Aqbeż għall-kontentut

Tim nazzjonali tal-futbol tal-Urugwaj

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Urugwaj
Urugwaj
Psewdonimu La Celeste (Ċelest is-Sema)
Assoċjazzjoni Asociación Uruguaya de Fútbol
Konfederazzjoni CONMEBOL (L-Amerika t'Isfel)
Kowċ Óscar Tabárez
Kaptan Diego Godin
Rekord ta' preżenzi Diego Godin (146)
Rekord ta' gowls Luis Suárez (64)
Stadju prinċipali Estadio Centenario
Kodiċi tal-FIFA URU
L-ewwel kulur
It-tieni kulur
Klassifika tal-FIFA
Pożizzjoni attwali 9
L-ogħla 2 (Ġunju 2012)
L-inqas 76 (Diċembru 1998)
L-ewwel logħba
Urugwaj Urugwaj 0 – 6 Arġentina 
(Montevideo, Urugwaj; 20 ta' Lulju 1902)
L-ikbar rebħa
Urugwaj Urugwaj 9 – 0 Bolivja 
(Lima, Perù; 9 ta' Novembru 1927)
L-ikbar telfa
Urugwaj Urugwaj 0 – 6 Arġentina 
(Montevideo, Urugwaj; 20 ta' Lulju 1902)
Tazza tad-Dinja
Preżenzi 13 (l-ewwel fl-1930)
L-aqwa riżultat Rebbieħa (1930, 1950)
Copa América
Preżenzi 44 (l-ewwel fl-1916)
L-aqwa riżultat Rebbieħa (1916, 1917, 1920, 1923, 1924, 1926, 1935, 1942, 1956, 1959, 1967, 1983, 1987, 1995, 2011)
Tazza tal-Konfederazzjonijiet
Preżenzi 2 (l-ewwel fl-1997)
L-aqwa riżultat Ir-raba' post (1997, 2013)

It-tim nazzjonali tal-futbol tal-Urugwaj (bl-Ispanjol: Selección de fútbol de Uruguay) jirrappreżenta lill-Urugwaj fil-futbol internazzjonali u hu mmexxi mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Urugwaj.

Imlaqqam La Celeste, l-Urugwaj huwa t-tim l-iktar titolat fid-dinja b'19-il trofew taħt ismu, fosthom rebbieħ tal-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Fil-lista ta' trofej hemm inklużi żewġ Tazzi tad-Dinja, 15-il Copa América (rekord) u żewġ midalji tad-deheb fil-Logħob Olimpiku. L-Urugwaj iżomm ukoll rekord partikulari tar-rebħ tal-kompetizzjonijiet internazzjonali kollha organizzati fil-pajjiż stess – 8 – li jinkludu Tazza tad-Dinja u seba' Copa Américas. Il-popolazzjoni ta' 1.75 miljun ruħ fl-1930 tagħmlu l-iżgħar pajjiż illi qatt rebaħ it-Tazza tad-Dinja.

L-era tad-deheb (1916–1930)

[immodifika | immodifika s-sors]
It-tim Urugwajan qabel l-ewwel logħba uffiċjali kontra l-Arġentina fl-20 ta' Lulju 1902.

Għalkemm l-ewwel logħba qatt milgħuba minn tim Urugwajan kienet fis-16 ta' Mejju 1901 kontra l-Arġentina, din mhix ikkunsidrata bħala logħba uffiċjali minħabba li ma kinitx organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Urugwaj imma minn Albion FC fi grawnd ġewwa Paso del Molino. L-ewwel logħba rikonoxxuta ntlagħbet fl-istess grawnd fl-20 ta' Lulju 1902 kontra l-istess Arġentina; l-Arġentina ħarġu rebbieħa 6–0 quddiem folla ta' 8,000 ruħ.[1] Qabel l-1916 l-Urugwaj lagħbu iktar min 30 logħba li kollha kemm huma, apparti waħda, kienu kontra l-Arġentina. L-ewwel edizzjoni tal-Copa América fl-1916 rat lill-Urugwaj jissieltu kontra avversarji differenti, b'rebħiet kontra ċ-Ċili u l-Brażil. L-aħħar logħba kontra l-Arġentina, li ntlagħbet fis-16 ta' Lulju, kellha titwaqqaf wara biss ħames minuti minħabba ġlied bejn il-partitarji. L-irvelli nfirxu fil-grawnd sakemm xi sedili tqabbdu bin-nar. Ir-riżultat tal-logħba ġie kkunsidrat bħala null; il-logħba reġgħet ġiet skedata għall-ġurnata ta' wara fl-Estadio Racing Club u ntemmet b'riżultat ta' 0–0 li kien biżżejjed biex jagħti t-trofew lill-Urugwaj.[2]

