Tim nazzjonali tal-futbol tal-Ukrajna

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ukrajna
Ukrajna
Psewdonimu Синьо-жовті (Il-Koħol u s-Sofor)
Збірна (It-Tim Nazzjonali)
Assoċjazzjoni Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Ukrajna
Konfederazzjoni UEFA (Ewropa)
Kowċ Oleksandr Petrakov
Kaptan Andriy Yarmolenko
Rekord ta' preżenzi Anatoliy Tymoshchuk (144)[a]
Rekord ta' gowls Andriy Shevchenko (48)
Kodiċi tal-FIFA UKR
L-ewwel kulur
It-tieni kulur
It-tielet kulur
Klassifika tal-FIFA
Pożizzjoni attwali 27 (Awwissu 2022)
L-ogħla 11 (Frar 2007)
L-inqas 132 (Settembru 1993)
L-ewwel logħba
Ukrajna Ukrajna 1–3 Ungerija 
(Uzhhorod, Ukrajna; 29 ta' April 1992)
L-ikbar rebħa
Ukrajna Ukrajna 9–0 San Marino 
(Lviv, Ukrajna; 6 ta' Settembru 2013)
L-ikbar telfa
 Franza 7–1 Ukrajna Ukrajna
(Saint-Denis, Franza; 7 ta' Ottubru 2020)
Tazza tad-Dinja
Preżenzi 1 (l-ewwel fl-2006)
L-aqwa riżultat Kwarti tal-finali (2006)
Kampjonati Ewropej
Preżenzi 3 (l-ewwel fl-2012)
L-aqwa riżultat Kwarti tal-finali (2020)

It-tim nazzjonali tal-futbol tal-Ukrajna (bl-Ukren: Збірна України з футболу) jirrappreżenta lill-Ukrajna fil-futbol internazzjonali u hu mmexxi mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Ukrajna.

It-tim sar membru tal-UEFA u l-FIFA fl-1992 wara l-qsim tal-Unjoni Sovjetika.[2] Huma lagħbu l-ewwel logħba tagħhom fid-29 ta' April 1992 kontra l-Ungerija u fit-Tazza tad-Dinja tal-2006 għamlu d-debutt tagħhom f'kompetizzjoni maġġuri. Sitt snin wara ospitaw il-Kampjonati Ewropej tal-2012.[2]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika, it-tim nazzjonali Ukren lagħab l-ewwel logħba uffiċjali fid-29 ta' April 1992 kontra l-Ungerija f'telfa ta' 3–1. Għal-logħba l-Ukrajna kienet nieqsa kemm mill-preparazzjoni, hekk kif iltaqgħu fis-27 ta' April u vvjaġġaw l-għada għall-belt ta' Uzhhorod, kif ukoll minn plejers ta' esperjenza li kienu qegħdin jilgħabu mal-Komunità tal-Istati Indipendenti f'logħba ta' ħbiberija kontra l-Ingilterra ġewwa Moska.[3][4]

Qabel it-twelid tat-tim nazzjonali proprju, ħafna plejers Ukreni kienu pedini importanti fit-tim tal-Unjoni Sovjetika li ħalla figura tajba fit-Tazza tad-Dinja tal-1986 u fil-Kampjonati Ewropej tal-1988. Sebgħa mill-ħdax li lagħbu il-finali tal-Kampjonati Ewropej kienu Ukreni. Ħafna minn dawn il-plejers għażlu li jirrapreżentaw lir-Russja minflok art twelidhom hekk kif il-FIFA għażlet lir-Russja bħala l-werrieta tat-tim nazzjonali Sovjetiku.

Minkejja l-abbandun ta' diversi plejers Sovjetiċi b'oriġini Ukreni, id-disgħinijiet kien perjodu tajjeb. Dan deher l-aktar fil-produzzjoni ta' plejers bħal Anatoliy Tymoshchuk u Andriy Voronin, kif ukoll talenti mill-mixtla ta' Dynamo Kyiv, fosthom Andriy Shevchenko, wieħed mill-aktar attakkanti ta' stoffa ta' dak iż-żmien u li iktar tard sar kaptan u emblema tat-tim. Għal tliet drabi in fila, bejn l-1998 u l-2002, it-tim Ukren naqas li jagħmilha għat-Tazza tad-Dinja u l-Kampjonati Ewropej wara telfiet fl-aħħar logħob ta' spareġġ wara li kienu spiċċaw it-tieni fil-grupp ta' kwalifikazzjoni.

