Botanika

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Image of ripe nutmeg fruit split open to show red aril
Il-frotta tal-Myristica fragrans, siġra indiġena mill-Indoneżja. Mill-frott ta' din l-ispeċi jsiru żewġ ħwawar importanti; l-aril aħmar (mace) li qed jghatti wiċċ l-ghadma tal-frotta. Filwaqt li mill-ghadma tal-frotta jsir in-noċemuskata.

Il-botanika, imsejħa wkoll ix-xjenza tal-pjanti, hija qasam fix-xjenza dwar l-istudju tal-ħajja tal-pjanti u fergħa mill-bijoloġija[1]. Filwaqt li l-Botanista jew fitologu huwa xjenzat li jispeċjalizza f'dan il-qasam[2]. Il-kelma "botanika" ġejja mill-kelma Griega tal-qedem βοτάνη li tfisser " mergħa "," ħaxix ", jew " għalf "[3]; il- kelma βοτάνη min-naħa tagħha hija mnissla minn βόσκειν, li tfisser "biex jitimgħu" jew " jirgħu ". [3][4][5]Tradizzjonalment, il-botanika kienet tinkludi wkoll l-istudju tal-fungi u tal-alka li illum huma ikklassifikati u s f'renji separati u studjati separatament[6]. Ilum il-ġurnata, il-botaniċi jistudjaw madwar 410,000 speċi ta ' pjanti terrestri li jinkludu pjanti vaskulari (391,000) u pjanti tal-fjuri (369,000)[7] filwaqt li madwar 20,000 minnhom huma brijofiti[8].

Il-Botanika ghandha l-għeruq taghha fil-preistorja,fejn il-bnedmin tal-bidu bdew jistudjaw u jidentifikaw il-pjanti biex jużawhom u jikkultivawhom bħala ikel jew duwa f'qasam ta’ studju msejjaħ l-erbaliżmu[9]. Kif ukoll sabiex il-pjanti jiġu identifikati bħala mediċinali, velenużi jew tajbin għall-ikel[9].

Fiż-żmien Medjevali, il-ġonna fiżiċi ġew popolari speċjalment mal-monasteri għall-kultivazzjoni ta' pjanti mediċinali. Dawn kienu il-prekursuri tal-ewwel ġonna botaniċi tal-universitajiet li ġew imwaqqfa mis-sena 1540 'l quddiem[10][11].Il-ġonna botaniċi tal-universitajiet servew bħala spunt għall-istudju akkademiku tal-pjanti[10][11][12]. Fl-istess ħin dawn wasslu għall-bidu tal-fergħa tat-tassonomija tal-pjanti, li tikkonsisti fid-deskrizzjoni, l-ikkattalogar u l-istudju tal-kollezzjonijiet tal-pjanti fi ħdan dawn il-ġonna botaniċi universitarji[11][12].Din is-sistema waslet sabiex tinħoloq is-sistema binomjali tan-nomenklatura minn Carl Linnaeus fl-1753 li għadha tintuża sal-lum, sabiex speċi ġodda jingħataw isem xjentifiku[13][14].

Fis-sekli Dsatax u Għoxrin, metodi ġodda ġew żviluppati għall-istudju tal-pjanti, inklużi metodi li jittieħdu ritratti ta' ċelluli ħajjin permezz tal-mikroskopija ottika u elettronika, l-analiżi u l-kompożizzjoni tal-istruttura u l-kimika interna tal-pjanti, kif ukoll il-funzjoni tal-enzimi u l-proteini[15][16]. Fl-aħħar żewġ deċennji tas-seklu Għoxrin, il-botaniċi bdew jużaw it-teknoloġija ġdida tal-analiżi tal-ġenetika molekulari sabiex jiġu studjati l-ġenomika, l-proteomika u s-sekwenzi tad-DNA. Dawn għenu sabiex il-pjanti jiġu ikklassifikati b'mod aktar preċiż[17].

Il-botanika moderna tal-lum hija multidixxiplinarja u mifruxa b'kontribuzzjonijiet u applikazzjonijiet minn ħafna oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija. Is-suġġetti tar-riċerka moderna jinkludu l-istudju fuq il-pjanti dwar it-tkabbir u l-iżvilupp taċ-ċelloli, ir-riproduzzjoni, il-bijokimika, ir-relazzjonijiet evoluzzjonarji, il- botanika sistematika u t-tassonomija tal-pjanti[17] [18] [19]. Temi importanti fil-botanika tas-seklu Wieħed u Għoxrin huma l-ġenetika molekulari u l-epiġenetika, li jistudjaw il-mekkaniżmi u l-kontroll tal-espressjoni ġenetika [20]. Fl-istess ħin, ir-riċerka botanika għandha applikazzjonijiet varji fil-provvista tal-ikel, fl-ortikultura moderna, fl-agrikoltura, fix-xjenza u r-riċerka ta’ pjanti modifikati ġenetikament, fis-sintesi ta' kimiċi u materjali għall-industrija tal-kostruzzjoni, il-produzzjoni tal-enerġija, fil-immaniġġjar tal-ambjent u fil-konservazzjoni tal-bijodiversità[21][22].

L-istorja tal-botanika[immodifika | immodifika s-sors]

L-istudju bikri tal-botanika[immodifika | immodifika s-sors]

engraving of cork cells from Hooke's Micrographia, 1665
Stampa taċ-ċelloli tas-sufra, mill-kiteb Micrographia ta' Robert Hooke, 1665.

Il-botanika oriġinat mill-erbaliżmu l-istudju u l-użu tal-pjanti għall-proprjetajiet mediċinali[12].Il-kitbiet bikrin dwar il-botanika kienu dwar il-klassifikazzjoni tal-pjanti. Xogħlijiet botaniċi bikrija nstabu f’testi antiki mill-Indja li li inkitbu qabel l-1100 Q.K.,  fl- Eġittu tal-Qedem f’kitbiet arkajċi Avestani, u f’xogħlijiet miċ-Ċina li possibbilment jmorru lura minn qabel is-sena 221 Q.K.[12].

