Aqbeż għall-kontentut

Festival tal-Eurovision

Dan huwa artiklu fil-vetrina
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Euro Vision)
Il-logo modern ġie introdott fl-edizzjoni tal-2004 (ġewwa Istanbul) biex toħloq indentità viżwali għal dan il-festival. Il-bandiera tal-pajjiż ospitu titpoġġa fil-qalb.

Il-Festival tal-Eurovision, jew kif inhu magħruf aħjar bħala Eurovision Song Contest (bil-Franċiż: Concours Eurovision de la Chanson), hija kompetizzjoni annwali bejn il-pajjiżi membri attivi tal-European Broadcasting Union (EBU).

Kull pajjiż membru jibgħat kanzunetta biex jipparteċipa fi trażmissjoni diretta fuq it-televiżjoni u wara jinġabru l-voti mill-pajjiżi għall-kanzunetti tal-pajjiżi l-oħra — b'hekk tintgħażel l-iktar kanzunetta popolari tal-kompetizzjoni. Kull pajjiż membru jipparteċipa permezz ta' stazzjon televiżiv li jkun membru tal-EBU, u li permezz ta' xi sistema ta' għażla ġewwa pajjiżhom, jintgħażel kantant u kanzunetta li jirrapreżenta l-pajjiż f'din il-kompetizzjoni internazzjonali.

Il-Festival jiġi trażmess kull sena u l-ewwel edizzjoni saret fl-1956. Dan il-festival hu fost l-iktar programmi televiżivi li ilu jsir mad-dinja u hu anki fost l-aktar programmi (li mhumiex sportivi) segwiti mad-dinja, hekk kif jilħaq udjenza ta' madwar 100 miljun u 600 miljun.[1] Il-Eurovision jixxandar wkoll barra mix-xtut Ewropej, fejn jiġi mxandar f'pajjiżi bħall-Awstralja, il-Kanada, l-Eġittu, Ħong Kong, l-Indja, il-Ġordan, New Zealand, l-Afrika t'Isfel, il-Vjetnam u l-Istati Uniti, minkejja li dawn il-pajjiżi ma jikkompetux fil-festival. Mis-sena 2000, il-festival beda jiġi mxandar ukoll fuq l-internet, b'aktar minn 74,000 persuna minn 140 nazzjon isegwu l-edizzjoni tal-2006 fuq l-internet.[2]

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Storja tal-Festival tal-Eurovision.

Fil-ħamsinijiet, meta l-Ewropa kienet għadha kemm iġarrab l-effetti tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-European Broadcasting Union — li kienet ibbażata fl-Iżvizzera — ġietha l-idea ta' festival tal-kanzunetta internazzjonali fejn il-pajjiżi jieħdu sehem fuq programm televiżiv wieħed u jkun trażmess fil-pajjiżi kollha li huma parti minn din l-organizzazzjoni. Din l-idea ħarġet waqt laqgħa li kienet qed issir ġewwa Monako fl-1955 minn Marcel Bezençon, Franċiż li kien jaħdem għall-EBU.[3] Il-kompetizzjoni kienet immudellata fuq il-festival Taljan ta' Sanremo,[4] u kien jintqies bħala esperiment teknoloġiku f'televiżjoni diretta: f'dawk iż-żmenijiet, kien ikun proġett ambizzjuż li tgħaqqad ħafna pajjiżi ma' xulxin f'network fuq bażi wiesgħa ta' arja. L-isem tal-festival, "Eurovision", kienet idea tal-ġurnalist Brittaniku George Campey fl-1951.[5]

L-ewwel edizzjoni saret fil-belt ta' Lugano ġewwa l-Iżvizzera fl-24 ta' Mejju 1956. Seba' pajjiżi ħadu sehem b'kull pajjiż jibgħat żewġ kanzunetti, għal total ta' erbatax. Dan kien l-uniku festival fejn kull pajjiż kellu iktar minn kanzunetta waħda: mill-1957 kull festival li sar, kull pajjiż kien obbligat li jipparteċipa b'kanzunetta waħda.[6] Il-festival tal-1956 kien mirbuħ mill-pajjiż ospitu tal-iŻvizzera.

Il-programm kien għall-bidu magħruf bħala "Eurovision Grand Prix". L-isem "Grand Prix" kien jiġi ntużat mill-pajjiżi li għandhom influwenza Franċiża qalb il-kultura tagħhom, fejn f'dawn il-pajjiżi l-Eurovision kien magħruf bħala "Le Grand-Prix Eurovision de la Chanson Européenne".[7] Il-kelma "Grand Prix" ma baqgħetx tintuża' aktar f'dawn il-pajjiżi u ġiet mibdula għal "Concours" (konkors). L-uniku żewġ pajjiżi li għadhom jużaw t-terminu oriġinarju huma d-Danimarka u n-Norveġja, li jsejħu l-festival "Melodi Grand Prix". Fost il-ħafna programmi tal-EBU, ċertament li l-isem "Eurovision" huwa marbut ma' din l-organizzazzjoni.

Il-format tal-Konkors għadda minn serje ta' tibdiliet matul is-snin, minkejja li l-punti fundamentali baqgħu dejjem hemm: il-pajjiżi parteċipanti jibgħatu l-kanzunetti, li huma kantati direttament fi programm televiżiv trażmess fl-istess ħin madwar il-Eurovision Network mill-EBU madwar il-pajjiżi. "Pajjiż" bħala parteċipant hu rappreżentat minn stazzjon televiżiv wieħed mill-istess pajjiż: tipikament, imma mhux dejjem, tkun l-organizzazzjoni tax-xandir ta' servizz pubbliku. Il-programm hu ospitat minn wieħed mill-pajjiżi parteċipanti, u t-trażmissjoni tintbagħat mill-awditorju fil-belt li tkun qed tospita l-edizzjoni. Matul dan il-programm, wara li l-kanzunetti kollha jiġu kantati, il-pajjiżi jipproċedu biex jivvutaw għall-kanzunetti tal-pajjiżi l-oħra: il-pajjiżi ma jistgħux jivvutaw għall-kanzunetta tagħhom stess. Fl-aħħar tal-programm, ir-rebbieħ ikun imħabbar bl-iktar kanzunetta li tkun kisbet punti. Ir-rebbieħ jirċievi, sempliċiment, il-prestiġju li jkun rebaħ — minkejja li ħafna drabi jingħata trofew lill-awturi tal-kanzunetta, u l-pajjiż rebbieħ ikun mistieden biex jospita l-avveniment tas-sena segwenti.[6]

Il-programm jingħata l-bidu ġeneralment minn wieħed jew aktar preżentaturi, li jilqgħu lit-telespettaturi għas-serata. Ħafna pajjiżi li jospitaw din il-kompetizzjoni jieħdu l-opportunità li tingħatalhom biex jospitaw din l-avveniment biex waqt il-preżentazzjoni jkun għaddej servizz li juri xeni mill-pajjiż, bħala reklamar għat-turiżmu. Bejn il-kanzunetti u meta jitħabbru l-voti, isir att ta' intervall. Dawn il-minuti ta' intervall inkludew atti bħal The Wombles (1974)[8] u l-ewwel preżentazzjon internazzjonali ta' Riverdance (1994).[9]

Il-mużika tema li tinstema' qabel u wara x-xandira tal-Festival tal-Eurovision (u xandiriet oħra tal-Eurovision) hi l-introduzzjoni tat-Te Deum ta' Marc-Antoine Charpentier.[3]

Is-serata finali tal-Festival tal-Eurovision issir ġeneralment fil-lejl tas-Sibt tar-rebbiegħa, fid-21:00 CEST. Ħafna drabi Sibt partikulari minn Mejju hu magħżul, anke jekk il-Konkors kien isir fil-ġurnata tal-Ħamis (fl-1965) u sa kmieni daqs Marzu. Mill-2004, minħabba n-numru kbir ta' pajjiżi eleġibbli li xtaqu jipparteċipaw, bdew isiru rawnds ta' kwalifika — magħrufin bħala Semifinali — jumejn jew tliet ijiem qabel il-finali tas-Sibt.

Parteċipazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Parteċipazzjoni fil-Festival tal-Eurovision.

