoni tal-Punent u d-dinja Biżantina.[5]
Monasteru ta' Studenica Kraljevo 1986 i, ii, iv, vi (kulturali) Il-Monasteru ta' Studenica, li ġie stabbilit fl-aħħar tas-seklu 12 minn Stefan Nemanja, il-fundatur tal-istat Serbjan Medjevali, huwa l-ikbar monasteru Ortodoss Serbjan u l-iktar wieħed rikk. Iż-żewġ monumenti prinċipali tiegħu, il-Knisja tal-Madonna u l-Knisja tar-Re, it-tnejn mibnija bl-irħam abjad, iħaddnu kollezzjonijiet prezzjużi ta' affreski Biżantini tas-sekli 13 u 14.[6]
Monumenti Medjevali fil-Kosovo Visoki Dečani Dečani, Gračanica, Peć, Prizren 2004 ii, iii, iv (kulturali) Is-sit jinkludi erba' monumenti: il-Monasteru ta' Gračanica, il-Knisja tal-Madonna ta' Ljeviš, il-Monasteru tal-Patriarkat ta' Peć, u l-Monasteru ta' Visoki Dečani. L-erba' binjiet tas-sit jirriflettu l-qofol tal-kultura ekkleżjastika Biżantina-Rumaneska, bi stil distint ta' affreski mal-ħitan, li żviluppa fil-Balkani bejn is-sekli 13 u 17. L-istil kellu rwol deċiżiv fl-arti sussegwenti fil-Balkani.[7]

Dan is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-periklu fl-2006 minħabba d-diffikultajiet fil-ġestjoni u fil-konservazzjoni tiegħu li jirriżultaw min-nuqqas ta' stabbiltà politika fir-reġjun.[4]

Gamzigrad-Romuliana, il-Palazz ta' Galerju Palace of Galerius Zaječar 2007 iii, iv (kulturali) Il-kumpless tal-palazz iffortifikat u tal-mafkar tal-Aħħar ta' Żmien ir-Rumani ġie kkummissjonat mill-Imperatur Caius Valerius Galerius Maximianus fl-aħħar tas-seklu 3 u fil-bidu tas-seklu 4 W.K. Kien magħruf bħala Felix Romuliana, f'ġieħ omm l-imperatur. Is-sit jikkonsisti minn fortifikazzjonijiet, il-palazz fil-parti tal-Majjistral tal-kumpless, bażiliki, tempji, banjijiet termali, kumpless ta' mafkar, u monument b'erba' pilastri (tetrapylon). Il-grupp ta' binjiet huwa uniku wkoll minħabba t-taħlita ta' funzjonijiet ċerimonjali u ta' mafkar li kellu.[8]
Ċimiterji tal-Oqbra Medjevali magħrufa bħala Stećci* Mramorje, Perućac Perućac, Rastište, Hrta 2016 iii, vi (kulturali) L-iStećci (singular: stećak) huma l-oqbra monolitiċi Medjevali li jinsabu fil-Bożnija-Ħerzegovina kif ukoll f'partijiet tal-Kroazja, tas-Serbja u tal-Montenegro. Tfaċċaw għall-ewwel darba fis-seklu 12 u laħqu l-qofol tagħhom fis-sekli 14 u 15. Hemm tliet siti fis-Serbja, f'Perućac, f'Rastište u f'Hrta.[9]
  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2023-04-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2023-04-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Serbia - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-08-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-08-22. Miġbur 2023-04-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ a b "World Heritage Committee puts Medieval Monuments in Kosovo on Danger List and extends site in Andorra, ending this year's inscriptions - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-08-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-08-22. Miġbur 2023-04-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Stari Ras and Sopoćani". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-02.
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Studenica Monastery". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-02.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Medieval Monuments in Kosovo". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-02.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Gamzigrad-Romuliana, Palace of Galerius". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-02.
  9. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Stećci Medieval Tombstone Graveyards". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-02.