Il-botanika moderna tmur lura għall-Greċja tal-qedemspeċifikament għal Theophrastus ( c. 371 –287 Q.K.), student ta ' Aristotli , li kiteb u iddeskriva ħafna mill-prinċipji tiegħu u huwa meqjus bħala l-"Missier tal-Botanika" [23]. Ix-xogħlijiet ewlenin tiegħu, Inkjesta dwar il-pjanti u Fuq il-Kawżi tal-Pjanti, kienu l-aktar kontribuzzjonijiet importanti għax-xjenza botanika sal- Medjuevu, kważi sbatax-il seklu wara[24].

Ktieb li kellu impatt bikri fuq il-botanika huwa De materia medica, enċiklopedija dwar il-mediċina tal-ħxejjex miktuba f’nofs l-ewwel seklu minn Pedanius Dioscorides [25]. Kontribuzzjonijiet importanti mid-dinja Musulmana medjevali jinkludu l-Agrikoltura Nabatean ta' Ibn Wahshiyya, il- Ktieb tal-Pjanti ta' Abū Ḥanīfa Dīnawarī (828–896) u l-Klassifikazzjoni tal-Ħamrija ta' Ibn Bassal . Fil-bidu tas-seklu 13, Abu al-Abbas al-Nabati, u Ibn al-Baitar (m. 1248) kitbu dwar il-botanika b'mod sistematiku u xjentifiku. [26][27].

F’nofs is-seklu Sittax, ġew imwaqqfa ġonna botaniċi f’numru ta’ universitajiet Taljani. Il- ġnien botaniku ta’ Padova fl-1545 ġeneralment jitqies bħala wieħed mill-ewwel ġonna botaniċi ta’ din ix-xorta u wieħed li għadu fil-post oriġinali tiegħu [10]. Dawn il-ġonna komplew il-valur prattiku ta '"ġonna fiżiċi" tal-monasteri, li fihom il-pjanti kienu jiġu ikkultivati għal użu mediċinali. Il-ġonna botaniċi taw is-suggett tal-botanika stil akkademiku[10]

Fis-seklu Ħmistax, il-botanika bdiet tieħu xejra differenti ibbażżata fuq ideat ġodda li jmorru lil l'hinn mix-xogħlijiet tal-qedem [28].Fil-fatt, it-tabib Ġermaniż Leonhart Fuchs (1501–1566) u t-teologu Otto Brunfels (1489–1534). Bidlu l-istudju tal-botanika billi bdew jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom stess u jiktbu riċerka oriġinali, minflok jikkupjaw xogħlijiet preċedenti. Filwaqt li t-tabib Hieronymus Bock(1498–1554) ħoloq is-sistema tiegħu għal-klassifikazzjoni tal-pjanti[28]

Ir-riċerka xjentifika bdiet issir ukoll dwar l-użu tal-pjanti għal skopijiet mediċinali. Nies notabbli kienu t-Tabib Valerius Cordus (1515–1544), awtur tal-Historia Plantarum, ktieb li baqa’ botanikament u farmakoloġikament importanti [29]. Kif ukoll kitbiet tan-naturalista Conrad von Gesner (1516–1565) u l-erbalista John Gerard (1516–1565) c. 1611 ). Fl-1665 bdiet fergħa ġdida fil-botanika u fil-bijoloġija ġenerali; l-istudju tal-botanika. Dan sar permezz tal-iskoperta ta’ Robert Hooke, li skopra ċ-ċelloli fis- sufra bl-użu ta’ mikroskopju bikri fl-1665 [30].

Il-bidu tal-botanika moderna[immodifika | immodifika s-sors]

Photograph of a garden
Il-Ġnien Linnaean tar-residenza ta’ Linnaeus f’Uppsala, l-Isvezja, il-pjant f'dawn il-gnien kienu mħawla skont is-Systema sexuale li kien żviluppa Karl (Carolus) Linneus innifsu.

Matul is-seklu Tmintax, ġew żviluppati sistemi ta ' identifikazzjoni tal-pjanti simili tas-sistema tal-identifikazzjoni dikotomika (dichotomous keys bl-ingliż)), fejn pjanti li għadhom mhumiex identifikati ,jitqegħdu fi gruppi tassonomiċi(eż. familja, ġeneru u speċi) billi jiddentifikawhom permezz ta' pari karattri li jintgħażlu u jissejħu ċwievet[31].L-għażla u s-sekwenza tal-karattri jistgħu jkunu artifiċjali jew relatati aktar mill-qrib mal-ordni naturali jew filoġenija tat-takson. F'dan il-każ ċ-ċwievet jissejħu ċwievet sinottiċi (Synoptic keys bl-Ingliż)[31].] Sas-seklu Tmintax, pjanti ġodda għall-istudju kienu qed jaslu fl-Ewropa minn madwar id-dinja kollha f'numru dejjem jiżdied minn pajjiżi ġodda skoperti u mill-pajjiżi li kienu saru kolonji Ewropej[32]. Fl-1753, Karl Linnaeus ippubblika l- Species Plantarum,ġerarkija ta’ klassifikazzjoni tal- pjanti li baqgħet il-punt ta’ referenza għan- nomenklatura botanika moderna[33].In-nomeklatura botanika moderna tikkonsisti f'isem binomjali (Żewġ ismijiet), fejn l-ewwel isem jirrappreżenta l-ġeneru u t-tieni kien jidentifika l-ispeċi partikolari f'dan il-ġeneru. [35] Linneus kien għamel ukoll is-Systema Sexuale, li kienet tikklassifika l-pjanti f’erbgħa u għoxrin grupp, skond in-numru tal-organi sesswali maskili tagħhom[34] Il-grupp numru erbgħa u għoxrin, Cryptogamia, inkluda l-pjanti kollha b'partijiet riproduttivi moħbija bħal ħażiż, felċi, alka u fungi li minn studju modern intwera li din is-sistema mhijiex klassifikazzjoni xierqa[34]

Il-kategorizzazzjoni tal-pjanti għal-għan mediku malajr ġiet segwita mill-ħolqien tal-kategoriji ta' razzez u sesswalità f'fergħat tal-bijoloġija li ġew parti mill-botanika u t-tassonomija[32][35].Fl-istess ħin, it-tassonomija u l-botanika kellhom rwol influwenti fl-iżvilupp tar-razziżmu xjentifiku [32].Eżempju wieħed jinstab fis-Systema Naturae ta’ Carl Linnaeus[35]. Li kienet klassifikazzjoni għal-organiżmi kollha.  Fl-għaxar edizzjoni ta' din il-klassifikazzjoni jespandi minn erba’ '"varjetajiet" ta' bnedmin; Europeans Albus, Americanus Rubescens, Asiaticus Fuscus, u Africanus Niger, ibbażati fuq l-erba' kontinenti magħrufa u jiddeskrivihom b'mod sterjotipiku [35].Linnaeus huwa biss wieħed minn ħafna botaniċi li influwenzaw ir-razziżmu xjentifiku permezz tal-kategorizzazzjoni tal-organiżmi[35].