Parteċipanti eleġibbli jinkludu Membri Attivi (u mhux Membri Assoċjati) tal-European Broadcasting Union. Membri attivi huma dawk li l-istati tagħhom jaqgħu fi ħdan il-European Broadcasting Area, jew inkella dawk li huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa.[10]

Membri attivi jinkludu organizzazzjonijiet tax-xandir li t-trażmissjonijiet tagħhom jagħmluhom disponibbli (virtwalment) lill-popolazzjoni kollha tal-pajjiż fejn huma ibbażati.[10]

Jekk Membru Attiv tal-EBU ikun jixtieq jipparteċipa, huma jridu jikkwalifikaw għal ċerti kundizzjonijiet li huma imposti mir-regoli tal-Konkors. Sal-2009, din tinkludi n-neċessità li jkunu xandru l-edizzjoni preċedenti fil-pajjiż rispettiv, u li jħallsu lill-EBU miżata ta' parteċipazzjoni qabel data sottoposta mir-regoli tal-Konkors għas-sena li jkunu jridu jidħlu jipparteċipaw fih.

L-eleġibbilità biex wieħed jipparteċipa mhix determinata mill-pożizzjoni ġeografika fi ħdan il-kontinent tal-Ewropa, minkejja l-frażi "Euro" fl-isem stess tal-festival, "Eurovision" — u l-anqas m'għandha x'taqsam mal-Unjoni Ewropea. Diversi pajjiżi li ġeografikament jinsabu barra l-konfini tal-Ewropa kkompetew f'dan il-festival: l-Iżrael, Ċipru, l-Armenja, fl-Asja tal-Punent, bdew jipparteċipaw mill-1973, mill-1981 u mill-2004 rispettivament; u l-Marokk, fl-Afrika ta' Fuq, daħlet darba fl-1980. Aktar minn hekk, diversi pajjiżi transkontinentali b'parti biss mit-territorju tagħhom fl-Ewropa wkoll ikkompetew: it-Turkija, mill-1975; ir-Russja, mill-1994; il-Ġeorġja, mill-2007; u l-Ażerbajġan, li deher għall-ewwel darba fl-2008. Żewġ pajjiżi li dehru li xtaqu jieħdu sehem kienu l-Libanu u t-Tuneżija, mill-Asja tal-Punent u l-Afrika ta' Fuq rispettivament, li huma t-tnejn barra mill-Ewropa. L-istat Golf tal-Qatar, fl-Asja tal-Punent, fl-2009 qajjem l-interess li jingħaqad biex jieħu sehem fil-festival tal-2011.[11]

Wieħed u ħamsin pajjiż ipparteċipaw tal-anqas darba. Dawn huma elenkati hawnhekk flimkien mas-sena li fiha għamlu d-debutt:

Parteċipazzjoni mill-1956:      Daħlu tal-anqas darba      Qatt ma daħlu, minkejja li huma eleġibbli li jagħmlu dan      Kienu mistennija li jipparteċipaw, imma irtiraw wara
Sena Pajjiż fid-debutt tiegħu
1956 Bandiera tal-Belġju Belġju, Bandiera ta' Franza Franza, Bandiera tal-Ġermanja Ġermanjaa, Bandiera tal-Italja Italja,
Bandiera tal-Lussemburgu Lussemburgu, Bandiera tan-Netherlands Netherlands, Bandiera tal-Iżvizzera Żvizzera
1957 Bandiera tal-Awstrija Awstrija, Bandiera tad-Danimarka Danimarka, Bandiera tar-Renju Unit Renju Unit
1958 Bandiera tal-Iżvezja Żvezja
1959 Bandiera tal-Monako Monako
1960 Bandiera tan-Norveġja Norveġja
1961 Bandiera tal-Finlandja Finlandja, Bandiera ta' Spanja Spanja, Bandiera tal-Jugożlavja Jugożlavjab
1964 Bandiera tal-Portugall Portugall
1965 Bandiera tar-Repubblika tal-Irlanda Irlanda
1971 Bandiera ta' Malta Malta
1973 Bandiera tal-Iżrael Iżrael
1974 Bandiera tal-Greċja Greċja
1975 Bandiera tat-Turkija Turkija
1980 Bandiera tal-Marokk Marokk
1981 Bandiera ta' Ċipru Ċipru
1986 Bandiera tal-Iżlanda Iżlanda
1993 Bandiera tal-Bosnja-Ħerzegovina Bosnja-Ħerzegovina, Bandiera tal-Kroazja Kroazja, Bandiera tas-Slovenja Slovenja
1994 Bandiera tal-Estonja Estonja, Bandiera tal-Litwanja Litwanja, Bandiera tal-Polonja Polonja, Bandiera tar-Rumanija Rumanija
Bandiera tar-Russja Russja, Bandiera tas-Slovakkja Slovakkja, Bandiera tal-Ungerija Ungerija
1998 Bandiera tal-Maċedonja ta' Fuq Maċedonja
2000 Bandiera tal-Latvja Latvja
2003 Bandiera tal-Ukrajna Ukrajna
2004 Bandiera tal-Albanija Albanija, Bandiera tal-Andorra Andorra, Bandiera tal-Bjelorussja Bjelorussja, Bandiera tas-Serbja u Montenegro Serbja u Montenegrob
2005 Bandiera tal-Bulgarija Bulgarija, Bandiera tal-Moldova Moldova
2006 Bandiera tal-Armenja Armenja
2007 Bandiera tal-Ġeorġja Ġeorġja, Bandiera tal-Montenegro Montenegro, Bandiera tas-Serbja Serbja, Bandiera tar-Repubblika Ċeka Repubblika Ċeka
2008 Bandiera tal-Ażerbajġan Ażerbajġan, Bandiera ta' San Marino San Marino
2015 Awstralja
a) Qabel ir-riunifikazzjoni Ġermaniża fl-1990, kienet xi drabi tiġi ppreżentata bħala l-Ġermanja tal-Punent, rappreżentazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-Ġermanja tal-Lvant, uffiċjalment ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża, ma ħaditx sehem.
b) Il-parteċipazzjonijiet preżentati li kienu mill-"Jugożlavja" kienu qed jirrpareżentaw ir-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugożlavja, minbarra l-parteċipazzjoni fl-1992, li rrapreżentat lir-Repubblika Federali tal-Jugożlavja (li kienet tikkonsisti minn porzjoni żgħir tal-Jugożlavja preċedenti).

Proċedura ta' selezzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Kull pajjiż huwa obbligat li jibgħat kanzunetta waħda biex tirrapreżentahom fis-sena li fiha jixtiequ jipparteċipaw. L-unika eċċezzjoni kienet meta kull pajjiż bagħat żewġ kanzunetti fl-edizzjoni inawgurali tal-Konkors. Hemm regola li tipprojbixxi li tintbagħat kanzunetta li preċedentament ħarġet kummerċjalment jew imxandra fil-pubbliku qabel data speċifika.[12] L-għan ta' din ir-regola hi biex tassigura li kanzunetti ġodda biss jidħlu fil-Festival, u mhux kanzunetti eżistenti ta' suċċess, li jista' jagħti pajjiż vantaġġ minħabba l-fatt li l-kanzunetta tkun diġà magħrufha u populari.

Il-pajjiżi jistgħu jagħżlu l-kanzunetti b'liema metodu li jixtiequ: tista' tkun deċiżjoni interna magħmulha mix-xandar parteċipanti, jew konkors pubbliku li jippermetti lill-pubbliku tal-pajjiż biex jivvota fost numru ta' kanzunetti. L-EBU tinkoraġġixxi lill-istazzjonijiet biex jużaw il-format tal-kompetizzjoni pubblika, hekk kif din tiġġenera aktar promozzjoni lejn il-Konkors. Dawn is-selezzjonijiet nazzjonali huma magħrufa bħala finali nazzjonali.

