L-Ewwel Gwerra Dinjija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
L-Ewwel Gwerra Dinjija
WWImontage.jpg
Skont l-arloġġ minn fuq: Trunċieri fuq il-Front tal-Punent; Tank Mark IV jaqsam trunċiera; Il-frajgata HMS Irresistible qiegħda tegħreq wara li laqtet mina fil-Battalja tad-Dardanelles; Suldati bil-Vickers machine gun libsin il-maskri tal-gas; Biplani Ġermaniżi Albatros D.III.
Data 28 ta' Lulju 1914 – 11 ta' Novembru 1918 (Armistizju)


Trattat ta' Versailles iffirmat 28 ta' Ġunju 1919

Post L-Ewropa, l-Afrika, il-Lvant Nofsani, il-Gżejjer Paċifiċi, iċ-Ċina u mal-kosta tal-Amerika ta' Fuq u ta' Isfel
Riżultat Rebħa mill-Alleati
  • It-tmiem tal-imperu Ġermaniż, Russu, Ottoman, u Awstro-Ungeriż
  • Il-formazzjoni ta' pajjiżi ġodda fl-Ewropa u l-Lvant Nofsani
  • I-trasferiment tal-kolonji Ġermaniżi u tar-reġjuni tal-Imperu Ottoman lil potenzi oħra
  • It-twaqqif tas-Soċjetà tan-Nazzjonijiet. (iżjed...)
Belliġeranti
Il-Potenzi Alleati
(tal-Entente)

Franza Franza
Renju Unit L-Imperu Brittaniku
Russja Ir-Russja (1914–17)
Stati Uniti L-Istati Uniti (1917–18)
Rumanija Ir-Rumanija (1916–18)
Ġappun L-Imperu tal-Ġappun
Serbja Is-Serbja
Belġju Il-Belġju
Greċja Il-Greċja (1917–18)
Portugall Il-Portugall (1916–18)
Montenegro Montenegro (1914–16)
u oħrajn

Potenzi Ċentrali

Ġermanja L-Imperu Ġermaniż
Flag of Austria-Hungary (1869-1918).svg Awstrija-Ungerija
Turkija L-Imperu Ottoman
Bulgarija Il-Bulgarija (1915–18)

Kmandanti
Mexxejja u kmandanti

Franza Raymond Poincaré
Franza Georges Clemenceau
Franza Ferdinand Foch
Renju Unit H. H. Asquith
Renju Unit David Lloyd George
Renju Unit Douglas Haig
Russja Nicholas II
Russja Nicholas Nikolaevich
Renju tal-Italja Antonio Salandra
Renju tal-Italja Vittorio Orlando
Renju tal-Italja Luigi Cadorna
Stati Uniti Woodrow Wilson
Stati Uniti John J. Pershing
Imperu tal-Ġappun Emperor Taishō
u oħrajn

Mexxejja u kmandanti

Imperu Ġermaniż Wilhelm II
Imperu Ġermaniż Paul von Hindenburg
Imperu Ġermaniż Erich Ludendorff
Awstrija-Ungerija Franz Joseph I
Awstrija-Ungerija Karl I
Awstrija-Ungerija Conrad von Hötzendorf
Imperu Ottoman Mehmed V
Imperu Ottoman Enver Pasha
Imperu Ottoman Mustafa Kemal Atatürk
Renju tal-Bulgarija Ferdinand I
Renju tal-Bulgarija Nikola Zhekov
u oħrajn

Saħħa
Entente[1]

Russja 12,000,000

Renju Unit 8,841,541[2][3]

Franza 8,660,000[4]

Renju tal-Italja 5,093,140

Stati Uniti 4,743,826

Rumanija 1,234,000

Imperu tal-Ġappun 800,000

Serbja 707,343

Belġju 380,000

Greċja 250,000

Portugall 200,000

Montenegro 50,000

Total: 42,959,850

Potenzi Ċentrali[1]

