Aqbeż għall-kontentut

Furnar

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Furnar

Furnar, magħruf ukoll bħala ħabbież, huwa ħaddiem tas-sengħa li jaħmi u xi drabi jbigħ il-ħobż u prodotti oħra magħmula mid-dqiq billi juża forn jew sors ieħor ikkonċentrat tas-sħana. Il-post fejn jaħdem furnar jissejjaħ tal-furnar.

Storja antika

[immodifika | immodifika s-sors]

Peress li l-ħbub ilhom ikel bażiku għal millenji, l-attività tal-ħami hija waħda antika ħafna. Il-kontroll tal-ħmira, madankollu, huwa relattivament reċenti. Fil-ħames u s-sitt sekli Q.K., il-Griegi Antiki diġà kienu jużaw fran magħluqa msaħħna bin-nirien mill-ħatab tal-injam; il-komunitajiet normalment kienu jaħmu l-ħobż f’forn komunali kbir.[1] Il-Griegi kienu jaħmu għexieren u possibilment mijiet ta’ tipi ta’ ħobż; Athenaeus iddeskriva tnejn u sebgħin varjetà.[2]

Forn antik tal-furnara ta’ Pompej

F’Ruma tal-qedem, diversi sekli wara, seħħet l-ewwel produzzjoni tal-massa tal-ħobż, u “jista’ jingħad li l-professjoni tal-ħami bdiet dak iż-żmien”. Il-furnara Rumani tal-qedem kienu jużaw l-għasel u ż-żejt fil-prodotti tagħhom, u kienu joħolqu prodotti bl-għaġina jew pasti iktar milli ħobż. F’Ruma tal-qedem, il-furnara (bil-Latin, pistor ) xi kultant kienu jkunu lsiera, li xi drabi kienu jkun imwarrba (bħal artiġjani lsiera oħra).[3] L-unitajiet domestiċi kbar f’Ruma normalment kien ikollhom il-furnara tagħhom stess.[4] Matul dawk iż-żminijiet, ħafna min-nies kienu jaħmu l-ħobż tagħhom stess iżda l-postijiet tal-furnar (pistrina) kienu jkunu popolari mal-belt kollha.

Il-Galli jingħad li skoprew li ż-żieda tar-ragħwa tal-birra mal-għaġina tal-ħobż kienet tgħin biex l-għaġina tal-ħobż titla’ sew, u b’hekk indirettament beda l-użu tal-ħmira kkontrollata għall-għaġina tal-ħobż.[5]

Ewropa Medjevali

[immodifika | immodifika s-sors]
Furnar Medjevali u l-apprendist tiegħu

Fl-Ewropa Medjevali, il-fran tal-ħami kienu spiss ikunu sseparati minn bini ieħor (u xi drabi kienu jinsabu ’l barra mill-ħitan tal-belt) sabiex jittaffa r-riskju ta’ nirien. Minħabba li l-ħobż kien ikel bażiku importanti, il-fatturi tal-produzzjoni tal-furnara (bħalma huma r-rendimenti tat-tgħarbil, l-ingredjenti u d-daqsijiet tal-ħobż) kienu rregolati ferm. Pereżempju, Enriku III tal-Ingilterra ppromulga l-Liġi dwar il-Ħobż u l-Birra fl-1267, u impona diversi miżati fuq il-furnara u l-produtturi tal-birra kummerċjali kollha sabiex jipprattikaw is-sengħa tagħhom u impona wkoll diversi regolamenti, bħall-ispezzjoni u l-verifika tal-piżijiet u tal-kejl, il-kontroll tal-kwalità, u l-kontrolli tal-prezzijiet. Ftit wara l-promulgazzjoni ta’ din il-liġi, “il-ħami sar industrija stabbli ħafna, u beda jitwettaq ħafna iktar professjonalment mill-produzzjoni tal-birra; dan wassal biex fil-bliet u fl-irħula jkun hemm inqas furnara milli produtturi tal-birra”. Minħabba li l-fran kienu investimenti kapitali għaljin u kienu jeħtieġu tħaddim bir-reqqa, fetħu postijiet speċjalizzati tal-furnara.[6]

