Monasteru ta’ Gračanica
Il-Monasteru ta’ Gračanica (bis-Serb: Манастир Грачаница, b’ittri Rumani: Manastir Gračanica, ippronunzjat [ɡratʃǎnitsa]; bl-Albaniż: Manastiri i Graçanicës) huwa monasteru Ortodoss Serb li jinsab fil-Kosovo. Inbena mir-Re Serb Stefan Milutin fl-1321 fuq il-fdalijiet ta’ bażilika tas-seklu 6 W.K. Il-monasteru ġie ddikjarat bħala Monument Kulturali ta’ Importanza Eċċezzjonali fl-1990, u fit-13 ta’ Lulju 2006[1] tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO bħala wieħed mill-erba’ Monumenti Medjevali fil-Kosovo u bħala estensjoni tas-sit tal-Monasteru ta’ Dečani li kien diġà ġie ddeżinjat fl-2004. Wara li ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji fl-2006, il-Monumenti Medjevali fil-Kosovo tpoġġew minnufih fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji u baqgħu ma tneħħewx sa llum.[2]
Il-Monasteru ta’ Gračanica huwa wieħed mill-aħħar investimenti monumentali tar-Re Milutin. Il-monasteru jinsab f’Gračanica, territorju iżolat qrib ħafna ta’ Lipljan, ir-residenza antika tal-isqfijiet ta’ Lipljan.
Annotazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kosovo (bħala pars pro toto) huwa s-suġġett ta’ diżgwid territorjali bejn ir-Repubblika tal-Kosovo u r-Repubblika tas-Serbja. Ir-Repubblika tal-Kosovo unilateralment iddikjarat l-indipendenza tagħha fis-17 ta’ Frar 2008.[3][4] Is-Serbja tibqa’ ssostni li hija parti mit-territorju sovran tagħha. Iż-żewġ gvernijiet bdew jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet bejniethom fl-2013, bħala parti mill-Ftehim ta’ Brussell tal-2013.[5] Attwalment, il-Kosovo huwa rrikonoxxut bħala stat indipendenti minn 98 Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti minn 193 Stat Membru. B’kollox, 113-il Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxew il-Kosovo f’xi punt jew ieħor, iżda 15-il Stat Membru minnhom irtiraw ir-rikonoxximent tagħhom.[6]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monasteru ta’ Gračanica, jinsab fir-raħal bl-istess isem tiegħu, territorju iżolat qrib ħafna ta’ Lipljan, xi ħames kilometri bogħod minn Prixtina. Il-monasteru jinsab fuq ix-xatt tax-xellug ta’ Gračanka li talimenta x-xmara Sitnica. L-isem joriġina mit-terminu Slav Gradac, li huwa toponimu tal-bliet iffortifikati.[7]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monasteru ta’ Gračanica nbena fuq il-fdalijiet ta’ knisja antika tas-seklu 13 iddedikata lill-Madonna. Din il-knisja antika kienet inbniet ukoll fuq il-fdalijiet ta’ bażilika antika bi tliet navati tal-Kristjaneżmu bikri tas-seklu 6 W.K u kienet tinsab fiċ-ċentru tal-Eparkija ta’ Lipljan. Il-kummenti (ktetor) ta’ Stefan Milutin huma miktuba fuq il-ħajt fin-naħa tan-Nofsinhar tal-binja, fosthom “Rajt b’għajnejja il-fdalijiet u li stat ta’ telqa li kien