Cristiano Ronaldo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Għal nies oħra bl-isem ta' Ronaldo, ara Ronaldo (diżambigwazzjoni).
Cristiano Ronaldo Football pictogram.svg
CRonaldo.jpg
Informazzjoni personali
Isem sħiħ Cristiano Ronaldo dos Santos Aveiro
Twelid 5 ta' Frar 1985 (1985-02-05) (età 24)
Funchal
Pajjiż Bandiera tal-Portugall Portugall
Tul 1.85 m
Rwol Ġwejnħa
Informazzjoni fuq il-klabb
Klabb kurrenti Real Madrid
Numru 9[1]
Klabbs ġovanili
1993–1995
1995–1997
1997–2001
CF Andorinha
CD Nacional
Sporting CP
Klabbs professjonali
Snin Klabb Preż (Gwl)*
2001–2003
2003–2009
2009–
Sporting CP
Manchester United
Real Madrid
025 0(3)
196 (84)
002 0(2)   
Tim nazzjonali
2003– Portugall 065 (22)

Aġġornament: 09:06, 19 Settembru 2009 (UTC)
* Preżenzi (Gowls)

 Ronaldo hu aqwa minn George Best u Denis Law, li kienu żewġ plejers brillanti u mill-aqwa fl-istorja ta' United. 

Cristiano Ronaldo dos Santos Aveiro (Funchal, 5 ta' Frar 1985), magħruf aħjar bħala Cristiano Ronaldo, huwa plejer tal-futbol Portugiż li jilgħab mat-tim Spanjol ta' Real Madrid u mat-tim nazzjonali tal-Portugall. Ronaldo ingħaqad ma' Real Madrid għall-istaġun 2009–2010, wara li dawn tal-aħħar offrew somma ta' £80 miljum (€93 miljum) għas-servizzi ta' dan il-plejer, b'din iċ-ċifra tkun l-ogħla waħda fl-istorja tat-trasferimenti tal-futbol.

Rebbieħ fl-2007 tal-unuri tal-Plejer tas-Sena tal-PFA u tal-Plejer Żagħżugħ tas-Sena tal-PFA, u t-tielet fl-istess sena tal-unur tal-Plejer tas-Sena tal-FIFA, Ronaldo hu mħares bħala wieħed mill-akbar talenti tal-ġenerazzjoni tiegħu.[3] Ronaldo rebaħ ukoll l-unur tal-2008 tal-Plejer tas-Sena tal-PFA u kif ukoll l-Plejer tas-Sena tal-FWA.[4][5]

Werrej

[editja] Bijografija

Ronaldo twieled f'Madeira, il-Portugall, minn Maria Dolores dos Santos Aveiro u José Dinis Aveiro. Hu għandu tliet aħwa; ħuh ikbar minnu, Hugo u żewġ ħutu, Elma u Liliana Cátia. It-tieni isem ta' Cristiano huwa Ronaldo, li huwa isem rari fil-Portugall. Il-ġenituri tiegħu semmewh wara l-President tal-Istati Uniti, Ronald Reagan.[6]

[editja] Karriera

[editja] Bidu tal-karriera

Huwa beda jilgħab il-futbol ta' tliet snin, u meta beda l-iskola primarja fl-età ta' sitt snin, il-passjoni lejn l-isports kienet ħaġa evidenti. Fi tfulitu kien it-tim favorit tiegħu kien SL Benfica, minkejja li l-ewwel tim professjonali tiegħu kien ir-rivali ta' dan l-istess tim, Sporting CP. Ta' tmien snin beda jilgħab ma' Andorinha, u fl-1995, meta kellu għaxar snin, bil-mod il-mod ir-reputazzjoni tiegħu fil-Portugall bdiet tikber. Iż-żewġ timijiet ta' Madeira, CS Marítimo u CD Nacional kienu nteressati biex iġibuh fit-tim. Marítimo, l-ikbar tim, tilef laqgħa importanti u b'hekk Ronaldo sar plejer ta' Nacional. Wara huwa mar tliet ijiem ta' prova ma' Sporting Lisbon hu ttrasferixxa mat-tim.[7]

