Ronaldo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Għal nies oħra bl-isem ta' Ronaldo, ara Ronaldo (diżambigwazzjoni).
Ronaldo
Ronaldo.jpeg
Informazzjoni personali
Isem sħiħ Ronaldo Luís Nazário de Lima
Twelid 22 ta' Settembru 1976 (1976-09-22) (37 sena)
Rio de Janeiro
Pajjiż Bandiera tal-Brażil Brażil
Tul 1.83 m
Rwol Attakkant
Klabbs ġovanili
1986–1989 Tennis Club Valqueire
1990–1991 Social Ramos Clube
1991–1993 São Cristóvão
Klabbs professjonali*
Snin Klabb Preż Gwls
1993 Cruzeiro 14 (12)
1994–1996 PSV Eindhoven 57 (54)
1996–1997 Barcelona 49 (47)
1997–2002 Internazionale 99 (59)
2002–2007 Real Madrid 177 (104)
2007–2008 Milan 20 (9)
2009–2011 Corinthians 69 (35)
Total 518 (352)
Tim nazzjonali
1994–2011 Brażil 98 (62[1])
* Il-preżenzi u l-gowls fil-karriera professjonali huma validi biss għall-kampjonat domestiku.
Aġġornament: 1:58, 2 ta' Marzu 2013 (UTC)

Ronaldo Luis Nazário de Lima, magħruf aktar bħala Ronaldo[2] (Rio de Janeiro, 22 ta' Settembru 1976) huwa eks-plejer tal-futbol Brażiljan li kien jilgħab fl-irwol ta' attakkant.

Wara li beda l-karriera professjonali mat-tim Brażiljan ta' Cruzeiro, Ronaldo sfonda fl-Ewropa meta ingħaqad mat-tim ta' PSV Eindhoven fl-1994, u wara sentejn fl-Olanda wera l-potenzjal tiegħu meta ingħaqad ma' klabbs ta' kalibru bħal Barcelona, Inter, u Real Madrid qabel ma ngħaqad ma' Milan.

Ronaldo irnexxielu jagħmel suċċess ukoll fuq livell internazzjonali mat-tim nazzjonali Brażiljan, fejn ħa sehem f'97 partita internazzjonali u kien parti mit-tim Sud-Amerikan rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja 1994 u tal-2002. Fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja hu hu l-aqwa skorer bi ħmistax-il gowl fejn fl-edizzjoni tal-2006 irnexxielu jaqbeż ir-rekord preċedenti ta' erbatax-il gowl miżmum minn Gerd Müller.

Ronaldo rebaħ għal tliet darbiet l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-FIFA fl-1996, fl-1997 u fl-2002, u hu biss wieħed minn fost tnejn li rebħu dan l-unur għat-tliet darbiet, bil-plejer l-ieħor ikun il-Franċiż Zinedine Zidane. Hu rebaħ ukoll żewġ unuri tal-Ballun tad-Deheb fl-1997 u fl-2002. Imlaqqam bħala "Il-Fenomenu" (bil-Portugiż: O Fenômeno), il-plejer leġġendarju Pelé semmieh fil-lista tal-aqwa 125 futboler ħaj f'Marzu tal-2004, waqt li r-rivista Franċiża France Football fl-2007 semmietu fl-aqwa formazzjoni (l-aqwa ħdax) ta' kull żmien.

Karriera mal-klabbs[editja]

Cruzeiro u l-bidu tal-karriera[editja]

Ronaldo twieled f'Bento Ribeiro, villaġġ fqir fl-akkwati ta' Rio de Janeiro. Bħal ħafna minn ħbiebu, hu beda jilgħab il-futbol qalb it-toroq. Id-data tat-twelid attwali ta' Ronaldo hi t-18 ta' Settembru, madanakollu missieru ma rreġistrax iċ-ċertifikat tat-twelid qabel it-22 ta' Settembru, u b'hekk matul is-snin eżistew ċerti diskrepanzi fuq id-data attwali tat-twelid. L-ewwel klabb tiegħu kien Tennis Club Valgueire. Wara, hu lagħab ma' Social Ramos u São Cristóvão. L-abilitajiet tal-futbol ta' Ronaldo ġew rikonoxxuti meta kellu erbatax-il sena, meta minn rakkomandazzjoni mir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja Jairzinho, Cruzeiro Esporte Clube kisbu lil Ronaldo meta kellu l-età biex jirċievi kuntratt professjonali. Minkejja li ma tantx kien użat fil-kampjonat nazzjonali, xorta kellu ċ-ċans li juri t-talent tiegħu, fejn f'14-il logħba sab ix-xibka għal 12-il darba, waqt li fil-Kampjonat tal-Istat ta' Mineiro hu rnexxielu jiskorja 22 gowl fi 18-il logħba, fejn fost dawn il-gowls kien hemm it-tliet gowls li skorja fid-derby kontra r-rivali Atlético Mineiro, partita li spiċċat f'rebħa għal Cruzeiro (bl-iskor ta' 3–1) ispirita mit-talent ta' Ronaldo. Cruzeiro rebħu l-Kampjonat Mineiro fl-1994 u Ronaldo kien l-aqwa skorer. Hu kien ukoll l-aqwa skorer fis-Supercopa Sudamericana fl-1993. F'49 apparenza uffiċjali hu skorja total ta' 45 gowl.