Xi finali nazzjonali ta' xi pajjiżi huma kbar daqs — jew ikbar — mill-Festival tal-Eurovision innifsu, li jinvolvu diversi kanzunetti li jintbagħtu lis-semifinali nazzjonali. Il-finali nazzjonali Żvediża, Melodifestivalen (litteralment, "Il-Festival Melodiku") tinkludi 32 kanzunetta li jitkantaw f'erba' semfinali, f'areni b'udjenzi kbar madwar il-pajjiż, qabel is-serata finali li ssir fi Stokkolma. Dan sar wieħed mill-akbar programmi segwiti kull sena fl-Iżvezja skont figuri televiżivi.[13] Fi Spanja, ir-reality show Operación Triunfo ġie inawgurat fl-2002; ir-rebbieħa tal-ewwel tliet staġuni pproċedew biex jieħdu sehem f'isem pajjiżhom fil-Eurovision.[14]

Huwa indifferenti liema metodu li jrid jiġi wżat biex tintgħażel il-kanzunetta, però d-dettalji finali tal-kanzunetta magħżulha jridu jiġu ffinalizzati u sottomessi lill-EBU xi ġimgħat qabel il-Konkors internazzjonali.

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Lista ta' bliet ospiti tal-Festival tal-Eurovision.
Globen, Stokkolma: ospitu tal-edizzjoni tas-snin 2000 u 2016.

Ħafna mill-ispiża tal-Festival hu kopert mill-isponsors tal-avveniment u kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra. Il-Konkors hu kkunsidrat bħala pjattaforma unika biex wieħed jippromovi l-pajjiż ospitu bħala destinazzjoni turistika. Fis-sajf tal-2005, l-Ukrajna neħħiet r-rekwiżiti komuni għall-għotja tal-visa lit-turisti biex dan jikkoinċidi mat-tħejjija tal-Konkors.[15]

Il-preparazzjonijiet għall-Konkors jibdew xi ġimgħat wara r-rebħa tal-pajjiż, u wara l-konferma li tingħata lill-EBU li huma intiżi — u għandhom il-kapaċità — biex jospitaw avveniment ta' dan il-ġeneru. Belt partikulari tiġi magħżulha (ħafna drabi tkun il-kapitali, imma mhux dejjem ikun il-każ), u impjant li jkun tajjeb biex jospita s-serati. L-ikbar impjant kien stadju tal-futbol f'Kopenħagen, Parken, li żamm udjenza ta' madwar 38,000 persuna meta d-Danimarka ospitat l-edizzjoni tal-2001.[6] L-iżgħar villaġġ fejn il-Konkors sar kien f'Millstreet f'Country Cork, ġewwa l-Irlanda, li seħħ fl-edizzjoni tal-1993. Il-villaġġ kellu popolazzjoni ta' 1,500,[16] anke jekk l-impjant tal-Green Glens Arena żamm konsiderabilment aktar udjenza.[17]

Meta tintgħażel belt u l-impjant fejn se jiġi ospitat dan l-avveniment, jiġi dejjem ikkunsidrat x'lukandi u faċilitajiet tal-istampa jinstabu fil-viċinanzi. Fi Kjiv 2005, il-kmamar tal-lukandi kienu skarsi hekk kif l-organizzaturi tal-Konkors staqsew lill-gvern Ukren biex jimblokka il-prenotazzjonijiet li huma ma kellhomx kontroll fuqhom permezz ta' allokazzjonijiet tad-delegazzjonijiet uffiċjali jew pakketti tal-vjaġġi: din wasslet għal diversi prenotazzjonijiet tan-nies biex jiġu mħassra.[18]

Il-ġimgħa tal-Eurovision

[immodifika | immodifika s-sors]

Minħabba l-fatt li l-Festival tal-Eurovision hi serata diretta, l-esebituri jridu jipperfezjonaw l-atti tagħhom fir-riħersals biex b'hekk fil-lejla l-kbira kollox imur b'wiċċ il-ġdid. Barra mill-esebizzjonijiet li jkunu għamlu ġewwa pajjiżhom, kull parteċipant jingħata l-opportunità li jirriħersja fuq il-palk fl-awditorju tal-Eurovision. Dawn il-provi jsiru matul diversi jiem tal-ġimgħa, u minħabba dan, id-delegazzjonijiet jaslu fil-belt li tkun qed tospita l-edizzjoni diversi ġranet qabel il-bidu tal-avveniment. Dan ifisser, min-naħa l-oħra, li l-ġurnalisti u l-ammiraturi tal-festival huma wkoll preżenti matul il-ġranet preċedenti, u l-avvenimenti tal-Eurovision idumu aktar mill-ftit sigħat li jidhru fuq it-televiżjoni. Numru ta' lukandi akkreditati huma magħżula għad-delegazzjonijiet biex jospitaw fihom, waqt li diversi karozzi tal-linja jintgħażlu biex iwasslu lill-esebituri lejn l-impjant tal-Festival u lura.

Kull stazzjon parteċipi jinnomina Kap tad-Delegazzjoni, li x-xogħol tiegħu hu li jikkoordina l-movimenti tal-membri delegati, u jaħdem bħala rappreżentant tal-pajjiż lejn l-EBU fil-belt li tospita l-edizzjoni.[12] Membri tad-delegazzjoni jinkludu 'l-esebituri, awturi, kompożituri, uffiċċjali tal-istampa u — jekk orkestra hi wżata f'dik is-sena, u jekk il-kanzunetta jkollha bżonn — konduttur. Kull stazzjon jista' jagħmel użu minn kummentatur li jipprovdi l-kummentarju għas-serata għat-televiżjoni jew għar-radju, biex jixxandar fil-pajjiż rispettiv. Il-kummentaturi jingħataw kompartimenti tal-kummentarju li jinstabu wara l-arena wara l-udjenza.

Riħersals u konferenzi stampa

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Estonja jirriħersjaw fl-edizzjoni tal-2006

Tradizzjonalment, id-delegazzjonijiet jaslu fil-Ħadd ta' qabel il-Konkors, biex b'hekk ikunu jistgħu jkunu preżenti għar-riħersals li jibdew nhar it-Tnejn filgħodu. Madanakollu, bl-introduzzjoni tas-semifinali — b'riżultat b'hekk ta' numru ikbar ta' parteċipanti — mill-2004 l-ewwel riħersals bdew fil-ġimgħa ta' qabel il-Ġimgħa tal-Festival. Il-pajjiżi li jkunu qed jieħdu sehem fis-semifinali jagħmlu l-provi erbat ijiem qabel l-ewwel Ħamis sal-Ħadd, b'żewġ perjodi ta' provi jkunu permessi għal kull pajjiż. Il-pajjiżi li jkunu diġà kkwalifikaw direttament għall-finali jagħmlu l-provi fit-Tnejn u t-Tlieta tal-Ġimgħa tal-Eurovision.[19]

L-Iżvizzera tospita konferenza stampa fil-Eurovision 2006

Wara kull prova ta' kull pajjiż, id-delegazzjoni tiltaqa' mad-direttur artistiku tal-esebizzjoni fil-kamra fejn tiġi analizzata s-serata. Hawnhekk, huma jaraw vidjo tar-riħersal li tkun għadha kemm saret, fejn jiġi diskuss l-angoli tal-kamera, id-dawl u l-koreografija, biex b'hekk jiksbu l-effett estetiku massimufuq it-televiżjoni. F'dan il-punt, il-Kap tad-Delegazzjoni itarffu dwar il-bżonnijiet għall-esebizzjoni, u jagħmlu r-rikjesti tagħhom lill-istazzjon ospitu. Wara din il-laqgħa, id-delegazzjoni tagħmel konferenza stampa fejn membri tal-istampa akkreditata jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet.[19] Ir-riħersals u l-konferenzi stampi jsiru b'mod parallelu; dan jiġifieri li waqt li pajjiż ikun qed jagħmel konferenza, parteċipant ieħor ikun fl-awditorju jipprova. Taqsira stampata tal-mistoqsijiet u t-tweġibiet li jsiru fil-konferenzi stampi hi prodotta mill-uffiċċju tal-istampa ospitu, u imqassma lill-ġurnalisti.

Nhar il-Erbgħa tal-Ġimgħa tal-Eurovision isiru żewġ riħersals tas-semifinali bl-ilbies; nhar il-Ħamis filgħodu ssir l-aħħar riħersal bl-ilbes għas-semifinali qabel is-serata diretta ta' filgħaxija. Meta jsir magħruf kif se jitkantaw il-kanzunetti fil-finali, żewġ riħersals tal-finali bl-ilbies isiru nhar il-Ġimgħa, u oħra nhar is-Sibt filgħodu qabel it-trażmissjoni diretta tal-finali fis-Sibt filgħaxija.

