Park Ji-Sung
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
| Park Ji-Sung | ||
| Informazzjoni personali | ||
|---|---|---|
| Isem sħiħ | Park Ji-Sung | |
| Twelid | 25 ta' Frar 1981 Seoul |
|
| Pajjiż | ||
| Tul | 1.75 m | |
| Rwol | Midfilder | |
| Informazzjoni fuq il-klabb | ||
| Klabb kurrenti | Manchester United | |
| Numru | 13 | |
| Klabbs ġovanili | ||
| 1997–2000 | Myongji University | |
| Klabbs professjonali | ||
| Snin | Klabb | Preż (Gwl)* |
| 2000–2003 2003–2005 2005– |
Kyoto Purple Sanga PSV Manchester United |
76 (11) 64 (13) 85 (9) |
| Tim nazzjonali | ||
| 2001– | Korea t'Isfel | 81 (11) |
|
Aġġornament: 12:15, 25 Ġunju 2009 (UTC) |
||
Park Ji-Sung (bil-Korean: 박지성; Seoul, 25 ta' Frar 1981) hu plejer tal-futbol mill-Korea t'Isfel li jilgħab mal-klabb tal-futbol Ingliż Manchester United, kif ukoll mat-tim nazzjonali tal-Korea t'Isfel. Hu hu l-ewwel plejer Ażjatiku li skorja fl-istorja tal-UEFA Champions League, u sar ukoll l-ewwel plejer Ażjatiku li rebaħha fil-21 ta' Mejju 2008, ma' Manchester United. Hu kien ukoll parti mit-tim nazzjonali Korean li wasal sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja 2002, fejn skorja darba kontra l-Portugall.
Werrej |
[editja] Bidu tal-karriera
Park twieled fl-akkwati ta' Geheung. Meta kien għadu fl-iskola sekondarja, Park ma ġiex aċċettat minn diversi klabbs professjonali minħabba l-istatura tiegħu. Park spiċċa jilgħab ma' Myongji University. Matul il-karriera fil-kulleġġ, Kyoto Purple Sanga tal-Ġappun offrewlu kuntratt u hu aċċetta.
[editja] Karriera professjonali
[editja] Kyoto Purple Sanga
Park iffirma mal-klabb Ġappuniż li kienu għadhom kemm ġew relegati għall-J2. Fl-2001 il-klabb rebaħ il-promozzjoni għall-ewwel diviżjons, u fis-sena ta' wara, Park mexxa lit-tim fil-finali tat-Tazza tal-Imperatur, fejn skorja l-gowl tal-pari permezz ta' daqqa ta' ras u assista lil Kurobe għall-gowl tar-rebħa tal-finali.[1]. It-tim irnexxielu jirbaħ 2-1 biex saru ċ-ċampjins tat-Tazza tal-Imperatur għall-ewwel darba fl-istorja ta' Sanga. Hu ħall lil Sanga wara t-Tazza tad-Dinja.
[editja] PSV Eindhoven
Wara t-Tazza tad-Dinja, Guus Hiddink ġie inkarigat bħala l-kowċ il-ġdid tat-tim Olandiż ta' PSV Eindhoven. Fl-2003, Park u sieħbu Sud-Korean Lee Young-Pyo ittrasferixxew lejn PSV Eindhoven, fejn reġgħu ġew taħt id il-kowċ preċedenti tas-selezzjoni nazzjonali. Waqt li Lee mal-ewwel integra mat-tim titolari, Park bata daqxejn minħabba li kien imweġġa konsekuttivament.[2]
Madanakollu, lejn tmiem l-istaġun 2003–04, Park beda jadatta ruħu għall-ambjent ġewwa l-Olanda. Fl-istaġun 2004–05, it-tluq ta' Arjen Robben lejn Chelsea ta lil Park aktar opportunitajiet li jibda mal-ewwel ħdax u mal-ewwel wera x'kien jiswa. Flimkien ma' Johann Vogel, l-Olandiżi Mark van Bommel, Philip Cocu u DaMarcus Beasley, Park ifforma s-sinsla ta' nofs il-grawnd ta' PSV Eindhoven grazzi għall-veloċità tiegħu u l-abilità fil-passaġġi. Hekk kif irnexxielu jkun parti fundamentali wara l-gowls skurjati f'dak l-istaġun minn PSV, l-aktar mument importanti fil-karriera ta' Park ma' dan it-tim Olandiż kien meta skorja l-ewwel gowl kontra t-tim Taljan ta' AC Milan fis-semifinali taċ-Champions League. PSV minkejja li rebħu l-leg ġewwa darhom bl-iskor ta' 3–1, it-telfa barra minn darhom bl-iskor ta' 2–0 wasslet lill-Milan fil-finali taċ-Champions League.[3]
[editja] Manchester United
Fix-xhur tat-tmien tal-istaġun 2004–05, Park għażel li jingħaqad ma' Sir Alex Ferguson ta' Manchester United, li kien impressjonat bl-istil ta' logħob ta' Park. Park iffirma għat-tim tal-Premiership Ingliż għal £5 miljun, suġġett għat-test mediku u l-permess tax-xogħol.