PSV[editja]

Wara li attira l-attenzjoni ta' Piet de Visser, hu ssieħeb għal $6 miljun mal-klabb Olandiż ta' PSV Eindhoven, fejn skorja 42 gowl f'46 logħba tal-kampjonat u laħaq kwota ta' 55 gowl f'57 preżenza uffiċjali. Ma' PSV hu rebaħ it-Tazza Olandiża fl-1996 u spiċċa l-aqwa skorer tal-Eredivisie fl-1995.

Barcelona[editja]

Ronaldo jiskorja minn penalty il-gowl li ddeċieda l-konfront bejn Barcelona u PSG, biex b'hekk it-tim Spanjol rebaħ it-Tazza tat-Tazez Ewropej 1996–97

Wara dawn il-prestazzjonijiet, il-klabb Spanjol ta' Barcelona ħallsu s-somma rekord ta' $17-il miljun għas-servizzi tiegħu. Huwa lagħab ma' Barcelona fl-istaġun 1996–97, fejn skorja 47 gowl f'49 logħba (f'kull kompetizzjoni) fejn iggwida lit-tim għat-trijonf tal-klabb Katalan fit-Tazza tat-Tazez Ewropej fejn issiġilla l-istaġun brillanti permezz tal-gowl rebbieħ fil-finali. Ronaldo wasal biex rebaħ ukoll it-Tazza tar-Re u s-Supercopa de España. Fl-1997 rebaħ l-unur tal-aqwa skorer fil-La Liga u sal-istaġun 2008–09, Ronaldo baqa' l-aħħar plejer li skorja iktar minn 30 gowl fi staġun wieħed fl-ogħla kampjonat Spanjol.

Internazionale[editja]

Massimo Moratti, li kien ilu josserva lil dan il-plejer Brażiljan, fis-sajf tal-1997 irnexxielu jakkwista lil Ronaldo għat-tim tal-Inter. Il-plejer wasal Milan fil-25 ta' Lulju 1997, fejn ġie milqugħ minn numru kbir ta' partitarji. Fl-istaġun 1997–98 l-Inter waslu sat-tieni post fil-kampjonat nazzjonali, imma rnexxielhom jirbħu it-Tazza UEFA. Fuq livell personali Ronaldo skorja 25 gowl fil-kampjonat li iżda ma kinux biżżejjed biex jirbaħ il-klassifika tal-aqwa skorers (mirbuħa minn Bierhoff b'27 gowl); però, xorta waħda jibqgħu bħala r-rekord ta' gowls skurjati minn debutant assolut fis-Serie A. Fuq kollox f'dak l-istaġun hu rebaħ l-ewwel Ballun tad-Deheb.

Nhar il-21 ta' Novembru 1999, matul partita tal-kampjonat kontra Lecce, Ronaldo kiser l-għerq tal-irkoppa l-leminija. Kellhom jgħaddu sitt xhur u intervent kirurġiku qabel ma reġa' għamel ir-ritorn fil-grawnd: dan ġara fit-12 ta' April 2002 matul il-finali tal-Coppa Italia barra minn darhom kontra Lazio. Imma l-irkoppa reġgħet ċediet wara biss sitt minuti mid-dħul fil-partita u din id-darba l-għerq inkiser kompletament. Dan wassal f'dubju l-karriera tiegħu, hekk kif id-dannu ikkaġunat kien aktar gravi minn dak maħsub. Bejn operazzjoni ġdida esegwita f'Pariġi mill-Professur Gérard Saillant, konvalexxenza u riabilitazzjoni f'temp ta' iktar minn sena, kienu ħafna li bdew jaħsbu fi tmiem tal-karriera ta' Ronaldo.