Iż-żieda fl-għarfien tal-anatomija tal-pjanti, wassal għall-botanisti biex jintebħu li kien hemm aktar affinitajiet naturali bejn il-pjanti u mhux differenzi kif kienet turi s-sistema sesswali artifiċjali ta' Linnaeus [33][36] Adanson (1763), de Jussieu (1789), u Candolle (1819) kollha pproponew diversi sistemi naturali alternattivi ta’ klassifikazzjoni sabiex il-pjanti jingħaqdu fi gruppi skond il-karattri simili bejniethom[37].Dawn il-metodi ġodda kienu intlaqu tajjeb bħala alternattiva għas-sistema sesswali artifiċjali ta' Linneus[33].

Is-sistema Candollean kienet tiffoka fuq il-progressjoni u l-kumplessità morfoloġika[37]. Filwaqt li s- sistema ta' Bentham & Hooker, li baqgħet influwenti sa nofs is-seklu Dsatax, kienet influwenzata mill-perspettiva tas-sistema ta' Candolle[38]Il-pubblikazzjoni ta' Darwin bil-ktieb l- Oriġini ta' l-Ispeċi fl-1859 u l-kunċett tad-dixxendenza komuni wriet li s-sistema Candollean kien jeħtiġilha jsirulha xi tibdiliet sabiex tiddistingwi r-relazzjonijiet evoluzzjonarji minn sempliċi xebh morfoloġiku[38].

Is-sistema tal-botanika moderna bikrija kienet estensiva ħafna minħabba l-esplorazzjoni ta’ kontinenti oħra minn kolonizzaturi Ewropej[32].Il-kollezzjonisti tal-pjanti kienu jivvjaġġaw lejn pajjiżi differenti biex ifittxu speċi ġodda għall-botaniċi sabiex jikklassifikaw il-pjanti kollha tad-dinja[32].Għalhekk l-istorja tal-botanika saret konnessa ma' strutturi tal-poter żbilanċjati fil-passat[32][39]. Fil-fatt ix-xogħol tal-iskjavi kien mifrux mhux biss fil-pjantaġġuni iżda wkoll fit-tmexxija tal-ġonna botaniċi li kien essenzjali għas-suċċess ekonomiku tal-kolonji, bħal fil-Gżira ta' San Vinċenz, fost oħrajn [39].

L-istudju tal-botanika modern[immodifika | immodifika s-sors]

Gregor Mendel (1822–1884) ħoloq it-teorija tal-eredità fejn il-materjal ġenetiku li jintired f’organiżmi ħajjin jinstab fil-ġeni u kromożomi.Filwaqt li August Weismann (1834–1914) wera li l-wirt jseħħ biss permezz tal-gameti li fihom ikun hemm il-ġeni u l-kromożomi[40][41]. Filwaqt li x-xogħol ta' Katherine Esau (1898–1997) fuq l-anatomija tal-pjanti għadu pedament ewlieni tal-botanika moderna. Il-kotba tagħha Plant Anatomy u Anatomy of Seed Plants baqgħu testi ewlenin tal-bijoloġija strutturali tal-pjanti għal aktar minn nofs seklu. [42][43][44].

Id-dixxiplina tal-ekoloġija tal-pjanti kienet pijuniera fl-aħħar tas-seklu Dsatax permezz ta’ botaniċi bħal Eugenius Warming, li ipproduċa l-ipoteżi li l-pjanti jiffurmaw komunitajiet, u Christen C. Raunkiær li s-sistema tiegħu għad-deskrizzjoni tal-forom tal-ħajja tal-pjanti għadha tintuża sal-lum[45][46]. Il-kunċett li l-kompożizzjoni tal-komunitajiet tal-pjanti u l- proċess tas-suċċessjoni ekoloġika ġie żviluppat minn Henry Chandler Cowles, Arthur Tansley u Frederic Clements[47].Fl-istess ħin, Clements huwa ukoll akkreditat bit-teorija tal- veġetazzjoni klimatika (Climax vegetation) bħala l-aktar veġetazzjoni kumplessa li ambjent jista' jappoġġja permezz tas-suċċessjoni ekoloġika. Filwaqt li il-botanista Tansley introduċa l-kunċett tal-ekosistemi bħala parti mill-bijoloġija[47].

 B'mod partikolari minn nofs is-Sittinijiet kien hemm avvanzi  fil-fehim dwar kif jaħdmu l-proċessi fiżjoloġiċi tal-pjanti bħat-transpirazzjoni (it-trasport tal-ilma fit-tessuti tal-pjanti), id-dipendenza tar-rati tal- evaporazzjoni tal-ilma u dijossidu tal-karbonju mill-weraq permezz ta' aperturi stomatali li jiġi affettwat mill-ambjent pereżempju t-temperatura[48]Dawn l-iżviluppi, flimkien ma' metodi ġodda għall-kejl tad-daqs ta' aperturi stomatali, u r-rata tal- fotosintesiippermettew deskrizzjoni preċiża tar-rati ta' skambju bejn il-pjanti u l-atmosfera[48].

Filwaqt li Innovazzjonijiet fl- analiżi statistika minn Ronald Fisher, l-iskoperta u l-identifikazzjoni tal- ormoni tal-pjanti bħal l-auxin minn Kenneth V. Thimann fl-1948, ippermettew ir-regolamentazzjoni tat-tkabbir tal-pjanti minn kimiċi applikati esternament [49][50]. Ix-xjentist Frederick Campion Steward kien pijunier tekniku tal- mikropropagazzjoni tal-pjanti kkontrollati permezz tal-ormoni[51]. L- aċidu sintetiku auxin 2,4-dichlorophenoxyacetic jew 2,4-D kien wieħed mill-ewwel erbiċidi sintetiċi żviluppat kummerċjalment[52]

Micropropagation of transgenic plants
Il-Mikropropagazzjoni ta' pjanti transġeniċi, teknika li kienet is-simbolu tal-iżviluppar tal-botanika moderna matul is-seklu għoxrin.

