Fortizzi Tondi tal-Vikingi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta mill-ajru tal-fortizza tonda tal-Vikingi ta' Trelleborg, id-Danimarka.

Il-Fortizzi Tondi tal-Vikingi, magħrufa wkoll bħala l-fortizzi tat-tip ta' Trelleborg jew anke trelleborgs, huma tip ta' forti ċirkolari b'disinn speċjali, li nbnew fl-Iskandinavja matul Żmien il-Vikingi.[1] Dawn il-fortizzi għandhom għamla strettament tonda, b'toroq u daħliet fl-erba' direzzjonijiet kardinali. Xi kultant mad-dawra tagħhom ikun hemm fortifikazzjonijiet avvanzati parzjali, għalkemm dawn mhux dejjem ikunu ċirkolari.

B'kollox hemm seba' fortizzi tondi magħrufa tal-Vikingi attwalment, u dawn jinsabu fid-Danimarka u fi Scania, l-Iżvezja. Ħafna minnhom imorru lura għal żmien ir-renju ta' Harold Bluetooth tad-Danimarka, għall-ħabta tad-980 W.K. L-iskop preċiż tagħhom huwa soġġett għal dibattitu. Il-Fortizzi Tondi tal-Vikingi fid-Danimarka tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[2]

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Dan it-tip speċifiku ta' fortifikazzjoni ngħata isem l-ewwel eżempju li ġie skopert: Trelleborg qrib Slagelse, li ġie skavat fl-1936-1941. Tradizzjonalment, l-isem trelleborg ġie tradott u spjegat bħala "fortizza mibnija mill-iskjavi", peress li l-kelma bin-Norveġiż Antik għal skjav kienet thrall (attwalment træl bid-Daniż u träl bl-Iżvediż) u borg tfisser "fortizza jew belt". Il-kelma trel (plural: trelle) hija spjegazzjoni plawżibbli wkoll u hija marbuta mal-pilastri tal-injam fuq iż-żewġ naħat tal-ħitan ċirkolari protettivi.[3]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-ħabta tad-974, ir-re Daniż tal-Vikingi Harald Bluetooth tilef il-kontroll tad-Danevirke u ta' partijiet min-Nofsinhar ta' Jutland li spiċċaw taħt il-kontroll tas-Sassoni. Il-kumpless kollu ta' fortifikazzjonijiet, pontijiet u toroq li nbnew għall-ħabta tad-980, uħud isostnu li huma xogħol Harald u li huma parti minn sistema difensiva ikbar. Il-fortifikazzjonijiet b'disinn u ta' data simili nstabu madwar irħula antiki oħra fl-Iskandinavja, pereżempju f'Aarhus, iżda ma għandhomx il-ġeometrija ċirkolari perfetta tal-fortizzi tondi tal-Vikingi. Il-biċċa l-kbira tal-fortizzi ġew datati li jmorru lura għar-renju ta' Harald Bluetooth, li dam mill-ħabta tad-958 sad-986. Madankollu, il-Forti ta' Borgeby, ġie datat li jmur lura għall-ħabta tas-sena 1000, għalkemm id-data preċiża mhix ċerta, u jista' jkun li nbena wkoll bħala parti mill-imbottatura ta' Bluetooth għall-fortifikazzjonijiet.

Minkejja dan, l-iskop preċiż tal-fortizzi tondi tal-Vikingi mhux magħruf. Xi storiċi jsostnu li kienu jiffunzjonaw bħala barrakki militari jew postijiet għat-taħriġ, fosthom Sweyn Forkbeard. Madankollu, x'aktarx li kienu maħsuba bħala fortizzi difensivi tul punti kummerċjali strateġiċi u/jew stazzjonamenti amministrattivi ta' stat li kien qed jiffjorixxi.[4][5] Søren Sindbæk ħareġ bl-ipoteżi li l-fortizzi tondi kienu jippermettu lill-popolazzjonijiet lokali jistkennu fi ħdan il-fortizzi kontra l-għadu sakemm jingħataw l-għajnuna minn forzi sħabhom mill-bogħod. Dan ifisser li l-fortizzi tondi għenu lil Harald Bluetooth jikkontrolla territorju enormi u seta' jibgħat l-armata tiegħu lejn parti partikolari tat-territorju tiegħu mingħajr ma kellu għalfejn jinkwieta li l-partijiet mhux difiżi kienu se jinħakmu jew jinsterqulhom ir-rikkezzi tagħhom.[6] Oħrajn iddibattew jekk il-fortizzi tondi kinux tassew strutturi difensivi, fortizzi militari jew intużawx primarjament bħala barrakki, kif ukoll dwar l-importanza ekonomika, reliġjuża u simbolika tal-fortizzi.[7]