Park sar l-ewwel plejer Ażjatiku li kien kaptan ta' Manchester United meta Ryan Giggs għadda l-faxxa lil Park hekk kif sostitwit fil-partita ġewwa darhom kontra Lille OSC. L-ewel gowl tiegħu għal Manchester United wasal fl-20 ta' Diċembru 2005, matul ir-rebħa bl-iskor ta' 3–1 fuq Birmingham City fil-kwarti tal-finali tal-League Cup. L-ewwel gowl fil-Premier League wasal kontra Arsenal, fir-rebħa li t-tim ta' United għamel kontra l-Gunners bl-iskor ta' 2–0 nhar id-9 ta' April.[4]
F'April 2007, Park intbagħat l-Amerika għal kirurġija minħabba uġigħ kontinwu f'irkopptu, fejn b'hekk temmlu l-istaġun. Minkejja li kien barra għal ħafna mill-istaġun, hu xorta lagħab biżżejjed partiti biex isir l-ewwel plejer Korean li rebaħ il-Premier League.
Fl-1 ta' Marzu 2008, Park skorja l-ewwel gowl fil-Premiership tal-istaġun 2007–08 kontra Fulham, wara li kien għadu kif irritorna minn diversi xhur barra mil-logħob. In-nuqqas ta' ħin ta' logħob ikkawżat kontroversja kbira fil-Korea,[5] imma rnexxielu jisraq l-applawżi permezz ta' prestazzjoni eċċellenti ikkaratterizzata minn assist għal Wayne Rooney fil-partita tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League kontra AS Roma. Bil-progress ta' United għas-semifinali taċ-Champions League, Park sar l-ewwel plejer Ażjatiku li ħa sahem fis-semifinali taċ-Champions League tliet darbiet differenti. Fid-29 ta' April 2008, Manchester United avvanzaw għall-finali taċ-Champions League wara li għelbu lil Barcelona, fejn Park ġie ivvutat bħala l-Plejer tal-Partita. Fil-21 ta' Mejju, kienet sorpriża għal ħafna li Park ġie eskluż kompletament mill-iskwadra li kienet se taffaċċja lil Chelsea fil-finali tal-UEFA Champions League 2008. Kienu ħafnu li ħasbu li l-prestazzjonijiet ta' Park kontra Roma u Barcelona kienu tawh post garantit mal-ewwel ħdax fil-finali. B'din l-esklużjoni, Park naqas li jsir l-ewwel plejer mill-Asja li lagħab fil-finali taċ-Champions League. Wara, il-kowċ ta' Manchester United stqarr li d-deċiżjoni li jħalli lill-ġwejnħa Sud-Koreana barra mill-iskwadra ta' tmintax-il plejer għall-finali, kienet waħda mill-itqal deċiżjonijiet li hu qatt ħa matul il-karriera bħala kowċ.
Kmieni fl-istaġun 2008–09 tal-Premier League, fil-partita barra minn darhom kontra Chelsea, Park skorja l-uniku gowl għal United fil-pari finali ta' 1–1 nhar il-21 ta' Settembru 2008, f'partita fejn kiseb l-unur tal-Plejer tal-Partita.[6] Il-100 apparenza għal Manchester United waslet fit-13 ta' Diċembru 2008 meta beda l-partita f'White Hart Lane kontra Tottenham Hotspur.[7]
[editja] Internazzjonali
Park beda l-karriera internazzjonali bħala ċentrali difensiv ta' dsatax-il sena. Park għamel l-ewwel apparenza fil-fażi ta' kwalifikazzjoni reġjonali għall-Olimpjadi ta' Sydney tas-sena 2000. Taħt Huh Jung-Moo, il-kowċ tal-Korea t'Isfel, hu ma rnexxielhux juri l-potenzjal bħala plejer regulari tal-futur għat-tim nazzjonali Sud-Korean. Madanakollu, taħt il-kowċ il-ġdid Guus Hiddink, il-pożizzjoni ta' Park ġiet mibdula għal dik ta' ġwejnħa. Minn dakinhar 'il quddiem, Park sar plejer versatili kapaċi li jilgħab f'diversi pożizzjonijiet ċentrali.