L-iżviluppi fil-bijokimika tal-pjanti matul is-seklu Għoxrin ġew immexxija minn metodi moderni ta' analiżi tal-kimika organika, bħall- ispettroskopija, il-kromatografija u l-elettroforeżi [20]. Il-kunċett oriġinarjament iddikjarat minn Gottlieb Haberlandt fl-1902 [53] li ċ-ċelluli tal-pjanti kollha huma totipotenti u jistgħu jitkabbru in vitro, ippermetta l-użu tal-inġinerija ġenetika b'mod esperimentali sabiex telimina ġene jew ġeni responsabbli għal karatteristika speċifika, jew biex iżżid ġeni bħal GFP, li jirrapportaw meta ġene speċifika tkun qed jiġi espressi[20]. Dawn it-teknoloġiji jippermettu l-użu bijoteknoloġiku ta' pjanti sħaħ jew kulturi ta' ċelloli tal-pjanti mkabbra f'bijoreatturi għal l-iżviluppar tal-pestiċidi, antibijotiċi jew farmaċewtiċi. kif ukoll l-applikazzjonita' orġaniżmi ġenetikament modifikati ddisinjati b'karatteristiċi imtejjbin għal użu tal-bniedem [54].

Filwaqt li s-sistematika moderna għandha l-għan li tirrifletti u tiskopri r-relazzjonijiet filoġenetiċi bejn il-pjanti [55]. Il- Filoġenetika Molekulari Moderna fil-biċċa l-kbira tinjora karattri morfoloġiċi, billi tuża sekwenzi tad-DNA bħala informazzjoni[55]. Analiżi molekulari tas- sekwenzi tad-DNA mill-biċċa l-kbira tal-familji tal-pjanti tal-fjuri ppermettiet lill- Grupp tal-Filoġenija tal-Angiospermi (Angiosperm Phylogeny Group) biex jippubblika l-filoġenja tal-pjanti tal-fjuri fl-1998[56]. Dan ix-xogħol wieġeb ħafna mill-mistoqsijiet dwar ir-relazzjonijiet fost il-familji u l-ispeċi tal- angiospermi[56]. Riċerka kurrenti tinkludi l-possibbiltà teoretika ta' metodi prattiki għall-identifikazzjoni ta' speċi tal-pjanti u varjetajiet kummerċjali permezz tal-barcoding tad-DNA [57].

Fost il-mistoqsijiet botaniċi importanti tas-seklu Wieħed u Għoxrin hemm ir-rwol tal-pjanti bħala produtturi primarji fiċ-ċikliżmu globali tal-ingredjenti bażiċi tal-ħajja: enerġija, karbonju, ossiġnu, nitroġenu u ilma u metodi kif l-amministrazzjoni tal-pjanti tagħna tista' tgħin biex tindirizza l-kwistjonijiet ambjentali globali ta' konservazzjoni, sigurtà tal - ikel tal - bniedem, l-immaniġġjar ta' organiżmi bijoloġikament invażivi, sekwestru tal-karbonju, tibdil fil-klima, u s-sostenibbiltà tar-riżorsi [20]. Kif ukoll l-istudju tal-bijokimika tal-pjanti għal użu nutrittiv u fir-riċerka tal-mediċina u derivattivi materjali għall-industrija[20].

Skop u importanza[immodifika | immodifika s-sors]

L-istudju tal-pjanti huwa vitali għaliex il-pjanti jsostnu kważi l-ħajja kollha tal-annimali fid-dinja billi jiġġeneraw proporzjon kbir tal- ossiġnu u l-ikel u respirazzjoni aerobika li jeħtieġu sabiex jeżistu[58]. Il-pjanti, l-alka u ċ-ċjanobatterji huma l-gruppi ewlenin ta’ organiżmi li jwettqu l-fotosintesi, proċess li juża l-enerġija tad-dawl tax-xemx biex jikkonverti l-ilma u d-dijossidu tal-karbonju f’zokkor li jista’ jintuża kemm bħala sors ta’ enerġija kimika[58]. Kif ukoll biex jinbnew molekuli organiċi li jintużaw bħala komponenti strutturali taċ-ċelloli.[59] Bħala prodott sekondarju tal-fotosintesi, il-pjanti jirrilaxxaw l-ossiġnu fl-atmosfera, gass li huwa meħtieġ minn kważi l-affarijiet ħajjin kollha biex iwettqu r-respirazzjoni ċellulari. [58] [59] Barra minn hekk, huma influwenti fiċ-ċikli globali tal-karbonju u tal-ilma, l-għeruq tal-pjanti jorbtu u jistabbilizzaw il-ħamrija, u jipprevjenu l-erożjoni tal-ħamrija.[60] Għalhekk dan juri li l-pjanti huma kruċjali għall-futur tas-soċjetà umana peress li jipprovdu ikel, ossiġnu, bijokimiċi, u prodotti għan-nies, kif ukoll joħolqu u jippreservaw il-ħamrija.[60]

Il-Botanika sistematika[immodifika | immodifika s-sors]

photograph of a botanist preparing plant specimens for the herbarium
Botanista qed tipprepara pjanta għall-immuntar fl-erbarju