Imperu Ġermaniż 13,250,000

Awstrija-Ungerija 7,800,000

Imperu Ottoman 2,998,321

Renju tal-Bulgarija 1,200,000

Total: 25,248,321

Korruti
Militari mejtin:
5,525,000
Militari feruti:
12,831,500
Militari neqsin:
4,121,000
Total:
22,477,500 
Militari mejtin:
4,386,000
Militari feruti:
8,388,000
Militari neqsin:
3,629,000
Total:
16,403,000 

L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet gwerra bejn ħafna pajjiżi; għalhekk tissejjaħ gwerra "dinjija". Bdiet fl-1914 u intemmet fl-1918.[5] Qabel ma bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1939, l-Ewwel Gwerra Dinjija (l-EGD) kienu jsejħulha Il-Gwerra l-Kbira jew Il-Gwerra Dinjija. 135 pajjiż ħadu sehem fl-EGD u 'l fuq minn 15-il miljun ruħ mietu f'din il-gwerra.[6]

Il-potenzi involuti ġġieldu l-EGD mal-parti l-kbira tal-kontinent tal-Ewropa. Il-ġlied sar fuq ħafna frontijiet differenti. Il-parti l-kbira tal-ġlied bejn il-Ġermanja u l-Alleati sar fuq il-Front tal-Punent. Sistema ta' trunċieri kienet timmarka l-post ta' dan il-front u bejn it-trunċieri kien hemm kuritur ta' "Art ta' Ħadd" (terra nemo).[7] Il-parti l-kbira tal-ġlied li sar fuq dan il-front kien mit-trunċieri. Il-front tal-Lvant kien fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u kien wieħed mill-postijiet prinċipali fejn sar il-ġlied tal-EGD. Il-ġlied fuq il-front tal-Lvant ma kienx mit-trunċieri imma kien jiddependi minn linji ta' suldati lesti li jiġġieldu l-għadu. Fost il-frontijiet l-oħra fejn kien hemm ħafna ġlied hemm il-Front tal-Lvant Nofsani u l-Front Taljan. Kien hemm il-ġlied ukoll fl-Africk, iċ-Ċina kif ukoll fuq il-baħar u fl-ajru.

Il-gwerra intemmet bil-firma ta' ħafna trattati differenti, l-iżjed wieħed importanti fosthom it-Trattat ta' Versailles.

L-EGD kienet l-ewwel gwerra li fiha ntużaw bħala armi komuni, it-tankijiet, l-ajruplani, is-sottomarini u l-U-Boten.

Il-kawżi[editja]

Fit-28 ta' Ġunju 1914, Gavrilo Princip, student Serb Bożnjan u membru ta' Bożnja Żagħżugħa assassina l-eredi għat-tron Awstro-Ungeriż, l-Arċiduka Franz Ferdinand tal-Awstrija f'Sarajevo, fil-Bożnja.[8] Dan l-assassinju beda xahar ta' manuvri diplomatiċi bejn l-Austria-Ungerija, il-Ġermanja, ir-Russja, Franza u l-Gran Brittanja li jgħidulu l-kriżi ta' Lulju. Bl-għan li fl-aħħar il-Bożnja teħles mill-indħil miss-Serbi, l-oraganizzazzjoni L-Id Sewda kienet forniet lil Princip u l-grupp tiegħu bil-bombi u pistoli, ħarrġithom u għenithom jaqsmu l-fruntiera. L-Awstrijaċi kellhom raġun jaħsbu li l-uffiċjali Serbi kienu imdaħħlin.[9] L-Awstrija-Ungerija tat lis-Serbja l-Ultimatum ta' Lulju, lista ta' għaxar domandi magħmulin apposta biex ma jkunux aċċettabbli għas-Serbja u hekk jipprovokaw gwerra mas-Serbja.[10] Meta s-Serbja qablet ma tmienja biss mill-għaxar domandi, l-Awstrija-Ungerija ddikjarat gwerra fit-28 ta' Lulju 1914.

