Ġorġ Zammit

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Ġorġ Zammit bil-korteżija tal-Akkademja tal-Malti

Ġorġ Zammit (Ħal Qormi, 17 ta’ Marzu 1908 - 21 ta' Lulju 1990) kien avukat, poeta u awtur Malti.

Studji[immodifika | immodifika s-sors]

Bin Ġorġ Zammit u Ludkarda mwielda Muscat, fi ċkunitu attenda l-iskola tas-Sorijiet Agostinjani ta’ Ħal Qormi u wara attenda l-iskola primarja tal-gvern f’raħal twelidu. L-edukazzjoni sekondarja tiegħu bdieha fil-kulleġġ ta’ Flores u fis-St.Paul’s School minn fejn l-ewwel għadda għal-Liċeo u mbagħad kompla fil-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara.

Wara l-matrikola kompla jistudja fl-Università Rjali ta' Malta. Billi ħass il-vokazzjoni biex isir qassis mar Ruma biex ikompli jistudja fl-Università Gregorjana. Aktar tard telaq il-kors tas-saċerdozju u sar avukat.

Għalliem[immodifika | immodifika s-sors]

Kien ukoll għalliem tal-Ingliż, it-Taljan u l-Latin fil-Liċeo. Għallem ukoll il-letteratura u t-Taljan fis-Seminarji, kemm ta’ Malta kif ukoll ta’ Għawdex, fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u kien ukoll lecturer tal-Malti fl-Università Rjali ta’ Malta. Barra minn hekk għamel għadd kbir ta’ konferenzi bl-Ingliż u bit-Taljan fl-Università, fil-British Institute u fis-Seminarji. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, għamel xi żmien jaħdem bħala Spettur tal-Pulizija.

Poeżiji u kitbiet oħra[immodifika | immodifika s-sors]

Kiteb għadd kbir ta’ poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. Kiteb ukoll rumanz u novelli – l-aktar żewġ personaġġi magħrufa tiegħu huma Wenzu u Rożi u l-praspar marbutin ma’ ħajjithom u ma’ dawk ta’ madwarhom.

Ġorġ Zammit jitqies bħala poeta tradizzjonali u wieħed mill-poeti romantiċi Maltin. Fost ix-xogħlijiet li ppubblika nsibu Lyrical Moments (ġabra ta’ poeżiji bl-Ingliż) kif ukoll Adrifts, Wenzu u Rożi u ħrejjef Oħra, Mela Darba… (novelli mqassra f’żewġ kotba), Fuq Ġwienaħ il-Għana (l-ewwel ġabra ta’ poeżiji bil-Malti), Ix-Xhud li ma Deherx (rumanz bi sfond storiku).

Impenji oħra[immodifika | immodifika s-sors]

Matul il-karriera tiegħu, kellu diversi karigi importanti, ngħidu aħna bħala President tal-Partit tal-Ħaddiema Nsara, President tal-Kunsill Mediku u kien ukoll membru fil-Kunsill tal-Akkademja tal-Malti.

Ħajja Personali[immodifika | immodifika s-sors]

Kien ipitter biż-żejt u bl-akkwarell u jiddisinja bil-pinna, jimmudella bit-tafal u jaħdem iċ-ċeramika.– Huwa stess kien stqarr li kien iħossu l-aktar ferħan meta kien jintasab xi mkien għall-kwiet fil-kampanja u joqgħod ipinġi.

Huwa kien miżżewweġ lil Carmelina Cuschieri u kellhom żewġt ibniet: Celine u Marquita.