Tazza tad-Dinja tal-Futbol
Staġun jew kompetizzjoni attwali: Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2022 | |
Sport | Futbol |
---|---|
Fundazzjoni | 1930 |
Nru. ta' timijiet | 32 (fażi finali) |
Reġjun | Internazzjonali (FIFA) |
Ċampjin attwali | Arġentina (3 titlu) |
L-aktar rebħiet | Brażil (5 titli) |
Sit elettroniku | fifa.com/worldcup |
It-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, magħrufha wkoll bħala t-Tazza tad-Dinja tal-Futbol jew sempliċement bħala t-Tazza tad-Dinja, hija kompetizzjoni internazzjonali tal-futbol li tintlagħab mit-timijiet nazzjonali tal-irġiel membri tal-Fédération Internationale de Football Association (FIFA). Dan il-kampjonat ra l-bidu tiegħu fl-1930 u apparti minn waqfien bejn l-1942 u l-1946 minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija, dan intlagħab kull erba' snin. Ir-rebbieħa attwali huma Franza li rebħu t-tieni titlu fl-edizzjoni tal-2018 li saret ġewwa r-Russja.
Il-format tal-kompetizzjoni jinvolvi fażi ta' kwalifikazzjoni li ssir fit-tliet snin qabel il-fażi finali, li tiddetermina t-32 tim (fosthom il-pajjiż ospitanti) li jagħmluha għal din il-fażi. Il-logħob jintlagħbu kollha fi grawnds mifruxa fil-pajjiż(i) ospitanti fuq medda ta' xahar.
Matul t-22 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, tmien pajjiżi għollew it-trofew. Il-Brażil rebħu t-Tazza tad-Dinja total ta' ħames darbiet, u huma l-uniċi li ħadu sehem f'kull edizzjoni. L-Italja u l-Ġermanja ttrijonfaw għal erba' darbiet kull wieħed; l-Arġentina kisbu tliet tliet; Franza u l-Urugwaj ħadu t-titlu darbtejn kull wieħed; u l-Ingilterra u Spanja ħadu titlu kull wieħed.
Minbarra li hi meqjusa bħala l-ogħla unur fil-logħba tal-futbol, it-Tazza tad-Dinja hija l-aktar avveniment sportiv segwit fid-dinja, quddiem il-Logħob Olimpiku. It-total ta' spettaturi għal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja 2006 kien stmat li laħaq is-26.29 biljun ruħ, b'715.1 miljun persuna jaraw il-finali.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Kompetizzjonijiet internazzjonali preċedenti
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel logħba internazzjonali ntlagħbet fl-1872 bejn l-Ingilterra u l-Iskozja,[2] minkejja li f'dak l-istadju l-isport ftit li xejn kien magħruf barra mir-Renju Unit.
Madanakollu, mal-bidu tas-seklu għoxrin il-folja nqalbet hekk kif il-popolarità ta' dan l-isport kibret fuq skala internazzjonali u assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol bdew jiġu mwaqqfa. L-ewwel logħba internazzjonali uffiċjali barra r-Renju Unit kienet bejn Franza u l-Belġju ġewwa Pariġi f'Marzu tal-1904.[3] Din wasslet għall-fundazzjoni tal-FIFA f'Pariġi fit-22 ta' Mejju 1904, li kienet tinkludi assoċjazzjonijiet tal-futbol minn Franza, il-Belġju, id-Danimarka, in-Netherlands, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u l-Ġermanja.
Il-futbol kompla jeskala fil-popolarità tiegħu, u dan l-isport daħal fost id-dixxiplini li ntlagħbu fl-Olimpjadi tas-sajf tal-1900 u l-1904, sakemm imbagħad sar uffiċjalment superviżat mill-FIFA fl-edizzjoni tal-1908 tal-Logħob Olimpiku tas-sajf.[4] Organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Ingilterra, l-avveniment kien wieħed għal plejers dilettanti u kien aktar imħares lejh bħala għall-gost milli għal kompetizzjoni. It-tim nazzjonali tad-dilettanti Ingliż rebaħ l-avveniment kemm fl-1908 u anki fl-1912.
