Liftijiet Idrawliċi tal-Canal du Centre

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Wieħed mil-liftijiet tal-Canal du Centre

Il-Liftijiet Idrawliċi tal-Canal du Centre huma sensiela ta' erba' liftijiet idrawliċi tal-bastimenti qrib ir-raħal ta' La Louvière fil-Belġju li huma kklassifikati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] L-erba' li huma jinsabu tul il-Canal du Centre fiż-żona industrijali storika tal-Belġju.

Storja u status attwali[immodifika | immodifika s-sors]

Tul seba' kilometri (4.3 mili) partikolari tal-Canal du Centre, li jikkollegaw il-baċiri tax-xmajjar Meuse u Scheldt, il-livell tal-ilma jogħla b'66.2 metru (217-il pied). Sabiex tingħeleb din id-differenza, il-lift ta' 15.4-il metru (51 pied) f'Houdeng-Goegnies infetaħ fl-1888. It-tliet liftijiet l-oħra, kull wieħed ta' 16.93-il metru (55.5 pied), infetħu fl-1917.[2]

Il-liftijiet huma doppji, jikkonsistu minn żewġ tankijiet jew caissons mobbli vertikali, u kull wieħed minnhom huwa mirfud fin-nofs b'kolonna tal-ħadid. Iż-żewġ kolonni huma kkollegati b'mod idrawliku b'tali mod li caisson wieħed jitla' filwaqt li l-ieħor jinżel, billi l-piż ta' wieħed jikkontrabbilanċja l-piż tal-ieħor.

Mappa li turi l-pożizzjoni tal-liftijiet bin-numri 1 sa 5; "A" tindika l-lift il-ġdid ta' Strépy-Thieu.

Dawn il-liftijiet ġew iddisinjati minn Edwin Clark mill-kumpanija Brittanika Clark, Stansfield & Clark. Il-liftijiet kienu parti mill-ispirazzjoni tal-Liftijiet tal-Imgħalaq ta' Peterborough u Kirkfield fil-Kanada. Fl-aħħar tas-seklu 19, Richard Birdsall Rogers żar l-imgħalaq sabiex jifhem u jistudja xi ideat possibbli għal sistema ta' liftijiet tal-imgħalaq.

Dawn il-monumenti industrijali ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998. Is-sit jikkombina l-erba' liftijiet flimkien ma' varjetà ta' binjiet awżiljarji assoċjati magħhom. Mit-tmien liftijiet idrawliċi tal-imgħalaq li nbnew fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20, l-erba' liftijiet tal-Canal du Centre huma l-uniċi li għadhom jiffunzjonaw fil-forma oriġinali tagħhom.

Mill-2002, it-tħaddim tal-liftijiet ġie limitat għall-użu rikreattiv. It-traffiku kummerċjali issa ma jgħaddix mil-liftijiet l-antiki u jiġi ġestit mil-lift enormi tal-bastimenti ta' Strépy-Thieu, ta' 73 metru, li kien l-ogħla fid-dinja meta tlesta.

Wara aċċident li seħħ f'Jannar 2002, fejn minħabba xi ħsara l-lift beda jitla' meta kien hemm barklor motorizzat li kien ħiereġ, il-lift nru 1 għal xi żmien ma baqax jitħaddem. Matul ix-xogħol tat-tiswija, li beda fl-2005, sar restawr bir-reqqa.

Liftijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Lift Isem tal-Post Koordinati Għoli Ritratt
Nru 1 Houdeng-Goegnies 50°29′15″N 4°10′33″E / 50.4875°N 4.1758°E / 50.4875; 4.1758 (Lift of Houdeng-Goegnies) 15.40 m (50.5 ft)
Nru 2 Houdeng-Aimeries 50°28′57″N 4°08′32″E / 50.4826°N 4.1423°E / 50.4826; 4.1423 (Lift of Houdeng-Aimeries) 16.93 m (55.5 ft)
Nru 3 Strépy-Bracquegnies 50°28′53″N 4°08′14″E / 50.4813°N 4.1373°E / 50.4813; 4.1373 (Lift of Strépy-Bracquegnies) 16.93 m (55.5 ft)
Nru 4 Thieu 50°28′17″N 4°05′40″E / 50.4714°N 4.0945°E / 50.4714; 4.0945 (Lift of Thieu) 16.93 m (55.5 ft)

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-Erba' Liftijiet tal-Canal du Centre ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Jean-Pierre Gailliez et Carl Norac, Le canal du Centre : quand les bateaux prennent l'ascenseur, Casterman, 1994
  • Henri Brouet, « Le canal du centre et ses quatre ascenseurs », dans Le patrimoine exceptionnel de Wallonie, DGATLP, 2004 (ISBN 2-87401-172-X), p. 151-156.
  • Jacques Laurent, Raymond De Fays et Michel Dambrain, Le Canal du Centre : Chronique d'une construction, Éditions MET, coll. « Traces » (no 1), 1996, 120 p. (ISBN 2-930148-02-0).
  • Michel Maigre, Le canal du Centre : Histoire d'une voie d'eau centenaire, Bruxelles, Corporate Copyright, coll. « Histoire et Patrimoine » (no 2), 2020, 208 p. (EAN 9782874352546).

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "The Four Lifts on the Canal du Centre and their Environs, La Louvière and Le Roeulx (Hainaut)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-15.
  2. ^ "Le Génie civil : revue générale des industries françaises et étrangères". Gallica (bil-Franċiż). 1889-01-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-12-06. Miġbur 2022-08-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)