jinsab fih it-tempju tal-Verġni Marija ta’ Gračanica, id-djoċesi mmexxija mill-isqof ta’ Lipljan, u għalhekk erġajt bnejtu mis-sisien u ħadt ħsieb li jiġi mpitter u ddekorat minn ġewwa u minn barra”. Fl-1346, meta d-djoċesi Serba tal-Arċisqof ittellgħet għal Patrijarkat, l-isqof ta’ Lipljan ingħata t-titlu onorarju ta’ isqof metropolitan, u minn dak iż-żmien ’l hawn baqgħu jissejħu l-metropolitani ta’ Lipljan jew ta’ Gračanica.[8]
Mill-kumpless monastiku ta’ qabel, kulma fadal hija l-knisja. L-antikamra u t-torri ġew miżjuda ftit deċennji wara, sabiex jiġu protetti l-affreski fuq il-faċċata tal-Punent. L-antikamra tal-knisja ġarrbet ħsarat estensivi mid-diversi attakki tal-Ottomanita’ bejn l-1379 u l-1383, meta t-torri ngħata n-nar, u n-nirien qerdu kollezzjoni rikka ta’ manuskritti u oġġetti prezzjużi oħra. L-antikamra ġiet rikostruwita fl-1383. Mill-ġdid, Gračanica ġarrbet ħsarat, din id-darba matul il-Battalja ta’ Kosovo (1389).[1]
Matul il-ħakma Ottomana, Gračanica saret ċentru kulturali importanti. Fi żmien il-Metropolitan Nikanor (1528-1555) ġew impittrin diversi ikoni ’il fuq mill-artal. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-istamperija, Nikanor kiseb bosta kotba għas-servizzi tal-knisja u oġġetti għall-użu monastiku. Il-bibien irjali ġew ikkummissjonati fl-1564 mill-Metropolitan Dionisije, u fl-antikamra tal-knisja nsibu proprju affresk dwar mewtu. Permezz tal-isforzi tal-Patrijarka Makarije Sokolović, il-knisja ġiet irrestawrata. Fl-1570, il-fetħiet kollha fl-antikamra esterna ngħalqu bil-ġebel u ġew impittra affreski ġodda. Bis-saħħa tal-Patrijarka Pajsije, il-knisja ġiet imsaqqfa b’saqaf taċ-ċomb, u fl-1620 inħadem il-kurċifiss il-kbir biċ-ċomb ukoll għal fuq l-ikonostasi. Il-monasteru ġarrab ħsarat ġodda lejn l-aħħar tas-seklu 17, fil-Gwerra l-Kbira tat-Torok, wara t-tieni assedju ta’ Vjenna - li fiha s-Serbi ħadu sehem fuq in-naħa tal-Kristjani. It-Torok neħħew il-kurċifiss taċ-ċomb u qalgħu l-madum tal-art, u ħadu magħhom ukoll it-teżor li kien moħbi fil-knisja mill-Patrijarka Arsenije III.[1]
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-Monasteru ta’ Gračanica ġie rinnovat mis-sorijiet u ilu jintuża bħala kunvent minn dak iż-żmien. Attwalment, fil-kunvent hemm 24 soru li fost affarijiet oħra jpittru l-ikoni, jaħdmu r-raba’ tal-kunvent, iħitu u jwettqu ubbidjenzi monastiċi oħra.
Fl-1999, il-monasteru ġie bbumbardjat darbtejn minn ajruplani tan-NATO. Wara l-Gwerra tal-Kosovo (1998-1999), l-Isqof ta’ Raška u ta’ Prizren Artemije Radosavljević ittrasferixxa s-sede uffiċjali tiegħu ta’ Prizren lejn dan il-monasteru, u minn dak iż-żmien ’l hawn il-monasteru mhux talli sar l-iktar ċentru spiritwali tal-komunità Serba fil-Kosovo, talli sar ukoll l-iktar ċentru politiku u nazzjonali tagħha.
