Futbol

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-plejer attakkant (bl-uniformi ħamra) qabeż lid-difensur (bl-uniformi bajda) u qed jipprepara biex jixxutja. Il-gowlkiper (uniformi skura) se jipprova jipprevjeni li l-ballun jaqbeż il-linja tal-gowl.
Fil-futbol, ​​l-iskop fundamentali tas-sapporters huwa li jħeġġeġ lit-tim tagħhom waqt il-partita.

Il-futbol huwa sport tat-timijiet u jintlagħab bejn żewġ timijiet ta' ħdax-il plejer kull wieħed. Dan l-isport hu kkunsidrat fost l-iktar sport famuż u segwit madwar id-dinja.[1][2] Din il-logħba tintlagħab fuq grawnd rettangulari tal-ħaxix jew wieħed artifiċjali, b'żewġ lasti fuq kull naħa. L-objettiv tal-logħba hu li wieħed jiskorja billi jimmanuvra l-ballun fil-lasta opposta. Ġeneralment, il-gowlkiper huwa l-uniku plejer li huwa permess li juża' idejh jew driegħu biex jimpedixxi l-ballun; il-kumplament tat-tim, ħafna drabi, juża' saqajh biex jixxutja l-ballun, u xi drabi wkoll jużaw is-sider jew rashom biex jinterċettu l-ballun 'il fuq mill-art. It-tim li jiskorja l-aktar gowls sal-aħħar tal-partita jirbaħ. Jekk l-iskor jibqa' pari fl-aħħar tal-logħba, jew jiġi ddikjarat li pari hu r-riżultat tal-partita, jew inkella l-partita tmur fil-ħin supplementari u/jew fl-għoti tal-penalties, skont il-format tal-kompetizzjoni.

Il-logħba moderna ġiet standarizzata fl-Ingilterra wara l-formazzjoni tal-Football Association, fejn ir-Regoli tal-Logħba tal-1863 iffurmaw il-pedamenti ta' kif tintlagħab il-logħba. Il-futbol hu mmexxi fuq bażi internazzjonali mill-Fédération Internationale de Football Association (Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol), magħrufha aħjar bl-akronimu tal-FIFA. L-iktar kompetizzjoni prestiġjuża għal dan l-isport hi t-Tazza tad-Dinja, li ssir kull erba' snin. Dan l-avveniment, li hu l-aktar avveniment segwit fid-dinja, jattira d-doppju tal-udjenza li ssegwi l-Logħob Olimpiku tas-sajf.

Storja u l-iżvilupp tal-logħba[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa li turi l-popolarità tal-futbol madwar id-dinja. Pajjiżi fejn il-futbol hu l-aktar sport popolari huma kkuluriti bl-aħdar, waqt li pajjiżi fejn mhux huma b'kulur aħmar. Id-diversi lwien ħodor u ħmura jindikaw n-numru ta' plejers f'kull 1,000 abitant.

Logħob li l-bażi tagħhom kienet dik li wieħed jagħti daqqa lil ballun ilhom jintlagħbu diversi snin fl-istorja f'diversi pajjiżi. Skont il-FIFA, il-forma l-iktar bikrija tal-logħba li tagħha hemm evidenza xjentifika tmur lura għat-tieni u t-tielet seklu qabel Kristu fiċ-Ċina (il-logħba ta' cuju)[3] Diversi forom ta' futbol kienu jintlagħbu fl-Ewropa medjevali, minkejja li r-regoli kienu jvarjaw kemm mill-perjodu li kien jintlagħab u anki mill-post.

Ir-regoli moderni tal-futbol huma bbażati fuq l-isforzi li saru f'nofs is-seklu dsatax biex il-logħba tal-futbol tiġi standarizzata mid-diversi forom ta' din il-logħob li kienet qed tintlagħab fl-iskejjel pubbliċi tal-Ingilterra.

Regoli tal-logħba[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm sbatax-il regola fir-regoli uffiċjali tal-logħba. Dawn ir-regoli huma applikati għal kull livell tal-futbol, allavolja ċerti modifikazzjonijiet jiġu sottoposti għal ċerti gruppi.

Kull tim għandu jkollu ħdax-il plejer (barra is-sostituti) li wieħed minnhom għandu jkun il-gowlkiper. Ċerti regoli tal-logħba jgħidu li l-inqas numru tal-plejers hu dak ta' sebgħa.[4] Il-gowlkipers huma l-uniċi persuni li jistgħu jużaw idejhom, imma dan jistgħu jagħmluh biss ġewwa l-erja l-kbira. Il-plejers jilbsu ħwejjeġ li jikkonsistu minn flokk, xorts, kalzetti, papoċċ u shin guards. Il-plejers ma jistgħux jilbsu affarijiet perikolużi bħal xi arloġġ jew ġojjelerija. Il-gowlkiper irid jilbes ħwejjeġ li jkunu differenti mill-plejers u r-referì.[5]

In-numru ta' sostituti użati tvarja skond il-format tal-kompetizzjoni. Waqt logħob ta' kompetizzjoni jew mill-kampjonat nazzjonali, in-numru hu ta' tlieta. F'ċerti logħob, bħal-logħob ta' ħbiberija, in-numru jista' jkun iktar.[6]

Ir-referì jikkontrolla l-logħba bl-użu tar-regoli. Hu jkun assistit minn żewġ assistenti. F'logħbiet importanti r-raba' uffiċjal huwa inkluż u fit-Tazza tad-Dinja, il-ħames uffiċjal jgħin lir-referì.[7]

Ħarsa ġenerali[immodifika | immodifika s-sors]

Skop tal-logħba[immodifika | immodifika s-sors]

Il-gowlkiper jaqbeż biex ma jħallix il-ballun jidħol fix-xibka

L-iskop tal-logħba hu li titfa' l-ballun fil-gowl avversarju, fejn din tkun tikkonsisti minn żewġ lasti vertikali u waħda orizzontali li tgħaqqadhom. Ir-regola prinċipali li tvarja dan l-isport minn dak tar-rugby hu l-fatt li ma tistax la żżomm u lanqas tolqot il-ballun b'idejk; il-partijiet tal-ġisem kollha huma aċċettati. Il-plejer fir-rwol ta' gowlkiper hu l-uniku li jista' jmiss il-ballun b'idejh, imma biss fil-kaxxa tiegħu.