Festini u l-Ewroklabb

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-Tnejn filgħaxija tal-Ġimgħa tal-Eurovision, isir festin imħejji mis-sindku, fejn l-amministrazzjoni tal-belt torganizza ċelebrazzjoni tal-wasla tal-Eurovision ġewwa belthom. Din ħafna drabi ssir f'muniċipalità kbira, fiċ-ċentru tal-belt. Id-delegazzjonijiet kollha jkunu invitati, u l-festin ikun ħafna drabi akkumpanjat mill-mużika diretta, ikel u xork, u f'dawn l-aħħar snin biġ-ġigġifogu.

Wara s-semifinali u l-finali jkun hemm l-festini ta' wara s-serati, fejn isiru jew f'faċilità fl-impjant jew f'post ieħor fil-belt.

L-Ewroklabb, jew Euroclub bl-Ingliż, jiġi mħejji f'kull lejl tal-ġimgħa, fejn diskoteka tkun allokata tema tal-Eurovision, fejn in-nies kollha jkunu invitati.[20]

Matul il-ġimgħa diversi delegazzjonijiet, tradizzjonalment, ospitaw il-festini tagħhom flimkien ma' dawk sponsorizzati uffiċjalment. Madanakollu, fil-millenju l-ġdid il-moda kienet tad-delegazzjonijiet nazzjonali biex jiċċentraw l-attività tagħhom fl-Ewroklabb.

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Votazzjoni fil-Festival tal-Eurovision.

Is-sistemi ta' votazzjoni wżati fil-Konkors tbiddlu matul il-kors tal-kompetizzjoni. Is-sistema moderna ġiet introdotta fl-1975. Il-pajjiżi jagħtu sett ta' punti minn 1 sa 8, imbagħad 10 u finalment it-12-il punt lill-kanzunetti tal-pajjiżi l-oħra — bil-kanunzetta l-aktar favorita tingħata t-tnax-il punt.

Storikament, il-voti tal-pajjiż kienu deċiżi mill-ġurija, imma fl-1997 ħames pajjiżi (l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit) esperimentaw bit-televot, billi jagħtu l-opportunità lill-pubbliku biex jagħżlu l-kanzunetta favorita. L-esperiment kien ta' suċċess[21] u mill-1998 'il quddiem kull pajjiż beda jiġi mħeġġeġ biex jimplementa din is-sistema. Il-ġurija għadha tintuża' fil-każ ta' nuqqas ta' televoti. Illum il-pubbliku jista' jivvota bl-SMS, flimkien mal-votazzjoni bil-linja fissa. Skont liema sistema li tintuża' ma tistax tivvota għal pajjiż li tkun qed tivvota minnu.

Preżentazzjoni tal-voti

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-riżultati temporarji waqt li Johnny Logan jaqra' l-voti Irlandiżi fl-2004

Wara li jkun spiċċa l-att tal-intervall, meta l-punti kollha jkunu ġew kalkulati, il-preżentatur(i) tas-serata jistieden lil kull pajjiż votant biex iħabbar ir-riżultati tal-voti f'dak il-pajjiż. Qabel l-1994, it-tħabbira tal-voti kienet issir permezz tal-linji telefoniċi, bil-vuċi tar-rappreżentant tal-voti jinstema' fl-awditorju għall-udjenza u għat-trażmissjoni televiżiva. Bil-wasla ta' aktar sistemi satellitari sostenibbli, mill-1994 'il quddiem il-persuna li taqra l-voti bdiet tidher fuq il-kamera mill-pajjiż rispettiv biex tippreżenta l-voti. Ħafna drabi, il-pajjiż jieħu l-opportunità biex juri lill-preżentatur tal-voti taħt sfond ta' xi post prominenti f'dak il-pajjiż. Saret kważi tradizzjoni li l-kelliema jagħmlu messaġġ qasir lill-ospiti u l-organizzaturi tas-serata fejn jirringrazzawhom tas-serata, qabel ma jagħtu l-voti tagħhom.

Il-voti jinqraw mill-inqas wieħed sakem jispiċċaw bil-massimu tat-tnax-il punt. Il-punti jiġu ripetuti mill-preżentaturi tal-Konkors bl-Ingliż u l-Franċiż, fejn dan ġab aktar komuni l-frażi "douze points" meta l-preżentatur jirrepeti l-punt massimu bil-Franċiż.

Mill-1957 sal-2003, il-pajjiżi ġew imsejħa bl-istess ordni kif il-kanzunetti ġew preżentati. Mill-2004, l-ordni ta' kif jitħabbru l-voti tal-pajjiżi nbidel, minħabba l-preżenza tas-semifinali, u l-fatt li pajjiżi li ma kinux qed jipparteċipaw xorta setgħu jivvutaw. Fl-2004, il-pajjiżi ġew imsejħa fl-ordni alfabetiku (skont il-kodiċi ISO).[22] Fl-2005, il-voti mis-semifinalisti li ma kinux ikkwalifikaw għall-finali ġew imxandra qabel, skont kif tkantaw fil-lejla ta' nhar il-Ħamis. Wara, il-finalisti taw il-voti tagħhom skont l-ordni kif kantaw. Mill-2006, beda jsir it-tlugħ tal-poloz separata fejn fiha jiġi determinat l-ordni kif il-pajjiżi jippreżentaw l-voti.

Mill-1971 sal-1973, kull pajjiż kien jibgħat żewġ membri tal-ġurija, li eżattament kienu preżenti fl-impjant fejn kien qed isir il-Konkors u kienu jħabbru l-voti tagħhom hekk kif il-kamera kienet tkun qed tiffoka fuqhom. Din is-sistema ġiet irtirata għas-sena suċċessiva.

Fl-1956, l-ebda vot pubbliku ma ġie preżentat: ġurija magħluqa sempliċiment ħabbret li l-iŻvizzera kienet rebħet. Mill-1957 sal-1987, il-punti kienu jitwerew permezz ta' bord fuq il-ġenb tal-palk fejn fiha kienu jitpoġġew il-punti. Hekk kif it-teknoloġija grafika diġitali għamlet progress, il-punti preżentati fiżikament ġew sospiżi fl-1988 b'rappreżentazzjoni elettronika li tista' tiġi muriha fuq l-iskrin tat-televiżjoni skont il-ħsieb tad-direttur tal-programm.[23]

Fl-2006, l-EBU iddeċidiet biex tikkonserva l-ħin matul ix-xandir — li l-parti l-kbira minnu kien meħud mit-tħabbira ta' kull punt — minħabba n-numru iktar jiżdied ta' pajjiżi votanti. Minn dakinhar 'il quddiem, il-punti minn 1 sas-7 bdew jidhru awtomatikament fuq l-iskrin, u l-preżentaturi tal-voti jħabbru biss it-8, l-10 u t-12-il punt individwalment.[24]

Il-fażi ta' votazzjoni hi immexxiha mis-sorveljant tal-EBU, li għandu r-responsabbilità li jassigura li l-punti kollha huma allokati eżattament. Is-sorveljant jiġi mtarraf minn quddiem tar-riżultati tal-aħħar ħames pajjiżi fl-ordni tal-votazzjoni, biex jassigura li ma jsiru l-ebda azzjonijiet taħt il-forma ta' votazzjoni tattika; fejn pereżempju pajjiż jista' jbiddel il-voti tiegħu wara li jara' kif ikunu r-riżultati.

