Karmenu Vassallo

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Karmenu Vassallo
Ħajja
Twelid 18 Marzu 1913
Nazzjonalità Malta
Mewt 7 April 1987
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
poeta
ġurnalist

Karmenu Vassallo (twieled fit-18 ta' Marzu 1913 – miet fis-7 ta' April 1987) kien politiku, poeta u ġurnalist.

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Bin Mikelanġ u Ġużeppina mwielda Micallef, Karmenu Vassallo twieled is-Siġġiewi nhar it-18 ta' Marzu 1913. Fil-ktieb tiegħu Għażiż Karmenu (1982) huwa jgħid li ma kienx hemm ilma imbierek fil-fonti tal-knisja biex jitgħammed billi kien fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi u fil-Kunvent ta' San Mark, ir-Rabat fejn studja l-Letteratura Latina u Taljana, il-filosofija u beda t-teoloġija. Kellu xewqa li jsir missjunarju u bejn l-1932 u l-1935 kien novizz tal-MSSP, is-Soċjetà Missjunarja ta' San Pawl.

Ġurnalist, għalliem u suldat[immodifika | immodifika s-sors]

Vassallo kien ġurnalist ma' Leħen is-Sewwa (1935–37) li tagħha kien jagħmel ukoll il-qari tal-provi u jieħu ħsieb il-paġna letterarja. Wara, kien fl-istaff editorjali ta' Il-Berqa u editur tal-paġna letterarja tagħha. Bejn l-1939 u l-1941 huwa kien jgħallem il-Malti, it-Taljan, l-istorja ta' Malta u l-ġeografija fil-Kulleġġ San Alwiġi.

Fl-1941 huwa nqabad bil-lieva u serva mar-riġment tal-K.O.M.R. fejn baqa' sal-1944. Ingħata l-medalji "1939-45 Star", "Africa Star" u" War Medal 1939-45" għas-servizz tiegħu.

Wara l-gwerra huwa ħadem bħala skrivan mal-Gvern mal-Kummissjoni tar-Reviżjoni tal-Liġijiet (1944–45). Wara nħatar Surmast tal-Liċeo (1947–56) fejn kien jgħallem il-Malti, it-Taljan u l-Latin. Wara daħal jaħdem mad-Dipartiment tal-Informazzjoni (1956–1961). Kien ukoll eżaminatur tal-Malti fl-eżamijiet taċ-ċivil kif ukoll ta' kompetizzjonijiet letterarji fil-Malti. Fl-1961, inħtar uffiċjal tax-xandir għall-iskejjel sa ma rtira fl-1968.

Poeta u l-ħidma b'risq l-ilsien Malti[immodifika | immodifika s-sors]

Vassallo sar membru tal-Akkademja tal-Malti fl-1937 u sar membru tal-Kunsill tagħha fl-1944. Kien ukoll segretarju tas-Soċjetà tal-Awturi Maltin (1950–57) u membru tar-"Rediffusion Drama Advisory Panel" (1960–61).

Vassallo kiteb xogħlijiet bil-Malti, bit-Taljan u l-Ingliż. Poeżiji tiegħu bil-Malti nqalbu bil-Franċiż minn Laurent Ropa, bit-Taljan minn Vincenzo Maria Pellegrini u Giovanni Curmi u bl-Ingliż mill-Professur A. J. Arberry. Rebaħ ħafna premijiet f'konkorsi letterarji tal-poeżija. Fl-1972 Vassallo ngħata l-midalja tad-deheb Ġużė Muscat Azzopardi. Hu hu wkoll magħruf bħala l-Poeta tan-Nirien. Il-poeżija tiegħu b'influwenza tal-poeta Taljan Leopardi tesprimi t-tbatija tal-bniedem, id-dwejjaq u rabja tal-ħajja u r-ribelljoni taż-żgħożija. Fil-poeżiji ta' Vassallo wieħed isib spiritwalità profonda u prinċipji filosofiċi Insara.

Ġużè Chetcuti jgħid li Karmenu Vassallo kien bniedem b'qalb kbira u "nibqgħu ghal dejjem nafuh b'ruħ u qalb għal kollox miġbura fil-poeżija li kiteb; il-poeżija hija l-mera ta' ħajtu, ix-xbieha ta' qalbu".