Il-FIFA, fl-1906, ippruvat torganizza turnew internazzjonali tal-futbol bejn pajjiżi 'l barra mill-qafas Olimpiku u dan sar ġewwa l-Iżvizzera. Dan kien żmien kmieni ħafna għall-futbol internazzjonali u l-istorja uffiċjali tal-FIFA tiddeskrivi dan it-tentattiv bħala falliment.[5]
Bl-avveniment Olimpiku jkompli jinvolvi biss timijiet dilettanti, kompetizzjonijiet li jiġu kkontestati minn timijiet professjonali bdew jidhru wkoll f'dan l-istadju. It-Torneo Internazionale Stampa Sportiva li sar f'Turin ġewwa l-Italja, fl-1908, kien fost l-ewwel u s-sena ta' wara Sir Thomas Lipton organizza s-Sir Thomas Lipton Trophy, li sar ukoll ġewwa Turin. Iż-żewġ kompetizzjonijiet intlagħbu bejn klabbs individwali (mhux timijiet nazzjonali), kull wieħed rappreżentant ta' pajjiż sħiħ.
Fl-1914, il-FIFA qabblet li tirrikonoxxi t-turnew Olimpiku bħala "kampjonat dinji tal-futbol għal dilettanti",[6] u ħadet ir-responsabilità li torganizza l-avveniment. Dan wassal għall-ewwel kompetizzjoni tal-futbol interkontinentali fl-Olimpjadi tas-sajf 1920, mirbuħa mill-Belġju. L-Urugwaj segwew b'żewġ rebħiet konsekuttivi fl-1924 u fl-1928. Fl-1928 kien deċiż min-naħa tal-FIFA li tospita t-turnew internazzjonali tagħhom. Bl-Urugwaj ikunu ċampjins uffiċjali għal darbtejn infila u ftit 'il bogħod miċ-ċelebrazzjoni miċ-ċentenarju mill-indipedenza fl-1930, FIFA għażlet lill-Urugwaj bħala l-organizzatur.
L-ewwel Tazza tad-Dinja
[immodifika | immodifika s-sors]L-Olimpjadi tas-sajf tal-1932 li saru ġewwa Los Angeles ma kienx mistenni li fil-programm ta' logħob jiġi nkluż il-futbol minħabba li l-logħba tal-futbol ma kinitx tgawdi minn popolarità kbira fl-Istati Uniti. Il-FIFA u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali unanimament ma qablux fuq l-istat ta' plejers dilettanti, u dawn ġew imwaqqgħin mil-Logħob.[7] Il-president tal-FIFA Jules Rimet beda jipprepara għall-edizzjoni inawgurali tat-Tazza tad-Dinja li kellha ssir fl-Urugwaj fl-1930. L-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' numru partikulari ta' pajjiżi ġew mistiedna li jibgħatu tim, imma l-għażla tal-Urugwaj bħala l-post fejn kienet se ssir il-kompetizzjoni fissret li għal timijiet Ewropej dan kien se jkun vjaġġ twil u għali. Fil-fatt, l-ebda pajjiż Ewropew ma kkonferma li kien se jibgħat tim, sakemm xahrejn qabel il-bidu tal-kompetizzjoni Rimet irnexxielu jipperswadi lil timijiet mill-Belġju, Franza, ir-Rumanija, u l-Jugożlavja sabiex jagħmlu dan il-vjaġġ. Kienu tlettax-il tim li ħadu sehem — sebgħa mill-Amerika t'Isfel, erbgħa mill-Ewropa u tnejn mill-Amerika ta' Fuq.
L-ewwel żewġ partiti tat-Tazza tad-Dinja ħadu post fit-13 ta' Lulju 1930, u kienu jinvolvu lil Franza u l-Istati Uniti, li għelbu lill-Messiku 4–1 u l-Belġju 3–0 rispettivament. L-ewwel gowl fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja ġie skurjat minn Lucien Laurent ta' Franza. Erbat ijiem wara ġiet skurjata l-ewwel tripletta fit-Tazza tad-Dinja mill-Amerikan Bert Patenaude fir-rebħa tal-Istati Uniti ta' 3–0 kontra l-Paragwaj. Fil-finali, l-Urugwaj għelbet lill-Arġentina 4–2 quddiem folla ta' 93,000 f'Montevideo, biex b'hekk sar l-ewwel pajjiż li rebaħ it-Tazza tad-Dinja.