Fil-verità, Ronaldo irkupra u irritorna fil-grawnd lejn tmiem l-2001, imma l-effetti sussegwenti tal-uġigħ li Ronaldo kien sofra wasslu biex Cúper beda jużah b'ċerta kawtela. Kien biss fil-parti finali tal-kampjonat, bl-Inter quddiem ir-Roma u l-Juventus, li Ronaldo beda jiġi skjerat aktar sikwit fejn ħafna drabi rriżulta bħala wieħed deċiżiv. Minkejja r-ritorn mill-aqwa li għamel lura lejn l-istil li kien magħruf bih, l-Olimpico ta' Ruma kien għal Ronaldo it-teatru tad-delużjoni, fortunatament għalih kienet biss sportiva: fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat, nhar il-5 ta' Mejju 2002, l-Inter tilef 4–2 kontra l-Lazio u rat kemm lil Juventus u anki lir-Roma jissuperawha fil-klassifika, fejn tal-ewwel kiseb it-titlu nazzjonali. Ronaldo għalaq il-partita fost ħafna dmugħ: kienet l-aħħar dehra fil-kampjonat bil-flokk tal-Inter. Lejn tmiem l-2002 hu kien ingħata l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-FIFA għat-tielet darba.

Real Madrid[editja]

Ronaldo bil-flokk ta' Real Madrid

F'Lulju tal-2002, immedjatament wara t-tmiem tal-kampanja rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja, wara nuqqas ta' qbil mal-kowċ Cúper, Ronaldo ried jerħi l-klabb. Wara tratattiva li damet ix-xahar ta' Awwissu kollu u mmexxiha fost il-għagħa tal-istampa u l-partitarji, il-plejer Brażiljan ġie akkwistat minn Real Madrid għal somma ta' madwar 39 miljun.

Mat-tim li kien għadu kemm ġej minn trijonf fiċ-Champions League, hu rebaħ is-Supercup Ewropea u suċċessivament, f'Diċembru tal-istess sena rebaħ rebaħ it-Tazza Interkontinentali. Dawn is-suċċessi mal-klabb Madrilen tawh it-tieni Ballun tad-Deheb. F'dik l-istess sena rebaħ kemm il-kampjonat Spanjol u fil-bidu tat-tieni staġun mal-merengues Ronaldo rebaħ is-Supercup nazzjonali.

F'erba' staġuni u nofs ma' Real Madrid, Ronaldo ġabar total ta' 177 partita uffiċjali b'104 gowls u t-tieni titlu Pichichi fl-2004.

AC Milan[editja]

Fit-18 ta' Jannar 2007 ġie rappurtat li Ronaldo kien laħaq qbil ma' Milan għat-trasferiment tiegħu għal madwar $7.5 miljun.[3] Ronaldo spiċċa sfurzat biex iħallas il-perjodu li kien għad fadallu fil-kuntratt li kien qed iżommu ma' Real Madrid, minħabba li dawn tal-aħħar ma ridux iħalluh jitlaq, waqt li Milan ma aċċettawx li jħallsu dik is-somma. Fil-25 ta' Jannar, Ronaldo telaq minn Madrid għal Milan biex jara lit-tim ta' Milan waqt partita kontra Roma. Fuq is-sit elettroniku tal-klabb saru xi stqarrijiet li Ronaldo kien għamel xi testijiet mediċi u li kienet se ssir laqgħa mad-diriġenti ta' Real Madrid biex jiffinalizzaw it-trasferiment għal Milan. Fis-26 ta' Jannar, Ronaldo ingħaqad uffiċjalment mat-tim ta' Milan fejn għamel testijiet mediċi ġewwa Milanello u sat-30 ta' Jannar, it-trasferiment kien komplut u ngħata n-numru 99. Għamel id-debutt tiegħu bħala sostitut nhar il-11 ta' Frar 2007, fir-rebħa ta' Milan kontra Livorno bl-iskor ta' 2-1. Fil-partita ta' wara kontra Siena, Ronaldo skorja darbtejn u assista t-tielet gowl fl-ewwel partita tiegħu skjerat mal-ewwel ħdax, partita li spiċċat 4–3. Fl-ewwel staġun mal-Milan, Ronaldo skorja 7 gowls f'14-il dehra.

Wara t-trasferiment tiegħu għat-tim tal-Milan, Ronaldo ngħaqad mal-lista tal-plejers li lagħbu kemm mal-Inter u mal-Milan fid-derby ta' Milan u hu l-uniku plejer li skorja għaż-żewġ naħat fid-derby (għall-Inter fl-istaġun 1998–99 u għall-Milan fl-istaġun 2006–07). Ronaldo hu wkoll wieħed mill-ftit plejers li beda għal Real Madrid u Barcelona, fejn it-tnejn li huma wkoll iżommu ċerta rivalità sħuna bejniethom.