L-Imperu Russu ma riedx iħalli l-Awstrija-Ungerija ttelliflu l-influwenza li kellu fil-Balkani u biex jgħin is-Serbi kienu ilhom protégés tiegħu, l-għada ordna mobilizzazzjoni parzjali. L-Imperu Ġermaniż immobilizza fit-30 ta' Lulju, lest li jħaddem il-"Pjan Schlieffen", fejn kellu jagħmel invażjoni malajr u massiva ta' Franza biex ixxejjen l-armata Franċiża imbagħad idur lejn il-Lvant kontra r-Russja. Il-kabinett Franċiż għall-ewwel waqfilha l-pressa militari biex jibda jimmobilizza minnufih, u ordna t-truppi biex jirtiraw 10 km 'l ġewwa mill-fruntiera biex jevitaw kull inċident. Franza mmobilizat fil-għaxija tat-2 ta' Awwissu, meta l-Ġermanja invadiet il-Belġju u attakkat it-truppi Franċiżi. Fl-istess jum il-Ġermanja ddikjarat gwerra fuq ir-Russja.[11] Il-Gran Brittanja ddikjarat gwerra fuq il-Ġermanja fl-4 ta' Awwissu 1914, wara li rċeviet "tweġiba insoddisfaċenti" għall-ultimatum tagħha li l-Belġju għandu jibqa' newtrali.[12]

Il-Ġermanja kontra Franza u r-Russja[editja]

Il-Ġermanja kienet ħabiba mal-Awstrija-Ungerija u r-Russja kienet ħabiba mas-Serbja. Il-gvern Ġermaniż kien inkwitat li billi l-Awstrija-Ungerija kienet attakkat lis-Serbja, ir-Russja kienet ħa tattakka 'l-Awstrija-Ungerija biex tgħin is-Serbja. Għalhekk, il-Ġermanja ħasset li kellha tgħin l-Awstrija-Ungerija billi tattakka lir-Russja l-ewwel, qabel tkun tista' tattakka 'l-Awstrija-Ungerija. Il-problema kienet li r-Russja kienet ukoll ħabiba ma' Franza, u l-Ġermaniżi ħasbu li forsi Franza ħa tattakkahom biex tgħin ir-Russja. Allura l-Ġermaiżi ddeċidew li kienu jistgħu jirbħu l-gwerra jekk jattakkaw lil Franza malajr l-ewwel. Setgħu jimmobbilizzaw malajr ħafna. Kelhom lista lesta tan-nies li kellhom jidħlu fil-militar, fejn kellhom imorru u l-ħinijiet ta' kull ferrovija li kellha toħodhom fejn kellhom jiġġieldu. Franza kienet qiegħda tagħmel l-istess imma ma setgħetx tagħmel hekk daqshekk malajr. Il-Ġermaniżi ħasbu li jekk jattakkaw lil Franza setgħu joħorġuha mill-gwerra qabel ma setgħet tattakkahom ir-Russja.

L-armata Russa[editja]

Ir-Russja kellha armata kbira, imma l-Ġermanja ħasbet li din ħa tieħu sitt ġimgħat biex timmobbilizza u ħa tieħu ħafna żmien qabel ma tattakka l-Potenzi Ċentrali. Dan ma kienx minnu, għaliex l-Armata Russa immobbilizzat f'sitt ijiem. Barra minn hekk, ir-Russi daħlu sewwa ġol-Awstrija.

Il-Brittanja kontra l-Ġermanja[editja]

Il-Gran Brittanja kienet alleata mal-Belġju. Hi wkoll malajr daħlet fil-gwerra. Fl-4 ta' Awwiisu 1914, iddikjarat gwerra kontra l-Ġermanja meta l-Ġermanja attakkat lill-Belġju biex tieħu Pariġi qabel ma setgħu jagħmlu hekk ir-Russji u jiftħu front ġdid kontra l-Ġermanja. Il-Brittanja kellha l-kbar imperu għax kienet taħkem kwart mid-dinja kollha, u kienet tibża' li l-Ġermanja ħa tieħu l-kolonji tagħha u ta' Franza u ssir l-aqwa u l-ikbar imperu fid-dinja. Il-Brittanja kienet inkwitata fuq it-tkabbir fil-qawwa militari tal-Ġermanja billi din kienet qiegħda tkabbar l-armata tagħha biex issir l-ikbar waħda fid-dinja. L-armata tal-Brittanja ma kinitx kbira ħafna imma kienet iżjed professjonista mqabbla mal-armati l-kbar bħal tal-Ġermanja u tar-Russja. Il-Brittanja kellha l-ikbar u l-aħjar forza navali fid-dinja u ħasbet li kienet biżżejjed biex iżżomm forzi navali oħra milli jattakkawa. Imma issa l-Ġermanja kienet qiegħda tibni forza naval kbira wkoll. Il-Ġermanja kienet qiegħda tibni ħafna bastimenti malajr u żżid in-nies fl-armata tagħha u kienet ħa ssir qawwija daqs il-Brittanja.