Il-monasteru ġie ddikjarat bħala Monument Kulturali ta’ Importanza Eċċezzjonali fl-1990, u fit-13 ta’ Lulju 2006 tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO bħala wieħed minn erba’ Monumenti Medjevali fil-Kosovo.[1][9]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Gračanica tirrappreżenta l-quċċata tal-arti Medjevali Serba tal-kostruzzjoni skont it-tradizzjoni Serbo-Biżantina. Il-knisja għandha l-għamla ta’ salib Patrijarkali (b’żewġ travi orizzontali flok wieħed) ġo salib Patrijarkali ieħor, u s-salib ta’ ġewwa jipprovdi kontorn vertikali biex il-koppla ċentrali tiġi olzata ’l fuq fuq elaborazzjoni mtarrġa ta’ mases. Il-koppla sserraħ fuq erba’ pilastri weqfin. Fuq l-ispazji bejn ix-xaftijiet trasversali tas-saqaf, erba’ koppli iżgħar joħolqu struttura regolari lis-saqaf kollu tal-kumpless. Tliet apsidi fil-ġnub (l-ikbar waħda hija l-apsida ċentrali) jagħtu daqsxejn ta’ distinzjoni lill-ispazju ta’ fuq l-artal minn barra. Id-djakonikon u l-prosteżi huma sseparati b’ħitan sħaħ. Bejn in-navata u l-antikamra tal-knisja hemm pilastri kbar u wesgħin, filwaqt li l-katolikon (knisja kunventwali) jinsab fuq livell ogħla. Il-knisja nbniet b’alternanza ta’ brikks u ġebel. Lejn l-aħħar tas-seklu 14 ġiet miżjuda antikamra esterna bi ħnejjiet doppji, iżda dawn ingħalqu b’ħitan fis-seklu 16.[8]
Arti
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-knisja hemm tliet tipi ta’ pitturi. L-iktar waħda bikrija tinstab fin-navata, filwaqt li t-tnejn l-oħra li saru wara jinstabu fl-antikamra tal-knisja. L-affreski saru fl-1321-1322 u ġew ippreservati pjuttost tajjeb. Il-kompożizzjonijiet fin-navata jirrappreżentaw il-ħajja ta’ Ġesù fid-dinja kif ukoll il-kalendarju ekkleżjastiku.[8]
Il-pitturi ewlenin tal-Monasteru ta’ Gračanica jinkludu ċ-Ċiklu tal-Festival, il-Passjoni ta’ Kristu u l-mirakli ta’ Ġesù. Fl-antikamra, hemm ir-ritratti mpittra tal-fundaturi: ir-Re Milutin u r-Reġina Simonida, ir-Reġina Hélène d'Anjou (omm ir-re) bħala soru u r-Re Milutin bħala patri. Ta’ importanza partikolari hija l-ġenealoġija (jew l-arblu tar-razza) tad-dinastija Nemanjić, l-ewwel li qatt ġiet impittra, li tibda bi Stefan Nemanja u tispiċċa b’Milutin. Fl-antikamra wkoll, hemm illustrazzjoni eżawrjenti tal-Aħħar Ġudizzju. Fil-parekkleżjon tat-Tramuntana hemm xeni mill-ħajja ta’ San Nikola, filwaqt li fuq il-ħitan tan-Nofsinhar hemm xeni mit-Testment il-Qadim u mill-ħajja ta’ Ġesù u ta’ Omm Alla. X’aktarx li l-pitturi ta’ dawn l-opri tal-arti kienu Mikiel u Eutihije flimkien mal-assistenti tagħhom.[1]
Fl-antikamra esterna hemm ukoll ammont konsiderevoli ta’ affreski mill-1570 li ġew ikkummissjonati mill-Patrijarka Makarije Sokolović. Fl-antikamra hemm xi pitturi li jmorru lura għall-aħħar tas-seklu 14 u għall-bidu tas-seklu 15, fosthom dik tal-Magħmudija ta’ Ġesù, dik ta’ partijiet mill-Innijiet Akatistiċi lill-Madonna u dik tal-Kunsilli Ekumeniċi. Madankollu, żewġ suġġetti jiddominaw l-antikamra tal-Monasteru ta’ Gračanica: id-Dossoloġija lill-Verġni Marija u l-purċissjoni tal-arċisqfijiet Serbi minn San Sava sal-Patrijarka Makarije Sokolović. Kompożizzjoni storika tal-mewt tal-Metropolitan ta’ Gračanica Dionisije tkopri l-parti tax-Xlokk tal-antikamra.[1]
Il-pitturi tal-Monasteru ta’ Gračanica huma fost l-ogħla kisbiet tal-perjodu ta’ Milutin, u huma kkaratterizzati minn influwenzi tal-istil Biżantin grandjuż u lussuż magħruf bħala Rinaxximent Paleologan. F’termini ta’ stil, huma relatati wkoll mal-arti tal-fondazzjonijiet l-oħra ta’ Milutin.[8]