Ronaldo lagħab biss ftit iktar minn 300 minuta għall-Milan fl-unika staġun mat-tim u dan ġara minħabba problemi fiżiċi li sofra. L-uniċi gowls ta' Ronaldo fl-istaġun fl-2007–08 kienu doppjetta kontra Napoli fir-rebħa f'San Siro bl-iskor ta' 5–2. Din kienet l-ewwel darba li t-triju tal-attakk tal-Milan ġie iffurmat minn Kaká, Pato u Ronaldo, imlaqqam bħala l-Ka-Pa-Ro. Ronaldo għamel total ta' 20 apparenza mat-tim Taljan fejn fihom sab ix-xibka għal 9 darbiet.

Minkejja s-suċċess kbir fis-snin li għaddew, Ronaldo qatt ma rebaħ il-UEFA Champions League matul il-karriera tiegħu. Matul l-istaġun 2006–07, minkejja li Milan rebħu t-titlu ta' dik is-sena, Ronaldo kien taħt il-lista ta' plejers ta' Real Madrid u għalhekk ma kienx eleġibbli li jieħu sehem. L-iktar li wasal qrib li jirbaħ din il-kompetizzjoni Ewropea kien fl-2003 fejn ma' Real Madrid wasal sas-semifinali imma spiċċaw eliminati minn Juventus.

Fit-13 ta' Frar 2008, Ronaldo sofra minn uġigħ f'irkubbtejh waqt il-partita li Milan spiċċaw pari ta' 1–1 kontra Livorno, u b'hekk kien meħud l-isptar. Milan ikkonfermaw li Ronaldo weġġa' l-ligament tal-irkoppa. Din kienet it-tielet darba li Ronaldo sofra dan l-uġigħ, bid-darbtejn l-oħra jkunu fl-1998 u fis-sena 2000. Fit-30 ta' Ġunju skada l-kuntratt ta' Ronaldo mal-Milan, li ddeċidiet li ma terġax iġġeddu għall-istaġun segwenti.

Corinthians[editja]

Ronaldo ma' Corinthians (2009)

Fit-2 ta' Settembru 2008, Ronaldo beda l-aħħar tarġa għall-irkuprar mill-kirurġija tal-irkoppa fi Flamengo. Minkejja li d-diretturi tal-klabb fetħu l-bieb għal Ronaldo biex jingħaqad magħhom wara li jkun irkupra, nhar id-9 ta' Diċembru, Ronaldo iffirma kuntratt ta' sena mar-rivali Corinthians.[4] It-tħabbira ta' dan it-trasferiment irċiviet pubbliċità kbira fl-istampa Brażiljana fuq kif iffavorixxa lil Corinthians quddiem Flamengo, minħabba li kien l-istess Ronaldo li pubblikament iddikjara l-imħabba li kellu lejn Flamengo. Ronaldo kien uffiċjalment ippreżentat f'Diċembru tal-2008. L-ewwel gowl tiegħu wasal fit-8 ta' Marzu, 2009, erbat ijiem wara d-debutt tiegħu, fil-partita kontra Palmeiras valida għall-Kampjonat Pawlista. Hu skorja total ta' 10 gowls fl-14-il logħba li lagħab f'dan il-kampjonat.

Fl-14 ta' Frar 2011, Ronaldo ħabbar li kien se jirtira mil-logħba tal-futbol.[5]

Internazzjonali[editja]

Tpinġija li turi lil Ronaldo u Ronaldinho bil-flokk ta' Real Madrid u Barcelona

Id-debutt mat-tim nazzjonali Brażiljan wasal fl-1994 f'logħba ta' ħbiberija kontra l-Arġentina. Hu,bħala żagħżugħ ta' sbatax-il sena, kien parti mill-iskwadra għat-Tazza tad-Dinja 1994 fl-Istati Uniti. Hu sar magħruf bħala Ronaldinho, fejn Ronaldo Rodrigues de Jesus, sieħbu li kien miegħu fl-iskwadra tal-kampjonat, kien ukoll imsejjaħ Ronaldo (u mlaqqam Ronaldão biex ikun aktar distingwit). Plejer Brażiljan ieħor, Ronaldo de Assis Moreira, li hu aktar magħruf bħala Ronaldinho, sar msejjaħ Ronaldinho Gaúcho meta ngħaqad mat-tim nazzjonali Brażiljan fl-1999.