It-Turkija[editja]

It-Turkija daħlet fil-gwerra għax kienet tilfet il-parti l-kbira tal-imperu qabel il-gwerra u riedet toħodha lura mill-Brittanja u Franza. Is-Serbja, li darba kienet kolonja Ottomana kienet diġà saret indipendenti qabel il-gwerra. Meta l-Awstrija bdiet gwerra mas-Serbja, it-Turkija ma damitx ma iddikjarat gwerra.

Il-Greċja kontra t-Turkija[editja]

Il-Greċja daħlet fil-gwerra għax il-mexxejja tagħha kienu jappoġġjaw il-kawża tal-Alleati. Il-Greċja u s-Serbja kienu ħadu l-ħelsien, imma ħafna Griegi kienu għadhom joqogħdu f'artijiet li darba kienu Griegi imma issa kienu Torok. Il-Griegi riedu jerġgħu jieħdu f'idejhom l-art lejn it-tramuntana li kienet taħt il-ħakma Bulgara jew Torka u allura ddikjaraw gwerra.

Ftit wara kien hemm battalja bejn it-Torok u l-Griegi. It-Torok qatlu l-parti l-kbira tal-armata Griega u l-Griegi ippruvaw jinvadu t-Turkija għal darba oħra. Bdiet gwerra oħra minħabba spulużjoni ta' bomba li l-Griegi kienu poġġew fuq tren. It-Torok imbuttaw 'il-Griegi lura fit-territorju tagħhom u minn dak iż-żmien il-Greċja qatt ma ddikjarat gwerra.

Il-Bulgarija kontra s-Serbja u l-Greċja[editja]

Il-Bulgarija, li bħal Greċja u s-Serbja kienet taħt it-Turkija qabel, meta kisbet il-ħelsien ħadet ħafna aer Torka. Imma meta l-Bulgari għamlu hekk ftit qabel il-gwerra, is-serbi u l-Griegi ħassew li ħafna minn din l-art kienet Griega jew Serba u allura jmisshom ħaduha huma. Dawn imbagħad ħadu xi artijiet lura minn għand il-Bulgari u għalhekk għamlu ħbieb mat-Turkija. Iddikjaraw gwerra kontra s-Serbja u l-Greċja, imma dawn tal-aħħar rebħu.

L-alleanzi tar-Rumanija[editja]

Ir-Rumanija kienet newtrali sal-1916, meta taħt il-pressjoni mill-Alleati kellha tidħol fil-gwerra.

Grajjiet important fil-gwerra[editja]

Suldati Brittaniċi fi trunċiera maqbuda mill-Ġermaniżi

Il-parti l-kbira tan-nies ħasbu li l-gwerra mhux ħa ddumm. Ħasbu li l-armati kienu ħa jattakkaw 'il xulxin malajr u waħda telgħeb lill-oħra mingħajr telf kbir ta' nies. Ħasbu li l-gwerra kienet xi ħaġa għas-suldati qalbiena - qatt ma basru kif kienet ħa tkun il-gwerra fir-realtà. Koċċ nies biss bħal Lord Kitchener qalu li l-gwerra ħa tieħu ħafna żmien.

