Paul P. Borg
Paul P. Borg (Ħal Balzan, 1949) huwa awtur prolifiku Malti u għalliem tax-xjenza. Għex f’B’Kara, imma qatta’ parti kbira minn tfulitu jiġri fil-beraħ ta’ Selmun fejn tgħallem jikber, jgħix u jirrispetta l-ambjent. Borg huwa poeta, rumanzier u ħareġ kotba fuq is-snajja' Maltin.
Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Università ta’ Malta, u f’kulleġġi fl-Italja u fil-Ġermanja fejn speċjalizza bħala Industrial Engineering Designer. Għalliem tal-Fiżika fl-iskola ta’ San Andrea. Huwa kontributur regolari fuq ġurnali lokali, b’kitba kemm dwar l-ambjent, u dwar il-ġrajja soċjali tal-Maltin, kif ukoll b’kitba kreattiva.
Werrej |
[editja] Rumanzi
[editja] dal-lejl ġie alla (1985)
Kieli u warajh ibnu Marju jkunu mikulin minn bosta mistoqsijiet li kibru magħhom fl-ambjent reliġjuż li għexu fih f'Selmun. Dan Alla min hu u xi jrid minna? Liema triq irid imexxina fiha u liema hi t-triq tas-sewwa? Dawn il-ħsibijiet u beżgħat imexxulhom ħajjithom u jkissruhielhom huma. Ir-reliġjon titħawwad mas-superstizzjoni meta jseħħ twelid qabel iż-żmien. Fl-istess ambjent iseħħ qtil selvaġġ, tifel orfni jiġġerra qalb l-irdumijiet, omm tistenna kull lejl lil binha ġej mingħand prostituta. Silvio jgħix Birkirkara u f'Buġibba moderna 'l bogħod mill-ambjent antik u s-superstizzjonijiet tal-bdiewa. Hu għex ta' ltim iżda meta jikber terġa' titfaċċa ommu mill-imgħoddi u jsib li hi biss mara li trid iġġennu bħalma mara taf iġġennen raġel.
Rumanz miktub b'pinna mirquma u mexxejja, fejn il-poeżija, l-filosofija tal-ħajja, d-dipressjoni umana, r-reliġjon u l-psikoloġija tas-sess, jintgħaġnu flimkien biex ikaxkru lill-qarrej lejn tmiem inevitabbli daqskemm drammatiku.
[editja] Rajt 'l Alla Jibki
Dan ir-rumanz ikompli ma' Dal-lejl ġie Alla. Tissokta l-ħajja ta' Silvio marbuta mas-sess oppost kif ukoll mal-ambjent soċjali u naturali. Naraw ir-rabta li kellu ma' martu, r-relazzjoni li kellu ma' nisa oħrajn fosthom ma' xebba qed titfarfar, ma' kamriera, ma' ġara, m'ommu li kienet prostituta u ma' nanntu li kienet mara qaddisa. Ma kienx kapaċi jmexxi ħajtu kif jixtieqha hu stess, imma ħalla lil ħaddieħor imexxihielu.
[editja] Rumanzi oħra
- Bejn Mara u Qassis (1984) - Ġrajja ta’ bidwija u l-protesta tagħha kontra l-qassis tar-raħal fi żmien ta’ realtà soċjali meta t-tagħlim kien meqjus bħala mezz li jwassal għat-telfien tar-ruħ flok għal ħajja aħjar.
- Għeluq (1991) - Rumanz bi tliet ġrajjiet imsenslin flimkien fi ġrajja waħda: il-ħajja kerha ta’ missier itturmentat mhux ftit bit-tifkiriet ta’ tfulitu; il-ħajja ta’ dwejjaq ta’ l-iben għand is-sorijiet, u l-ħajja ta’ kelb jiġġerra barra.
- Anna (1996) - Rumanz li jirrakkonta l-esperjenzi qarsa li ġġarrab tfajla minn familja baxxa li taħdem bħala seftura mal-familja ta’ avukat żagħżugħ. It-tfajla tinqabad f’xibka ta’ kumplikazzjonijiet li ma jitwemmnux dwar reliġjon, morali u d-differenza soċjali.
- Ċikku Fenech - il-Qtil, il-Ħarba, il-Bidwi (1998) - Ġrajja tal-ġlieda vjolenti li jaf jagħmel il-bidwi kontra dawk l-istitiuzzjonijet li jridu jaħtfu l-ambjent b’kull mezz. Ġrajja bbażat fuq il-filosofija makakka, u universali tal-bidwi.
[editja] Ġabriet ta' novelli
[editja] Beżgħat (1986)
L-ewwel ġabra ta' novelli tal-awtur, huma miktubin madwar nies li għandhom xi singularita' fil-karattru. Dan jissuġġerixxi lin-novellier li dawn il-karattri jistgħu jirreaġixxu b'mod partikolari li jagħti lill-awtur ħjiel li jista' jutilizza fin-narrazzjoni tiegħu. Aħna u naqraw dawn in-novelli, nistgħu nġarrbu l-esperjenzi ta' "Beżgħat" u nirrealizzaw li xi wħud mill-karattri li ħoloq okkupaw post prominenti f'moħħ l-awtur. Għalkemm dawn in-novelli jidhru maqtugħin wieħed mill-ieħor, xorta jżommu bejniethom rabta li tgħaqqadhom fi storja twila waħda.