Ħafna mill-fortizzi tondi ġew abbandunati sal-aħħar ta' Żmien il-Vikingi. Bosta minnhom kienu inkorporati f'insedjamenti oħra, bħal Nonnebakken li issa tinsab taħt Odense, u Trelleborgen taħt il-belt Żvediża ta' Trelleborg. Oħrajn, intesew u nħakmu mill-pajsaġġ. L-iskoperta moderna mill-ġdid ta' dawn is-siti bdiet fis-snin 30 tas-seklu 20, bl-iskavi ta' Trelleborg fid-Danimarka. Minn dak iż-żmien 'l hawn, total ta' seba' siti ġew rikonoxxuti uffiċjalment bħala fortizzi tondi tal-Vikingi. Fl-2009 ġie ssuġġerit possibbilment it-tmien sit f'Helsingborg wara skavi arkeoloġiċi li kienu ilhom isiru mill-1987. Il-fortizza tonda ta' Helsingborg jaf kienet l-ikbar fosthom, b'dijametru ta' 270 metru. Sit ieħor f'Rygge ġie propost ukoll, iżda ma ġiex ikkonfermat.[8]

Immaġni satellitari li turi l-kontorn tal-fortizza tonda ta' Borgring fil-pajsaġġ, li dak iż-żmien ma kinitx tidher qalb ir-raba' (sussegwentement ġiet stabbilita parzjalment mill-ġdid).

Instabu strutturi simili f'diversi postijiet fit-Tramuntana tal-Ewropa, b'mod partikolari fl-Irlanda, iżda l-ebda minnhom ma għandhom l-istess disinn ġeometriku rigoruż u preċiż tal-fortizzi tondi Skandinavi. Mal-kosta tan-Netherlands u tal-Belġju hemm kastelli tondi daqsxejn simili wkoll. Fuq il-gżira ta' Walcheren, pereżempju, hemm il-fdalijiet ta' kastell b'daħliet fl-erba' punt kardinali, flimkien ma' toroq differenti. Fortijiet simili jinsabu wkoll fl-Ingilterra, bħall-Kamp ta' Warham. Dawn ġeneralment imorru lura għall-ħabta tal-ħakma Rumana tal-Brittanja Ċeltika u kienu ilhom fi stat ta' fdalijiet għal mijiet ta' snin qabel ma nbnew il-fortijiet tondi tal-Vikingi.

Ħames fortizzi tondi tal-Vikingi fid-Danimarka tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[2]

Fortizzi tondi tal-Vikingi[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tal-fortizzi tondi tal-Vikingi.

Konfermati

  • Aggersborg, qrib Aggersund, id-Danimarka;
  • Borgeby, fit-Tramuntana ta' Lund fi Scania, l-Iżvezja;
  • Borrering, qrib Køge, id-Danimarka;
  • Fyrkat, qrib Hobro, id-Danimarka;
  • Nonnebakken, f'Odense, id-Danimarka;
  • Trelleborg, qrib Slagelse, id-Danimarka;
  • Trelleborgen, fi Trelleborg, Scania, l-Iżvezja.

Suspettati

  • Helsingborg, fi Scania, l-Iżvezja;
  • Rygge (59.38712°N 10.7062°E), f'Østfold, in-Norveġja.

Tqabbil tas-seba' fortifikazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta mill-ajru tal-fortizza tonda tal-Vikingi ta' Aggersborg. Jidher ċar ix-xebħ fid-disinn ma' Trelleborg, qrib Slagelse.

