Stari Ras
Stari Ras (biċ-Ċirilliku Serbjan: Рас; bil-Latin: Arsa), magħrufa wkoll fil-qosor bħala Ras (biċ-Ċirilliku Serbjan: Стари Рас, jiġifieri "Ras Antika"), hija fortizza Medjevali li tinsab qrib l-eks suq ta' Staro Trgovište, xi 11-il kilometru fil-Punent tal-belt moderna ta' Novi Pazar fis-Serbja.
Stari Ras kienet waħda mill-ewwel bliet kapitali tal-istat Serbjan Medjevali ta' Raška, u kienet l-iżjed waħda importanti għal żmien pjuttost twil. Il-belt, li kienet tinsab fir-reġjun attwali ta' Raška, kienet ippożizzjonata fiċ-ċentru tal-istat Medjevali bikri. Il-pożizzjoni favorevoli tagħha fiż-żona magħrufa bħala Serbja l-Antika, tul il-fondoq ta' Raška, f'salib it-toroq u r-rotot kummerċjali bejn ir-reġjuni ġirien ta' Zeta u tal-Bożnija fil-Punent u tal-Kosovo fin-Nofsinhar, kompliet issaħħaħ l-importanza tal-belt.
Illum il-ġurnata l-fortizza ta' Arsa tinsab fi stat ta' fdalijiet esposti u mhux protetti wisq. Madankollu, hemm pjanijiet għar-rikostruzzjoni tas-sit fil-ġejjieni. Qrib sew ta' Arsa hemm grupp impressjonanti ta' monumenti Medjevali, fosthom fortizzi, swieq antiki, knejjes u monasteri. Il-Monasteru Medjevali ta' Sopoćani qrib Arsa jfakkar il-kuntatti li kien hemm fl-imgħoddi bejn id-dinja tal-Punent u d-dinja Biżantina. Is-sit ta' Stari Ras sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-Monasteru ta' Sopoćani, il-Monasteru ta' Djurdjevi Stupovi u l-Knisja ta' San Pietru u ta' San Pawl, waħda mill-eqdem knejjes Medjevali fis-Serbja.[1]
Stari Ras ġiet iddikjarata bħala Monument Kulturali ta' Importanza Eċċezzjonali fl-1990 u hija protetta mir-Repubblika tas-Serbja.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sejbiet arkeoloġiċi ta' strutturi ffortifikati u ta' knejjes bikrin mill-inħawi ta' Stari Ras, datati bejn is-sekli 4 u 6, huma xhieda ta' dak li kiteb l-istoriku Biżantin Prokopju li l-castellum Ruman ta' Arsa fil-provinċja ta' Dardanja ġie ffortifikat mill-ġdid matul ir-renju tal-Imperatur Ġustinjanu I (527-565).[3] It-toponimu Ras oriġina minn Arsa permezz ta' metateżi. Veskovat li jkopri partijiet mis-Serbja ġie stabbilit x'aktarx f'Ras fi żmien l-avvenimenti ekklażjastiċi maġġuri li seħħew għall-ħabta tal-Kunsill ta' Kostantinopli fl-869-870 u tal-Kunsill ta' Kostantinopli fl-879-880.[4] Id-De Administrando Imperio tas-seklu 10 jsemmi lil Rasa bħala żoni tal-fruntiera bejn il-Bulgarija u s-Serbja lejn l-aħħar tas-seklu 9. Riċerka iktar reċenti tindika li fl-aħħar tas-seklu 9 kienet parti mill-Ewwel Imperu Bulgaru.[5] Minn dak iż-żmien 'il quddiem, ġiet immexxija minn diversi mexxejja differenti. L-Imperatur Biżantin Ġwanni Tzimiskes reġa' stabbilixxa l-kontroll ta' Ras fid-971 u stabbilixxa l-Katepanat ta' Ras. L-istemma tal-protospatharios Ġwanni ta' Ras ta' dak iż-żmien instabet f'Ras.[6][7] Sad-976, l-istat Bulgaru kien reġa' kiseb il-kontroll ta' Ras, iżda Basil II reġa' ħatafha madwar 40 sena wara fl-1016-1018. Fil-karti imperjali ta' Basil II tal-1019 u tal-1020 ġew stabbiliti d-drittijiet u l-ġurisdizzjonijiet tal-Arċiveskovat awtonomu ta' Ohrid. Wieħed mill-veskovati fil-ġurisdizzjoni tiegħu kien dak ta' Ras, bis-sede fil-Knisja ta' San Pietru u ta' San Pawl. Baqgħet żona Biżantina tal-fruntiera sa meta Ġwanni II Komnenos tilef iż-żona fil-gwerra bejn il-Biżantini u l-Ungeriżi (1127-1129). Il-fortizza ta' Ras imbagħad ingħatat in-nar mill-armata Serbjana. L-aħħar kmandant tagħha kien Kritoplos li mbagħad ġie kkastigat mill-Imperatur għall-waqgħa tal-fortizza.[8]
Fil-gwerra ta' wara (1149-1151), il-Biżantini reġgħu ħatfu lil Ras.