1934–1938
[immodifika | immodifika s-sors]1934
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tazza tad-Dinja 1934 saret ġewwa l-Italja, u kienet l-ewwel Tazza tad-Dinja li fiha inkludiet il-fażi ta' kwalifika. Sittax-il tim ikkwalifikaw għall-fażi finali, numru li baqa' l-istess sas-sena 1982 meta dan l-istess numru ta' parteċipanti ġie estiż. L-Urugwaj, rebbieħa tal-edizzjoni preċedenti, kienu għadhom diżappuntati wara l-prestazzjoni tal-Ewropej fl-1930, u ibbojkotjaw it-Tazza tad-Dinja 1934. Il-Bolivja u l-Paragwaj kienu assenti, sabiex din is-sitwazzjoni poġġiet lill-Arġentina u lill-Brażil mal-ewwel fil-fażi finali mingħajr il-bżonn li jilgħabu logħba ta' kwalifika. L-Eġittu sar l-ewwel tim Afrikan li kkompeta, però tilef kontra l-Ungerija fl-ewwel rawnd. L-Italja rebħu dan it-turnew, imma kellhom isibu quddiem wiċċhom kritika ħarxa fuq kif it-Taljani kienu aktar privileġġati fil-grawnd, b'Benito Mussolini jistqarr li kien influwenza l-għażla tar-referis għall-partiti tat-Taljani.[8]
1938
[immodifika | immodifika s-sors]Għal darb'oħra, it-Tazza tad-Dinja 1938 saret fl-Ewropa b'diżappunt kbir min-naħa tas-Sud-Amerikani, fejn l-Urugwaj u l-Arġentina bbojkotjaw din l-edizzjoni. Għall-ewwel darba fl-istorja r-rebbieħ tal-edizzjoni preċedenti u l-ospitu tal-kompetizzjoni ngħataw post awtomatiku fil-fażi finali. Wara logħba ta' spareġġ kontra l-Latvja, l-Awstrija qatgħet passaġġ dirett lejn il-finali imma minħabba l-Anschluss f'April tal-1938, ma setgħetx tieħu sehem. Posthom ġie offrut lill-Ingilterra li min-naħa tagħha rrifjutat. Din ħalliet biss ħmistax-il pajjiż jikkompeti. Franza, li żammet ġewwa darha din il-kompetizzjoni, ma rebħitx din l-edizzjoni fejn b'hekk din kienet l-ewwel darba li pajjiż ospitu ma rebaħx dan it-turnew. Kienu l-Italja li żammew it-titlu għandhom wara li fil-finali għelbu lill-Ungerija. L-attakkant Pollakk Ernest Willimowski sar l-ewwel plejer li skorja erba' gowls f'logħba tat-Tazza tad-Dinja fit-telfa tal-Polonja bl-iskor ta' 6–5 kontra l-Brażil.
Il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tazza tad-Dinja tal-FIFA kienet skedata li ssir fl-1942. Fit-23 Kungress tal-FIFA li sar fit-13 ta' Awwissu 1936 f'Berlin, il-Ġermanja tefgħet uffiċjalment l-applikazzjoni tagħha. F'Ġunju tal-1939, il-Brażil applika wkoll biex jospita dan it-turnew. Madanakollu, wara l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-pjanijiet futuri għat-Tazza tad-Dinja 1942 ġew imħassra. Il-konsegwenzi xejn sbieħ ta' wara l-gwerra waslu wkoll għat-tħassir tat-turnew tal-1946.
1950–1978
[immodifika | immodifika s-sors]1950
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kompetizzjoni tkompliet fl-1950, fl-edizzjoni li saret ġewwa l-Brażil, li kienet l-ewwel darba li rat parteċipanti Brittaniċi. It-timijiet Brittaniċi kienu rtiraw mill-FIFA fl-1920 minħabba li ma kienux lesti li jilgħabu kontra pajjiżi li jinsabu fi gwerra magħhom, u anke bħala protesta kontra influwenza barranija fil-futbol, imma reġgħet ingħaqdet fl-1946 wara invit min-naħa tal-FIFA. Madanakollu, il-parteċipazzjoni tal-Ingilterra ma kinitx se tkun wisq feliċi. L-Ingliżi naqsu li jagħmluha mal-aħħar grupp f'kampanja li kienet tinkludi telfa b'sorpriża kontra l-Istati Uniti bl-iskor ta' 1–0, minkejja li rapporti tal-aħbarijiet ħasbu li r-riżultat ta' 1–0 kien xi żball u li fil-fatt l-Ingilterra kienu rebħu 10–0.