Park skorja gowl memorabbli matul it-Tazza tad-Dinja 2002. Matul il-fażi tal-gruppi, il-Korea t'Isfel rebħu l-ewwel logħba kontra l-Polonja u kisbu pari kontra l-Istati Uniti. Biex jikkwalifikaw riedu jiksbu tal-anqas pari kontra l-favorita Portugall. Il-partita kienet tinsab 0–0 sas-70 minuta wara żewġ karti ħomor kontra l-Portugall, meta Park skorja l-gowl rebbieħ, hekk kif ikkontrolla l-ballun b'sidru u wara li għeleb lil Sérgio Conceição, xuttja b'saqajh ix-xellugija dak il-gowl li ta lill-Ażjatiċi t-tliet punti. Dan il-gowl wassal ukoll għall-eliminazzjoni tal-Portugall u l-avvanz għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol tal-Korea t'Isfel fil-fażi eliminatorja tat-turnew.[8]
Is-suċċess fit-Tazza tad-Dinja kompla fl-edizzjoni tal-2006. Hu skorja l-gowl tal-pari fit-tieni logħba ta' Grupp Ġ kontra l-finalisti eventwali tal-kompetizzjoni, Franza, u kien ivvutat bħala l-Plejer tal-Partita. Fiż-żewġ edizzjonijiet, hu lagħab f'kull logħba tal-Korea t'Isfel.
Nhar il-11 ta' Ottubru 2008, hu kien kaptan għall-ewwel darba tal-Korea t'Isfel f'logħba ta' ħbiberija kontra l-Użbekistan. Il-partita spiċċat 3–0 f'favur il-Korea.
[editja] Unuri
[editja] Klabb
- J. League Division 2: 2001
- Tazza tal-Imperatur: 2002
- Eredivisie: 2004–05
- Tazza tal-Olanda: 2005
- Premier League: 2006–07, 2007–08
- Football League Cup: 2005–06
- FA Community Shield: 2007, 2008
- UEFA Champions League: 2007–08
- Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-Klabbs: 2008
[editja] Individwali
- Nominat fl-Unuri għall-klabbs tal-UEFA: 2005
- Kandidat għall-Ballun tad-Deheb: 2005
- L-Aktar Plejer ta' Valur fit-Tazza tal-Imperatur: 2002
- L-Aktar Plejer ta' Valur fil-J. League: 2001
- L-Aqwa Ħdax tal-UEFA Champions League: 2005
- L-Aqwa Ħdax tal-J. League: 2001, 2002
- L-Aqwa Plejer Ażjatiku fl-Ewropa skont FIFA.com: 2007
[editja] Referenzi
- ↑ Park interview (Korean), Joins.com, 09-05-2008 (Aċċessata nhar il-09-05-2008).
- ↑ Park, 2006, pġ. 213; "Inqast li jkolli kundizzjoni tajba wara s-6 ġimgħat ta' uġigħ li kont qed insofri, ħassejt li sħabi bdew ma jafdawx fija iktar."
- ↑ PSV 3-1 AC Milan (agg: 3-3) (Ingliż). Aċċessata nhar il-17-11-2008.
- ↑ Man Utd v Arsenal (Ingliż). Aċċessata nhar il-18-11-2008.
- ↑ Park not on the list against Bolton (Korean), Sports Seoul, 20-03-2008 (Aċċessata nhar il-18-11-2008).
- ↑ Chelsea 1-1 Man Utd (Ingliż). BBC Sport (21-09-2008). Aċċessata nhar il-18-11-2008.
- ↑ Tottenham 0-0 Man Utd (Ingliż), BBC Sport, 13-12-2008.
- ↑ Portugal 0-1 South Korea (Ingliż). Aċċessata nhar il-22-12-2008.
[editja] Ħoloq esterni
- Statistika fuq Soccerbase.com
- Profil fuq ManUtd.com
- Profil fuq UEFA.com
|
|||||