Il-furnara spiss kienu parti mis- sistema tax-xirkiet, li kienet stabbilita sew fis-seklu 16: il-furnara ewlenin kienu jagħtu struzzjonijiet lill-apprendisti u kienu megħjuna minn ħaddiema kkwalifikati. F’Amsterdam fl-1694, pereżempju, il-furnara li kienu jaħmu l-kejkijiet, it-torti, u l-ħobż mixwi u mbaskat isseparaw minn Xirka iktar bikrija tal-Furnara tal-Ħobż u ffurmaw ix-xirka tagħhom stess, filwaqt li rregolaw is-sengħa.[7] Saħansitra fl-1155, f’Londra kienet teżisti fraternità tal-furnara, skont ir-rekords tal-pagamenti lit-Teżor; il-Worshipful Company of Bakers (il-Kumpanija Illustri tal-Furnara) ġiet iffurmata permezz ta’ dokumenti tal-1486, tal-1569, u tal-1685. Ix-xirka għadha teżisti llum, b’funzjonijiet ċerimonjali u ta’ karità. Ħames furnara kellhom ukoll ir-rwol ta’ sindku ta’ Londra.[8][9]

Ċina fid-dinastija Ming

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Furnar (għall-ħabta tal-1681); żejt fuq it-tila ta’ Job Adriaensz Berckheyde (1630-1693) li issa hija miżmuma fil-Mużew tal-Arti ta’ Worcester.

Fiċ-Ċina, fi żmien id-dinastija Ming, il-furnara kienu maqsuma fi statuses soċjali differenti skont il-klijenti tagħhom. Il-furnara kienu fost l-eluf ta’ qaddejja li kienu jaħdmu fil-Palazz tad-dinastija Ming[10], fosthom koki reklutati, ewnuki imperjali, u nisa mħarrġa li kienu jservu l-ikel (Shangshiju).[11][12] Il-furnara spiss kienu jidħlu għall-okkupazzjoni permezz ta’ apprendistat[13], jew billi jkunu twieldu f’familja ta’ furnara.[14]

Minbarra l-aspett lajk tal-ħami, il-furnara tad-dinastija Ming kienu wkoll responsabbli għall-provvista ta’ prodotti tal-għaġina għall-użu f’diversi ritwali, festivals u ċerimonji, bħalż-zongzi.[10] F’“Shi Fu Meets a Friend at Tanque” ġew ipprovduti panini għaċ-ċerimonja tal-kostruzzjoni.[14]

Fi ħdan il-postijiet tal-furnara, kienet tapplika l-ġerarkija patrijarkali tradizzjonali. Fil-postijiet tal-furnara b’sjieda tal-familja, l-ikbar figura maskili (ġeneralment il-missier) kienet tkun fl-ogħla pożizzjoni tal-ġerarkija. Pereżempju, fil-ġrajja ta’ Feng Menglong, meta s-Sur Bo ħareġ ifittex il-fidda mitlufa tal-familja, martu ġiet ordnata tieħu ħsieb il-post tal-furnar.[14]

Il-fizzjoni u l-arti tad-dinastija Ming jiddokumentaw eżempji ta’ diversi furnara; pereżempju, fil-ġrajja ta’ Feng Menglong, il-koppja Bo jkunu sidien ta’ post tal-furnar fejn ibigħu l-kejkijiet u xi bukkuni filwaqt li f’Water Margin, il-karattru Wu Dalang ma jkollux post fiss u kien iġorr il-pancakes fuq arblu fuq spalltu u jbigħhom fit-triq.[15] Ix-xogħol tal-pittur tal-era Ming Qiu Ying imsejjaħ Tul ix-Xmara Matul il-Festival ta’ Qingming juri ħwienet tal-ikel tul it-triq u bejjiegħa li jbigħu l-ikel fit-toroq.[16]