Rwoli[immodifika | immodifika s-sors]

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Pożizzjonijiet tal-futbol.

Fil-futbol hemm erba' pożizzjonijiet prinċipali: il-gowlkiper, id-difensur, il-midfilder u l-attakkant. Il-plejers jidħlu għal partita fejn huma jilgħabu taħt ċertu tattika u metodu ta' logħob.

Ħin tal-logħba[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ħin normali tal-logħba hu dak ta' 90 minuta u huma maqsumim f'żewġ partijiet f'ħamsa u erbgħin minuta kull waħda, u bejniethom ikun hemm intervall ta' kwarta qabel ma tibda t-tieni taqsima.[8] Qabel it-tmiem taż-żewġ taqsimiet, ir-referì jiddeċidi jekk iżidx il-ħin tal-logħob, u dan isir minħabba xi ħin mitluf minħabba sostituzzjonijiet, xi plejers li jkunu weġġgħu jew anki xi problemi min-nies preżenti. Differenti minn xi ċerti sports hu li fil-futbol il-ħin jibqa' sejjer bid-differenza li f'xi sports dan jieqaf wara li jkun hemm xi okkażjonijiet (bħal ma jiġri fil-baskitbol). Il-partita tista' tkun anki sospiża minħabba xi problemi kemm mir-referì u anki minn qbil bejn iż-żewġ captains tat-timijiet opposti.

Każijiet partikulari[immodifika | immodifika s-sors]

F'kompetizzjonijiet fejn ikollhom bżonn eliminazzjoni diretta jew rebbieħ tal-konfront u l-partita tispiċċa wara l-ħin normali b'pari, ir-referì jżid 30 minuta oħra (maqsumin f'żewġ taqsimiet ta' kwarta l-waħda). Jekk ir-riżultat jibqa' indifferenti, il-logħba tgħaddi għall-għoti tal-penalties. Qabel l-użu ta' dawn il-metodi, kienet tiġi użata sistema stramba fejn it-timijiet jagħżlu parti ta' munita (fuq jew isfel) u ta' min tiġi tajba jirbaħ din il-partita.

Konfederazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Il-FIFA (Fédération Internationale de Football Association) tiggwida l-logħba tal-futbol u logħob oħra li għandhom x'jaqsmu mal-futbol, bħall-futsal u beach soccer. Il-kwartieri ġenerali tal-FIFA jinsabu ġewwa Żurigu fl-Iżvizzera.

Hemm sitt konfederazzjonijiet reġjonali li huma assoċjati mal-FIFA. Dawn huma:

Il-pajjiżi kollha li għandhom tim nazzjonali huma affiljati kemm mal-FIFA kif ukoll mal-konfederazzjoni. Dan jiddependi skond f'liema kontinent jinsab il-pajjiż.

Kompetizzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Fost l-iktar avveniment famuż fil-futbol hi t-Tazza tad-Dinja li kull erba' snin toffri emozzjonijiet kbar madwar id-dinja. Aktar minn 190 tim jieħdu sehem fil-kwalifikazzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja. Il-finali tinkludi 32 tim, li kienu ġew miżjuda għal dan in-numru fl-1998, meta sal-1994 kienu eleġibbli li jikwalifikaw 24. It-Tazza tad-Dinja 2006 saret fil-Ġermanja u l-edizzjoni tat-2010 se ssir ġewwa l-Afrika t'Isfel.[9]

Hemm kompetizzjonijiet oħra li joffru l-parteċipazzjoni kemm tat-timijiet nazzjonali u anki tal-klabbs:

Konfederazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Soccer" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-10-28. Miġbur 2008-03-05. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Parametru mhux magħruf |publikatur= injorat (forsi ridt tuża |pubblikatur= minflok) (għajnuna)
  2. ^ "Soccer Popularity In U.S." (bl-Ingliż). 12-06-2006. Soccer is easily the most popular sport worldwide, so popular that much of Europe practically shuts down during the World Cup. Parametru mhux magħruf |uxrl= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |publikatur= injorat (forsi ridt tuża |pubblikatur= minflok) (għajnuna); Parametru mhux magħruf |aċċessdata= injorat (għajnuna); Iċċekkja l-valuri tad-data f': |data= (għajnuna)
  3. ^ FIFA (ed.). "History of Football" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-02-08. Miġbur 2008-03-03.
  4. ^ Regoli tal-logħba (Regola 3 - Numru ta' plejers), FIFA.com (01-03-2008)
  5. ^ Regoli tal-logħba (Regola 4 - Aċċessorji tal-plejers), FIFA.com (01-03-2008)
  6. ^ Regoli tal-logħba (Regola 3 - Proċedura ta' sostituzzjoni), FIFA.com (01-03-2008)
  7. ^ Regoli tal-logħba (Regola 5 - Ir-referì), FIFA.com (01-03-2008)
  8. ^ Regoli tal-logħba (Regola 7.2 - Ħin tal-logħba), FIFA.com (01-03-2008)
  9. ^ Tazza tad-Dinja 2010 Afrika t'Isfel, FIFA.com (29-02-2008)

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]