Il-fortizzi tondi tal-Vikingi jvarjaw ferm minn tipi oħra ta' fortifikazzjonijiet ta' Żmien il-Vikingi. Għad-differenza ta' fortijiet ċirkolari oħra minn ta' dak iż-żmien, il-fortijiet tondi li jsegwu l-mudell ta' Trelleborg inbnew fuq pjanta stettament ġeometrika u mkejla bil-piedi Rumani. Il-qiegħ ippuntat tal-ħniedaq huwa element ieħor misluf mir-Rumani Antiki. Dawn il-fortijiet kollha kellhom disinn simili, "perfettament ċirkolari b'daħliet li jagħtu għall-erba' punti kardinali tad-dinja, u spazju miftuħ maqsum f'erba' fejn kien ikun hemm djar kbar ħdejn xulxin f'għamla kwadra".

Permezz tad-datazzjoni bid-dendrokronoloġija nstab l-injam li ntuża għall-kostruzzjoni ta' Trelleborg kien inqata' fil-ħarifa tad-980 u b'hekk x'aktarx li ntużaw għall-bini fir-rebbiegħa tad-981. Iż-żmien pjuttost qasir ta' kostruzzjoni u n-nuqqas sħiħ ta' xi sinjali ta' manutenzjoni jindikaw użu qasir biss tal-binjiet, forsi ħames snin sa mhux iktar minn għoxrin sena. L-oħrajn ġew datati li jmorru lura bejn wieħed u ieħor għall-istess żmien. Is-sit ta' Fyrkat jaf hu kemxejn eqdem, filwaqt li dak ta' Aggersborg hu kemxejn iktar reċenti. Ma nstabx biżżejjed fis-siti l-oħra għal datazzjoni preċiża, iżda l-kostruzzjoni u l-konfigurazzjoni tat-trelleborgs fi Slagelse, Fyrkat, Aggersborg, Nonnebakken taħt Odense u l-forti taħt Trelleborg moderna fl-Iżvezja tant huma simili li x'aktarx inbnew bi pjanta unika.

Isem Dijametru intern Wisa' tal-ħitan tal-fortifikazzjoni Għadd ta' djar Tul tad-djar Pożizzjoni Sena tal-iskoperta Sena tal-kostruzzjoni
Aggersborg 240 metru 11-il metru 48 32 metru 56°59′44″N 9°15′18″E 975-980
Borgeby 150 metru 15-il metru 55°45′05″N 13°02′12″E 1997
Borrering 122 metru bejn 10 metri u 11-il metru 55°28′11″N 12°7′19″E 2014 (1875)
Fyrkat 120 metru 13-il metru 16 28.5 metru 56°37′24″N 9°46′14″E 1950 980
Nonnebakken 120 metru 55°23′32″N 10°23′17″E 1953 980-1000
Trelleborg 136 metru 19-il metru 16 (30) 29.4 metru 55°23′39″N 11°15′55″E 1936 981
Trelleborgen 112-il metru 55.3762°N 13.1476°E 1988 għall-ħabta tat-800

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fortijiet Tondi tal-Vikingi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Weidhagen-Hallerdt, Margareta (2009). "A possible ring fort from the late Viking period in Helsingborg. Current Swedish Archaeology. 17" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-10-19. Miġbur 2023-10-05.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Viking-Age Ring Fortresses". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-05.
  3. ^ Janne Bøje Andersen (2010). Veje ind i arkæologien (bid-Daniż). p. 66. ISBN 978-87-993972-0-4.
  4. ^ Brown, Hannah; Goodchild, Helen; Sindbæk, Søren M. (2014). "Making Place for a Viking Fortress. An archaeological and geophysical reassessment of Aggersborg, Denmark". Internet Archaeology. 36 (36).
  5. ^ Dobat, Andres Siegfried (2009). "The State and the Strangers: The Role of External Forces in a Process of State Formation in Viking-Age South Scandinavia (c. ad 900-1050)". Viking and Medieval Scandinavia. 5: 65–104.
  6. ^ Sindbæk, Søren (2020-01-01). "Borgring and Harald Bluetooth's Burgenpolitik". Viking Encounters. Proceedings of the Eighteenth Viking Congress, Denmark, August 6-12, 2017.
  7. ^ Price, T. Douglas (2015). Ancient Scandinavia: An Archaeological History from the First Humans to the Vikings. Oxford University Press. p. 350. ISBN 978-0-19-023199-6.
  8. ^ "Arkeologi i nord: En trelleborg i Rygge?". 2005-03-29. Miġbur 2023-10-05.