Għall-fażi ta' kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2006, l-Assoċjazzjoni Ukrena ħatret lil Oleg Blokhin bħala l-kowċ nazzjonali. Huma spiċċaw l-ewwel fil-grupp quddiem il-Greċja (ċampjin Ewropew attwali), it-Turkija u d-Danimarka b'telfa waħda minn tnax-il logħba. Din kienet l-ewwel kwalifikazzjoni tagħhom għat-Tazza tad-Dinja, iggwidati mill-istilla u rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb Andriy Shevchenko li skorja sitt gowls fi tmintax-il logħba. Fit-turnew li sar fil-Ġermanja huma kienu fi grupp ma' Spanja, it-Tuneżija u l-Arabja Sawdija. Wara telfa ta' 4–0 fl-ewwel logħba kontra Spanja, l-Ukreni rrispondew fil-logħbiet l-oħra b'żewġ rebħiet. Fir-rawnd tal-aħħar sittax, huma affaċċjaw lill-Iżvizzera. Il-logħba marret għall-ħin barrani u l-Ukreni ħarġu rebbieħa wara l-għoti tal-penalties grazzi għas-salvataġġi ta' Oleksandr Shovkovsky. Fil-kwarti tal-finali, l-Ukrajna sabet lill-Italja li ttrijonfat b'rebħa ta' 3–0 u baqgħet sejra biex tirbaħ it-turnew.

Andriy Shevchenko jiċċelebra wieħed mill-gowls fir-rebħa kontra l-Iżvezja fil-Kampjonati Ewropej tal-2012.

L-Ukrajna kellha tistenna sal-Kampjonati Ewropej tal-2012 biex tieħu sehem għal darb'oħra f'kompetizzjoni maġġuri u dan seħħ minħabba li kienet pajjiż ospitu flimkien ma' Polonja.[2] Fl-ewwel logħba, l-Ukrajna rebħet lill-Iżvezja b'doppjetta ta' Shevchenko, madanakollu ġiet eliminata wara żewġ telfiet kontra Franza u l-Ingilterra.[5]

Għat-Tazza tad-Dinja tal-2014, l-Ukrajna reġgħet sofriet disfatta fil-play-offs hekk kif minkejja li kienet rebħet l-ewwel leg kontra Franza bl-iskor ta' 2–0, il-Franċiżi rrispondew ġewwa darhom b'rebħa ta' 3–0. Fil-Kampjonati Ewropej ta' sentejn wara, l-Ukrajna reġgħet kisbet post fil-play-offs wara li temmet l-impenji tal-kwalifikazzjoni fit-tielet post. Din id-darba rebħet l-ispareġġ kontra s-Slovenja, però l-prestazzjoni fil-fażi finali kienet diżappuntanti: wara żewġ telfiet kontra l-Ġermanja u l-Irlanda ta' Fuq, l-Ukreni kienu l-ewwel mill-eliminati. L-aħħar logħba kontra l-Polonja kienet mitlufa wkoll biex għalqu l-avventura tagħhom mingħajr punti u mingħajr gowl wieħed.

F'Lulju tal-2016 Shevchenko ġie maħtur kowċ tat-tim nazzjonali.[6] Għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 li kienet se ssir fil-pajjiż ġirien tar-Russja, l-Ukreni kienu fi triq tal-kwalifikazzjoni, imma żewġ telfiet fl-aħħar tliet logħbiet kontra l-Iżlanda u l-Kroazja tefgħuhom fit-tielet post u barra mill-postijiet ta' kwalifikazzjoni.[7] Fil-Kampjonati Ewropej tal-2020, li saru fl-2021 minħabba l-pandemija tal-COVID-19, wara l-kwalifikazzjoni bħala l-ewwel fil-grupp, huma rebħu logħba waħda minn tlieta fil-grupp tal-fażi finali. It-tliet punti kienu biżżejjed biex jgħaddu għar-rawnd ta' wara minħabba li l-Ukrajna kienet ir-raba' l-aqwa tim mis-sitta li spiċċaw it-tielet fil-gruppi. Din kienet l-ewwel darba li qabżu l-gruppi fil-Kampjonati Ewropej. Fl-aħħar sittax huma għelbu lill-Iżvezja 2–1 fil-ħin barrani grazzi għall-gowl tar-rebħa ta' Artem Dovbyk, però ġew eliminati mill-Ingilttera fil-kwarti tal-finali, li xorta jibqa' l-aqwa riżultat għall-Ukrajna f'din il-kompetizzjoni.[8]

Rekord kompetittiv[immodifika | immodifika s-sors]

Tazza tad-Dinja[immodifika | immodifika s-sors]

Sena Fażi Pożizzjoni L R D T GF GK
Mill-1930 sal-1990 kienu parti mill-Unjoni Sovjetika
Stati Uniti 1994 Mhux ammessi[b]
Franza 1998 Ma kkwalifikawx
Korea t'Isfel Ġappun 2002
Ġermanja 2006 Kwarti tal-finali 8 5 2 1 2 5 7
Afrika t'Isfel 2010 Ma kkwalifikawx
Brażil 2014
Russja 2018
Qatar 2022
Kanada Messiku Stati Uniti 2026
Total Kwarti tal-finali 1/8 5 2 1 2 5 7