[editja] Demgħat (2002)
Ġabra ta' novelli li fihom l-awtur jaqbad ċerti inċidenti mill-ħajja ta' kuljum madwarna u jlaqqa' ċerti individwi, jara u jgħarbel u joħroġ minn dawn l-inċidenti ċerti sitwazzjonijiet li mbagħad jirrifletti fuqhom. F'dawn in-novelli, l-awtur joħroġ is-sengħa tas-sempliċita'. F'din il-ġabra ta' disa' novelli nsibu ġrajjiet umani li jirriflettu s-soċjeta' marida ta' żminijietna.
[editja] Stejjer minn Wied Għarbiel (2005)
Ġabra ta’ novelli fuq il-qirda ta’ l-ambjent f’kull tifsira tiegħu, dik ukoll li tagħtina identité, u tan-nuqqas tas-soċjetà li tiddefendi sewwa kemm l-ambjent kif ukoll l-identità għal ġid tagħha stess.
[editja] Sunset in Mistra Valley
23 novella bl-Ingliż miktubin fl-istil tipiku ta’ Borg: l-attenzjoni minuzzjuża għal dak li l-ħin kollu għaddej minn moħħ il protagonist, ix-xewqat u l beżgħat li jġarrab, l-ilsien u l-istil li jirrifletti direttament in-nixxiegħa tal kuxjenza li spiss tmiss l-istat tat thewdin. Bħala temi jaħkmu fuq kollox dawk ambjentali u soċjali (iż-żwieġ, l-abort, imma anki s-suwiċidju, id-diżabbiltá fiżika).
[editja] Kitbiet Oħra
- Selmun u l-Inħawi (1989). Tifkira ta’ tagħrifiet, ġrajjiet u drawwiet ta’ soċjetà rurali f’Selmun u li llum m’għadhiex teżisti. Xogħol ta’ riċerka bbażat fuq intervisti man-nanniet ta’ l-awtur, u ma’ bdiewa xjuħ.
- Minn Fuq għal Isfel (1991). Kitba ta’ protesta kontra l-qirda ambjentali. Tirrakonta l-ġrajja ta’ bniedem idealist li jiġġieled b’mod vjolenti kontra min ried jeqridlu l-ambjent.
- Selmun - A story of Love (1996). Tissokta r-riċerka dwar Selmun, mhux biss bħala villaġġ qadim mimli bil-bdiewa, imma dwaru bħala ambjent li tilef lill-bidwi għalkollox u rebaħ lit-turist.
- Kelinu Vella Haber u l-Moviment tal-Malti (2002). Dak kollu li seħħ lill-Baruni Vella Haber u l-Moviment tal-Malti li kien ħoloq f’nofs is-seklu l-ieħor. Il-ġrajja hi mqegħdha fi sfond kemm storiku kif ukoll soċjali sewwa sew biex fl-istess waqt ikun hemm tagħrif ħaj tal-ħajja Maltija matul perijodu diffiċli.
- Qari Malti (2002). Sensiela ta’ ġrajjiet miktubin għat-tfal ta’ l-iskejjel sekondarji, biex jissaħħaħ it-tagħlim tal-Malti, u l-kultura Maltija.
- Snajja’ u Xogħol il-Maltin (v.1 2000, u v.2, 2001) huma ġabra ta’ tagħrif etnografiku importanti, dwar xogħlijiet, snajja’ u drawwiet qodma bħala dokument uniku tal-ġrajja soċjali u kulturali tal-Gżejjer Maltin.
- Nismagħhem Jgħidu
- Quest for Identity – the Mellieħa experience
[editja] Rikonoxximenti
- Il-Midalja tad-Deheb Farsons (1975) bin-novella Moħħ u Moħħ.
- il-Premju Letterarju Konkors Bugelli għar-Rumanzi (1981), bir-rumanz dal-lejl ġie alla;
- il-Premju Phoenicia għal-Letteratura (1986) bil-ktieb Bejn Mara u Qassis;
- l-aħjar rumanz Konkors Fondazzjoni Ġużè Ellul Mercer (1990) bir-rumanz Għeluq,
- l-aħjar dramm Konkors Fondazzjoni Ġużè Ellul Mercer (1994), bid-dramm Dubbiena Kukkużejt
- il-Premju Letterarju għar-Rumanzi (1999) bir-rumanz Ċikku Fenech
- il-Premju Letterarju għall-kitba mhix fittizja (2003) bil-ktieb Kelinu Vella Haber u l-Moviment tal-Malti.
- il-Premio Gianfranco Merli per l’Ambiente (2010) mill-Assoċjazzjoni nazzjonali Taljana għall-protezzjoni tal-ambjent, il-Movimento Azzurro. Il-premju jingħata kull sena lil għaqdiet jew individwi li jiddistingwu rwieħhom bix-xogħol tagħhom biex jipproteġu l-ambjent u l-wirt nazzjonali, kemm naturali kif ukoll kulturali. Borg ġie rikonoxxut għall-ħidma tiegħu b’risq il-konservazzjoni u d-difiża tal-ġmiel naturali tal-ambjent tal-gżejjer Maltin. L-awtur Malti ġie wkoll imfaħħar għax-xogħol etnografiku tiegħu biex ma jintilfux u ma jintesewx snajja’ qodma u tradizzjonijiet popolari li jagħtu identità lill-Maltin.