Fl-1924, it-tim tal-Urugwaj ivvjaġġa lejn Pariġi biex sar l-ewwel tim tal-Amerka t'Isfel li ħa sehem fil-Logħob Olimpiku. Bi stil ta' futbol ibbażat fuq passaġġi qosra li kien jikkontrasta mal-istil fiżiku tat-timijiet Ewropej ta' dik l-era,[3] huma rebħu kull logħba inkluż il-finali kontra l-Iżvizzera għar-rebħ tal-midalja tad-deheb. Pedro Petrone spiċċa bħala l-aqwa skorer bi 8 gowls. Erba' snin wara, l-Urugwaj reġgħu kisbu l-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi tas-sajf tal-1928 meta f'Amsterdam rebħu 2–1 kontra l-Arġentina.[4]

Wara t-trijonf doppju fl-Olimpjadi, l-Urugwaj ġie magħżul bħala l-pajjiż ospitu tal-ewwel Tazza tad-Dinja fl-1930, f'għeluq il-mitt sena anniversarju mill-ewwel kostituzzjoni tal-pajjiż. Matul il-kompetizzjoni, l-Urugwaj rebħu l-logħbiet kollha u qalbu telfa f'rebħa kontra l-Arġentina fl-Estadio Centenario b'riżultat ta' 4–2, quddiem folla ta' 93,000.[5]

Is-sorpriża tal-Maracanã (1931–1959)

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-snin wara r-rebħ tat-titlu tat-Tazza tad-Dinja, is-Celeste rari lagħbu. L-animosità bejn il-federazzjonijiet tal-Urugwaj u l-Arġentina kienet tant kibret li l-Copa América kellha titwaqqaf milli ssir għal diversi snin. Għall-edizzjoni tal-1934 tat-Tazza tad-Dinja, l-Urugwaj irrifjutaw li jiddefendu t-titlu mirbuħ fl-edizzjoni preċedenti bħala bojkott kontra diversi timijiet Ewropej li ma kienux ipparteċipaw fl-1930. Din il-protesta ġiet estiża għall-edizzjoni tal-1938, flimkien mal-Arġentina, minħabba li l-FIFA kienet għażlet lil Franza bħala l-ospitu meta pajjiż tal-Amerika t'Isfel kellu jkun magħżul minflok.

It-tim li għeleb lill-Brażil fl-aħħar logħba tat-Tazza tad-Dinja 1950 biex l-Urugwaj kisbu t-tieni Tazza tad-Dinja.

It-tim Urugwajan irritorna għat-Tazza tad-Dinja tal-1950 li saret fil-Brażil. Minħabba li t-Turkija u l-Iskozja ddeċidew li ma jipparteċipawx, il-fażi ta' kwalifikazzjoni għall-Urugwaj spiċċat f'logħba waħda kontra l-Bolivja li rebħuha bl-iskor kbir ta' 8–0, inkluż tripletta ta' Óscar Míguez. Fil-fażi finali, wara dro ma' Spanja u rebħa fl-aħħar kontra l-Iżvezja, l-Urugwaj kellha taffronta lit-tim nazzjonali Brażiljan fl-aħħar logħba deċiżiva. Il-Brażil kellhom bżonn biss dro sabiex jirbħu t-titlu.[6] Ġewwa l-Maracanã, il-Brażil fetħu l-iskor b'gowl ta' Friaça, però fi spazju ta' ftit minuti l-Urugwaj qallbu r-riżultat b'żewġ gowls tal-emblema Juan Alberto Schiaffino u Alcides Ghiggia. Din ir-rebħa baqgħet deskritta bħala waħda mill-ikbar sorpriżi fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja u t-terminu Maracanazo baqa' sinonimu ma' din il-logħba.[7]