Il-pjan tal-Ġermanja[editja]

Il-ġenrali Ġermaniżi kienu ddeċidew li l-aħjar mod biex jegħlbu 'l Franza kien li jgħaddu mill-Belġju skont il-Pjan ta' Schlieffen. Dan kien ħolqu l-Kap tal-Istat Maġġur, Alfred von Schlieffen. Imbagħad kienu jistgħu jattakkaw l-armata Franċiża mit-tramuntana u n-nofsinhar fl-istess ħin. L-armata Ġermaniża daħlet il-Belġju fl-4 ta' Awwissu. Dakinhar stess il-Gran Brittanja bdiet gwerra kontra l-Ġermanja billi l-Briitanja kienet alleata tl-BelġjuG. Il-Brittani1i kienu qalu minn xi snin qabel, fl-1839, li qatt ma kienu ħa jħallu lill xi ħadd jikkontrolla l-Belġju, u żammew kelmthom.

L-invażjoni Ġermaniża tal-BeIġju[editja]

Meta l-Ġermaniżi waslu fil-belt Belġjana ta' Liège, il-Belġjani iġġieldu b'qawwa kbira biex ma jħalluhomx jidħlu fil-belt. Il-Ġermaniżi fl-aħħar irnexxielhom ikeċċu l-Belġjani mill-belt, imma ħadu iżjed żmien milli kienu ppjanaw il-ġenerali Ġermaniżi.

Imbagħad il-Ġermaniżi attakkaw in-naħa tat-tramuntana tal-armata Franċiża. Il-Franċiżi u l-Brittaniċi tellgħu is-suldati tagħhom 'l fuq biex jiġġieldu mal-Ġermaniżi. Setgħu jagħmlu hekk għax il-Belġjani kienu tant damu jiġġieldu f'Liège. Imma l-Ġermaniżi imbuttaw il-Franċiżi lura lejn il-fruntieri tagħhom u l-Brittaniċi żammew 'il Ġermaniżi 'l wara f'Mons, imma wara huma wkoll waqgħu lura biex jingħaqdu mal-armata Franċiża li kienet qiegħda tirtira, sakemm waqfu ħdejn ix-xmara Marne. Dan ir-rebħa tal-Franċiżi u l-Brittaniċi kontra l-Ġermaniżi jsejħulha Il-Miraklu tal-Marne.

Ġlied mit-trunċieri[editja]

In-numru ta' nies li mietu fil-ġlied mit-trunċieri ma jitwemminx. L-armi ġodda bħall-machine-gun u artillerija li twassal fit-tul kienu inkredibbilment effettivi fil-qtiel tas-suldati meta jattakaw f'daqqa, tatika li intwirtet mill-ġwerer ta' qabel. Is-suldati taż-żewġ naħat qabdu l-pali u bdew iħaffru għax ma ridux jintlaqtu u jmutu. Il-ħofor bdew jingħaqdu f'trunċieri biex fl-aħħar dawn kienu jwasslu mill-Iżvizzera sal-Baħar tat-Tramuntana. Quddiem it-trunċieri kien ikun hemm il-fildiferru mxewwek li jqatta' lill kull min jipprova jgħaddi minn fuqu, u mini li jisplodu u jtajru 'l kull min jipprova jaqsam l-"art ta' ħadd (terra nemo)" li kienet bejn it-trunċieri. Il-gass velenuż kien arma importanti oħra li kienu jużaw.

Fil-lvant, ir-Russi attakkaw il-Ġermaniżi. Ir-Russi imbuttaw 'il-Ġermaniżi lura, imma mbagħad il-Ġermaniżi għelbuhom fil-Battalja ta' Tannenberg.

Il-Machine guns u l-artillerija li twassal fit-tul[editja]

Minħabba l-machine guns, l-artillerija li twassal fit-tul, it-trunċieri u l-mini l-attakki kienu diffiċli. Il-ġenerali kienu mdorrijin jiġġieldu l-gwerer mingħajrhom, u allura ordnaw l-armati tagħhom biex jattakkaw bl-istil antik fejn is-suldati kienu jimmarċjaw f'ringieli u hekk iħallu l-għadu jisparalhom faċilment. Fil-Battalja tas-Somme fl-1916 60,000 suldat Brittaniku mietu fl-istess jum. Kien wieħed mill-jiem l-iżjed imdemma fl-istorja tal-armata Brittanika.