Matul it-Tazza tad-Dinja 1998 hu ggwida lit-tim Brażiljan permezz ta' erba' gowls u tliet assists.[6] Il-lejl qabel il-finali, hu sofra minn konvulzjoni. Għall-bidu kien imneħħi mill-ewwel ħdax tal-finali 72 minuti biss qabel il-bidu tal-logħba, imma hu xtaq li jilgħab u Mario Zagallo daħlu fl-iskwadra. Ronaldo ma tantx għamel prestazzjoni tajba fejn weġġa' wara daħla mal-gowler Franċiż Fabien Barthez. Il-Brażil tilfu l-finali 3-0 kontra Franza.

Fit-Tazza tad-Dinja 2002, li ntlagħbet fil-Korea t'Isfel u l-Ġappun, Ronaldo rebaħ il-klassifika tal-aqwa skorers bi 8 gowls u kien l-istilla tat-tim li wasal fil-finali għat-tielet darba konsekuttivament. Din id-darba l-avversarja kienet il-Ġermanja, fejn il-Brażil ittrijonfaw permezz ta' żewġ gowls tal-istess Ronaldo. Ir-rebħa finali tatu t-tieni titlu tal-Ballun tad-Deheb.

Minkejja l-eliminazzjoni mit-Tazza tad-Dinja 2006 b'telfa ta' 1-0 kontra Franza fil-kwarti tal-finali, Ronaldo rnexxielu jsir l-aqwa skorer tat-Tazza tad-Dinja fejn fi tlett edizzjonijiet hu skorja 15-il gowl (4 fl-1998, 8 fl-2002 u 3 fl-2006), gowl iktar mir-rekord ta' Gerd Müller (14) u tnejn iktar minn Just Fontaine (13).

Fit-tim nazzjonali rnexxielu jagħmel 97 dehra u jiskorja 62 gowl, fejn hu t-tieni l-aqwa skorer tat-tim nazzjonali Brażiljan, 15-il gowl 'il bogħod mir-rekord ta' Pelé.

Ħajja privata[editja]

F'April tal-1990, Ronaldo żżewweġ lil Milene Domingues. Iż-żwieġ dam erba' snin u spiċċa b'divorzju. Il-koppja kellhom tifel, Ronald li twieled fis-sena 2000. Fl-2005, Ronaldo tgħarras mal-mudella Brażiljana Daniela Cicarelli, li saret tqila imma tilfet it-tarbija; ir-relazzjoni tagħhom spiċċat tliet xhur wara l-għerusija. Huwa spiċċa mir-relazzjoni mal-mudella Brażiljana Raica Oliveira f'Diċembru tal-2006. Il-kittieb Andrew Downie stqarr li l-aqwa perjodi fejn kien jiskorja l-iktar kien meta kien miżżewweġ.

Fl-2005, Ronaldo sar ko-propjetaru tal-A1 Team Brazil, flimkien mal-leġġenda tal-isports tal-muturi Brażiljana Emerson Fittipaldi. It-tim jieħu sehem fl-A1 Grand Prix, b'Nelson Piquet, Jr., Tony Kanaan u João Paulo Oliveira bħala sewwieqa għad-debutt tal-ewwel staġun.

Unuri[editja]

Nazzjonal[editja]

Klabb[editja]

Brażil Cruzeiro

Pajjiżi l-Baxxi PSV Eindhoven

Spanja FC Barcelona

Italja Inter Milan

Spanja Real Madrid

Brażil Corinthians

Individwali[editja]

Referenzi[editja]

  1. ^ 104 (67) jekk jiġu nklużi wkoll il-partiti ta' ħbiberija mhux uffiċjali li lagħab mat-tim nazzjonali tal-kbar tal-Brażil.
  2. ^ Ronaldo hu l-isem li bih Luís Nazário de Lima hu magħruf fl-Ewropa. Fil-Brażil hu hu magħruf b'mod familjari bħala Ronaldinho. Il-plejer magħruf fl-Ewropa bħala Ronaldinho (Ronaldo de Assis Moreira), fil-Brażil hu magħruf bħala Ronaldinho Gaùcho.
  3. ^ (Ingliż) Ronaldo unveiled by Rossoneri. UEFA.com, 30-01-2007
  4. ^ (Ingliż) Ronaldo agrees to join Corinthians. The Independent, 09-12-2008
  5. ^ Kevin Grech. (Ingliż) Ronaldo retires at the age of 34. MaltaToday, 14-02-2011. Aċċess tal-URL: 14-02-2011.
  6. ^ Statistika tat-Tazza tad-Dinja 1998 fuq Planet World Cup

Ħoloq esterni[editja]