[editja] Sporting Clube de Portugal

Huwa għamel id-debutt ma' Sporting kontra Moreirense u skorja doppjetta. Il-prestazzjoni tiegħu ma' Sporting u mat-tim nazzjonali Portugiż ta' taħt id-dsatax-il sena, wasslet għal interess kbir f'dan il-plejer emerġenti. Il-kowċ ta' Liverpool, Gérard Houllier, innota il-kwalità ta' dan il-plejer, però minħabba n-nuqqas ta' esperjenza flimkien mal-età tenera naqqsu li jkun hemm interess reali min-naħa tal-klabb Ingliż. Fis-sajf tal-2003, wara l-logħba ta' inawgurazzjoni għall-istadju Alvalade XXI ta' Sporting kontra Manchester United, li għall-kronaka ntemmet 3–1 f'favur it-tim Portugiż, Alex Ferguson tefa' ħarstu fuq it-tfajjel Ronaldo. Ronaldo wera li kellu abilità li jilgħab fuq iż-żewġ naħat tal-grawnd. Wara l-logħba, il-plejers ta' Manchester United tkellmu b'entużjażmu fuq dan il-talent iż-żgħir, u ma qalux le għaċ-ċans li xi darba isibuh bħala parti mill-iskwadra tagħhom.[8]

[editja] Manchester United

[editja] 2003–2005

Ronaldo ma' Manchester United

Wara li David Beckham ħalla lil Manchester United għal avventura ġdida ma' Real Madrid, Ferguson għamel l-akkwist ta' Ronaldo għal somma ta' £12.24 miljun biex sar l-ewwel plejer Portugiż li qatt lagħab ma' dan il-klabb Ingliż.[9] Hu ried li n-numru tal-flokk tiegħu ikun 28 (l-istess numru li kellu fiż-żmien li qatta' ma' Sporting), hekk kif ma riedx li fuqu jkollu dik il-pressjoni minħabba li n-numru 7 li Ferguson xtaq li jilgħab bih, kienu libsuh uħud mill-aqwa plejers ta' kull żmien ta' United bħal George Best, Bryan Robson, Eric Cantona u David Beckham.[10]

Ronaldo iddebutta bħala sostitut fis-60 minuta fir-rebħa ta' 4–0 fuq Blackburn Rovers bħala sostitut fis-60 minuta. L-ewwel gowl tiegħu wasal minn frikik dirett fir-rebħa ta' 3–0 kontra Portsmouth fl-1 ta' Novembru 2003. Nhar id-29 ta' Ottubru 2005, fit-telfa ta' 4–1 kontra Middlesbrough, hu skorja l-uniku gowl ta' United li kien l-elf gowl tal-klabb fil-Premier League. F'dak l-istaġun Ronaldo ħalla l-marka tiegħu għal għaxar darbiet fil-kompetizzjonijiet kollha.

[editja] 2006–2007

F'Novembru u Diċembru tal-2006, Ronaldo irċieva żewġ unuri konsekuttivi tal-Plejer tax-Xahar, fejn sar it-tieni plejer fl-istorja tal-Premier League li għamel dan, wara li dan l-istess pass għamluwh Dennis Bergkamp fl-1997 u Robbie Fowler fl-1996.[11][12] Hu skorja l-50 gowl tiegħu ma' Manchester United kontra r-rivali lokali ta' Manchester City hekk kif United kisbu l-ewwel titlu tal-Premier League f'erba' snin.

Minkejja għajdut li ċċirkulaw f'Marzu tal-2007 li Real Madrid kienu lesti li joffru 80 miljun għal Ronaldo,[13] fit-13 ta' April hu iffirma estensjoni tal-kuntratt għal ħames snin oħra, bi qligħ ta' £120,000 fil-ġimgħa (total ta' £31 miljun fis-sena), biex sar l-aktar plejer imħallas fl-istorja tal-klabb.[14][15] F'dak l-istaġun, Ronaldo rebaħ numru ta' unuri personali li jinkludu l-unuri tal-Plejer tas-Sena tal-PFA u l-Plejer Żagħżugħ tas-Sena tal-PFA, fejn ingħaqad ma' Andy Gray bħala l-uniċi plejers li rċevew dawn iż-żewġ unuri flimkien.[16] F'April, hu kompla t-tripletta personali fejn rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-PFA magħżul mill-partitarji. Ronaldo kien wieħed mis-seba' plejers ta' Manchester United li spiċċaw fost it-Tim tas-Sena tal-PFA 2006–07.

