Lingwa Maltija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Il-Malti huwa l-ilsien nazzjonali tar-Repubblika ta' Malta. Huwa l-ilsien uffiċjali flimkien mal-Ingliż; kif ukoll wieħed mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan l-ilsien jipposjedi bażi u għerq semitiku, attribwit minn djalett Għarbi li huwa ġej mill-Afrika ta' Fuq, allura qatt ma kellu relazzjoni mill-qrib mal-Għarbi Klassiku. Però tul iż-żminijiet, permezz ta' proċess tal-latinizzazjoni ta' Malta, bdew deħlin bosta elementi lingwistiċi mill-Isqalli, djalett ta' art li wkoll għaddiet minn perjodu ta' dominju Għarbi. Wara l-Isqalli beda dieħel ukoll it-Taljan, speċjalment fil-perjodu tad-daħla tal-Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann sa meta l-Ingliż ħa post it-Taljan bħala l-lingwa uffiċjali fil-Kostituzzjoni Kolonjali tal-1934. Il-Malti huwa l-uniku lsien ta' oriġini semitika li jinkiteb b'ittri Latini. L-alfabett Malti jikkonsisti minn 30 ittra (24 konsonanti u 6 vokali) li jidhru f'din l-ordni:

Ittri Kbar
A B Ċ D E F Ġ G H Ħ I IE J K L M N O P Q R S T U V W X Ż Z
Ittri Żgħar
a b ċ d e f ġ g h ħ i ie j k l m n o p q r s t u v w x ż z


Struttura[editja]

Il-Malti huwa lsien li jikkonsisti minn elementi lingwistiċi mħalltin li jirrappreżentaw il-perjodi storiċi differenti li għadda minnhom il-pajjiż fil-passat, passat iddominat minn ħakmiet barranin matul is-sekli. Għalkemm għandu bażi lingwistika Għarbija, nistgħu ninnutaw li l-ilsien Malti huwa mibni minn numru enormi ta' elementi li oriġinaw minn vokabularji rumanzi (mit-Taljan), mill-Franċiż u anki, iktar riċenti, mill-Ingliż.

L-ilsien Malti beda jiġi rrikonoxxut bħala l-ilsien uffiċjali tal-gżejjer Maltin sa mis-sena 1934, meta dan iddaħħal mal-Ingliż minħabba l-fatt li l-maġġoranza tal-poplu kien illitterat, dan ifisser li l-poplu Malti la kien jaf jitkellem bit-Taljan u wisq inqas bl-Ingliż; dan huwa l-każ tipiku fejn bejn żewġ ġellieda, igawdi t-tielet wieħed. Kien avveniment kontroversjali ħafna meta wieħed jikkunsidra li dak iż-żmien, Malta kienet taħt il-ħakma tal-Ingliżi, u b'hekk kien hemm kunflitt ta' interess meta l-istess Ingliżi ħolqu kostituzzjoni li kienet tinjora l-kultura li kienet ilha prestabbilita għal mijiet ta' snin. Però wieħed ma jistax jinnega l-fatt li l-Ingliż kellu sehem importanti fl-iżvilupp soċjo-politiku u awtonomu ta' dan il-pajjiż.

Għalkemm il-Malti daħal f'ħafna oqsma tas-soċjetà bħalma huma l-politika, il-liġi u, sa ċertu punt, il-midja popolari, l-Ingliż f'Malta huwa l-ilsien ewlieni f'dak li għandu x'jaqsam mas-settur tal-kummerċ barrani, u studji Xjentifiċi (inklużi l-istudji tal-Matematika, il-Fiżika, il-Mediċina, u b'mod mill-iktar predominanti, fl-Informatika). Saru diversi skoperti minn riċerkaturi storiċi f'manuskritti ġewwa l-Bibljoteka Nazzjonali fil-Belt Valletta (meqjusa fost l-eqdem libreriji nazzjonali fid-dinja) ,u fi bnadi oħra sabiex jiġi approvat b'mod dirett l-użu tal-ilsien Malti lura fis-snin, u s'issa hemm ċertezza li dan kien jintuża f'forma mhux daqstant differenti minn dik tal-lum sa mis-Seklu XVI.

Storja[editja]

Matul bosta żminijiet il-Maltin ħaddnu l-ilsien Taljan bħala l-ilsien uffiċjali tal-pajjiż. : Il-Kavallieri ta' San Ġwann, bejn l-1530 u l-1798 ħaddnu t-Taljan bħala lingwa uffiċjali (ferm qabel l-Italja stess, li ngħaqdet bħala stat wieħed, bid-djalett Toskan, il-Fjorentin, djalett Taljan ta' Firenze, bħala lingwa nazzjonali) fl-1864.

Mal-wasla tal-Ingliżi fis-sena 1800, il-gżejjer Maltin għaddew minn taħt idejn ir-Re taż-Żewġ Sqallijiet, li kien wiret iċ-ċens perpetwu tal-Gżejjer Maltin mingħand l-Sagru Imperu Ruman, għal taħt il-kmand tal-Imperu Brittanniku uffiċjalment fis-sena 1814, u tant kienu importanti għall-Ingliżi li dawn kienu lesti jattakkaw lill-Franċiżi mbasta Malta tibqa' f'idejhom. Lingwistikament dan ma biddel xejn għaliex it-Taljan kompla jgawdi għeruq fondi ġewwa Malta l-aktar fost il-klassijiet kolti, professjonisti, reliġjużi imlaħħqa u kummerċjanti kbar.