Parità fl-ewwel post

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1969, kien għad m'hemmx sistema li tiddetermina d-differenza bejn pajjiżi li jispiċċaw bl-istess punti, u f'dik l-edizzjoni kienu erba' pajjiżi li spiċċaw fl-ewwel post skont in-numru totali ta' punti miksuba. Dawn kienu Franza, Spanja, l-Olanda u r-Renju Unit. Minħabba li ma kienx hemm regola biex tiddeċiedi min hu r-rebbieħ, l-erba' pajjiżi li huma ġew iddikjarati bħala rebbieħa. Din l-aħbar ġabet diżappuntament fost il-pajjiżi l-oħra parteċipi f'din il-kompetizzjoni, u diversi pajjiżi heddew li mhux se jieħdu sehem. L-Awstrija, il-Finlandja, l-Iżvezja, in-Norveġja u l-Portugall ma ħadux sehem fl-edizzjoni ta' wara tal-1970 bħala protesta għar-riżultati. Din ġabet lill-EBU biex jimplementaw regola ġdida.[21]

F'każ li aktar minn pajjiż wieħed jispiċċa fl-ewwel post, isir l-għadd tan-numru ta' pajjiżi li taw l-punti lil kull pajjiż li spiċċa l-ewwel post; min jirċievi l-aktar jispiċċa rebbieħ. Jekk in-numru jkun ukoll l-istess, isir l-għadd ta' tnax-il punt li rċieva kull pajjiż. Jekk jibqgħu l-istess, jiġu kkalkulati kemm il-għaxar punti rċevew — u wara kemm-il tmien punti rċevew sal-aħħar tal-lista. Jekk fil-każ l-aktar estrem dawn jiġu l-istess huma jiġu ddikjarati rebbieħa. L-istess regola tgħodd ukoll jekk aktar minn pajjiż wieħed jispiċċa f'kwalunkwe pożizzjoni oħra flimkien ma' pajjiż ieħor.[12]

Sal-2009, l-uniku darba mill-1969 li żewġ pajjiżi spiċċaw l-ewwel post bl-istess punti kien fl-1991, meta l-Iżvezja u Franza ġabu total ta' 146 punt. Fl-1991, ir-regola li jingħaddu n-numru ta' pajjiżi li vvutaw għal dawn iż-żewġ pajjiżi ma kinitx teżisti, u allura huma bdew jgħoddu kemm ġabu tnax-il punt. Kemm Franza u l-Iżvezja ġabu total ta' erba' settijiet ta' tnax-il punt. L-Iżvezja imma ġabu l-iktar numru ta' għaxar punti u allura kienu ddikjarati bħala rebbieħa. Kieku r-regola kurrenti kienet diġà fis-seħħ, Franza kienet tkun il-pajjiż rebbieħ.[21]

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Regoli tal-Festival tal-Eurovision.

Hemm numru ta' regoli li jridu jiġu osservati mill-pajjiżi parteċipanti. Ir-regoli huma numerużi, u kull sena jiġi prodott abbozz separat, li espliċitament jispeċifika d-dati fejn bejniethom ċerti avvenimenti jkunu jridu jsiru; pereżempju d-data finali fejn l-istazzjonijiet parteċipanti kollha jridu jibgħatu l-verżjoni finali rikordjata tal-kanzunetta lill-EBU. Ħafna regoli jappartjenu materji li jirrigwardaw ftehim dwar l-isponsorizzazzjoni u drittijiet tal-istazzjonijiet biex terġa' tiġi trażmessa s-serata f'ċertu ħin partikulari. L-aktar regoli distinti li eżattament jaffetwaw il-format u l-preżentazzjoni tal-Konkors tbiddlu xi ftit, u huma emfassizzati hawnhekk.

Fl-1958 kien ġie deċiż li minn dakinhar 'il quddiem, il-pajjiż rebbieħ seta' jospita l-Konkors fis-sena ta' wara.[6] Ir-rebbieħ tal-Festival tal-1957 kienet l-Olanda, u t-televiżjoni Olandiża aċċettat ir-responsabbilità li sservi ospitu fl-1958. Fis-snin segwenti kollha wara li din ir-regola bdiet tiġi applikata, kienu biss f'ħames snin partikulari li din ir-regola ma ġietx segwita. L-eċċezzjonijiet huma:

  • 1960—ospitat mill-BBC f'Londra meta l-Olanda irrifjutat minħabba l-ispejjeż. Ir-Renju Unit ġie magħżul biex jospita l-edizzjoni minħabba li kienu spiċċaw it-tieni fl-1959.[21]
  • 1963—ospitat mill-BBC f'Londra meta Franza irrifjutat minħabba l-ispejjeż. Minkejja li r-Renju Unit kienu spiċċaw ir-raba' fl-1962, Monako u l-Lussemburgu (li spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament) ilkoll ma aċċettawx.[21]
  • 1972—ospitat mill-BBC f'Edinburgu meta Monako ma setax jipprovdi impjant effiċjenti: it-televiżjoni Monegask stieden lill-BBC biex tieħu dan l-inkarigu minħabba l-esperjenza preċedenti.[21]
  • 1974—ospitat mill-BBC fi Brighton meta l-Lussemburgu irrifjuta minħabba l-ispejjeż. Il-BBC bdiet issir magħrufha bħala l-ospitu awtomatiku, jekk il-pajjiż rebbieħ jirtira ż-żamma tal-festival.[25]
  • 1980—ospitat mill-NOS fil-Ħag meta l-Awtorità tax-Xandir tal-Iżrael irrifjutat minħabba l-ispejjeż, u minħabba l-fatt li d-data magħżula għall-Konkors (19 ta' April) kienet Jum it-Tifkira ta' dik is-sena tal-Iżrael. L-Olandiżi offrew li jospitaw il-Konkors wara li diversi xandara (fosthom il-BBC) ma wrewx ħeġġa li jħejju l-edizzjoni.[21]

Mużika diretta

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-mużika kantanta kollha trid tiġi kantata diretta: l-ebda vuċijiet m'huma permessi li jkunu rikordjati u li jixxandru b'mod dirett waqt is-serata.[12] Fl-1999, il-kanzunetta Kroata kellha ħsejjes fid-diska tal-isfond li dehru li kienu vuċijiet umani. Id-delegazzjoni Kroata stqarriet li ma kien hemm l-ebda vuċi umana, imma biss ħsejjes sintetizzati diġitalment b'vokali replikati. L-EBU madanakollu iddeċidiet li huma kissru l-ispirtu tar-regoli, u tnaqqsulhom 33% tal-punti totali ta' dik is-sena li kienu jiġu wżati għall-kalkoli biex tiġi deċiża xi kwalifikazzjoni futura bbażata fuq il-punti miksuba fil-ħames snin preċedenti.[21]

Mill-1956 sal-1998, kien neċessarju li l-pajjiż ospitu jipprovdi orkestra diretta għall-użu tal-parteċipanti. Qabel l-1973, kull mużika kellha bżonn li tindaqq mill-orkestra magħżulha mill-pajjiż ospitu. Mill-1973 'il quddiem, kienu permessi li jsiru diski rikordjati, minkejja li xorta waħda l-pajjiż ospitu kien obbligat li jipprovdi orkestra biex b'hekk jipprovdi lill-parteċipanti xelta minn fejn jagħżlu. Jekk diska fl-isfond kienet użata, l-istrumenti kollha li jinstemgħu fuq id-diska iridu jkunu preżenti fuq il-palk. Fl-1997, dan il-bżonn ġie imwaqqa.[21]

Fl-1999, ir-regoli ġew riveduti u ġiet abolita l-obbligu li l-istazzjon ospitu jrid bilfors jipprovdi orkestra diretta, fejn ħalla din l-għażla f'idejn l-organizzaturi infishom.[21] L-ospitu ta' dik is-sena, l-Awtorità tax-Xandir Iżraelita, iddeċiediet biex ma tużax orkestra biex b'hekk issalva mill-ispejjeż, u l-1999 saret l-ewwel sena fejn il-kanzunetti kollha indaqqu b'mużika rikorjdata (b'vokali diretti). L-orkestra qatt ma għamlet aktar dehra fil-Festival; l-aħħar darba kienet fl-1998 meta l-BBC ospitat is-serata f'Birmingham.

Ir-regola li timponi biex pajjiż ikanta bil-lingwa nazzjonali tiegħu tbiddlet diversi drabi matul is-snin. Mill-1956 sal-1965, ma kien hemm l-ebda regola li kienet tirrestrinġi liema lingwi setgħu jitkantaw bihom il-kanzunetti. Madanakollu, fl-1966 ġiet imposta regola li kienet tgħid li l-kanzunetti riedu jiġu interpretati f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż parteċipanti.[6]

Ir-restrizzjoni tal-lingwa kompliet sal-1973, meta l-kantanti ngħataw il-libertà li jkantaw il-kanzunetta b'liema lingwa li riedu.[6] Diversi rebbieħa f'nofs is-snin sebgħin ħadu l-vantaġġ tal-libertà fil-lingwa, fejn kantanti minn pajjiżi li m'għandhomx il-lingwa Ingliża bħala lingwa nattiva kantaw bl-Ingliż, fosthom l-ABBA fl-1974.