Il-botanika sistematika tanalizza l-firxa u d-diversità tal-organiżmi u r-relazzjonijiet evoluzzjonarji bejniethom  It-teknika tal-klassifikazzjoni bijoloġika hija l-metodu li bih il-botaniċi jiġbru u jqegħdu l-organiżmi f'kategoriji tat-tassonomija xjentifika bħal ġeneri jew speċi[36].It-tassonomija xjentifika moderna hija msejsa fix-xogħol ta' Carl Linnaeus, li ikklassifika l-ispeċi fi gruppi skond ix-xebh tal-karatteristiċi fiżiċi li kien hemm bejniethom[36].Minn dak iż-żmien 'l hawn, dawn il-gruppi ġew riveduti sabiex jkunu kompatibbli mal-prinċipju Darwinjan tad-dixxendenza komuni ,fejn l-organiżmi jitqegħdu fi gruppi skond il-ġenetika simili li tirrifletti l-oriġini tagħhom minn antenati komuni u mhux jitpoġġew fi gruppi skond ix-xebh ta' karatteristiċi superfiċjali[61].Filwaqt li x-xjentisti mhux dejjem jaqblu dwar kif jikklassifikaw l-organiżmi, din il-problema ġiet imtaffa permezz tal- filoġenetika molekulari,, li tuża s-sekwenzi tad-DNA biex tikseb din l-informazzjoni. Din it-teknika wasslet għal ħafna tibdiliet reċenti fuq il-linji evoluzzjonarji ta' bosta speċi u se tkompli tagħmel din il-funzjoni fil-futur [62].Is-sistema ta' klassifikazzjoni xjentifika dominanti tissejjaħ it- tassonomija Linnaeana. Din tinkludi livelli tal-klassifikazzjoni xjentifika u n- nomenklatura binomjali. In-nomenklatura tal- organiżmi botaniċi hija kkodifikata fil-Kodiċi Internazzjonali tan-Nomenklatura għall-alka, fungi, u pjanti (ICN) u hija amministrata mill-Kungress Botaniku Internazzjonali [63].

L-istudju tar-relazzjonijiet evoluzzjonarji ta' grupp ta' organiżmi tissejjaħ l-filoġenija. Dan huwa l-istudju dwar il-linja tar-relazzjonijiet evoluzzjonarji u ereditabbli li tissejjaħ il-linja filoġenetika [64]. Studji filoġenetiċi jippruvaw jiskopru il- linji filoġenji li jeżistu bejn l-ispeċi. L-iktar mod bażiku huwa li jintuża xebh ibbażati fuq wirt ġenetiku u morfoloġiku sabiex tiddetermina r-relazzjonijiet[64]. Per eżempju, il-ġeneru Pereskia jikkonsisti f'siġar jew arbuxxelli b'weraq prominenti. Ovvjament il-Pereskia ma jixbħux lil Kaktus li huwa bla weraq bħal Echinocactus[65]. Madankollu, kemm il-Pereskia kif ukoll Echinocactus għandhom ix-xewk prodotti minn l-areoli (areoles bl-Ingliż) (l-areoli huma strutturi speċjalizzati li għandhom forma ta' kuxxinetti). [59] Għalhekk il-preżenza ta' dawn l-istrutturi kemm fil-Pereskia, kif ukoll fl-Echinocactus jindikaw li dawn iż-żewġ ġeneri huma tabilħaqq relatati ma xulxin[66].

Żewg kakti b'forom differenti hafna
Pereskia aculeata
Echinocactus grusonii
Ghalkemm il-Pereskia aculeata hija siġra bil-weraq, xorta ghandha ix-xewk u l-areoli, bhal kaktus tipiku; l-Echinocactus grusonii.

 Madanakollu l-ibbażar tar-relazzjonijiet fuq karattri kondiviżi teħtieġ attenzjoni stretta, peress li l-pjanti jistgħu jixbħu lil xulxin għax żviluppaw morfoloġija simili sabiex jaddattaw ruħhom għall-istess tip ta' ambjent. Din tissejjaħ evoluzzjoni konverġenti[67]. Fil-fatt hemm diversi speci ta' Euforbia (Euphorbia bl-Ingliż) li għandhom zokk bla weraq u xewk. Din il-forma tagħmilhom adattati għall-konservazzjoni tal-ilma u hija ukoll simili għal dawk tal-kakti.Għalkemm l-Euforbia u l-kaktus huma simili, l-istruttura tal-fjuri tagħhom tagħmilha ċara li dawn iż-żewġ gruppi mhumiex ġenetikament relatati mill-qrib[68]. Filwaqt li l-metodu kladistiku juża mod sistematiku sabiex janalizza il-karattri tal-ispeċi. Dan jagħmlu billi jiddistingwi bejn dawk li ma jġorru l-ebda informazzjoni dwar l-istorja evoluzzjonarja kondiviża - bħal dawk li evolvew separatament fi gruppi differenti u jissejħu Omoplasji ( homoplasies bl-Ingliż) jew dawk li fadal mill-antenati, li jissejħu Pleżjomorfiji ( plesiomorphies bl-Ingliż) - u karattri derivati, li ġew mgħoddija minn bidliet morfoloġiċi u ġenetiċi fl-antenat kondiviż u jissejħu Apomorfji ( apomorphies bl-Ingliż)[69].Ir-riżultati tal-analiżi kladistiċi huma espressi bħala kladogrammi. Il-kladogrammi huma mudelli mpinġija f' forma ta' zokk prinċipali ta' siġra li tinfirex f'bosta friegħi. L-eqdem antenati jinstabu viċin iz-zokk prinċipali u l-ispeċi tal-lum jinstabu fit-truf tal-friegħi li jirrappreżentaw l-aktar punt reċenti tal-istorja fid-dixxendenza evoluzzjonarja[70].

Mis-snin disgħin 'il quddiem, il-metodu użat għall-bini tal-filoġeniji tal-pjanti ħajjin kienet  il-filoġenetika molekulari. Dan il-metodu juża karattri molekulari, bħas-sekwenzi tad- DNA milli karattri morfoloġiċi[55].Id-differenza tinstab fil-kodiċi ġenetiku nnifsu, li dan jintuża biex ikunu deċiżi r-relazzjonijiet evoluzzjonarji, u ma jiġix użat biex jiġu skoperti l-karattri li kienu ngħataw opportunita' li jevolvew għax dan jiġi li t-teknika qed tanalizza r-relazzjonijiet evoluzzjonarji b'mod indirettament[55].Biex jingħata eżempju sempliċi, qabel l-użu tal-evidenza ġenetika, il-fungi kienu meqjusin li huma pjanti jew relatati aktar mill-qrib tal-pjanti milli l-annimali. L-evidenza ġenetika tissuġġerixxi li r-relazzjoni evoluttiva tal-organiżmi multiċellullari u tal-fungi, kif qed tintwera propju fil-kladogramma t'hawn taħt - turi il-fungi huma relatati b'mod ġenetiku u evoluzzjonarju aktar mill-qrib mal-annimali milli mal-pjanti[36].