Trofew
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-1930 sal-1970, ir-rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja kienu jiġu premjati bit-Trofew Jules Rimet. Oriġinarjament magħruf sempliċiment bħala World Cup jew Coupe du Monde, dan it-trofew fl-1947 kien ġie msemmi wara l-president tal-FIFA Jules Rimet li kien hu l-idea wara l-bidu tal-ewwel edizzjoni ta' din il-kompetizzjoni. Fl-1970, it-tielet rebħa tal-Brażil f'din il-kompetizzjoni tathom id-dritt li jżommu t-trofew għal dejjem. Madanakollu, it-trofew kien misruq fl-1983 u qatt ma nstab, fejn apparentament dan kien ġie imdewweb mill-ħallelin.[9]
Wara l-1970, trofew ġdid magħruf aħjar bħala it-Trofew tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, ġie ddisinjat. Esperti tal-FIFA minn seba' pajjiżi differenti evalwaw it-53 mudell preżentat, u fl-aħħar ġie magħżul ix-xogħol tad-disinjatur Taljan Silvio Gazzaniga. It-trofew il-ġdid għandu tul ta' 36 ċm, magħmul minn deheb solidu ta' 18-il karatt u jiżen 6.175 kg. In-naħa t'isfel tat-trofew iżżomm is-sena u l-isem ta' kull rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja mill-1974 'il quddiem. Id-deskrizzjoni ta' dan it-trofew skont l-istess Gazzaniga hi: "Il-linji joħorġu mill-bażi, jitilgħu fi spirali, u jestendu sabiex jirċievu lid-dinja. Mit-tensjonijiet dinamiċi tal-ġisem kompatt tal-iskultura joħorġu l-figuri ta' żewġ atleti fil-mument tar-rebħa."[10]
Dan it-trofew il-ġdid ma jingħatax għal dejjem lill-pajjiżi rebbieħa, però jingħataw replika miksija bid-deheb minflok l-oriġinali bid-deheb solidu.[11]
Riżultati
[immodifika | immodifika s-sors]Ara wkoll
[immodifika | immodifika s-sors]Noti
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Fl-1930 ma kien hemm l-ebda partita uffiċjali għat-tielet post. Il-FIFA tirrikonoxxi lill-Istati Uniti bħala t-tim li kklassifika fit-tielet post u l-Jugożlavja fir-raba' post skont il-prestazzjoni taż-żewġ timijiet fil-kompetizzjoni.[12]
- ^ a b L-aħħar rawnd tal-edizzjoni tal-1950 kienet tikkonsisti minn grupp ta' erba' timijiet. Uffiċjalment ma kien hemm l-ebda finali għal din il-kompetizzjoni, madanakollu, il-logħba bejn l-Urugwaj u l-Brażil hija kkunsidrata bħala l-finali tal-kompetizzjoni.[13][14]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "2006 FIFA World Cup™ broadcast wider, longer and farther than ever before" (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. 2007-02-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-03-23. Miġbur 2009-10-11.
- ^ "The first international football match" (bl-Ingliż). BBC. Miġbur 2009-01-17.
- ^ "History of FIFA - Foundation". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2009-08-02.
- ^ "London, 1908". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2009-01-17.
- ^ "History of FIFA – FIFA takes shape". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-03-29. Miġbur 2014-07-12.
- ^ "Where it all began". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2006-04-10.
- ^ "The Football World Cup — An Introduction" (bl-Ingliż). BBC. Miġbur 2006-03-01.
- ^ "Football, fascism and England's Nazi salute" (bl-Ingliż). BBC. Miġbur 2006-04-13.
- ^ "Jules Rimet Trophy". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2007-11-19.
- ^ "FIFA World Cup Trophy". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2007-11-19.
- ^ "FIFA Assets – Trophy". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2007-11-19.
- ^ "1930 FIFA World Cup Uruguay". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2018-12-30.
- ^ "1950 FIFA World Cup". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-12-20. Miġbur 2009-03-05.
- ^ "FIFA World Cup Finals since 1930" (PDF). FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2007-11-29. Miġbur 2009-03-05.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Tazza tad-Dinja tal-Futbol (FIFA World Cup) |
- Sit uffiċjali
- Statistika tat-Tazza tad-Dinja fuq RSSSF