Fl-1977, l-EBU iddeċidiet li terġa' tirrestrinġi s-selezzjoni tal-lingwa nazzjonali.[6] Madanakollu, il-Ġermanja u l-Belġju ingħataw dispensazzjoni speċjali hekk kif il-proċedura ta' selezzjoni kienet diġà fi stadji avvanzati biex isir xi tibdil.[21]

Fl-1999, ir-regola tbiddlet għal darb'oħra biex tingħata l-libertà tal-lingwa.[6] Din il-libertà lingwistika wasslet għall-parteċipazzjoni Belġjana fl-2003, Sanomi, kanzunetta kompletament b'lingwa immaġinarja.[26] Fl-2006, il-parteċipazzjoni Olandiża, Amambanda, kienet kantata parti bl-Ingliż u parti oħra b'lingwa artifiċjali;[26] u fl-2008, id-daħla Belġjana, "O Julissi" tkantat b'lingwa fittizja.[26]

Kull xandar parteċipanti huwa obbligat li jxandar is-serata kollha, li jinkludu l-kanzunetti, il-votazzjoni u r-rikapitulazzjoni tal-kanzunetti, fejn jinqabeż biss, jekk hu mixtieq, l-att tal-intervall għal waqfiet kummerċjali.[12] Mill-1999 'il quddiem, ix-xandara li xtaqu li jagħmlu dan ingħataw l-opportunità biex jieħdu aktar ħin għall-pubbliċità.

Argumenti fuq ir-rikonoxximent politiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1978, matul ix-xandir tal-kanzunetta tal-Iżrael, l-istazzjon tal-Ġordan JRTV issospenda x-xandir u wera stampi ta' fjuri. Meta deher lejn l-aħħar stadji tal-votazzjoni li l-Iżrael kien se jirbaħ il-Konkors, JRTV f'daqqa waħda temm it-trażmissjoni.[21] Wara, l-istampa tal-Ġordan irrifjutat biex tirrikonoxxi lill-Iżrael bħala r-rebbieħ u ħabbret li l-Belġju kien ir-rebbieħ (li fil-fatt spiċċa fit-tieni post).[27] Fl-2005, il-Libanu kien mistenni li jipparteċipa fil-Konkors. Madanakollu, il-liġi Lebaniża ma tħallix ir-rikonoxximent tal-Iżrael, u konsegwentament it-televiżjoni Lebaniża ma kinitx se xxandar ir-rappreżentazzjoni Iżraelita. L-EBU infurmathom li att bħal dan jikser ir-regoli tal-Festival, u sussegwentament il-Libanu kien infurzat biex jirtira mill-kompetizzjoni. L-irtirar tard mill-kompetizzjoni swiehom multa, minħabba li kienu diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni u d-data tal-applikazzjonijiet kienet diġà għaddiet.[28]

  • Fl-ewwel Konkors fl-1956, kien rakkomondat limitu ta' ħin ta' 3 minuti u nofs għal kull kanzunetta.[29] Fl-1957, minkejja ħafna protesti, il-kanzunetta Taljana kienet twila 5:09 minuti. Din wasslet biex fl-1962, il-limitu ta' ħin ġie revedut għal tliet minuti preċiżi.[30]
  • M'hemm l-ebda restrizzjoni imposta mill-EBU fuq in-nazzjonalità tal-kantant/i jew kittieba tal-kanzunetta. Madanakollu stazzjon, individwalment, jista' jimponi ċerti restrizzjonijiet.[12]
  • Mill-1957 sal-1970 (fl-1956 ma kien hemm l-ebda restrizzjoni), solisti u dwetti biss kienu permessi fuq il-palk. Mill-1963, kor magħmul minn massimu ta' tliet persuni kien permess. Mill-1971 'il quddiem, massimu ta' sitt persuni kienu permessi fuq il-palk.[12]
  • L-esebizzjoni u/jew il-lirika ta' kanzunetta "m'għandhomx inaqqsu r-reputazzjoni lill-Konkors".[12]
  • Mill-1990 'il quddiem, il-persuni kollha fuq il-palk iridu jkollhom tal-inqas sittax-il sena.[12]

Espansjoni tal-Festival

[immodifika | immodifika s-sors]
Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Parteċipazzjoni fil-Festival tal-Eurovision.
Parteċipanti regolari fl-1992. Il-"Jugożlavja" hu kkulurit bl-aħmar: l-1991 kienet l-aħħar sena fejn il-pajjiż ipparteċipa taħt isem wieħed.
Parteċipanti regolari fl-1994. Iż-żieda ta' pajjiżi mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u l-istati separati mill-eks-Jugożlavja, għamlu differenza assoluta fuq il-mappa tal-parteċipazzjoni tal-1992.

In-numru ta' pajjiżi parteċipanti kull sena kiber ġmielu matul is-snin, minn seba' parteċipanti fl-1956 għal aktar minn għoxrin lejn l-aħħar tas-snin tmenin. Fl-1993 kien hemm 25 pajjiż parteċipanti fil-kompetizzjoni, li jinkludu — għall-ewwel darba f'dik is-sena — lill-Bożnija u Ħerżegovina, il-Kroazja u l-Islovenja, li daħlu indipendentament wara s-seperazzjoni tal-Jugożlavja.

Minħabba l-fatt li l-Konkors hu programm televiżiv dirett, irid jiġi impost limitu ta' ħin fuq it-tul tas-serata. Fis-snin riċenti, il-limitu nominali kien ta' tliet sigħat, bix-xandira xi drabi taqbeż dan il-limitu. Fl-2005, il-programm kien twil xi ftit taħt it-tliet sigħat u nofs. Wara l-introduzzjoni tat-tħabbira imqassra tal-voti fl-2006, it-tul tas-serata kien ta' tliet sigħat u ħames minuti.

Preselezzjoni u relegazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-1993 'il quddiem, kien hemm aktar pajjiżi li xtaqu jipparteċipaw fil-Konkors milli kien hemm ħin biżżejjed biex dawn jitkantaw f'serata waħda. Diversi sistemi ta' relegazzjoni jew kwalifikazzjoni kienu, għalhekk, ġew ippruvati biex jillimitaw in-numru ta' pajjiżi parteċipanti fil-kompetizzjoni ta' kwalunkwe sena. Il-Konkors tal-1993 introduċa żewġ aspetti ġodda: l-ewwel, kompetizzjoni ta' preselezjoni li saret f'Ljubljana fejn seba' pajjiżi ġodda ikkompetew għal tliet postijiet fil-kompetizzjoni internazzjonali.[21] Il-Bożnija u Ħerżegovina, l-Estonja, il-Kroazja, ir-Rumanija, l-Islovenja, l-Islovakkja u l-Ungerija ħadu sehem fil-Kvalifikacija za Millstreet; u t-tielet repubbliki tal-eks-Jugożlavja — il-Bożnija u Ħerżegovina, il-Kroazja u l-Islovenja — ikkwalifikaw għal post fil-finali internazzjonali. F'dik is-sena ġiet introdotta r-relegazzjoni. Is-sitt pajjiżi li jkunu kklassifikaw fl-aħħar sitt postijiet fil-klassifika finali jkollhom jitilfu l-edizzjoni tas-sena ta' wara, biex b'hekk jagħtu ċans lil dawk il-pajjiżi li naqqsu mill-preselezzjoni tal-1993 għall-Konkors tal-1994.[21] Il-Festival tal-1994 inkluda wkoll, għall-ewwel darba, il-parteċipazzjoni tal-Litwanja, il-Polonja u r-Russja.

Ir-relegazzjoni tkompliet fl-1994 u fl-1995, imma fl-1996 sistema differenti ta' preselezzjoni ġiet użata, fejn kważi kull pajjiż ipparteċipa. Tejps akustiċi tal-kanzunetti kollha intbagħtu lill-ġurija f'kull pajjiż xi ġimgħat qabel is-serata televiżiva. Dawn il-ġuriji għażlu l-kanzunetti biex jipproċedu għas-serata finali.[31] In-Norveġja, bħala l-pajjiż ospitu tal-1996 (wara li rebħet l-edizzjoni tal-1995), ikkwalifikaw awtomatikament u b'hekk ġiet eskluża min-neċessità li tmur fi preselezzjoni.