Il-Pjanti




Il-Fungi



L-Annimali




Fl-1998, l- Angiosperm Phylogeny Group ippubblika l-filoġenija għall-pjanti tal-fjuri ibbażata fuq l-analiżi tas-sekwenzi tad-DNA. Kien hemm ħafna mistoqsijiet li ġew imqanqla permezz ta' dan ix-xogħol[56].Fosthom dwar liema familji jirrappreżentaw l-aktar il-fergħat bikrija tal-antenati tal- angiospermi, li illum il-ġurnata din il-kwistjoni ġiet imwieġba flimkien ma’ ħafna mistoqsijiet oħrajn permezz ta' studji riċenti magħmulin minn dan l-istess grupp[57].L-investigazzjoni ta’ kif l-ispeċi tal-pjanti huma relatati ġenetikament tippermetti lill-botaniċi biex jifhmu aħjar il-proċess tal-evoluzzjoni fil-pjanti[57].Minkejja l-istudju tal-mudelli tal-pjanti u riċerka ġenetika, hemm xogħol u diskussjoni kontinwa fost it-tassonomisti dwar kif l-aħjar jiġu ikklassifikati l-pjanti f'diversi taksa. Żviluppi teknoloġiċi bħall-analiżi tad-DNA permezz tal-kompjuters u l-użu tal-mikroskopji elettroniċi żiedu ħafna l-livell ta’ dettall li ġie studjat u l-veloċità li biha tista’ tiġi analizzata l-informazzjoni[71].

Simboli[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm numru ta' simboli li bhalissa qeghdin jintużaw fil- botanika u oħrajn li kienu jintużaw fil-passat imma issa huma skaduti[72]; pereżempju, Linnaeus kien juża simboli planetarji ⟨ ♂ ⟩ (Mars) għal pjanti bijennali, ⟨ ♃ ⟩ (Ġove) għal pjanti perenni erbaċi u ⟨ ♄ ⟩ (Saturn) għal pjanti perenni b'zokk tal-injam. [72].Is-simboli fil-lista li gejjin għadhom jintużaw fil botanika [73]:

♀ mara
♂ raġel
⚥ ermafrodita/bisesswali
⚲ riproduzzjoni veġetattiva (asesswali).
◊ sess mhux magħruf
☉ annwali
⚇ biennali
♾ perenni
☠ velenuż
🛈 aktar informazzjoni
× ibridu bagħal
+ ibridu mlaqqam 