Ix-xogħol tal-era Ming Ming Dai Tong Su Ri Yong Lei Shu, li jiddokumenta t-tekniki u l-oġġetti meħtieġa fil-ħajja ta’ kuljum fl-era Ming, jiddedika kapitlu sħiħ għall-ħiliet kulinarji, inkluż it-tħejjija tal-pancakes u tipi oħra ta’ kejkijiet.[17]

Ix-xogħol L-Għanbaqra fil-Vażun tad-Deheb isemmi l-baozi (panini mħejjija fuq il-fwar).[18]

Skambju Kolombjan

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Iskambju Kolombjan, li beda fl-1492, kellu influwenza kbira fuq l-okkupazzjoni tal-furnara. L-aċċess għaz-zokkor żdied ħafna bħala riżultat tal-kultivazzjoni ġdida fil-Karibew, u ingredjenti bħall-kawkaw u ċ-ċikkulata saru disponibbli fid-Dinja l-Qadima. Fis-seklu 18, il-proċessuri tgħallmu kif jirfinaw iz-zokkor mill-pitravi zokkrija, u b’hekk l-Ewropej setgħu jkabbru z-zokkor lokalment. Dawn l-iżviluppi wasslu għal żieda fis-sofistikazzjoni tal-ħami u tal-prodotti tal-għaġina, u għall-iżvilupp ta’ prodotti ġodda bħall-għaġina sfiljurata u l-għaġina Daniża.[5]

Seklu 18 sal-preżent

[immodifika | immodifika s-sors]
Furnar tradizzjonali fil-Polonja jneħħi l-ħobż frisk mill-forn u jpoġġih fuq tavli tal-injam (garzelli) biex jibred permezz ta’ pala twila tal-injam

Żewġ kotba importanti dwar il-ħami tal-ħobż ġew ippubblikati fis-snin 70 tas-seklu 18: Paul-Jacques Malaouin ippubblika L'art du meinier, du boulanger et du vermicellier (L-Arti tal-Operatur tat-Tħin, tal-Ħabbież, u tal-Produttur tal-Għaġin) fl-1762, u Antoine-Augustin Parmentier ippubblika Le parfair boulanger (Il-Ħabbież Perfett) fl-1778.[5]

Studju tal-belt Ingliża ta’ Manchester mill-1824 sal-1885, matul ir-Rivoluzzjoni Industrijali, iddetermina li “l-furnar u tal-ħanut” kienu t-tielet l-iktar xogħol komuni, b’178 furnara rġiel, 19-il furnara nisa, u tmien furnara ta’ ġeneru mhux magħruf li kienu jaħdmu fil-belt dak iż-żmien. Din l-okkupazzjoni kienet inqas komuni mill-manifattur tad-drapp u mill-ħaddiem fit-taverni, iżda iktar komuni mill-għażżiel tal-qoton, mill-merkant, mill-istampatur tal-kalikò, jew minn tal-merċa.[19]

Fl-1895, l-Assemblea tal-Istat ta’ New York għaddiet “liġi riformista dwar il-ħwienet tal-furnara” li kienet tinkludi protezzjonijiet għall-furnara. Il-liġi kienet “tipprojbixxi lill-impjegati jorqdu fil-post tax-xogħol tagħhom; kienet tispeċifika d-drenaġġ, il-plaming u l-manutenzjoni meħtieġa biex tinżamm is-sanità tal-ħwienet tal-furnara (il-qtates kienu speċifikament jitħallew jibqgħu fil-ħwienet wisq probabbli biex jieħdu ħsieb il-firien); kienet tillimita s-sigħat massimi ta’ xogħol maħduma; u kienet tistabbilixxi spettorat biex jiżgura li dawn il-kundizzjonijiet kienu qed jiġu ssodisfati”.[20][21] F’qasir żmien Il-leġiżlazzjoni ġiet irreplikata fi stati oħra.[22] Joseph Lochner, sid ħanut tal-furnar f’Utica, New York, sussegwentement ġie kkundannat talli kiser il-liġi u ġiegħel lill-impjegati tiegħu jaħdmu għal iktar minn sittin siegħa fil-ġimgħa. Huwa appella l-każ tiegħu quddiem il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, li ddeċidiet, fil-każ influwenti ħafna ta’ Lochner vs. New York (1905), abbażi tal-Imħallef Oliver Wendell Holmes, li l-liġi dwar ix-xogħol kienet tkasbar dritt kostituzzjonali għal-“libertà tal-kuntratt”.[21][23] Dan il-każ immarka l-bidu ta’ era “favur min iħaddem”, li iktar tard saret magħrufa bħala l-era ta’ Lochner, li “tefgħet dell twil fuq il-liġi, is-soċjetà u l-politika Amerikana” sa l-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 20, meta Lochner ġie ripudjat.[23] Frustrati bid-deterjorament mgħaġġel tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħaddiema tal-ħwienet tal-furnara fi New York għamlu strajk f’Awwissu 1905.[24]

