Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Pajjiżi Baxxi (jew Nederland bl-Olandiż) huma pajjiż fl-Ewropa li jagħmlu parti mill-Monarkija tal-Pajjiżi Baxxi. Huma monarkija parlamentari demokratika u kostituzzjonali. Il-Pajjiżi Baxxi jinsabu fil-Grigal tal-Ewropa, u fil-konfini tagħhom hemm il-Baħar tat-Tramuntana fit-Tramuntana u l-Punent, il-Belġju fin-Nofsinhar u l-Ġermanja fil-Lvant. Il-belt kapitali hija Amsterdam u s-sede tal-gvern tinsab ġewwa The Hague.
Il-Pajjiżi Baxxi huma sikwit imsejħin l-Olanda, isem formalment mhux korrett minħabba li l-Olanda tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar huma fil-verità tnejn mit-tnax-il provinċja tal-pajjiż.
Minħabba li huma minn tal-ewwel demokraziji parlamentari, il-Pajjiżi Baxxi kienu pajjiż modern sa mit-twaqqif tagħhom. Fost affiljazzjonijiet oħrajn il-pajjiż huwa membru fundatur tal-Unjoni Ewropea (UE), in-NATO, l-OECD, il-WTO u ffirmat ukoll il-protokoll ta' Kjoto. Flimkien mal-Belġju u l-Lussemburgu, hija tagħmel parti mill-unjoni ekonomika tal-Benelux. Il-pajjiż jilqa' fi ħdanu ħames qrati internazzjonali: Il-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, It-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Ex-Jugożlavja, il-Qorti Kriminali Internazzjonali u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu. L-ewwel erbgħa jinsabu f'The Hague bħalma tinsab l-aġenzija tal-intelliġenza kriminali tal-UE Europol. Huwa għalhekk li din il-belt ġiet imsejħa "l-kapitali legali tad-dinja".
Il-Pajjiżi Baxxi huma pajjiż ġeografiment fil-baxx, fejn bejn wieħed u ieħor 27% tal-art u 60% tal-popolazzjoni jinsabu taħt il-livell tal-baħar.