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Definition of BOTANY". www.merriam-webster.com (bl-Ingliż). 2023-07-29. Miġbur 2023-07-29.
  2. ^ Cambridge University Press & Assessment 2023 (2023). "BOTANIST - English meaning Cambridge Dictionary". dictionary.cambridge.org . Miġbur 2023-07-29.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  3. ^ a b "Henry George Liddell, Robert Scott, A Greek-English Lexicon, βοτάνη". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2023-07-25.
  4. ^ Harper, Douglas (2023). "Botany". www.etymonline.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-09-08. Miġbur 2023-07-29.
  5. ^ "A Dictionary of Entomology - Google Books". web.archive.org. 2023-02-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-02-10. Miġbur 2023-07-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ Scamardella, J. M. (1999). Not plants or animals: a brief history of the origin of Kingdoms Protozoa, Protista and Protoctista. International Microbiology, 2(4), 207-216.DOI:10.2436/IM.V2I4.9219
  7. ^ Royal Botanic Gardens, Kew (2016). "The State of the World's Plants Report- 2016 Royal Botanic Gardens, Kew" (PDF). kew.iro.bl.uk/concern/reports/f931f1de-72c7-46b4-b57c-28eb417c53ec?locale=en (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-09-28. Miġbur 2023-07-09.
  8. ^ "Bryophytes (Mosses and liverworts) — The Plant List". www.theplantlist.org. Miġbur 2023-07-25.
  9. ^ a b Day, Jo (2013-05-13). "Botany meets archaeology: people and plants in the past". academic.oup.com/jxb/article/64/18/5805/606750 (bl-Ingliż). Miġbur 2023-07-29.
  10. ^ a b ċ d Hill, A. W. (1915). The history and functions of botanic gardens. Annals of the Missouri Botanical Garden, 2(1/2), 185-240.doi:https://doi.org/10.2307/2990033
  11. ^ a b ċ Rakow, D. A., & Lee, S. A. (2015). Western botanical gardens: history and evolution. Horticultural Reviews: Volume 43, 269-310.DOI:10.1002/9781119107781.ch05
  12. ^ a b ċ d Spencer, R., & Cross, R. (2017). The origins of botanic gardens and their relation to plant science, with special reference to horticultural botany and cultivated plant taxonomy. Muelleria, 35, 43-93.
  13. ^ Kurchenko, E. I. (2007). Carl Linnaeus as the founder of modern plant taxonomy. Chromosome Botany, 2(2), 55-61.
  14. ^ Stearn, W. T. (1959). The background of Linnaeus's contributions to the nomenclature and methods of systematic biology. Systematic zoology, 8(1), 4-22.doi:https://doi.org/10.2307/sysbio/8.1.4
  15. ^ Wollman, A. J., Nudd, R., Hedlund, E. G., & Leake, M. C. (2015). From Animaculum to single molecules: 300 years of the light microscope. Open biology, 5(4), 150019. https://doi.org/10.1098/rsob.150019
  16. ^ ampathkumar, A., & Wightman, R. (2015). Live cell imaging of the cytoskeleton and cell wall enzymes in plant cells. Methods in molecular biology (Clifton, N.J.), 1242, 133–141. doi:https://doi.org/10.1007/978-1-4939-1902-4_12
  17. ^ a b Riti M. (2016). Botany in Molecular Era: A Modern Science with Ancient Roots. International journal of molecular sciences, 17(3), 360. https://doi.org/10.3390/ijms17030360
  18. ^ Bourgaud, F., Gravot, A., Milesi, S., & Gontier, E. (2001). Production of plant secondary metabolites: a historical perspective. Plant science, 161(5), 839-851.doi:https://doi.org/10.1016/S0168-9452(01)00490-3
  19. ^ Sokoloff, D. D., Jura-Morawiec, J., Zoric, L., & Fay, M. F. (2021). Plant anatomy: at the heart of modern botany. Botanical Journal of the Linnean Society, 195(3), 249-253.doi:https://doi.org/10.1093/botlinnean/boaa110
  20. ^ a b ċ d e David W. Ehrhardt , Wolf B. Frommer, New Technologies for 21st Century Plant Science, The Plant Cell, Volume 24, Issue 2, February 2012, Pages 374–394. doi:https://doi.org/10.1105/tpc.111.093302
  21. ^ McDougall, G. J., Morrison, I. M., Stewart, D., Weyers, J. D. B., & Hillman, J. R. (1993). Plant fibres: botany, chemistry and processing for industrial use. Journal of the Science of Food and Agriculture, 62(1), 1-20.doi: https://doi.org/10.1002/jsfa.2740620102
  22. ^ Bapat, V. A.; Dixit, G. B.; Yadav, S. R. (2012). "Plant biodiversity conservation and role of botanists". Current Science. 102 (10): 1366–1369.
  23. ^ Basello, G. P., & Piras, A. (2002). Ideologies as Intercultural Phenomena. A. Panaino, & G. Pettinato (Eds.). Università di Bologna.
  24. ^ Bennett, Charles E.; Hammond, William A (1902). The characters of Theophrastus (bl-Ingliż). Longmans, Green, and Company.
  25. ^ Touwaide, A. (2019). "Botany". In A Companion to Byzantine Science. Leiden, The Netherlands: Brill. doi:https://doi.org/10.1163/9789004414617_011
  26. ^ Dallal, Ahmad (2010). Islam, Science, and the Challenge of History (bl-Ingliż). New Haven, CT: Yale University Press. ISBN 978-0-300-15911-0.
  27. ^ Levy, M. (1973). Early Arabic Pharmacology: An Introduction Based on Ancient and Medieval Sources. Leiden: EJ Brill.
  28. ^ a b "Early herbals - The German fathers of botany". www.museumwales.ac.uk (bl-Ingliż). 2012-06-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-06-29. Miġbur 2023-08-15.
  29. ^ T. A. Sprague, D.Sc., F.L.S. , M. S. Sprague, M.A., The Herbal of Valerius Cordus, Botanical Journal of the Linnean Society, Volume 52, Issue 341, January 1939, Pages 1–113, https://doi.org/10.1111/j.1095-8339.1939.tb01598.x
  30. ^ Waggoner, Ben (2001). "Robert Hooke (1635-1703)". ucmp.berkeley.edu/ (bl-Ingliż). Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-09-27. Miġbur 2023-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  31. ^ a b Scharf, S.T. Identification Keys, the “Natural Method,” and the Development of Plant Identification Manuals. J Hist Biol 42, 73–117 (2009). doi: https://doi.org/10.1007/s10739-008-9161-0
  32. ^ a b ċ d e f Peirson, Ellen (2021-01-27). "The coloniality of planting: legacies of racism and slavery in the practice of botany". Architectural Review (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-20.
  33. ^ a b ċ Linnaeus, C. (1799). Species plantarum (Vol. 3). Impensis GC Nauk.
  34. ^ a b Larson, J. L. (1967). Linnaeus and the natural method. Isis, 58(3), 304-320.
  35. ^ a b ċ d "Linnaeus and Race". The Linnean Society (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-20.
  36. ^ a b ċ d Stace, C. A. (1989). Plant taxonomy and biosystematics. Cambridge University Press.
  37. ^ a b Williams, R. L., & Williams, R. L. (2001). From Jussieu to Candolle. Botanophilia in Eighteenth-Century France: The Spirit of the Enlightenment, 57-70.
  38. ^ a b Buggs, R. J. (2021). The origin of Darwin’s “abominable mystery”. American Journal of Botany, 108(1), 22-36.doi:https://doi.org/10.1002/ajb2.1592