Pajjiż wieħed li falla li jikkwalifika għall-preselezzjoni tal-1996 kienet il-Ġermanja. Bħala waħda mill-ikbar kontributuri finanzjari tal-EBU, flimkien mal-ikbar udjenza televiżiva fl-Ewropa, kemm huma u lanqas l-EBU ma kienu kuntenti bl-esklużjoni tagħhom mill-finali internazzjonali.[31]

"L-Erbgħa l-Kbar"

[immodifika | immodifika s-sors]

Mis-sena 2000 'il quddiem, erba' pajjiżi partikulari ngħataw id-dritt li jikkwalifikaw direttament għall-finali tal-edizzjoni suċċessiva, bil-pożizzjoni fil-klassifika finali ma tiddeterminax jekk jikkwalifikawx jew le.[21] Huma ngħataw dan l-istat speċjali minħabba li huma huma l-ikbar erba' kontributuri finanzjarji tal-EBU (li mingħajrhom il-produzzjoni tal-Festival ikun impossibli). Dawn il-pajjiżi huma l-Ġermanja, Franza, Spanja u r-Renju Unit. Minħabba dan l-istat tagħhom fil-Konkors, il-pajjiżi saru magħrufa bħala "L-Erbgħa l-Kbar" jew bl-Ingliż Big Four.

Kwalifikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-1997 sal-2001, il-pajjiżi kienu jikkwalifikaw għal kull Konkors skont il-medja ta' punti miksuba fuq il-ħames snin preċedenti. Madanakollu, kien hemm skuntentizza kbira fuq din is-sistema minħabba li pajjiż jista' jkun ikkastigat li ma jidħolx minħabba riżultati fqar miksuba, hekk kif din is-sistema ma kinitx tieħu għar-rigward kemm tajjeb attentat ġdid jista' jkun. Din wasslet lill-EBU biex toħloq dak li kien maħsub li se jwassal għal soluzzjoni permanenti ta' din il-problema, li kienet li jkun hemm żewġ serati kull sena: rawnd ta' kwalifikazzjoni, u l-finali. F'dawn iż-żewġ serati jkun hemm biżżejjed ħin ta' xandir biex jinkludu l-pajjiżi kollha li xtaqu li jipparteċipaw, kull sena.

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Rebbieħa tal-Festival tal-Eurovision.
Lys Assia, rebbieħa tal-ewwel Eurovision (1956) u Dima Bilan, rebbieħ fl-2008.

Ir-rebħ tal-Eurovision jipprovdi opportunità unika għall-artist rebbieħ biex jibni karriera internazzjonali u jagħmel suċċess. Madanakollu, fl-istorja tal-festival relativament ftit ismijiet għamlu suċċess kbir.

L-aktar artisti magħrufa li rebħu l-festival u li l-karriera taggħhom bdiet wara s-suċċess fil-Eurovision huma l-grupp ABBA, li rebħu l-edizzjoni tal-1974 f'isem l-Iżvezja bil-kanzunetta "Waterloo". ABBA spiċċaw biex saru l-aktar grupp ta' suċċess ta' dik l-epoka.

Artista popolari oħra li sussegwentament kisbet fama u suċċess internazzjonali kienet Céline Dion, li rebħet il-Konkors għall-Iżvizzera fl-1988 bil-kanzunetta "Ne Partez Pas Sans Moi". Is-suċċess ta' Dion, però, mhuwiex direttament attribwit għar-rebħ tagħha tal-Konkors, hekk kif hi kisbet il-fama internazzjonali xi snin wara.

Artisti oħra li kisbu suċċess wara li rebħu l-Festival tal-Eurovision jinkludu lil France Gall ("Poupée De Cire, Poupée De Son", Lussemburgu 1965), Dana ("All Kinds of Everything", Irlanda 1970), Vicky Leandros ("Après Toi", Lussemburgu 1972), Brotherhood of Man ("Save Your Kisses for Me", Renju Unit 1976), Marie Myriam ("L'oiseau et l'enfant", Franza 1977), Johnny Logan (li rebaħ darbtejn għall-Irlanda; "What's Another Year?" fl-1980, u "Hold Me Now" fl-1987), Bucks Fizz ("Making Your Mind Up", Renju Unit 1981), u Nicole ("Ein Bißchen Frieden", Ġermanja 1982). Ħafna rebbieħa oħra jinkludu artisti magħrufa li rebħu l-Konkors f'nofs il-karriera, wara li kienu diġà stabilixxew ruħhom bħala artisti ta' suċċess.

Xi artisti, madanakollu, spiċċaw biex għebew fl-oskurità, fejn għamlu ftit jew l-ebda impatt fuq ix-xena tal-mużika internazzjonali wara r-rebħa tagħhom.

L-Irlanda żżomm ir-rekord għall-ikbar numru ta' rebħiet, hekk kif rebħet il-Festival total ta' seba' darbiet &mdash inklużi wkoll tliet darbiet wara xulxin bejn l-1992 u l-1994. Fit-tieni post insibu lir-Renju Unit, Franza u l-Lussemburgu b'total ta' ħames rebħiet kull wieħed.

L-ewwl snin tal-Knkors raw ħafna rebħiet għall-pajjiżi "tradizzjonali" tal-Eurovision: Franza, l-Olanda u l-Lussemburgu. Madanakollu, is-suċċess ta' dawn il-pajjiżi naqas fis-snin riċenti: l-aħħar rebħa tal-Olanda tmur lura lejn l-1975, ta' Franza fl-1977 u tal-Lussemburgu fl-1983. L-aħħar darba li l-Lussemburgu daħal fil-festival kien fl-1993.

L-ewwel snin tas-seklu 21 raw bħala rebbieħa pajjiżi li rebħu l-Konkors għall-ewwel darba, kemm minn pajjiżi "ġodda" u anki minn pajjiżi li kienu ilhom jieħdu sehem fil-Festival mingħajr ma kienu kisbu rebħa waħda. Kull sena mill-2001 sal-2008 irriżultat f'rebħiet għall-pajjiżi ġodda. Fl-2006, ir-rebbieħa kienet il-Finlandja li wara 45 sena ta' parteċipazzjoni rnexxielha tirbaħ l-ewwel titlu tagħha. L-Ukrajna min-naħa l-oħra ma kellhiex bżonn tistenna ħafna minħabba li fit-tieni parteċipazzjoni tagħha fl-2004, irnexxiela tirbaħ. Is-Serbja rebħet fl-ewwel sena li daħlet bħala pajjiż indipendenti (mhux mal-Montenegro), fl-2007.

Sal-2009, il-pajjiż li l-aktar ipparteċipa mingħajr ma kiseb ebda rebħa hu l-Portugall. Huma daħlu l-ewwel darba fl-1964 u għadhom jistennew l-ewwel rebħa.

Kritika u kontroversja

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Konkors kien suġġett għall-kritika dwar kemm minħabba l-kontenut mużikali tiegħu u l-perċezzjoni li dan il-Festival hu aktar mibni fuq politika milli fuq il-mużika.[32]

L-istil mużikali u l-preżentazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Minħabba l-fatt li l-kanzunetti jitkantaw lil udjenza internazzjonali li lkoll għandhom gosti mużikali differenti, il-pajjiżi jippruvaw jagħmlu l-kanzunetti tagħhom applikabbli kemm jistgħu jkun għall-akbar numru ta' nies possibli biex ikunu jistgħu jiksbu l-massimu tal-voti, fejn il-maġġoranza tal-kanzunetti storikament kienu fuq ġeneru middle of the road pop. Kienu ftit il-kanzunetti li għamlu suċċess taħt xi forma ta' ġeneru ieħor, fejn din wasslet għal kritika li l-mużika f'dan il-Festival hi "bubblegum pop".[33] Madanakollu, dan il-mudell tant stabbilit ġie miksur fl-2006 bir-rebħa tal-grupp hard rock Finlandiż Lordi. Minħabba li tkun serata viżwali, ħafna esebituri jippruvaw jattiraw l-attenzjoni tal-votanti permezz ta' mezzi oħra barra l-mużika.