Tim fit-tfittxija lejn il-passat (1959–2006)

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara il-ħamsinijiet, l-Urugwaj sabha diffiċli li jerġa' jitla' fil-quċċata tal-futbol dinji. Apparti mir-raba' post fit-Tazza tad-Dinja tal-1954 u l-1970, it-tim naqas li jħalli impressjoni fejn anke falla mill-kwalifikazzjoni għall-edizzjoni tal-1958, l-1978 u l-1982.

Rodolfo Rodriguez jgħolli t-trofew tal-Mundialito (1980–81).

Fil-bidu tas-snin tmenin, l-Urugwaj organizza l-Mundialito, kompetizzjoni ta' ċelebrazzjoni tal-50 sena anniversarju tal-ewwel Tazza tad-Dinja. Il-pajjiżi mistiedna kienu s-sitt rebbieħa, f'ordni kronoloġika, l-Urugwaj, l-Italja, Franza, il-Brażil, l-Ingilterra u l-Arġentina.[8] L-Ingilterra m'aċċettatx l-istedina minħabba kunflitt fil-programm tal-logħob tal-kampjonat nazzjonali u għalhekk l-Olanda ħadet postha minħabba li kienet finalista telliefa fl-edizzjonijiet tal-1974 u l-1978. Fl-ewwel rawnd, l-Urugwaj rebħu kontra l-Olanda u l-Italja bi skor identiku ta' 2–0. Fil-finali kontra l-Brażil, l-Urugwaj rebħu b'riżultat ta' 2–1 grazzi għall-gowls ta' Jorge Barrios u Waldemar Victorino.

Fis-snin ta' wara, l-Urugwaj ra t-tnissil ta' ġenerazzjoni ġdida mmexxija minn Enzo Francescoli, Pablo Bengoechea u Rubén Sosa. Huma rebħu l-Copa América darbtejn – fl-1983 kontra l-Brażil f'finali doppja u fl-1987 kontra ċ-Ċili – u kkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tal-1986 u l-1990 fejn fit-tnejn li huma ġew eliminati fir-rawnd tal-aħħar sittax mill-Arġentina u l-Italja rispettivament. Fil-Copa América tal-1995 huma rebħu l-14-il titlu tal-kompetizzjoni kontra l-Brażil, biex ugwaljaw ir-rekord tal-Arġentina.

Is-snin ta' wara kienu diżappuntanti fejn apparti minn semifinali kontra l-Awstralja fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet tal-1997 u finali mitlufa kontra l-Brażil fil-Copa América tal-1999, it-tim Urugwajan laħaq is-76 post fil-klassifika tal-FIFA, l-agħar post fl-istorja tagħhom. Wara nuqqas ta' żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, huma rritornaw għat-Tazza tad-Dinja tal-2002 b'rebħa fil-play-off interkontinentali kontra l-Awstralja. F'dan it-turnew naqsu li jimpressjonaw fejn ġew eliminati fil-fażi tal-gruppi, b'telfa kontra d-Danimarka u żewġ dros kontra Franza u s-Senegal.