[editja] 2007–2008

Ronaldo fiċ-ċentru u Rio Ferdinand jiċċelebraw gowl

L-istaġun 2007–08 ta' Ronaldo beda b'karta ħamra għal allegat daqqa' ta' ras fuq il-plejer ta' Portsmouth Richard Hughes matul it-tieni partita tal-istaġun ta' United, u ġie sospiż għal tliet partiti.[17] Ronaldo stqarr li kien "tgħallem ħafna" minn din l-esperjenza u ma kienx se jħalli li fil-futur il-plejers jibqgħu jipprovokawh.[18] Wara li skorja l-uniku gowl fil-konfront barra minn darhom kontra Sporting fiċ-Champions League, fil-partita ġewwa Old Trafford hu reġa' ħalla l-marka tiegħu b'gowl fil-ħin mogħti żejjed biex poġġa lil United fil-quċċata tal-klassifika tal-grupp.[19]

Hu spiċċa fit-tieni post wara Kaká fil-klassifika finali tal-Ballun tad-Deheb,[20] waqt li spiċċa fit-tielet post għall-unur tal-Plejer tas-Sena tal-FIFA wara Kaká u Lionel Messi.

Ronaldo skorja l-ewwel tripletta personali ma' Manchester United fir-rebħa ta' 6–0 kontra Newcastle United ġewwa Old Trafford, nhar it-12 ta' Jannar 2008, biex tefa' lil United fl-ewwel post tal-klassifika tal-Premier League.[21] Hu skorja t-tlieta u għoxrin gowl tal-istaġun fir-rebħa ta' 2–0 fuq Reading, fejn ugwalja l-istess numru ta' gowls li kien skorja fl-istaġun preċedenti.[22] Matul il-konfront mill-ewwel rawnd eliminatorju tal-UEFA Champions League kontra Lyon, ta' nhar l-20 ta' Frar, partitarju inidentifikabbli ta' Lyon kontinwament immira lejżer aħdar lejn Ronaldo u sieħbu Nani, fejn wassal għal investigazzjoni mill-UEFA.[23] Xahar wara, Lyon ġew immultati £2,427 għal dan l-inċident.[24]

Nhar id-19 ta' Marzu 2008, Ronaldo għall-ewwel darba kien kaptan ta' United fir-rebħa ġewwa darhom kontra Bolton, fejn skorja ż-żewġ gowls fir-rebħa ta' 2–0.[25] It-tieni wieħed kien it-33 wieħed tal-istaġun, li wassal għal rekord ġdid tal-klabb għall-aktar numru ta' gowls skurjati minn midfilder fi staġun wieħed, rekord preċedentament f'idejn George Best u li kien ilu aktar minn 40 sena ma jingħeleb, meta fl-istaġun 1967–68 Best kien skorja 32 gowl.[26] Fid-29 ta' Marzu, Ronaldo skorja doppjetta oħra fir-rebħa ta' 4–0 fuq Aston Villa, biex ir-rendiment attwali għall-istaġun kien ta' 35 gowl f'37 logħba domestika u Ewropea. Il-forma tajba tiegħu kompliet sejra u fl-aħħar tal-istaġun ġie onorat biż-Żarbuna tad-Deheb.[27]

Fil-finali tal-UEFA Champions League 2007–08 li saret fil-21 ta' Mejju kontra r-rivali Chelsea, Ronaldo skorja l-gowl tal-ftuħ fis-26 minuta, li ġie ikkanċellat bil-gowl tal-pari tal-Blues fil-45 minuta. Il-partita wara l-ħin normali u dak supplementari ntemmet fi skor ta' 1–1. Waqt l-għoti tal-penalties, l-iżball tiegħu wassal lil Chelsea f'punt li kienu qrib ir-rebħ tat-trofew, imma John Terry falla fil-penalty deiċiżiv, u Manchester United ħarġu rebbieħa 6–5. Il-partitarji tawh l-unur tal-Plejer tal-Partita[28] u għalaq staġun mill-aqwa bi 42 gowl f'kull kompetizzjoni, erba' gowls biss 'il bogħod mir-rekord ta' Denis Law (46 gowl) fl-istaġun 1963–64.

