Semitiku

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Is-Semitiku mhuwiex ilsien wieħed iżda grupp ta' ilsna mitkellma mill-popli tal-Lvant Nofsani, f'partijiet tal-Afrika u fil-gżejjer Maltin.

Oriġini tal-Kelma[editja]

Il-kelma semitiku ġejja minn Sem, bin Noè (ara Ġenesi 10, 21-31; 11, 10-26). Ismu ntgħażel biex ifisser dawk il-popli li jissejħu ulied Sem fil-Bibbja, is-Semiti. L-ewwel art tas-Semiti kienet il-Peniżola Għarbija. Madwar 3000 sena qK is-Semiti bdew jemigraw lejn artijiet iżjed fertili u tħalltu man-nies tal-Fertile Crescent, jiġifieri l-Mesopotamja, is-Sirja u l-Palestina. Fost dawn insibu l-Akkadej, l-Amurrin (Babiloniżi, Kananej u Feniċi), il-Lhud, l-Assirjani, l-Aramej u l-Kaldej. Gruppi oħra qasmu l-Baħar l-Aħmar għall-Etijopja. Ir-rebħiet tal-Għarab fil-bidu tal-Medju Evu ferrxu l-influwenza semitika mill-Persja, tul l-Għarabja ta' Fuq sa Spanja.

Iċ-Ċiviltà Semitika[editja]

Il-kontribut li taw is-Semiti liċ-ċiviltà kien wieħed kbir. It-tliet reliġjonijiet monoteistiċi kbar: il-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu u l-Islam, bdew kollha fost dawn il-popli. Fil-qasam lingwistiku kienu s-Semiti li vvintaw l-alfabett - sett żgħir ta' sinjali biex jinkitbu l-kliem u l-ismijiet kollha ta' lingwa.

Għalkemm ħafna drabi nħalltu r-razza tal-bnedmin mal-lingwa li jitkellmu, dan ma għandux isir dejjem. Hekk il-Maltin aktarx li bħala razza huma aktar Ewropej minkejja li l-ilsien li jitkellmu huwa semitiku.

Ilsna Semitiċi[editja]

B'kollox insibu madwar sebgħin ilsien semitiku. Hemm ilsna semitiċi li ilhom mijiet ta' snin li spiċċaw u baqa' biss tifkira tagħhom fil-kitba, bħal fil-każ tal-Feniċju, li dak li nafu dwaru nafuh minn skrizzjonijiet minquxa fil-ġebel jew bronż. L-ilsien Lhudi kien spiċċa bħala lsien mitkellem, iżda fis-seklu għoxrin, il-Lhud reġgħu qajmuh, għalkemm huwa xi ftit differenti minn kif kien fi żmien il-profeti.

Waħda mill-karatteristiċi tal-ilsna semitiċi hija li dawn huma mibnija fuq it-trilitteriżmu jew aħjar is-sistema trikonsonantali. Il-biċċa l-kbira tal-kliem hu mibni madwar tliet konsonanti li dejjem iżommu l-pożizzjoni tagħhom u li madwarhom iduru jew jitbiddlu l-vokali u xi drabi jiżdiedu wkoll xi konsonanti. Il-qrubija bejn l-ilsna semitiċi jidher fil-fatt li l-istess għerq ikun jinstab f'dawn il-lingwi. Ngħidu aħna, l-għerq slm, jinstab fl-Assiro-Babiloniż, fil-Lhudi (shalom), fl-Aramajk, fl-Għarbi (salam), fil-Malti (sliem) u f'ilsna oħra.

Il-familja kbira tal-ilsna semitiċi tinqasam fi friegħi, li bejn wieħed u ieħor, huma dawn:

  1. Is-Semitiku tal-Lvant, irrapreżentat mill-ilisen Assiro-Babiloniż, jew l-Akkadiku. L-eqdem ilsien semitiku, bl-eqdem letteratura semitika. L-Akkadiku kien mitkellem fil-Mesopotamja bejn it-3000 sena qK u s-600-400 qK, u baqa' jintuża fil-kitba sa l-ewwel seklu wK.
  2. Is-Semitiku tal-Majjistral jinkludi l-Lhudi qadim u modern; ilsna qodma bħall-Ugaritiku u l-Feniċju, u l-Aramajk li jinkludi s-Sirjak.
  3. Is-Semitiku tan-Nofs Inhar jinkludi l-Għarbi kollu, kemm dak Klassiku tal-Koran (Quran) kif ukoll id-diversi djaletti Għarab, fosthom il-Malti. F'dan il-grupp insibu wkoll l-Etjopiku, li fih l-ilsien klassiku magħruf bħala Geż, u ilsna moderni bħall-Amariku, l-ilsien uffiċjali tal-Etijopja.

L-element Semitiku fl-ilsien Malti[editja]

Minkejja li l-Malti tħallat ħafna mal-Isqalli, it-Taljan u l-Ingliż, baqagħlu ħafna kliem semitiku u strutturi semitiċi.

Fost l-iktar kategoriji ta' kliem li għadhom prinċipalment semitiċi insibu:

  1. Il-Pronomi Personali u Demonstrattivi (Jien, int, huwa, eċċ./dik, dan, dawk , eċċ.)
  2. Il-Prepożizzjonijiet (bi, fi, ta', ma', eċċ.)
  3. Il-Konġunzjonijiet (u, imma, jew, eċċ.)
  4. L-Avverbji (hawn, hemm, xejn, kollox, eċċ.)
  5. Natura (baħar, sema, ħamrija, wied, ilma, għolja, riħ, ragħad, sħab, nixxiegħa, xita, beraq, eċċ.)
  6. Ismijiet ta' annimali, ħut , għasafar u insetti (kelb, baqra, ħmar, nagħġa, mogħża, werżieq, nemusa, nemla, naħla, dubbiena, ħuttafa, seqer, eċċ.)
  7. Ismijiet ta' siġar, xtieli, ħxejjex u fjuri (dulliegħ, bettieħ, ħjar, qargħa, ħass, ħarrub, ballut, żebbuġ, luq, tin, ħabaq, tewm, sagħtar, ward, lellux, eċċ.)
  8. L-istaġuni u l-jiem tal-ġimgħa (sajf, rebbiegħa, it-Tnejn, il-Ħamis, eċċ.)
  9. Ikel u Xorb (ħobż, ħalib, laħam, inbid, għaġin, ilma, eċċ.)
  10. Anatomija tal-ġisem (id, għonq, sieq, għadam, demm, qalb, fwied, eċċ.)
  11. Snajja' u Għodod (ħaddied, ħajjat, naġġar, bennej, musmar, moħriet, mgħażqa, eċċ.)
  12. Minerali u oġġetti materjali (fidda, deheb, ħadid, ġild, ħġieġ, rħam, eċċ.)
  13. Qraba u ħbieb (omm, oħt, iben, mara, raġel, ħaten, eċċ.)
  14. In-Numri (wieħed, erbgħa, mija, elf, xejn, kollox, eċċ.)
  15. L-Ilwien (iswed, aħamr, abjad, isfar, aħdar, ikħal, iżraq, eċċ.)
  16. Navigazzjoni ( ġifen, qlugħ, moqdief, mirkeb, dgħajsa, eċċ.)
  17. Bini (dar, bejt, knisja, swar, misraħ, bitħa, setaħ, eċċ.)
  18. Ħwejjeġ tad-dar (bieb, mejda, senduq, bieqja, muftieħ, mgħarfa, eċċ.)
  19. Edukazzjoni (ktieb, qari, għadd, għalliem, kelma, għerf, eċċ.)