Alfred Sant jgħid li "Bħal ħafna oħrajn tal-ġenerazzjoni tiegħu, missieri kien ammiratur kbir ta’ Vassallo. Ġieli kien ukoll jarah bħala kittieb “terribbli” għax jesprimi dwejjaq u rabja bil-ħajja li huma parti mill-irvell taż-żgħożija. Imma f’Vassallo din l-espressjoni nnifisha ġieli kienet tinħass bħala tentazzjoni lejn dwejjaq u rabja li lesti jaqbżu kull limitu. Karmenu Vassallo stess kien ta’ spiss jinġibed lura minn dak li hu jidher li qed ifisser. Malajr malajr, kien jidħol fi djalogu mqit mat-twemmin Kattoliku tiegħu biex jaqta’ ras id-dubju. It-tentazzjoni f’Vassallo għar-rifjut tal-konvenzjoni u d-drawwa kienet tiġbed lejn il-kitba tiegħu, b’ċertu seħer, liż-żgħażagħ tas-snin tletin u erbgħin li kienu jħossu li l-kitba ta’ Vassallo, Ġorġ Pisani u Ġużè Ellul Mercer kienet qed tgħidilhom affarijiet ġodda dwar ħajjithom ta’ dak iż-żmien... Jispikka fih is-sentiment tal-poeta favur qafas fejn il-ħajja tikseb tifsira aktar profonda. Il-bniedem mhuwiex destinat biss biex jitwieled, jiekol u jorqod, jgħix u jmut. Hemm xi ħaġa aqwa wara l-eżistenza tiegħu. Din hi tema li Karmenu Vassallo baqa’ dejjem itambar fuqha, u jekk mhux dejjem irnexxielu juri fiduċja fit-teżi li iva, hemm tifsira aqwa għall-ħajja, ma kinitx xi ħaġa din li tatu pjaċir tul ħajtu. Iħossu bħalu imma, kien hemm għadd kbir ta’ żgħażagħ…"

Fost il-kotba tiegħu nsibu:

  • Nirien (1938)
  • Alla taż-żgħażagħ (1939)
  • Il-Metrika Maltija (1940)
  • Kwiekeb ta' Qalbi (1944)
  • Ħamiem u Sriep (1959)
  • Mill-Art għas-Sema (1960)
  • Vatum Consortium (1969)
  • Tnemnim (1970)
  • Bejn Qċaċet u Qigħan (1974)
  • Għażiż Karmenu (1982)

Bejn l-1950 u l-1956 qaleb għall-Malti Tale of Two Cities (Ġrajja ta' Żewġt Ibliet) ta' Charles Dickens, Confessions (Stqarrijiet) ta' Santu Wistin u Bufera (Riefnu) ta' Giovanni Curmi. Ġrajja ta' Żewġt Ibliet kien intlaqa' tajjeb ħafna u kien inqara fuq ir-Rediffusion.

Fl-1981 Vassallo bagħat lil Ġużè Cassar Pullicino 11-il poeżija bit-Taljan u tliet għanjiet bl-Ingliż - Adieu (1943), Victory (1944) meta t-Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-epilogu tagħha, u Alone (1945) li kienet immużikata minn Joseph Abela Scolaro u ppubblikata fl-1957.

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Fuq il-kontribut politiku ta' Vassallo, Alfred Sant fl-1999 stqarr hekk: "Xi wħud preżenti hawn illejla forsi se jistagħġbu li m’inix nirreferi daqstant għall-kontribut politiku li ta' Karmenu Vassallo, għall-impenn tiegħu favur Laburiżmu moderat u favur il-ġustiżżja soċjali. Kien hemm per eżempju l-elezzjoni tal-1971, fejn jintqal li kieku Vassallo ma ħariġx kandidat għall-Partit Laburista fis-Siġġiewi, kienu jintilfu l-voti. Effettivament, minħabba l-kandidatura ta’ Karmenu Vassallo, il-Partit Laburista seta’ jirkupra biżżejjed voti biex jirbaħ siġġu essenzjali għalih u b’hekk jifforma gvern. Minkejja dan kollu, apparti mill-fatt li ma naħsibx li Vassallo kien iqis il-politika bħala xi ħidma ewlenija għal ħajtu, għalija t-tifkiriet il-kbar li għandi huma tiegħu bhala kittieb. Hekk nippreferi nibqa’ naħseb dwaru…għax nemmen ukoll li fil-kitbiet tiegħu, Vassallo ta xhieda mhux biss tal-konflitti spiritwali li ġarrab, imma aktar minn hekk, ta xhieda tat-twemmin politiku tiegħu, mingħajr ma ndaħal fil-partiġġjaniżmu jew f’referenzi politiċi kontemporanji li mas-snin jitilfu t-tifsira tagħhom."

Familja u l-mewt[immodifika | immodifika s-sors]

F'Ġunju 1939 Vassallo żżewweg lil Marija Vassallo u kellhom sebat ulied: Rożanna, Herman-Baruch, Oliver Paul, Toninu, Nicholas, Jane u Joe Silverius. Kellu mħabba kbira lejn is-Siġġiewi raħal twelidu. Magħrufa l-poeżija tiegħu Raħal Twelidi li tibda bil-vers "Seta' kien ikbar, seta' kien isbaħ..." Kellu diversi karigi fil-każin tal-banda San Nikola u kien fost il-fundaturi tal-klabb tal-futbol tal-lokal fl-1945 li tiegħu kien president fl-ewwel tmien snin. Huwa miet nhar is-7 ta' April 1987.

Nhar it-28 ta' Jannar 2007 il-President Eddie Fenech Adami kixef monument tal-bronż f'ġieħu fis-Siġġiewi.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]