Pietru Caxaro

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Pietru Caxaro (L-Imdina - 1485, ir-Rabat (Malta)) huwa magħruf fil-letteratura Maltija bħala l-ewwel poeta li kiteb bil-Malti.

Bijografija[editja]

Pietru Caxaro, iben Ljuni u Żuna, twieled l-Imdina fil-bidu tas-Seklu XV. Kien nutar pubbliku u jħobb it-tagħlim, u kien ukoll meqjus bħala poeta, filosfu, u oratur ta’ ħila. Wara l-istudji tiegħu hawn Malta mar Palermo biex jagħmel l-eżami quddiem il-protonutar, u fl-1 ta’ April, 1438 laħaq nutar pubbliku għall-gżejjer Maltin. Imma jidher li ftit ħadem ta’ nutar, għax f’Ġunju ta’ l-istess sena nħatar mħallef għal Għawdex. Sadattant ġieli għamilha ta’ mħallef għal Malta wkoll u fil-qrati tal-gvern u ta’ l-isqof. U kienu bosta l-okkazzjonijiet bejn l-1452 u l-1483 meta kellu jagħmilha ta’ ġurat fil-kunsill poplari ta’ Malta. Pietru Caxaro kien ukoll wieħed mill-kunsillieri ta’ l-Imdina bejn l-1450 u l-1483, u għamel ħabta segretarju tal-kunsill ta’ l-Imdina. Għalkemm għall-ħabta ta’ l-1463 kien tħajjar jiżżewweġ lill-armla Francha de Biglera jidher li baqa’ għażeb. Meta miet fis-sajf tal-1485 indifen fil-kappella tal-Madonna tas-Sokkors li nbniet bi flusu fil-knisja tad-Duminkani tar-Rabat.

Letteratura[editja]

Pietru Caxaro huwa magħruf fil-letteratura Maltija bħala l-ewwel poeta li kiteb bil-Malti. Dan minħabba li fl-1966 il-Professur Godfrey Wettinger u Patri Mikiel Fsadni (OP) waqt li kienu qed jirriċerkaw fuq ħwejjeġ storiċi differenti sabu poeżija fl-atti notarili ta’ Brandano de Caxario, miżmuma f’reġistru ta’ 1533 sal-1536. Il-poeżija li sabu isejħula “Xidew il-Qada’ jew ‘Cantilena’ fejn Brandan jgħid li Pietru Caxaro kien qaribu u kitibha kif kien jiftakarha hu. Għaldaqstant, nistgħu ngħidu li din il-poeżija hija l-eqdem test letterarju bil-Malti eżistenti. Ta' min jinnota wkoll li Caxaro kien juża xi kliem mill-Latin imħallat ma' dak Semitiku; għalkemm dan ta' l-aħħar jidher li kien predominanti.