Qaddisin patruni Kattoliċi Rumani

[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-tradizzjoni Kattolika Rumana, il- qaddis patrun tal-furnara u tad-dulċiera huwa Honoré ta’ Amiens, isqof ta’ Amiens fis-seklu 6 fit-Tramuntana ta’ Franza, li għalih huwa msemmi l-kejk ta’ San Honoré.[25] Lazzru tal-Betanija kien oriġinarjament kompetitur ta’ Honoré għat-titlu ta’ qaddis patrun tal-furnara, iżda fis-seklu 17 ix-xirka tal-furnara Franċiżi għażlet lil Honoré.[25]

Baker (li tfisser furnar bl-Ingliż) huwa kunjom Ingliż faċilment rikonoxxibbli ta’ oriġini okkupazzjonali Medjevali; Baxster hija l-forma femminili.[26][27] Kunjomijiet ekwivalenti ta’ oriġini okkupazzjonali li jfissru “furnar” jeżistu b’lingwi oħra: Boulanger, Bulinger, Dufour, u Fournier bil-Franċiż, Bäcker bil-Ġermaniż, u Piekarz bil-Pollakk.[27]

Dmirijiet u perikli fuq ix- xogħol

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont l-Occupational Outlook Handbook (OOH - il-Manwal tal-Prospettiva Okkupazzjonali)[28] ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Istatistika tax-Xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħol tal-Istati Uniti, il-furnara jagħmlu dan li ġej:

  • Jivverifikaw il-kwalità tal-ingredjenti tal-ħami
  • Iħejju t-tagħmir għall-ħami
  • Ikejlu u jiżnu d-dqiq u ingredjenti oħra
  • Iħalltu l-ingredjenti bil-qies fit-tagħmir tat-taħlit
  • Jagħġnu, jirrumblaw, jaqtgħu u jagħtu l-forma lill-għaġina
  • Ipoġġu l-għaġina f’taġnijiet, f’forom jew fuq folji tal-ħami
  • Jirranġaw it-temperaturi tal-fran
  • Idaħħlu l-prodotti fil-fran jew fuq il-grilji
  • Josservaw il-kulur u l-qagħda tal-prodotti li jkunu qed jinħmew
  • Ipoġġu glejzing, kisi jew ingredjenti oħra fil-wiċċ tal-prodotti

Il-furnara jipproduċu diversi tipi u kwantitajiet ta’ ħobż, prodotti bl-għaġina, pasti, u prodotti moħmija oħra li jinbiegħu minn tal-merċa, mill-bejjiegħa bl-imnut, mir-ristoranti u mis-servizzi tal-ikel istituzzjonali. Xi furnara joħolqu anke riċetti ġodda.[28]

