Aqbeż għall-kontentut

Monasteru ta' Studenica

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Monasteru ta' Studenica.

Il-Monasteru ta' Studenica (bis-Serbjan: Манастир Студеница / Manastir Studenica; pronunzjat [mânastiːr studɛ̌nit͡sa]) huwa monasteru Ortodoss Serbjan tas-seklu 12 li jinsab 39 kilometru (24 mil) fil-Lbiċ ta' Kraljevo u 40.9 kilometru (25.4 mil) fil-Lvant ta' Ivanjica, fis-Serbja ċentrali. Huwa wieħed mill-ikbar monasteri Ortodossi Serbjani u fost l-iktar għonja wkoll.

Stefan Nemanja, il-fundatur tal-istat Serbjan Medjevali, stabbilixxa l-monasteru fl-1190. Il-ħitan iffortifikati tal-monasteru jħarsu żewġ knejjes: il-Knisja tal-Madonna u l-Knisja tar-Re, u t-tnejn li huma nbnew bl-irħam abjad. Il-monasteru huwa magħruf l-iktar għall-kollezzjoni ta' affreski tiegħu bi stil Biżantin tas-sekli 13 u 14.

Il-Monasteru ta' Studenica ġie ddikjarat bħala Monument tal-Kultura ta' Importanza Eċċezzjonali fl-1979 u jitħares mir-Repubblika tas-Serbja, u fl-1986 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bid-deskrizzjoni li ġejja (traduzzjoni mhux uffiċjali):[1]

Il-Monasteru ta' Studenica Monastery ġie stabbilit fl-aħħar tas-seklu 12 minn Stefan Nemanja, il-fundatur tal-istat Serbjan Medjevali, ftit wara li abdika. Huwa l-ikbar u l-iktar għani fost il-monasteri Ortodossi Serbjani. Iż-żewġ monumenti prinċipali tiegħu, il-Knisja tal-Madonna u l-Knisja tar-Re, it-tnejn mibnija bl-irħam abjad, fihom kollezzjonijiet imprezzabbli ta' affreski Biżantini tas-sekli 13 u 14.

L-affresk tar-Re Milutin b'mudell tal-Knisja tar-Re li jinsab proprju fil-Knisja tar-Re.

Il-Monasteru ta' Studenica, iddedikat lill-Preżentazzjoni tal-Madonna, huwa t-tempju ewlieni tat-tempji Serbjani kollha. Inbena fuq perjodu pjuttost twil ta' żmien. L-ewwel stadju tax-xogħlijiet tlestew sar-rebbiegħa tal-1196, meta Stefan Nemanja abdika u għamel wegħdiet monastiċi fil-monasteru.[2][3] Meta iktar 'il quddiem telaq lejn Hilandar, ibnu s-suċċessur tiegħu Stefan ħa f'idejh l-amministrazzjoni tal-Monasteru ta' Studenica. Nemanja miet f'Hilandar fl-1199. It-tielet iben ta' Nemanja, Rastko (San Sava), wara r-rikonċiljazzjoni mal-aħwa l-oħra tiegħu Stefan u Vukan, ittrasferixxa r-relikwi ta' Nemanja lejn il-Monasteru ta' Studenica.[4] Taħt il-kustodja ta' Sava, il-Monasteru ta' Studenica sar iċ-ċentru politiku, kulturali u spiritwali tas-Serbja Medjevali.

Il-Monasteru ta' Studenica baqa' jiġi amministrat b'mod kontinwu mill-membri tad-dinastija Nemanjić. Ir-Re Radoslav żied narthex mill-isbaħ mal-knisja fl-1235. Ir-Re Milutin bena knisja żgħira ddedikata lill-qaddisin Ġwakkin u Anna.

Mill-waqgħa tal-aħħar fost l-istati Serbjani Medjevali fl-1459, it-Torok spiss attakkaw lill-monasteru. L-ewwel restawr sinifikanti tal-ħsarat sar fl-1569, meta l-affreski fil-Knisja tal-Madonna reġgħu ġew impittra. Fil-bidu tas-seklu 17, il-monasteru ġie affettwat minn terremot u nirien, u d-dokumenti storiċi u parti sinifikanti mill-wirt artistiku nqerdu u ntilfu għalkollox.[5]

Il-Knisja tal-Madonna hija bażilika b'koppla u b'navata unika. Fin-naħa tal-Lvant tagħha hemm apsida bi tliet naħat, filwaqt li lejn għandha narthex estiż iħares lejn il-Punent; fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar hemm ukoll il-vestibuli. Fis-snin 30 tas-seklu 13, ġie miżjud exonarthex kbir. Il-faċċati nbnew bl-irħam abjad; fuq ġewwa, il-knisja ġiet miksija bil-blokok tat-tufa. Fuq barra, il-knisja tirrikonċilja b'mod armonjuż żewġ stili arkitettoniċi: ir-Rumanesk u l-Biżantin. Il-fużjoni ta' dawn iż-żewġ stili eventwalment wasslet għall-istil arkitettoniku partikolari magħruf bħala l-Iskola ta' Raška.

Fil-Majjistral tal-Knisja tal-Madonna hemm il-Knisja ta' San Ġwakkin u Sant'Anna, iddedikata lill-fundatur tagħha r-Re Milutin, u magħruf bħala l-Knisja tar-Re. Il-knisja nbniet fl-1314 b'għamla ta' salib ikkumpressat, bi struttura esterna ta' koppla ottagonali. Inbniet bil-ġebel u bit-tufa, u għandha l-faċċati miksija bil-ġibs.