Il-Proceso (2006–preżent)

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-falliment mill-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2006, Óscar Tabárez ġie maħtur bħala kowċ tat-tim nazzjonali għat-tieni darba, wara li serva bejn l-1988 u l-1990. Hu ppreżenta dokument intitolat il-"Proceso de Institucionalización de Selecciones y la Formación de sus Futbolistas" (Proċess ta' Istituzzjonalizzazzjoni tat-Timijiet Nazzjonali u t-Tkabbir tal-Plejers) li elenka mod korrett kif it-timijiet nazzjonali (miż-żgħar sal-kbar) għandhom jiffuzzjonaw. Dan ix-xogħol wera l-frott bil-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2010 b'rebħa fil-play-off kontra l-Kosta Rika. Huma spiċċaw l-ewwel fil-fażi tal-gruppi wara dro kontra Franza u rebħiet kontra l-Afrika t'Isfel u l-Messiku. Fir-rawnd tal-aħħar sittax għelbu lill-Korea t'Isfel u reħbu lill-Gana fil-kwarti tal-finali wara l-ħin barrani, f'logħba kontroversjali li rat penalty mitluf minn Asamaoh Gyan wara li Luis Suárez ipprevjena xutt milli jidħol fix-xibka b'idejh.[9] Fl-ewwel semifinali tagħhom f'40 sena, huma tilfu 3–2 kontra l-Olanda, u temmew il-kompetizzjoni fir-raba' post wara telfa identika ta' 3–2 kontra l-Ġermanja.

Rekord kompetittiv

[immodifika | immodifika s-sors]

Tazza tad-Dinja

[immodifika | immodifika s-sors]
Sena Fażi Pożizzjoni L R D* T GF GK
Urugwaj 1930 Rebbieħa 1 4 4 0 0 15 3
Italja 1934 Irrifjutaw li jipparteċipaw
Franza 1938
Brażil 1950 Rebbieħa 1 4 3 1 0 15 5
Żvizzera 1954 Ir-raba' post 4 5 3 0 2 16 9
Żvezja 1958 Ma kkwalifikawx
Ċili 1962 Fażi tal-gruppi 13 3 1 0 2 4 6
Ingilterra 1966 Kwarti tal-finali 7 4 1 2 1 2 5
Messiku 1970 Ir-raba' post 4 6 2 1 3 4 5
Ġermanja tal-Punent 1974 Fażi tal-gruppi 13 3 0 1 2 1 6
Arġentina 1978 Ma kkwalifikawx
Spanja 1982
Messiku 1986 L-aħħar sittax 16 4 0 2 2 2 8
Italja 1990 16 4 1 1 2 2 5
Stati Uniti 1994 Ma kkwalifikawx
Franza 1998
Korea t'Isfel Ġappun 2002 Fażi tal-gruppi 26 3 0 2 1 4 5
Ġermanja 2006 Ma kkwalifikawx
Afrika t'Isfel 2010 Ir-raba' post 4 7 3 2 2 11 8
Brażil 2014 L-aħħar sittax 12 4 2 0 2 4 6
Russja 2018 Kwarti tal-finali 5 5 4 0 1 7 3
Qatar 2022
Kanada Messiku Stati Uniti 2026
Total 2 titli 13/21 56 24 12 20 87 74
* Id-dros jinkludu logħbiet ta' eliminazzjoni diretta li ġew deċiżi bl-għoti tal-penalties.