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monasteru ta’ Gračanica ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2006 bħala wieħed mill-erba’ Monumenti Medjevali fil-Kosovo u bħala estensjoni tas-sit tal-Monasteru ta’ Dečani li kien diġà ġie ddeżinjat fl-2004.[1] Wara li ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji fl-2006, il-Monumenti Medjevali fil-Kosovo tpoġġew minnufih fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji u baqgħu ma tneħħewx sa llum.[2]
L-erba’ binjiet ta’ dan is-sit jirriflettu l-ogħla quċċata tal-kultura ekkleżjastika Biżantina-Rumaneska, bl-istil distint tagħha ta’ affreski, li żviluppat fil-Balkani bejn is-sekli 13 sa 17. Il-valur universali straordinarju tas-Sit ta’ Wirt Dinji ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Id-disinn tal-Knisja ta’ San Sava f’Belgrad hija bbażata fuq il-mudelli ta’ Gračanica u tal-Hagia Sophia f’Istanbul, it-Turkija. F’Trebinje, fil-Bożnija-Ħerzegovina, il-Monasteru ta’ Hercegovačka Gračanica nbena fis-sena 2000 prattikament bħala kopja tal-Monasteru ta’ Gračanica.[10][11] Fl-1984, f’Chicago wkoll, fl-Istati Uniti, kienet inbniet replika dettaljata tal-monasteru li ssejħet il-Knisja l-Ġdida ta’ Gračanica.[12][13]
Jeżistu poeżiji ddedikati lill-Monasteru ta’ Gračanica magħmula minn Zorka Stojanović u Desanka Maksimović.
Kultura popolari
[immodifika | immodifika s-sors]- Gračanica ... The Golden Apple (Gračanica ... It-Tuffieħa tad-Deheb), film dokumentarju tas-sensiela "Witnesses of Time" (Xhieda taż-Żmien) prodott mis-servizz tax-xandir RTB fl-1989 inħoloq minn Dr. Branislav Todic u Petar Savkovic, u ġie dirett minn Milan Knezevic, filwaqt li l-mużika ġiet komposta minn Zoran Hristić.[14]
- Kosovo: A Moment in Civilization (Kosovo: Mument fiċ-Ċivilizzazzjoni)
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e f ġ g Centre, UNESCO World Heritage. "Medieval Monuments in Kosovo". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-26.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "World Heritage Committee puts Medieval Monuments in Kosovo on Danger List and extends site in Andorra, ending this year's inscriptions". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-26.
- ^ "Kosovo MPs proclaim independence" (bl-Ingliż). 2008-02-17. Miġbur 2021-03-26.
- ^ "The world's newest state". The Economist. 2008-02-21.
- ^ "Serbia, Kosovo normalize economic ties, gesture to Israel". AP NEWS. 2020-09-04. Miġbur 2021-03-26.
- ^ "Kosovo: Current Issues and U.S. Policy". www.everycrsreport.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-26.
- ^ Aleksandar Loma (2013). La Toponymie de la Charte de Fondation de Banjska: Vers la conception d’un dictionnaire des noms de lieux de la Serbie medievale et une meilleure connaissance des structures onomastiques du slave commun. Srpska akademija nauka i umetnosti. pp. 133, 199, 260. ISBN 978-86-7025-621-7.
- ^ a b ċ d "The Art of Gracanica Monastery". www.kosovo.net. Miġbur 2021-03-27.
- ^ "Споменици културе у Србији". spomenicikulture.mi.sanu.ac.rs. Miġbur 2021-03-27.
- ^ TheSrpskaTimes (2020-01-08). "The Monastery Hercegovačka Gračanica: A pearl of spirituality and culture (VIDEO) | The Srpska Times" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-27.
- ^ "Hercegovačka Gračanica | Sightseeing | Trebinje". www.inyourpocket.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-27.
- ^ "New Gracanica-Midwestern America". serborth.org. Miġbur 2021-03-27.
- ^ "Monastery" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-27.
- ^ "Gračanica ... The Golden Apple on YouTube Official channel of RTS".