Il-furnara jiltaqgħu ma’ għadd ta’ perikli fuq ix-xogħol. L-OOH jirrapporta li l-postijiet tal-furnar, “speċjalment il-faċilitajiet il-kbar tal-manifattura, huma mimlijin b’perikli potenzjali bħal fran jaħarqu, magni tat-taħlit, u magni tat-tqattigħ tal-għaġina. B’riżultat ta’ dan, il-furnara għandhom rata ogħla ta’ korrimenti u ta’ mard mill-medja nazzjonali. Għalkemm ix-xogħol tagħhom ġeneralment huwa sikur, il-furnara jistgħu jbatu minn strapazz fuq daharhom ikkawżati mill-irfigħ jew miċ-ċaqliq ta’ xkejjer tqal tad-dqiq jew prodotti oħra. Riskji komuni oħra jinkludu qatgħat, selħiet, u ħarqiet. Sabiex inaqqsu dawn ir-riskji, il-furnara spiss jilbsu rfid apposta għal ma’ daharhom, fradal, u ingwanti”.[28]

L-ażżma tal-furnar komunement ikkawżata mill-allerġeni tad-dqiq u mill- enżimi mikrobiċi (ħafna drabi derivati mill-Aspergillus) li jintużaw biex jiffaċilitaw il-produzzjoni tal-ħobż hija waħda mill-kawżi komuni tal-ażżma okkupazzjonali fid-dinja kollha.[29]

Paragun mad-dulċier

[immodifika | immodifika s-sors]

Kemm il-furnara kif ukoll id-dulċiera jagħmlu deżerti u ħobż. F’xi ristoranti u ħwienet, individwu wieħed jaqdi ż-żewġ rwoli. F’ambjenti oħra, hemm distinzjoni bejn iż-żewġ pożizzjonijiet, fejn il-furnara jagħmlu l-ħobż, il-bziezen, u l-muffins, u d-dulċiera jagħmlu d-deżerti, bħal kejkijiet, torti tal-ikel, torti tal-ħelu, u cookies. Anke meta kemm il-furnara kif ukoll id-dulċiera jaħdmu fl-istess post, xorta waħda jista’ jkun hemm xi trikkib.[30]

Il-furnara jużaw varjetà ta’ tagħmir, inkluż:[31]

  • Pala tal-furnar - għodda qisha moqdief kbir u ċatt, jew tal-injam jew tal-metall, li tintuża biex il-ħobżiet jiżżerżqu ’l ġewwa u ’l barra mill-forn[32]
  • Lenbuba - għodda li tintuża biex l-għaġina tiġi rrumblata u ċċattjata[32]
  • Għodod qishom sassla tad-dqiq - għodod li jintużaw biex iżżid, tneħħi jew tkejjel id-dqiq[32]
  • Xkupilji - għodda li tintuża biex tneħħi d-dqiq żejjed mill-għaġina, u għall-igglejżjar[32]
  • Imtieħen tad-dqiq - għodod li jintużaw għat-tħin tal-ħbub; jistgħu jkunu tal-idejn jew mekkaniċi[32]

Statistika dwar l-impjiegi

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont il-Manwal tal-Prospettiva tax-Xogħol ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Istatistika tax-Xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħol tal-Istati Uniti, kien hemm 185,300 furnar fl-Istati Uniti fl-2014, b’paga medjana ta’ $23,600 fis-sena jew $11.35 fis-siegħa. Madwar 28 % tal-furnara tal-Istati Uniti jaħdmu f’postijiet tal-furnara jew tal-manifattura tat-tortillas; 26 % jaħdmu fil-ħwienet tal-merċa; 15 % jaħdmu fir-ristoranti u f’postijiet oħra tal-ikel; u 5 % kienu jaħdmu għal rashom. Madwar 30 % tal-furnara tal-Istati Uniti ħadmu part-time fl-2014.[28]