Fir-reġjun fit-Tramuntana tal-Monasteru ta' Studenica kien jeżisti monasteru-għar tal-aħħar tas-seklu 12.[9]
Matul is-seklu 14 kien hemm suq importanti taħt il-fortizza ta' Stari Ras, Trgovište, li kien beda jiżviluppa. Sa nofs is-seklu 15, għall-ħabta tal-ħakma Ottomana finali tar-reġjun, kien beda jiżviluppa suq ieħor xi 11-il kilometru lejn il-Lvant. Is-suq l-antik kien magħruf bħala Staro Trgovište ("is-suq l-antik", bit-Tork: Eski Pazar), filwaqt li s-suq il-ġdid kien magħruf bħala Novo Trgovište ("is-suq il-ġdid", bit-Tork: Yeni Pazar). Dan tal-aħħar żviluppa fil-belt moderna ta' Novi Pazar.
-
Il-Knisja ta' San Pietru u ta' San Pawl.
-
Il-Monasteru ta' Đurđevi Stupovi, is-seklu 12.
-
Il-Monasteru ta' Sopoćani, is-seklu 13.
Monumenti
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Knisja ta' San Pietru u ta' San Pawl hija l-eqdem knisja Medjevali bikrija fis-Serbja u ġiet stabbilita xi żmien matul is-seklu 9 fuq il-pedamenti ta' knisja Kristjana bikrija. Skont it-tradizzjoni, il-Prinċep Serbjan Petar Gojniković (li rrenja bejn it-892 u d-917) ġie midfun f'din il-knisja.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Stari Ras ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979 flimkien mal-Monasteru ta' Sopoćani, il-Monasteru ta' Djurdjevi Stupovi u l-Knisja ta' San Pietru u ta' San Pawl.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Stari Ras and Sopoćani". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-26.
- ^ "Споменици културе у Србији". spomenicikulture.mi.sanu.ac.rs. Miġbur 2023-03-26.
- ^ The World of the Slavs : Studies of the East, West and South Slavs, p. 216.
- ^ The Entry of the Slavs Into Christendom: An Introduction to the Medieval History of the Slavs at Google Books pp. 67-68, 208-209.
- ^ Ivanišević, Vujadin; Krsmanović, Bojana (2013). "Byzantine seals from the Ras fortress" (PDF). Recueil des travaux de l'Institut d'études byzantines (50–1): 449–460. p. 450.
- ^ Stephenson, Paul (2003). The Legend of Basil the Bulgar-slayer. Cambridge University Press. p. 42. ISBN 978-0-521-81530-7.
- ^ Byzantium in the year 1000. BRILL. 2003. p. 122. ISBN 978-90-04-12097-6.
- ^ Ivanišević, Vujadin; Krsmanović, Bojana (2013). "Byzantine seals from the Ras fortress". Recueil des travaux de l'Institut d'études byzantines (50–1): 449–460. p. 451.
- ^ Patrich, Joseph (2001-01-01). The Sabaite Heritage in the Orthodox Church from the Fifth Century to the Present. Peeters Publishers. ISBN 9789042909762.