Mal-wasla tagħhom f'Malta, l-Ingliżi sabu pajjiż bi klassi ta' nies ta' skola (tobba, avukati, kjeriċi, nutara, periti u riċerkaturi) li kienu jappoġġaw it-Taljan, u meta tħalliet il-libertà tal-istampa naraw kif bdew ifaqqsu rivisti u ġurnali bit-Taljan. Kien fattur li poġġa lil Malta fi klassi oħra ta' territorji maħkuma mill-Ingliżi. Malta kellha l-klassi politika tagħha, il-qrati istitwiti tagħha, reliġjon organizzata, u bażi infrastrutturali ta' portijiet u difiża interessanti għal dak iż-żmien. Żgur li din tal-aħħar flimkien mas-serħan tal-moħħ li Malta ma kenitx ser toffri reżistenza popolari, kienu attrazzjonijiet li żammew lill-Imperu Brittanniku f'Malta dak iż-żmien.

Tajjeb li nosservaw li għalkemm il-klassi kolta tal-pajjiż kienet żgħira fl-għadd u għal daqstant f'minoranza meta mqabbla mal-popolazzjoni kollha, din ma kinitx karatteristika esklussivament lokali. Infatti, din kienet qagħda li wieħed seta' jqabbel ma' żoni oħrajn tal-Ewropa meridjonali (bħal fi Sqallija u fl-Italja t'Isfel) fejn ftit kienu n-nies li kellhom aċċess għat-tagħlim.

L-element ta' konvenjenza politika beda jaqbad art ġmielu hekk kif l-ekonomija u l-kummerċ tjiebu, u dan ġara b'mod speċjali meta faqqgħet il-gwerra tal-Krimea u meta nfetaħ il Kanal ta' Swejtz, li poġġa 'l Malta fir-rotta prinċipali tal-Imperu Britanniku. Il-preżenza militari Ingliża attirat kummerċ u ċaqliq ta' nies, saħħet is-snajjiet tradizzjonali abbinati mal-industriji portali iżda introduċiet snajja' ġodda u tagħlim ġdid fil-mekkanika. F'kelma waħda, żdied il-kuntatt mal-Ingliżi tant li l-lingwa Ingliża (għax konvenjenti ekonomikament u 'l quddiem, anki politikament) bdiet tinbet bħala t-tieni lingwa wara t-Taljan. Din tal-aħħar kienet predominju (ħakma) tal-professjonisti u kjerici li kellhom rispett u importanza mill-popolin. Il-popolin qajla kellu aċċess għat-tagħlim għaldaqstant ftit li xejn kellu rwol f'dan il-kuntest ta' żvilupp lingwistiku dak iż-żmien.

.




I .

L-Ilsien Malti fil-Kostituzzjoni ta' Malta[editja]

Il-Kostituzzjoni Repubblikana ta’ Malta, Kapitlu I, Artiklu 5, tgħid hekk:

(1) L-ilsien Nazzjonali ta’ Malta huwa l-ilsien Malti.

(2) L-ilsien Malti u l-ilsien Ingliż u dawk l-ilsna l-oħra li jistgħu jiġu preskritti mill-Parlament (b’liġi mgħoddija b’mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra tad-Deputati) ikunu l-ilsna uffiċjali ta’ Malta u l-Amministrazzjoni tista’ għall-finijiet kollha uffiċjali tuża kull wieħed minn dawk l-ilsna: Iżda kull persuna tista’ tindirizza ruħha lejn l-Amministrazzjoni f’kull wieħed mill-ilsna uffiċjali u t-tweġiba tal-Amministrazzjoni għal hekk tkun b’dak l-ilsien.

(3) L-ilsien tal-Qrati jkun l-ilsien Malti: Iżda l-Parlament jista’ jagħmel dak il-provvediment għall-użu tal-ilsien Ingliż f ’dawk il-każijiet u taħt dawk il-kundizzjonijiet li jista’ jippreskrivi.

(4) Il-Kamra tad-Deputati tista’, meta tirregola l-proċedura tagħha, tistabbilixxi l-ilsien jew l-ilsna li għandhom ikunu użati fi proċeduri u annotazzjonijiet parlamentari.

Kapitlu VI, Artiklu 74 jgħid hekk:

Ħlief kif provdut xort’oħra mill-Parlament, kull liġi għandha ssir kemm bl-ilsien Malti kif ukoll bl-ilsien Ingliż u, jekk ikun hemm xi kunflitt bejn it-test Malti u t-test Ingliż ta’ xi liġi, it-test Malti għandu jipprevali.

Kittieba bil-Malti[editja]

Interessanti huwa n-numru dejjem jikber ta' xogħlijiet letterarji Maltin ta' nies bħal Oliver Friggieri, li l-kotba tiegħu ta' proża u poeżija ġew tradotti f'bosta lingwi oħra u numru kbir ta' awturi żgħażagħ. L-iktar tliet awturi Maltin magħrufa internazzjonalment huma Francis Ebejer (drammaturgu), Dun Karm Psaila (il-poeta nazzjonali) u Oliver Friggieri.

Rumanziera[editja]

Awturi ta' Novelli[editja]

Poeti[editja]

(Ara wkoll Lista tal-poeti tal-ilsien Malti)

Drammaturgi[editja]

Aktar tagħrif[editja]

Dizzjunarji fuq l-Internet[editja]

Dizzjunarju Ingliż-Malti/Malti-Ingliż

Dizzjunarju Universali tal-Malti

Dizzjunarju Bażiku Malti