  1. Wayne Gisslen, Professional Baking (4th ed.: John Wiley & Sons, 2005), p. 4.
  2. Hoffman, Susanna (2004). The Olive and the Caper: Adventures in Greek Cooking. Workman Publishing. pp. 589.
  3. Sandra R. Joshel, Work, Identity, and Legal Status at Rome: A Study of the Occupational Inscriptions (University of Oklahoma Press, 1992), pp. 15, 95-97.
  4. Joshel, p. 96.
  5. 1 2 3 Wayne Gisslen, Professional Baking (6th ed.: John Wiley & Sons, 2013), p. 5-7.
  6. Ian Spencer Hornsey, A History of Beer and Brewing (Royal Society of Chemistry, 2003), p. 292.
  7. Joop Witteveen, "Rye, A Daily Bread and a Daily Treat" in Oxford Symposium on Food & Cookery, 1989: Staple Foods (Prospect: 1990), p. 243.
  8. John Kennedy Melling, London's Guilds and Liveries (Shire Publications, 2003), p. 41.
  9. Lipton, James (1991). An Exaltation of Larks. Viking. ISBN 978-0-670-30044-0.
  10. 1 2 Chang, K.C. (1977). "Yuan and Ming". Food in Chinese Culture. London: Yale University Press. p. 215.
  11. Tsai, Shih-Shan Henry. "The Demand and Supply of Ming Eunuchs". Journal of Asian History. (1997): 121–146.
  12. Hsieh, Bao Hua (1999). "From Charwoman to Empress Dowager: Serving-Women in the Ming Palace". Ming Studies. 42: 38.
  13. Liu, Juren (2011). Chinese Food. New York: Cambridge University Press. p. 76.
  14. 1 2 3 Feng, Menglong (2009). "Shi Fu Meets a Friend at Tanque". Stories to Awaken the World: A Ming Dynasty Collection. Tradott minn Yang, Shuhui; Yang, Yunqin. Seattle: University of Washington Press. p. 212.
  15. Nai'an Shi; J H Jackson; Edwin Lowe. The water margin : outlaws of the marsh. ISBN 9781462902590.
  16. "仇英清明上河图 卷-辽宁省博物馆". www.lnmuseum.com.cn. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-10. Miġbur 2021-05-08.
  17. Chinese Academy of Social Sciences (ed.). Ming Dai Tong Su Ri Yong Lei Shu. Southwest University,People's Oriental Publishing. p. 330.
  18. Lanling Xiaoxiao Sheng (2011). The Plum in the Golden Vase. 2. Translated by Roy, David. United Kingdom: Princeton University Press. p. 199.
  19. Joyce Burnette, Gender, Work and Wages in Industrial Revolution Britain (Cambridge University Press, 2008), p. 35, it-tabella 1.6.
  20. Maria Balinska, The Bagel: The Surprising History of a Modest Bread (Yale University Press, 2008), p. 109.
  21. 1 2 Gary R. Hartman, Roy M. Mersky & Cindy L. Tate, Landmark Supreme Court Cases: The Most Influential Decisions of the Supreme Court of the United States (Infobase, 2014), p. 145.
  22. Balinska, p. 109.
  23. 1 2 Balinska, p. 110.
  24. Balinska, p. 111.
  25. 1 2 "Thank The Patron Saint Of Bakers For This Cake Today". NPR.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-08.
  26. Gregory Clark, The Son Also Rises: Surnames and the History of Social Mobility (Princeton University Press, 2014), p. 71.
  27. 1 2 Elsdon Coles Smith, American Surnames (Genealogical Publishing Co.: 1969), p. 111.
  28. 1 2 3 4 "Bakers : Occupational Outlook Handbook : U.S. Bureau of Labor Statistics". www.bls.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-08.
  29. Paul Cullinan, Torben Sigsgaard & Rolf Merget, "Occupational Asmtha in the Baking Industry" in Asthma in the Workplace (eds. Jean-Luc Malo, Moira Chan-Yeung & David I. Bernstein: 4th ed., CRC Press, 2013), p. 213.
  30. Simone Payment, Careers in Restaurants (Rosen: 2014), p. 27.
  31. Ġużi Gatt, Qieghda Fil-Ponta Ta’ Lsieni 2, ISBN: 978999327539.
  32. 1 2 3 4 5 Rose Levy Beranbaum, The Bread Bible (W. W. Norton, 2003), p. 595-96.