It-tattiki[editja]

Il-Brittaniċi kienu jikkomunikaw mas-suldati sħabhom permezz tas-sfafar. Allura qabel attakk tal-artillerija fuq it-trunċieri Ġermaniżi kienu jsaffru. Però l-Ġermaniżi indunaw b'din it-tattika wara ftit u allura wara l-attakk meta is-suldati Brittaniċi kienu joħorġu biex joqtlu s-suldati Ġermaniżi li jkunu baqgħu ħajjin, il-Ġermaniżi kienu jkunu lesti għalihom bil-machine guns, għaliex kienu jkunu jafu li kienu ġejjin.

Il-ħajja fit-trunċieri[editja]

L-ewwel ħaġa li rekluta ġdid kien jinnota fi triqtu lejn il-Front kienet ir-riħa, iġsma jintnu f'oqbra baxxi, irġiel li kienu ilhom ma jinħaslu għal ġimgħat sħaħ għax ma kienx hemm fejn, fosos tal-ħmieġ imfawrin, griżol jew klorur tal-ġir użati kontra t-theddida kostanti mill-mard u l-infezzjoni, kordit, ir-riħa persistenti tal-gass velenuż, xkejjer tar-ramel jintnu, tajn qiegħed, duħħan tas-sigaretti u t-tisjir tal-ikel. Għalkemm għal rekluta ġdid dawn kienu rwejjaħ li jqallgħulu l-istonku, ma kienx idum ma jidrahom u wara ftit kien hu stess isir parti minnhom bir-riħa ta' ġismu.

Is-sistema ta' trunċieri[editja]

It-trunċieri ta' fuq il-front is-soltu kienu jkunu fondi xi żewġ metri u wisgħin xi 1.8 metru. Il-parti ta' quddiem kienu jsejħulha l-parapet u l-parti ta' wara l-parados. Il-metru ta' fuq tal-parapet u tal-parados kien ikun mibni minn linja wisgħa ta' xkejjer tar-ramel biex tassorbi l-bulits u l-biċċiet tal-bombi.

Fit-trunċieri bħal dawn ma kontx tista' tilħaq biex tara barra, allura kien ikun tarġa xi metru għolja. It-trunċieri ma kinux imħaffrin f'linji dritti. Inkella jekk is-suldati tal-għadu jidħlulek fit-trunċieri, ikunu jistgħu jisparaw dritt mal-linja.

L-art tat-trunċieri kien ikollha passaġġ tal-injam. Is-suldati kienu jħaffru xelters biex jiskennu fihom mit-temp u l-isparar mill-għadu,

It-trunċieri ta' quddiem kienu jkun protetti mill-fildiferru mxewwek u postijet għall-machine guns. Kien ikun hemm trunċieri qosra jsejħulhom saps mit-trunċieri ta' quddiem għall-Art ta' Ħadd. It-tarf tas-sap kien joħroġ xi 30 metru 'l barra mill-linja ta' quddiem u kien jintuża biex is-suldati jissemgħu x'inhu jiġri.

Wara l-linja ta' quddiem kien ikun hemm trunċieri oħra għar-riżervi u għall-għajnuna. It-tliet linji tat-trunċieri flimkien kienu wisgħin bejn 200 u 300 metru. Kien hemm ukoll trunċieri ta' komunikazzjoni f'direzzjoni inklinata mal-linji ta' quddiem u dawn kienu jservu għat-trasport tan-nies, apparat u ikel.

L-ajruplani[editja]

L-ajruplani bdew jintużaw estensivament fl-EGD. L-ajruplani ma tantx kienu jintużaw għall-ġlied qabel l-EGD. Kienet l-ewwel gwerra li fiha ntużaw bħala armi tal-gwerra. L-ajruplani bdew jintużaw biex jieħdu fotografiji tal-art f'idejn l-għadu. Imma lejn l-aħħar tal-gwerra kienu qegħdin jintużaw bħala parti importanti mill-pjan tal-attakk. L-EGD wriet li l-ajruplani kienu arma li tista' tintuża fil-gwerra.