Copa América

[immodifika | immodifika s-sors]
Sena Fażi Pożizzjoni L R D* T GF GK
Arġentina 1916 Rebbieħa 1 3 2 1 0 6 1
Urugwaj 1917 Rebbieħa 1 3 3 0 0 9 0
Brażil 1919 Finalista telliefa 2 3 2 1 0 7 4
Ċili 1920 Rebbieħa 1 3 2 1 0 9 2
Arġentina 1921 It-tielet post 3 3 1 0 2 3 4
Brażil 1922 It-tielet post 3 4 2 1 1 3 1
Urugwaj 1923 Rebbieħa 1 3 3 0 0 6 1
Urugwaj 1924 Rebbieħa 1 3 2 1 0 8 1
Arġentina 1925 Irtiraw
Ċili 1926 Rebbieħa 1 4 4 0 0 17 2
Perù 1927 Finalista telliefa 2 3 2 0 1 15 3
Arġentina 1929 It-tielet post 3 3 1 0 2 4 6
Perù 1935 Rebbieħa 1 3 3 0 0 6 1
Arġentina 1937 It-tielet post 3 5 2 0 3 11 14
Perù 1939 Finalista telliefa 2 4 3 0 1 13 5
Ċili 1941 Finalista telliefa 2 4 3 0 1 10 1
Urugwaj 1942 Rebbieħa 1 6 6 0 0 21 2
Ċili 1945 Ir-raba' post 4 6 3 0 3 14 6
Arġentina 1946 Ir-raba' post 4 5 2 0 3 11 9
Ekwador 1947 It-tielet post 3 7 5 0 2 21 8
Brażil 1949 Is-sitt post 6 7 2 1 4 14 20
Perù 1953 It-tielet post 3 6 3 1 2 15 6
Ċili 1955 Ir-raba' post 4 5 2 1 2 12 12
Urugwaj 1956 Rebbieħa 1 5 4 1 0 9 3
Perù 1957 It-tielet post 3 6 4 0 2 15 12
Arġentina 1959 Is-sitt post 6 6 2 0 4 15 14
Ekwador 1959 Rebbieħa 1 4 3 1 0 13 1
Bolivja 1963 Irtiraw
Urugwaj 1967 Rebbieħa 1 5 4 1 0 13 2
Amerika t'Isfel 1975 Ir-raba' post 4 2 1 0 1 1 3
Amerika t'Isfel 1979 Fażi tal-gruppi 6 4 1 2 1 5 5
Amerika t'Isfel 1983 Rebbieħa 1 8 5 2 1 12 6
Arġentina 1987 Rebbieħa 1 2 2 0 0 2 0
Brażil 1989 Finalista telliefa 2 7 4 0 3 11 3
Ċili 1991 Fażi tal-gruppi 5 4 1 3 0 4 3
Ekwador 1993 Kwarti tal-finali 6 4 1 2 1 5 5
Urugwaj 1995 Rebbieħa 1 6 4 2 0 11 4
Bolivja 1997 Fażi tal-gruppi 9 3 1 0 2 2 2
Paragwaj 1999 Finalista telliefa 2 6 1 2 3 4 9
Kolombja 2001 Ir-raba' post 4 6 2 2 2 7 7
Perù 2004 It-tielet post 3 6 3 2 1 12 10
Veneżwela 2007 Ir-raba' post 4 6 2 2 2 8 9
Arġentina 2011 Rebbieħa 1 6 3 3 0 9 3
Ċili 2015 Kwarti tal-finali 7 4 1 1 2 2 3
Stati Uniti 2016 Fażi tal-gruppi 11 3 1 0 2 4 4
Brażil 2019 Kwarti tal-finali 6 4 2 2 0 7 2
Brażil 2021 Kwarti tal-finali 5 5 2 2 1 4 2
Ekwador 2024 Ikkwalifikaw
Total 15-il titlu 45/47 205 112 38 55 410 221
  1. ^ "Historias, curiosidades y estadísticas de la Selección, tras sus "primeros" 900 partidos" (bl-Ispanjol). El Gráfico. 2012-07-04.
  2. ^ Tabeira, Martin (2007-08-10). "Southamerican Championship 1916" (bl-Ingliż). RSSSF.
  3. ^ Vickery, Tim (2002-04-08). "Football's debt to Uruguay" (bl-Ingliż). BBC Sport.
  4. ^ "Olympic Football Tournament Amsterdam 1928" (bl-Ingliż). FIFA. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-12-10.
  5. ^ "URUGUAY 4-2 ARGENTINA" (bl-Ingliż). FIFA.
  6. ^ "1950 FIFA WORLD CUP BRAZIL™" (bl-Ingliż). FIFA.
  7. ^ "The Top 20 Most Amazing Upsets of All Time" (bl-Ingliż). Soccerphile.
  8. ^ Tabeira, Martin (2006-02-12). "Mundialito 1980" (bl-Ingliż). RSSSF.
  9. ^ "World Cup 2010: I have hand of God - Uruguay's Suarez" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2010-07-03.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]