[editja] 2008–preżent

Fil-5 ta' Ġunju 2008, Sky Sports irrapuraw li Ronaldo wera x-xewqa li fl-istaġun segwenti jilgħab ma' Real Madrid jekk dawn tal-aħħar kienu lesti li joffru l-istess somma li kienet ġiet stipulata fil-bidu tas-sena.[29] Nhar id-9 ta' Ġunju, Manchester United għamlu ilment lill-FIFA bir-raġuni wara dan l-ilment ikun li Real Madrid kienu qed jagħmlu minn kollox biex "jisirqu" lil Ronaldo, minkejja li l-FIFA naqset li tieħu azzjoni.[30][31] Dan l-għajdut kompla jiddomina s-suq tat-trasferimenti tas-sajf kollu, sakemm fis-6 ta' Awwissu Ronaldo ikkonferma l-ħsieb tiegħu li jibqa' f'Manchester tal-anqas għal staġun ieħor.[32]

Fis-7 ta' Lulju, ġewwa Amsterdam, Ronaldo għamel operazzjoni fl-għaksa ta' saqajh u sussegwentament tilef il-bidu tal-istaġun 2008–09.[33] Hu rritorna fl-azzjoni fis-17 ta' Settembru fil-pari ta' mingħajr gowls kontra Villareal FC fil-UEFA Champions League, fejn daħal bħala sostitut għal Park Ji-Sung,[34] u skorja l-ewwel gowl tal-istaġun il-ġdid kontra Middlesbrough fit-Tielet Rawnd tal-Carling Cup f'Old Trafford, partita li Manchester United rebħu 3–1.

Ronaldo skorja l-100 u l-101 gowl f'kull kompetizzjoni għal Manchester United fir-rebħa ta' 5–0 fuq Stoke City nhar il-15 ta' Novembru 2008, biż-żewġ gowls jaslu kollha minn frikiks diretti.[35] Dawn il-gowls ifissru wkoll li b'hekk Ronaldo skorja kontra d-dsatax-il tim l-ieħor tal-Premier League ta' dak l-istaġun. Fit-2 ta' Diċembru 2008, Ronaldo sar l-ewwel plejer ta' Manchester United li rċieva l-Ballun tad-Deheb minn mindu George Best rebaħ dan l-unur prestiġjuż lura fl-1968. Hu spiċċa b'446 punt, 165 punt fuq it-tieni klassifikat Lionel Messi.[36] Fit-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs 2008 ingħata l-unur tal-Ballun tal-Fidda wara l-kampanja trijonfanti li United għamlu f'din il-kompetizzjoni internazzjonali.[37]

Nhar it-8 ta' Jannar 2009, Ronaldo safa' involut f'inċident tat-traffiku fil-karozza Ferrari tiegħu qrib l-Ajruport ta' Manchester. L-uffiċjali tal-pulizija ikkonfermaw li hu ma kien taħt l-ebda effett tal-alkoħo l u minkejja li l-karozza spiċċat imfarrka, hu xorta waħda attenda s-sessjoni ta' taħriġ li kellu filgħodu.[38] Għall-istaġun preċedenti, Ronaldo kompla jikseb il-konfermi ta' sena mill-aqwa għalih, meta fit-12 ta' Jannar 2009 sar l-ewwel plejer tal-Premier League li rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-FIFA, fejn għeleb l-isfidi tal-plejers Kakà tal-Milan, Fernando Torres tal-Liverpool u Lionel Messi u Xavi ta' Barcelona, u sar ukoll l-ewwel Portugiż li rebaħ dan l-unur wara Luís Figo li rebħu fl-2001.[39]