  39. ^ a b Williams, J. N. (2021). Plantation Botany: Slavery and the Infrastructure of Government Science in the St. Vincent Botanic Garden, 1765–1820 s. Berichte zur Wissenschaftsgeschichte, 44(2), 137-158.doi: https://doi.org/10.1002/bewi.202100011
  40. ^ oßfeld, U., Jacobsen, HJ., Plass, C. et al. 150 years of Johann Gregor Mendel’s “Versuche über Pflanzen-Hybriden”. Mol Genet Genomics 292, 1–3 (2017). https://doi.org/10.1007/s00438-016-1254-4
  41. ^ Joshi, A. (2023). August Weismann and the Growth of Biological Understanding Between Darwin and the Rediscovery of Mendel. Resonance, 28(4), 513-525.doi:https://doi.org/10.1007/s12045-023-1579-3
  42. ^ Geitmann, A. (2023). Seeing clearly–Plant anatomy through Katherine Esau's microscopy lens. Journal of Microscopy.doi: https://doi.org/10.1111/jmi.13179
  43. ^ Esau, K. (1960). Anatomy of seed plants. Soil Science, 90(2), 149.
  44. ^ Esau, K. (1965). Plant anatomy. Plant Anatomy., (2nd Edition).
  45. ^ Coleman, W. (1986). Evolution into ecology? The strategy of Warming's ecological plant geography. Journal of the History of Biology, 181-196.doi:https://doi.org/10.1007/BF00138875
  46. ^ Raunkiaer, C. (1934). The life forms of plants and statistical plant geography; being the collected papers of C. Raunkiær. The life forms of plants and statistical plant geography; being the collected papers of C. Raunkiaer.
  47. ^ a b van der Valk, A.G. From Formation to Ecosystem: Tansley’s Response to Clements’ Climax. J Hist Biol 47, 293–321 (2014). doi:https://doi.org/10.1007/s10739-013-9363-y
  48. ^ a b Jasechko, S., Sharp, Z., Gibson, J. et al. Terrestrial water fluxes dominated by transpiration. Nature 496, 347–350 (2013). doi:https://doi.org/10.1038/nature11983
  49. ^ Yates Frank and Mather Kenneth 1963 Ronald Aylmer Fisher, 1890-1962 Biogr. Mems Fell. R. Soc.991–129 doi:http://doi.org/10.1098/rsbm.1963.0006
  50. ^ Thimann, K. V., & Bonner Jr, W. D. (1948). Experiments on the growth and inhibition of isolated plant parts. I. The action of iodoacetate and organic acids on the Avena coleoptile. American Journal of Botany, 271-281.doi:https://doi.org/10.2307/2437791
  51. ^ Steward Frederick Campion 1970The Croonian Lecture, 1969 - From cultured cells to whole plants: the induction and control of their growth and morphogenesisProc. R. Soc. Lond. B.1751–30. doi:http://doi.org/10.1098/rspb.1970.0009
  52. ^ Cousens, Roger; Martin, Mortimer (1995). Dynamics of Weed Populations (bl-Ingliż). Cambridge University Press. ISBN 9780521499699.
  53. ^ Krikorian, A.D., Berquam, D.L. (2003). Plant Cell and Tissue Cultures: The Role of Haberlandt. In: Laimer, M., Rücker, W. (eds) Plant Tissue Culture. Springer, Vienna. doi:https://doi.org/10.1007/978-3-7091-6040-4_2
  54. ^ Leonelli, S., Charnley, B., Webb, A. R., & Bastow, R. (2012). Under one leaf: an historical perspective on the UK Plant Science Federation. New Phytologist, 195(1), 10-13.doi: https://doi.org/10.1111/j.1469-8137.2012.4168.x
  55. ^ a b ċ d Mishler, B. D. (2000). Deep phylogenetic relationships among “plants” and their implications for classification. Taxon, 49(4), 661-683.DOI:10.2307/1223970
  56. ^ a b ċ Haston, E., Richardson, J. E., Stevens, P. F., Chase, M. W., & Harris, D. J. (2009). The Linear Angiosperm Phylogeny Group (LAPG) III: a linear sequence of the families in APG III. Botanical Journal of the Linnean Society, 161(2), 128-131. doi:https://doi.org/10.1111/j.1095-8339.2009.01000.x
  57. ^ a b ċ "ANGIOSPERM ORIGINS: A MONOCOTS-FIRST SCENARIO". fieldmuseum.org (bl-Ingliż). 2012-10-23. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-10-23. Miġbur 2023-08-07.
  58. ^ a b ċ Yachandra, V. K., DeRose, V. J., Latimer, M. J., Mukerji, I., Sauer, K., & Klein, M. P. (1993). Where plants make oxygen: a structural model for the photosynthetic oxygen-evolving manganese cluster. Science, 260(5108), 675-679. doi:https://doi.org/10.1126/science.8480177
  59. ^ a b Verbančič, J., Lunn, J. E., Stitt, M., & Persson, S. (2018). Carbon supply and the regulation of cell wall synthesis. Molecular Plant, 11(1), 75-94. doi: https://doi.org/10.1016/j.molp.2017.10.004
  60. ^ a b Zuazo, V. H. D., & Pleguezuelo, C. R. R. (2009). Soil-erosion and runoff prevention by plant covers: a review. Sustainable agriculture, 785-811.DOI: 10.1051/agro:2007062
  61. ^ Bowler, P. J. (2009). Darwin's originality. science, 323(5911), 223-226.DOI: 10.1126/science.1160332
  62. ^ Olmstead, R. G., Zjhra, M. L., Lohmann, L. G., Grose, S. O., & Eckert, A. J. (2009). A molecular phylogeny and classification of Bignoniaceae. American journal of botany, 96(9), 1731-1743.DOI:10.3732/ajb.0900004
  63. ^ Turland, N. J., Wiersema, J. H., Barrie, F. R., Greuter, W., Hawksworth, D. L., Herendeen, P. S., Knapp, S., Kusber, W.-H., Li, D.-Z., Marhold, K., May, T. W., McNeill, J., Monro, A. M., Prado, J., Price, M. J. & Smith, G. F. (eds.) 2018: International Code of Nomenclature for algae, fungi, and plants (Shenzhen Code) adopted by the Nineteenth International Botanical Congress Shenzhen, China, July 2017. Regnum Vegetabile 159. Glashütten: Koeltz Botanical Books. DOI https://doi.org/10.12705/Code.2018
  64. ^ a b Bremer, K., & Wanntorp, H. E. (1978). Phylogenetic systematics in botany. Taxon, 27(4), 317-329. doi: https://doi.org/10.2307/1220367
  65. ^ Edwards, E. J., Nyffeler, R., & Donoghue, M. J. (2005). Basal cactus phylogeny: implications of Pereskia (Cactaceae) paraphyly for the transition to the cactus life form. American Journal of Botany, 92(7), 1177-1188.doi: 10.3732/ajb.92.7.1177.
  66. ^ Boke, N. H. (1980). Developmental morphology and anatomy in Cactaceae. BioScience, 30(9), 605-610.doi:https://doi.org/10.2307/1308111
  67. ^ Bennici, A. (2003). The convergent evolution in plants. Rivista di biologia, 96(3), 485-489.
  68. ^ Mauseth, J. D. (2004). Cacti and other succulents: stem anatomy of “other succulents” has little in common with that of cacti. Bradleya, 22(22), 131-140.
  69. ^ Nixon, K. C., & Carpenter, J. M. (2012). On homology. Cladistics, 28(2), 160-169.doi:https://doi.org/10.1111/j.1096-0031.2011.00371.x
  70. ^ Loring Brace, C. (1981). Tales of the phylogenetic woods: The evolution and significance of evolutionary trees. American Journal of Physical Anthropology, 56(4), 411-429. doi:https://doi.org/10.1002/ajpa.1330560415
  71. ^ Vijayan, K., & Tsou, C. H. (2010). DNA barcoding in plants: taxonomy in a new perspective. Current science, 1530-1541
  72. ^ a b Lindley J. (1848). An introduction to botany (4th ed.). Longman Brown Green and Longmans., John (1848). An introduction to botany (4th ed.), Volume 2 (bl-Ingliż). Longman Brown Green and Longmans.
  73. ^ Simpson, N. (2010). Botanical symbols: a new symbol set for new images, Botanical Journal of the Linnean Society, Volume 162, Issue 2, February 2010, Pages 117–129. doi:https://doi.org/10.1111/j.1095-8339.2009.01021.x