Anastasju Cuschieri

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Anastasju Cuschieri (27 ta' Jannar 1876 -25 ta' Lulju 1962) kien patri, senatur, professur tal-filosofija u awtur.

Anastasju Cuschieri twieled nhar is-27 ta' Jannar, 1876 il-Belt Valletta.

Werrej

[editja] Patri Karmelitan

Huwa ħa l-voti reliġjużi bħala Patri Karmelitan nhar it-28 ta' Awwissu 1891. Patri Anastasju wara l-istudji tiegħu f'Malta kiseb Dottorat fil-Filosofija fl-Universita Gregorjana ta' Ruma. Fl-1902 sar Professur tal-Filosofija. Kitbiet tiegħu dehru fir-Rivista di Filosofia Neo-Scolastica ta’ Milan. Lura Malta, Patri Anastasju sar membru tal-Kunsill tal-Università, fejn ippresieda fuq il-Fakultà tax-Xjenza u kien eżaminatur tal-istudenti fit-Taljan. Huwa kien kien elett darbtejn bħala Pirjol Provinċjali tal-Ordni Karmelitan f'Malta.

[editja] Politiku

Anastasju Cuschieri kien ukoll Senatur f'isem il-gradwati tal-Università fl-ewwel żewġ legislaturi ta' Gvern Malti, dawk tal-1921 u tal-1932. Kien membru tal-Partit Nazzjonalista, u matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-Gvern Kolonjali Ingliż kien żamm għajnejh fuqu minħabba t-twemmin politiku tiegħu.

[editja] Poeta

Huwa magħruf bħala l-Poeta tal-Madonna, għall-ħafna poeżiji tiegħu fuq il-Madonna, li huma fost l-aqwa fil-letteratura Maltija. Huwa poeta Romantiku (fil-kontenut) u klassiku (fil-metrika).

Il-Kelma Maltija hija waħda mill-isbaħ poeżiji tiegħu:

Din biss, ħabib ta’ qalbi,

għandi; din Alla tani,

dil-kelma li bi ġmielha

nitgħaxxaq ser tarani.


Min qal li tqila u timxi

bħas-sriep tkaxkar fuq żaqqha?

Ħares kemm hi ħafifa,

kif titla’ u togħla f’daqqa...


Bħalma l-ħaddied fil-forġa

l-ewwel jikwi l-ħadida,

imbagħad ftit ftit jaħdimha

sa tiġi kif iridha...


Hekk jien il-kelma mn’idi

mhux malli dak nitlaqha,

bħal min iwaddab ġebla

ma jafx fejn sejra taqa’


‘mma qabel inrattabha

fi ħsiebi bħal għaġina,

imbagħad koċċ koċċ bis-sabar

nagħtiha sura u żina.


U nibqa’ nħares lejha,

nara jekk qiegħda sewwa,

jekk rieqda jew mifluġa,

jekk nieqsa minn xi ħlewwa:


U meta ħajja tferfer

nilmaħha tgħodd għal ħbiebi

hemmhekk, għax nistħi ngħidu,

nitgħaxxaq dlonk bi ħsiebi,


u bil-kelma li titla’

minn qalbi għal fuq fommi, safja, ħelwa, sabiħa,

kif għallmithieli ommi,


kif dari l-Belt, kif għadek

fl-irħula llum tismagħha,

bla xniexel fuq sidirha,

fqajra, ’mma kollox tagħha.


Din biss, ħabib ta’ qalbi,

għandi; din Alla tani,

dil-kelma li bi ġmielha

nitgħaxxaq qed tarani.”

[editja] Mewt

Wara marda kiefra li damet tliet snin u kważi pparalizzatu, Anastasju Cuschieri miet nhar il-25 ta' Lulju 1962, jum qabel il-mewt ta' San Ġorġ Preca.

Għodda personali
Spazji tal-isem

Varjanti
Azzjonijiet
Navigazzjoni
Komunità
Għodda