Storja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Pittura minn Nikolaos Gysis, 1892

Storja huwa terminu li jirreferi kemm għall-informazzjoni relatata ma' azzjonijiet fil-passat, kif ukoll għall-użu ta'ta' ħrejjef u ideat bil-kelma. Meta din il-kelma tintuża bħala isem ta' kamp tal-edukazzjoni, il-kelma storja tirreferi għall-istudju u l-interpretazzjoni tat-tifkiriet tas-soċjetajiet umani. Il-kelma storja ġejja mill-kelma Griega historia, li tfisser "relatar ta' dak li ntqal"; din il-kelma taqsam l-etimoloġija tal-kelma storja, peress li l-Malti assimilaha mil-Latin. Skond l-Encyclopædia Britannica tal-1911, l-"istorja, f'sens wiesa, hi dak kollu li ġara, mhux biss bħala fenomenu ta' ħajja umana, iżda bħala storja tad-dinja naturali waħidha. Din tinkludi dak kollox li jinbidel; u kif turi x-xjenza moderna, m'hemm xejn li hu fiss, u allura l-univers kollu, u dak kollox li jifforma parti minnu, għandu l-istorja tiegħu."

L-istorjografi għandhom ħafna sorsi differenti ta' informazzjoni, dawn jinkludu dawk miktuba u dawk li m'humiex, intervisti u arkeoloġija. Tipi differenti ta' ideat jirreferu għal perijodi differenti, u għalhekk l-istudju tal-istorja jinbidel maż-żmien. Avvenimenti li seħħew qabel ma l-bniedem kellu metodi ta' kif jikteb u jarkivja, jissejħu avvenimenti preistoriċi.

L-għarfien ta' l-istorja jikkomprendi kemm l-għarfien ta' ġrajjiet passati kif ukoll metodi ta' kif jaħseb l-istorjografu.

Il-kritika ta' l-istorja bħala xjenza kienet wisq ikkonċentrata fuq eventi politiċi jew fuq individwi partikolari. Tibdiliet profondi li jaffetwaw l-ideat, it-teknoloġija, il-ħajja tal-familja u l-kultura, rċevew ftit attenzjoni. Żviluppi riċenti fl-Istorjografija qiegħdin jibbilanċjaw din il-problema.

Huwa importanti li jiġi nnutat li l-Istorja ma tintużax biex timmappa ħajjet l-ispeċi umana fit-totalità ta' l-istorja tagħha, iżda biss lejn eventi li seħħew wara r-Rivoluzzjoni Agrikolturali u l-iżvilupp ta' l-ewwel ċiviltajiet, bejn wieħed u ieħor, f'dawn l-aħħar 10,000 sena. Avvenimenti li seħħew qabel din id-data jiġu klassifikati bħala preistorja, li tifforma 99% taż-żmien tagħna fuq din l-art, anki jekk ma seħħ l-ebda tibdil fl-istruttura ġenetika tar-razza tagħna.