Votazzjoni politika u nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Konkors ilu mħares bħala festival li hu influwenzat politikament, fejn il-ġurija — u issa l-votanti — jallokaw il-punti bbażati fuq ir-relazzjoni politika tal-pajjiż tagħhom mal-pajjiżi l-oħra, aktar milli fuq l-merti mużikali tal-kanzunetti.[34] Skont analisi fuq il-votazzjoni juri biċ-ċar li fil-fatt ċerti pajjiżi jiffavurixxu pajjiżi oħra li huma politikament relatati.[35] Difensuri ta' dan il-festival jargumentaw li r-raġuni minħabba li ċerti pajjiżi jallokaw il-punti milf għoljin lil oħrajn hu minħabba li n-nies ta' dawn il-pajjiżi jaqsmu gosti mużikali u kulturi simili u jitkellmu lingwi simili,[36] u għalhekk hemm aktar iċ-ċans li japprezzaw il-mużika ta' xulxin: pereżempju, l-ispjegazzjoni tal-iskambju tat-tnax-il punt bejn il-Greċja u Ċipru (kull darba minn mindu bdiet il-votazzjoni popolari fl-1998, minbarra fl-edizzjoni tal-2009 fejn il-Greċja tat it-tnax-il punt lir-Renju Unit) hu minħabba li huma jaqsmu l-istess industrija mużikali u l-istess lingwa, u l-artisti li huma popolari f'pajjiżi huma popolari fin-nazzjon l-ieħor.

Fattur influwenti ieħor hu l-proporzjon qawwi ta' espatrijati li jgħixu f'ċerti pajjiżi, ħafna drabi minħabba problemi politiċi riċenti. Minkejja li pajjiżi ma jistax jivvota għal pajjiżu, huwa possibbli għal nies espatrijati li jieħdu vantaġġ li jkunu jistgħu jivvutaw għal pajjiżhom waqt li jkunu qed jivvutaw minn pajjiż ieħor. Il-voti ta' pajjiżi b'popolazjonijiet kbar ta' nies li mhumiex tal-post, jistgħu jiġu influwenzati ħafna. Din kienet ir-raġuni li ġiet preżentata għall-votazzjoni bejn il-pajjiżi Balkaniċi li kienu jiffurmaw il-Jugożlavja.

  1. ^ "Finland wins Eurovision contest" (bl-Ingliż). Al Jazeera. 2006-05-21. Miġbur 2007-05-08.
  2. ^ "Eurovision song contest 2006 - live streaming" (bl-Ingliż). Octoshape. 2006-06-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-02-15. Miġbur 2007-11-23.
  3. ^ a b Jaquin, Patrick (2004-12-01). "Eurovision's Golden Jubilee" (bl-Ingliż). EBU. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2004-08-11. Miġbur 2008-09-20.
  4. ^ "History of Eurovision" (bl-Ingliż). BBC. 2003. Miġbur 2007-11-23.
  5. ^ Fisher, David (2006-01-28). "Media Statistics: 1951" (bl-Ingliż). Terra Media. Miġbur 2008-09-13.
  6. ^ a b ċ d e f ġ g "Historical Milestones". eurovision.tv (bl-Ingliż). 2005. Arkivjat mill-orġinal fl-2006-05-26. Miġbur 2007-11-23.
  7. ^ Thomas, Franck; Balmer, Laurent (1999). "Histoire 1956 à 1959". eurovision-fr.net (bil-Franċiż). Arkivjat mill-orġinal fl-2006-05-02. Miġbur 2006-07-17.
  8. ^ "1974: Brighton, United Kingdom". eurovision.tv (bl-Ingliż). Arkivjat mill-orġinal fl-2005-10-24. Miġbur 2008-11-20.
  9. ^ Barnes, Clive. "Riverdance Ten Years on". RiverDance.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-05-22. Miġbur 2006-07-27.
  10. ^ a b "Membership conditions" (bl-Ingliż). EBU. 2006-02-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-02-06. Miġbur 2008-09-20.
  11. ^ Repo, Juha (2009-05-12). "Gulf nation wants to join Eurovision". esctoday.com (bl-Ingliż). Miġbur 2009-05-12.
  12. ^ a b ċ d e f ġ g "Rules of the 2005 Eurovision Song Contest". eurovision.tv (bl-Ingliż). 2005. Arkivjat mill-orġinal fl-2006-02-10. Miġbur 2008-09-20.
  13. ^ Floras, Stella (2007-01-03). "Top TV ratings for Melodifestivalen". esctoday.com (bl-Ingliż). Miġbur 2008-09-20.
  14. ^ "Operación Triunfo: Un intenso camino hacia el festival de eurovision" (bl-Ispanjol). Terra Networks España. Miġbur 2008-09-20.
  15. ^ Fawkes, Helen (2005-05-19). "Ukrainian hosts' high hopes for Eurovision" (bl-Ingliż). BBC News. Miġbur 2006-07-15.
  16. ^ "Millstreet". cork-guide.ie (bl-Ingliż). 2006-05-19. Miġbur 2008-09-20.
  17. ^ "Eurovision 1993 - The Venue". doteurovision.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2004-06-23. Miġbur 2008-09-20.
  18. ^ Marone, John. "Where Do We Put The Foreign Tourists?". ukraine-observer.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-01-30. Miġbur 2008-10-21.
  19. ^ a b "Rehearsal Schedule". eurovision.tv (bl-Ingliż). 2006. Arkivjat mill-orġinal fl-2006-05-26. Miġbur 2008-09-23.
  20. ^ Bakker, Sietse (2006-05-03). "Athens 2006: where's the party?". esctoday.com (bl-Ingliż). Miġbur 2008-09-23.
  21. ^ a b ċ d e f ġ g h ħ i ie j k O'Connor, John Kennedy (005). The Eurovision Song Contest 50 Years The Official History (bl-Ingliż). Carlton Books Limited. ISBN 1-84442-586-X.
  22. ^ "Eurovision 2004 - Voting Briefing". eurovision.tv (bl-Ingliż). 2004-05-12. Arkivjat mill-orġinal fl-2005-05-07. Miġbur 2008-09-24.
  23. ^ "A to Z of Eurovision" (bl-Ingliż). BBC. Miġbur 2008-09-24.
  24. ^ "Results from the draw". eurovision.tv (bl-Ingliż). 2006-03-21. Arkivjat mill-orġinal fl-2006-05-27. Miġbur 2008-09-24.
  25. ^ "1974: Brighton, United Kingdom". eurovision.tv (bl-Ingliż). Arkivjat mill-orġinal fl-2005-10-24. Miġbur 2008-09-25.
  26. ^ a b ċ Schacht, Andreas (2008-03-09). "Ishtar for Belgium to Belgrade!" (bl-Ingliż). European Broadcasting Union. Miġbur 2009-07-19.
  27. ^ "Eurovision Song Contest 1978". esctoday.com (bl-Ingliż). 2005. Miġbur 2008-09-30.
  28. ^ "Lebanon withdraws from Eurovision" (bl-Ingliż). BBC News. 2005-03-18. Miġbur 2008-09-30.
  29. ^ "Reglement du Grand Prix Eurovision 1956 De La Chanson Européenne" (PDF) (bil-Franċiż). European Broadcasting Union. Miġbur 2009-07-19.
  30. ^ "Eurovision Song Contest 1957" (bl-Ingliż). European Broadcasting Union. Miġbur 2009-07-19.
  31. ^ a b "Eurovision Song Contest 1996" (bl-Ingliż). European Broadcasting Union. Miġbur 2009-07-18.
  32. ^ "Politics 'not Eurovision factor'" (bl-Ingliż). BBC News. 2007-05-09. Miġbur 2008-10-09.
  33. ^ Stevenson, Jack (2006-05-04). "Eurovision: The Candy-Coated Song Factory" (bl-Ingliż). Bubblegum University. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-06-14. Miġbur 2008-10-10.
  34. ^ "Eurovision votes 'farce' attack" (bl-Ingliż). BBC News. 2004-05-16. Miġbur 2008-10-10.
  35. ^ Fenn, Daniel; Suleman, Omer; Efstathiou, Janet; Johnson, Neil F. (2006-05-22). "Connections, cliques and compatibility between countries in the Eurovision Song Contest". arxiv.org (bl-Ingliż). Miġbur 2008-10-10.
  36. ^ Spierdjik, Laura; Vellekoop, Michel (2006-05-18). "Geography, Culture, and Religion: Explaining the Bias in Eurovision Song Contest Voting" (PDF). rug.nl (bl-Ingliż). Miġbur 2008-10-10.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]