Il-kumpless tal-Monasteru ta' Studenica jinkludi l-Knisja ta' San Nikola, li hija knisja żgħira b'navata waħda mimlija affreski tas-seklu 12 u l-bidu tas-seklu 13 fuq ġewwa. Bejn il-Knisja ta' San Nikola u l-Knisja tar-Re hemm il-pedamenti tal-knisja ddedikata lil San Ġwann il-Battista. Fil-Punent tal-Knisja tal-Madonna hemm refettorju antik magħmul bil-ġebel mingħajr tkaħħil, li nbena matul iż-żmien tal-Arċisqof Sava. Finalment, fuq in-naħa tal-Punent tal-kumpless tal-monasteru hemm it-torri tal-kampnar li nbena fis-seklu 13. Fl-imgħoddi kien hemm kappella ġo fih; issa kulma fadal huwa xi ftit frammenti ta' affreski. Fuq in-naħa ta' barra tan-narthex ġew innumerati wkoll il-fdalijiet ta' xi affreski, li jirrappreżentaw il-ġenealoġija tad-dinastija Nemanjić. Ovvjament għandhom rabta mal-affreski tal-Knisja tal-Madonna li jmorru lura għall-1208-1209.

Lejn it-Tramuntana mir-refettorju tal-Monasteru ta' Studenica hemm ir-residenza monastika tas-seklu 18, li issa tospita mużew b'għadd ta' eżibiti prezzjużi mit-teżor tal-Monasteru ta' Studenica. Madankollu, id-diversi gwerer u serqiet frekwenti naqqsu ferm id-depożitorju tat-teżor tal-Monasteru ta' Studenica.

L-affresk ta' Ġesù Msallab fil-Knisja tal-Madonna fil-Monasteru ta' Studenica.

Il-kisbiet artistiċi fl-iskultura tal-Monasteru ta' Studenica jilħqu l-qofol tagħhom fl-erba' portali tal-Knisja tal-Madonna, primarjament dak tal-Punent, bejn in-narthex u l-exonarthex. Mal-ħajt tat-Tramuntana taħt il-koppla hemm tieqa magħmula minn bosta panewijiet kwadri b'medaljuni mnaqqxa fuq plakka li jirrappreżentaw tmien annimali mitoloġiċi, is-simboli tal-virtujiet tal-Madonna. Hemm ukoll żewġ rużuni li jirrappreżentaw l-għajnejn Divini. Il-bennejja tal-Monasteru ta' Studenica x'aktarx li ġew mir-reġjun Adrijatiku, probabbli minn Kotor, fejn Nemanja kellu palazz. Il-bennejja ħallew kitba mnaqqxa b'ittri Ċirilliċi Serbjani fuq it-timpanu tal-portal tal-Punent.

Il-Knisja tal-Madonna ġiet impittra bl-affreski fl-ewwel deċennju tas-seklu 13. L-affreski oriġinali ġew parzjalment ippreservati fiż-żona tal-artal, taħt il-koppla, mal-ħajt tal-Punent, u fin-naħat t'isfel tan-navata. L-isbaħ rappreżentazzjoni hija dik ta' Ġesù Msallab bi sfond blu li saret fl-1209, li hija waħda mill-aqwa kisbiet tal-arti Serbjana. Mal-ħajt tan-Nofsinhar hemm il-"kompożizzjoni tal-fundatur" li turi lill-Madonna u lil Nemanja (Xmun) bil-mudell tal-knisja bħala offerta lil Ġesù Kristu l-Maġistrat Imparzjali. L-affreski tan-narthex ġew impittra fl-1569. Dawk l-affreski jinkludu rappreżentazzjoni mill-aqwa tal-Aħħar Ġudizzju fin-naħat ta' fuq u r-ritratt tal-mara ta' Nemanja, Ana, bħala s-soru Anastasia.

L-iżjed affresk bikri fil-Knisja tar-Re jirrappreżenta l-ogħla kisba tal-arti Biżantina fir-reġjun. L-affreski fin-narthex ta' Radoslav u l-parecclesions joriġinaw mis-snin 30 tas-seklu 13 u juru affinità sew mal-istil tat-tpittir tal-knisja prinċipali. Il-kappella tat-Tramuntana, iddedikata lil San Nikola, fiha kompożizzjoni tal-Hetoimasia u ċiklu dwar il-ħajja ta' San Nikola. Fil-kappella tan-Nofsinhar, wieħed isib ir-ritratti ta' Nemanja, Stefan l-Ewwel Inkurunat u r-Re Radoslav flimkien ma' martu Ana. Mal-ħajt tat-Tramuntana tan-narthex, hemm l-affresk ta' tliet dinjitarji tal-Knisja Serbjana: l-Arċisqfijiet Sava, Arsenije u Sava II (ħu Radoslav).

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monasteru ta' Studenica ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

  • Stefan Nemanja;
  • Stefan Radoslav tas-Serbja.
  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Studenica Monastery". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-22.
  2. Šakota, Mirjana (1986). Studenica Monastery. Institute for the Protection of Cultural Monuments of the Socialist Republic of Serbia. pp. 1–5, 20–30.
  3. Bogdanović, Jelena (2021). Icons of Space: Advances in Hierotopy. Routledge. p. 247. ISBN 9781000410846.
  4. Ćirković, Sima M.; Korać, Vojislav; Babić, Gordana (1986). Studenica Monastery. Jugoslovenska revija. pp. 13, 20.
  5. Šakota, Mirjana (1986). Studenica Monastery. Institute for the Protection of Cultural Monuments of the Socialist Republic of Serbia. pp. 1–5, 20–30.