Ronaldo skorja l-ewwel gowl tiegħu tal-istaġun fil-UEFA Champions League, u l-ewwel wieħed mill-gowl fil-finali kontra Chelsea, fir-rebħa ta' 2–0 fuq l-Inter li tefa' lil United fil-kwarti tal-finali tal-kompetizzjoni. Il-forma tajba tiegħu kompliet b'doppjetta fil-kampjonat kontra Aston Villa tal-5 ta' April 2009, partita li ntrebħet mit-tim ta' United bl-iskor ta' 3–2 bil-gowl rebbieħ jasal mid-debuttant Federico Macheda. Fit-tieni leg tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League kontra Porto, Ronaldo skorja gowl sensazzjonali minn madwar 40 metru 'l bogħod biex assigura lil United post fis-semifinali. Il-forma tajba f'din il-kompetizzjoni kompliet sejra fejn fit-tieni leg tas-semifinali kontra l-Arsenal, ġewwa l-Emirates Stadium, Ronaldo skorja darbtejn (b'wieħed minnhom ikun frikik dirett minn madwar 40 metru) biex United ħarġu 3–1 rebbieħa u ħadu post fil-finali tal-kompetizzjoni.[40]

Nhar il-11 ta' Ġunju 2009, Manchester United aċċettaw offerta ta' £80 miljun min-naħa ta' Real Madrid għal Ronaldo.[41]

[editja] Real Madrid

Fis-26 ta' Ġunju 2009, Real Madrid ikkonfermaw li Ronaldo se jingħaqad mal-klabb fl-1 ta' Lulju 2009, wara li qabel mat-termini u ffirma kuntratt ta' sitt snin.[42] Hu mifhum li l-kuntratt ta' Ronaldo se jiswa €13-il miljun kll staġun u se jkollu klawżola reċissorja ta' €1 biljun.[43] Hu ġie ppreżentat lill-istampa dinjija bħala plejer ta' Real Madrid fis-6 ta' Lulju 2009,[44] u ġie mogħti l-flokk numru 9,[1] milbus preċedentament minn Javier Saviola. Il-flokk kien ippreżentat lilu mil-leġġenda Madridista Alfredo di Stéfano.[45] Ronaldo ġie milqugħ minn 80,000 benjamin li attendew il-preżentazzjoni fl-Istadju Santiago Bernabéu, fejn din iċ-ċifra għaddiet r-rekord ta' 75,000 partitarju li kienu attendew il-preżentazzjoni ta' Diego Maradona fl-Italja, meta dan tal-aħħar għadda minn Barcelona għal Napoli fl-1984.[46] L-ewwel gowl tiegħu bil-flokk Madrilen wasal minn penalty f'logħba ta' ħbiberija kontra Liga de Quito.[47]

[editja] Internazzjonali

Ronaldo għamel id-debutt internazzjonali f'Awwissu tal-2003 fir-rebħa ta' 1–0 fuq il-Każakistan. Hu ġie msejjaħ fost l-iskwadra Portugiża magħżula għall-Kampjonati Ewropej 2004, fejn skorja l-uniku gowl tal-Portugall fit-telfa ta' 2–1 kontra l-Greċja fil-partita tal-ftuħ, u anki l-ewwel gowl tas-semifinali kontra l-Olanda, meta l-Portugall rebħu 2–1. Il-finali rat għat-tieni darba f'dik l-edizzjoni lill-Portugall jiltaqgħu mal-Greċja fejn għal darb'oħra, b'sorpiża, il-Griegi ħarġu rebbieħa. Minkejja li Ronaldo naqas li jżid maż-żewġ gowls li kien diġà skorja, il-prestazzjoni tiegħu tatu post fit-tim tat-turnew.[48] Ronaldo rrappreżenta lill-Portugall fl-Olimpjadi tas-sajf tal-2004.

[editja] Tazza tad-Dinja 2006

Ronaldo kien it-tieni l-aqwa skorer taż-żona Ewropea waqt il-fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2006 b'7 gowls. Fil-fażi finali tal-kompetizzjoni, Rnaldo skorja l-ewwel gowl personali fit-Tazza tad-Dinja kontra l-Iran minn penalty.[49] Fir-rawnd suċċessiv, fil-partita kontra Olanda, hu kellu jiġi sostitwit minħabba li weġġa' wara daħla minn Khalid Boulahrouz.[50] Però hu rritorna għall-konfront ta' wara kontra l-Ingilterra tal-1 ta' Lulju 2006, fejn din il-logħba kienet karraterizzata mill-karta ħamra murija lill-plejer Ingliż Wayne Rooney. L-istampa Ingliża ħarġet xniegħat li Ronaldo influwenza d-deċiżjoni tar-referi Horacio Elizondo bl-aġir aggressiv tiegħu, u wara deher jgħammeż lill-bankina Portugiża wara t-tkeċċija ta' Rooney. Wara l-partita, Ronaldo insista li Rooney kien ħabib u ma kienx qed jippersisti sabiex jiġi mkeċċi.[51] Fl-4 ta' Lulju, Elizondo iċċara li l-karta l-ħamra kienet minħabba l-infrazzjoni ta' Rooney u mhux minħabba l-frakass bejn Rooney u Ronaldo.[52]