Kampjonati Ewropej[immodifika | immodifika s-sors]

Sena Fażi Pożizzjoni L R D T GF GK
Mill-1930 sal-1992 kienu parti mill-Unjoni Sovjetika u l-Komunità tal-Istati Indipendenti
Ingilterra 1996 Ma kkwalifikawx
Belġju Netherlands 2000
Portugall 2004
Awstrija Żvizzera 2008
Polonja Ukrajna 2012 Fażi tal-gruppi 12 3 1 0 2 2 4
Franza 2016 24 3 0 0 3 0 5
Unjoni Ewropea 2020 Kwarti tal-finali 8 5 2 0 3 6 10
Ġermanja 2024
Total Kwarti tal-finali 3/8 11 3 0 8 8 19

Rekords tal-plejers[immodifika | immodifika s-sors]

L-aktar preżenzi[immodifika | immodifika s-sors]

Anatoliy Tymoshchuk u Andriy Shevchenko huma l-plejers bl-aktar preżenzi u gowls rispettivament bil-flokk tat-tim nazzjonali Ukren.
Andriy Shevchenko fl-okkażjoni tal-mitt logħba tiegħu mal-Ukrajna fl-2010.
Poż. Plejer Preżenzi Gowls Perjodu
1 Anatoliy Tymoshchuk[a] 144 4 2000–2016
2 Andriy Shevchenko 111 48 1995–2012
3 Andriy Yarmolenko 109 45 2009–
4 Andriy Pyatov 102 0 2007–2022
5 Ruslan Rotan 100 8 2003–2018
6 Oleh Husyev 98 13 2003–2016
7 Oleksandr Shovkovskyi 92 0 1994–2012
8 Yevhen Konoplyanka 86 21 2010–
9 Serhiy Rebrov 75 15 1992–2006
10 Andriy Voronin 74 8 2002–2012

L-aktar gowls[immodifika | immodifika s-sors]

Poż. Plejer Gowls Preżenzi Perjodu
1 Andriy Shevchenko 48 111 1995–2012
2 Andriy Yarmolenko 45 109 2009–
3 Yevhen Konoplyanka 21 86 2010–
4 Serhiy Rebrov 15 75 1992–2006
5 Roman Yaremchuk 13 39 2018–
Oleh Husyev 13 98 2003–2016
7 Serhiy Nazarenko 12 56 2003–2012
8 Yevhen Seleznyov 11 58 2008–2018
9 Andriy Vorobey 9 68 2000–2008
Andriy Husin 9 71 1993–2006

Noti[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b Nhar il-11 ta' Marzu 2022, l-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Ukrajna ħassret il-preżenzi u l-gowls ta' Tymoshchuk mat-tim nazzjonali minħabba li kien irrifjuta li jitkellem kontra l-invażjoni Russa tal-Ukrajna tal-2022.[1]
  2. ^ Il-FIFA għażlet li ma tħallix lit-timijiet nazzjonali tar-repubbliki Sovjetiċi li ma ħadux sehem fil-polza tal-kwalifikazzjoni tat-8 ta' Diċembru 1991 li jipparteċipaw fil-fażi finali.[9] Proposta mill-Ukrajna sabiex isir kampjonat separat għas-suċċessi Sovjetiċi ġie mblukkat mir-Russja.[10]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Ukraine FA calls for ex-captain to be punished" (bl-Ingliż). BBC Sport. Miġbur 2022-03-12.
  2. ^ a b ċ "Ukraine" (bl-Ingliż). UEFA. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-02-09.
  3. ^ "СБОРНАЯ СНГ' 1992 / СБОРНАЯ РОССИИ' 1992" [CIS TEAM 1992 / RUSSIA TEAM 1992]. Rusteam.permian.ru (bir-Russu). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-07-26.
  4. ^ "The first match in the history of the national team of Ukraine: how it was 29 years ago" (bl-Ingliż). Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Ukrajna (UAF). 2022-04-29.
  5. ^ Di Maggio, Roberto (2014-11-20). "European Championship 2012" (bl-Ingliż). RSSSF.
  6. ^ "Andriy Shevchenko: Ukraine appoint former AC Mlian and Chelsea striker as manager" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2016-07-15.
  7. ^ "Croatia grab 2018 FIFA World Cup play-off place after Andrej Kramaric heroics" (bl-Ingliż). The Indian Express. 2017-10-10.
  8. ^ McNulty, Phil (2021-07-03). "Ukraine 0-4 England: Ruthless England set up Denmark semi-final" (bl-Ingliż). BBC Sport.
  9. ^ "На переправе" [At the crossing] (bl-Ukren). Kopanyi myach. 2000. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-08-14.
  10. ^ "Прорубили окно в Америку" [We hacked window to America] (bl-Ukren). Fanat. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-05.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]