Ir-reazzjoni irrabbjata min-naħa tal-istampa Ingliża wasslet lil Ronaldo biex jikkunsidra jekk jitlaqx lil United,[53] u allegatament qal lill-gazzetta sportiva Spanjola Marca li hu xtaq li jittrasferixxi lejn Real Madrid.[54] Bħala tweġiba għal din, Ferguson bagħat lill-assistent kowċ Portugiż Carlos Queiroz biex jitkellem ma' Ronaldo u jipperswadih biex ibiddel ħsiebu.[55] Ronaldo iddeċieda li jibqa', u iffirma estensjoni għal ħames snin mal-kuntratt li kellu f'April tal-2007.[56]

Matul is-semifinali tat-Tazza tad-Dinja kontra Franza Ronaldo kien ibbuwjat, u minħabba kampanja sħiħa negattiva ta' posta elettronika imnediha minn partitarji Ingliżi, Ronaldo tilef għal ftit milli jieħu l-unur bħala L-Aqwa Żagħżugħ tat-turnew.[57] Minkejja li l-votazzjoni li saret online affettwat biss il-proċess ta' nominazzjoni, il-Grupp ta' Studju Tekniku tal-FIFA tat l-unur lil Lukas Podolski, fejn stqarriet li l-imġieba ta' Ronaldo kienet fattur determinanti fid-deċiżjoni.[58]

[editja] Wara t-Tazza tad-Dinja

Ġurnata wara għeluq it-tnejn u għoxrin sena, Ronaldo ġie mogħti l-faxxa ta' kaptan tat-tim Portugiż għall-ewwel darba f'logħba ta' ħbiberija kontra l-Brażil li ntlagħbet fis-6 ta' Frar 2007. Ronaldo skorja tmien gowls f'isem il-Portugall fil-fażi ta' kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2008,[59] imma skorja biss wieħed matul it-turnew hekk kif il-Portugall sfaw eliminati fil-kwarti tal-finali.

[editja] Statistika

Klabb Staġun Kampjonat Tazza League Cup Ewropa Oħrajn[60] Total
App Gowls App Gowls App Gowls App Gowls App Gowls App Gowls
Sporting CP 2002-03 25 3 3 2 3 0 0 0 31 5
Total 25 3 3 2 3 0 0 0 31 5
Manchester United 2003–04 29 4 5 2 1 0 5 0 0 0 40 6
2004–05 33 5 7 4 2 0 8 0 0 0 50 9
2005–06 33 9 2 0 4 2 8 1 0 0 47 12
2006–07 34 17 7 3 1 0 11 3 0 0 53 23
2007–08 34 31 3 3 0 0 11 8 1 0 49 42
2008–09 33 18 2 1 4 2 12 4 2 1 53 26
Total 196 84 26 13 12 4 55 16 3 1 292 118
Real Madrid 2009–10 - - - - - - - - - -
Total - - - - - - - - - -
Total tal-karriera 218 86 29 15 12 4 57 16 3 1 319 122

Korretti sal-27 ta' Mejju 2009[61]

[editja] Unuri

[editja] Klabb

Bandiera tal-Ingilterra Manchester United

[editja] Individwali

[editja] Referenzi

  1. ^ a b "Cristiano to wear the number '9'" (Ingliż), Real Madrid CF, 06-07-2009 (Aċċessata nhar il-06-07-2009).
  2. ^ Cryuff: Ronaldo, United's best ever (Ingliż). Press TV (02-04-2008). Aċċessata nhar il-06-07-2008.
  3. ^ Ronaldo tops PFA nominations list (Ingliż). BBC Sport. Aċċessata nhar il-11-04-2008.
  4. ^ Ronaldo named PFA's Player of the Year (Ingliż). FourFourTwo. Aċċessata nhar il-28-04-2008.
  5. ^ Ronaldo is writers' player of the year, too (Ingliż). FourFourTwo. Aċċessata nhar il-02-05-2008.
  6. ^ Couzens, Gerard. SECRET AGONY OF £31M RONALDO (Ingliż), 22-04-2007 (Aċċessata nhar il-23-05-2008).
  7. ^ Profil ta' Ronaldo fuq about.com (Ingliż), about.com.
  8. ^ Profil ta' fuq world cup soccer (Ingliż), wldcup.com.
  9. ^ Cristiano Ronaldo (Ingliż). Sky Sports. Aċċessata nhar il-08-02-2009.
  10. ^ I never wanted the No7 shirt (Ingliż), The Sun, 12-04-2007 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  11. ^ Ronaldo lands back-to-back accolades (Ingliż), inthenews.com (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  12. ^ Ronaldo wins monthly award again (Ingliż). BBC Sport. Aċċessata nhar il-09-04-2009.
  13. ^ Real ready to offer £54m to secure Ronaldo (Ingliż), The Guardian, 12-04-2007 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  14. ^ Ferguson lets rip at Madrid after Ronaldo signs £31m deal (Ingliż), The Times, 14-04-2007 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  15. ^ Ronaldo signs new deal at Man Utd (Ingliż), BBC Sport, 13-04-2007 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  16. ^ Ronaldo secures PFA awards double (Ingliż), BBC, 22-04-2007 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  17. ^ Thompson, Gemma. Ronny fell into Pompey trap (Ingliż), News & Features, Manchester United, 15-08-2007 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  18. ^ Ronaldo pledges to keep his cool (Ingliż), BBC Sport, 15-08-2007 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  19. ^ Thompson, Gemma. Man Utd 2-1 Sporting Lisbon (Ingliż), BBC Sport, 27-11-2007 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  20. ^ Kaká's year capped by Ballon d'Or (Ingliż), UEFA, 02-12-2007 (Aċċessata nhar il-06-12-2007).
  21. ^ Man Utd 6-0 Newcastle (Ingliż), bbc.co.uk, 12-01-2008 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  22. ^ Man Utd 0-2 Reading (Ingliż), bbc.co.uk, 19-01-2008 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  23. ^ UEFA asked to probe Ronaldo laser incident (Ingliż), cnn.com, 21-02-2008 (Aċċessata nhar il-21-02-2008).
  24. ^ Lyon fined over Champions League laser incident (Ingliż). Reuters UK (2008-03-20). Aċċessata nhar il-09-04-2009.
  25. ^ Kay, Oliver. Cristiano Ronaldo revels in role of Captain Fantastic as United stretch lead, The Times, 20-03-2008.
  26. ^ Best's crown intact until Ronaldo cures his travel sickness (Ingliż), guardian.co.uk, 01-04-2008 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  27. ^ ESM Golden Shoe ranking (Ingliż), European Sports Magazines, 07-04-2008 (Aċċessata nhar il-09-04-2009).
  28. ^ UEFA Fans' Man of the Match - uefa.com
  29. ^ Ronaldo breaks silence (Ingliż), Sky Sports (Aċċessata nhar il-05-06-2008).
  30. ^ Man. Utd jirrapportaw lil Real Madrid lill-FIFA, L-Orizzont (Aċċessata nhar il-10-04-2009).
  31. ^ FIFA to take no action over Ronaldo complaint (Ingliż), FourFourTwo, 17-06-2008 (Aċċessata nhar il-05-06-2008).
  32. ^ I will stay at Man Utd - Ronaldo (Ingliż). BBC (06-08-2008). Aċċessata nhar il-14-08-2008.
  33. ^ Ronaldo ankle surgery a 'success' (Ingliż). BBC Sport (07-07-2008).
  34. ^ Villarreal return to frustrate United (Ingliż). UEFA.com. Aċċessata nhar il-28-09-2008.
  35. ^ Man Utd 5-0 Stoke (Ingliż), bbc.co.uk, 15-11-2008 (Aċċessata nhar il-16-11-2008).
  36. ^ Cristiano Ronaldo jirbaħ il-Ballun tad-Deheb. MaltaRightNow (02-12-2008). Aċċessata nhar il-02-12-2008.
  37. ^ Tazza tad-Dinja tal-Klabbs (Ingliż). FIFA (18-12-2008). Aċċessata nhar il-08-01-2009.
  38. ^ Ronaldo unhurt after car crash (Ingliż). Timesofmalta.com (08-01-09). Aċċessata nhar il-13-01-09.
  39. ^ Cristiano Ronaldo is FIFA Player of the Year (Ingliż). Timesofmalta.com (12-01-09). Aċċessata nhar il-13-01-09.
  40. ^ Arsenal 1 United 3 (aggregate 1-4) (Ingliż), ManUtd.com, 05-05-2009 (Aċċessata nhar il-05-05-2009).
  41. ^ Man Utd accept £80m Ronaldo bid (Ingliż). BBC Sport (11-06-2009). Aċċessata nhar il-11-06-2009.
  42. ^ Real Madrid and Manchester United seal the transfer of Cristiano Ronaldo (Ingliż), Real Madrid CF, Real Madrid CF, 26-06-2009 (Aċċessata nhar il-26-06-2009).
  43. ^ Cristiano Ronaldo ya es Real (Spanjol), Diario Marca, 26-06-2009 (Aċċessata nhar il-26-06-2009).
  44. ^ Seen Around the World (Ingliż), realmadrid.com, Real Madrid CF, 04-07-2009 (Aċċessata nhar il-05-07-2009).
  45. ^ Ronaldo aims shot at English game (Ingliż), BBC Sport, British Broadcasting Corporation, 06-07-2009 (Aċċessata nhar il-06-07-2009).
  46. ^ Cristiano Ronaldo welcomed by 80,000 fans at Real Madrid unveiling (Ingliż), The Guardian Sport, The Guardian, 06-07-2009 (Aċċessata nhar il-06-07-2009).
  47. ^ http://www.typicallyspanzish.com/news/publish/article_22558.shtml
  48. ^ Profil ta' Cristiano Ronaldo (Ingliż), 4thegame.com.
  49. ^ Portugall - Iran (Ingliż), fifa.com.
  50. ^ Portugall - Olanda (Ingliż), fifa.com.
  51. ^ Tim Spanton. Ronaldo: I never asked for Rooney red card. (Ingliż), The Sun, 02-07-2006 (Aċċessata nhar il-10-04-2009).
  52. ^ Ronaldo cleared over Rooney red card (Ingliż), Soccernet, 04-07-2006 (Aċċessata nhar il-10-04-2009).
  53. ^ Ronaldo intends to leave Man Utd (Ingliż), BBC Sport, 08-07-2006 (Aċċessata nhar il-10-04-2009).
  54. ^ Cristiano Ronaldo plans Real move (Ingliż), Reuters, 28-06-2006 (Aċċessata nhar il-10-04-2009).
  55. ^ Ferguson sends Man Utd No2 Queiroz to Ronaldo meeting (Ingliż), 11-07-2006 (Aċċessata nhar il-10-04-2009).
  56. ^ Ronaldo signs new deal at Man Utd (Ingliż). BBC Sport.
  57. ^ Supporters 'hijack' Ronaldo vote (Ingliż), BBC, 06-07-2006 (Aċċessata nhar il-10-04-2009).
  58. ^ Podolski beats Ronaldo to award (Ingliż), BBC Sport, 07-07-2006 (Aċċessata nhar il-10-10-2009).
  59. ^ Top scorers for Euro 2008 European Qualifying campaign (Ingliż), soccernet.com.
  60. ^ Tinkludi kompetizzjonijiet kompetittivi oħrajn, fejn tinkludi l-FA Community Shield, is-Supertazza Ewropea, it-Tazza Interkontinentali, Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-Klabbs
  61. ^ Cristiano Ronaldo (Ingliż). StretfordEnd.co.uk. Aċċessata nhar il-14-03-2009.

[editja] Ħoloq esterni

Commons-logo.svg
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali relatati ma':
Wikiquote-logo-en.svg
Fil-Wikikwota hemm kollezzjoni ta' kwotazzjonijiet relatati ma':