Titjib fl-ajruplani[editja]

L-ajruplani fl-EGD kienu magħmulin mill-injam u l-kanvas u ma kinux iservu għal żmien twil. Ma kinux jistgħu itiru b'veloċità kbira fil-bidu tal-gwerra. Setgħu itiru b'veloċità ta' xi 116 kilometru fis-siegħa u fl-aħħar tal-gwerra il-veloċità telgħet sa xi 222 kilometru fis-siegħa. L-armi tal-isparar tqiegħedu fuq l-ajruplani għall-ewwel darba matul il-gwerra. Il-piloti kienu jużawhom biex jisparaw fuq l-ajruplani tal-għadu. Kien hemm pilota li uża pjanċi rqaq tal-metall biex jipproteġi l-ajruplan tiegħu u mbagħad il-piloti l-oħra bdew jagħmlu l-istess. Il-piloti bdew imbagħad jarmaw l-ajruplani bil-machine guns u dawn għamel il-ġlied bejn l-ajruplani ħafna iżjed diffiċli u perikuluż.

L-Amerika kontra l-Ġermanja[editja]

Il-Ġermaniżi ddeċidew li jużaw il-vapuri ta' taħt l-ilma. Dawn semmewhom unterseebooten (vapuri ta' taħt il-baħar) jew U-booten fil-qosor. L-U-booten attakkaw il-vapur tal-passiġġieri Amerikan Lusitania li kien qiegħed jieħu nies ċivili lejn l-Ingilterra. Il-Ġermaniżi dehrilhom li l-Amerikani kienu qegħdin jgħinu l-Gran Brittania u ma kinux veru newtrali. Imma ħafna nies Amerikani u Brittaniċi li ma kellhomx x'jaqsmu mal-militar mietu f'dan l-attakk.

Barra minn hekk il-Ġermanja bagħtet telegramma kodifikata lill-Amerika Ċentrali fejn issuġġeritilha li ż-żewġ pajjiżi għandhom jaħdmu flimkien biex jattakkaw l-Istati Uniti. Din in-nota jsejħula it-Telegramma ta' Zimmerman għax dak li bagħatha kien jismu Arthur Zimmerman. Fit-telegramma l-Ġermaniżi offrew xi artijiet li l-Istati Uniti kienu ħadu fil-gwerer ta' qabel. Xi spija mir-Renju Unit saru jafu b'din in-nota u għarrfu lill-Istati Uniti. L-Amerikani rrabjaw u ħafna dehrilhom li pajjiżhom għandu jidħol fil-gwerra biex jikkastiga 'il-Ġermanja. In parti minħabba dan fis-6 ta' April 1917, l-Istati Uniti ddikjaraw gwerra fuq il-Ġermanja u daħlu mal-Alleati.

Ir-Russja[editja]

L-ewwel rivoluzzjoni Russa[editja]

Fl-1917, kien hemm rivoluzzjoni fir-Russja. Iz-Zar kellu jabdika u jħalli l-poter f'idejn il-poplu. Għall-ewwel ħafna ħasbu li Russja ħa tiġġieled iżjed bil-ħerqa issa li ma kienx hemm Zar. Imma r-Russi kienu xebgħu mill-gwerra għax ma kellhomx ikel u arma biżżejjed u toroq tajbin biżżejjed biex jissuplixxu l-armata tagħhom. Il-gwerra kienet qiegħda timponi piż kbir wisq u kien hemm ħafna faqar u ġuħ. Allura bdew jobogħdu 'l-gvern il-ġdid għax ma ridx iwaqqaf il-gwerra.

It-tieni rivoluzzjoni Russa[editja]

Imbagħad, kien hemm ir-Rivoluzzjoni ta' Ottubru. Kien hemm ġlieda bejn żewġ fazzjonijiet biex jieħdu l-ħakma tar-Russja f'idejhom. Il-Menxeviki tilfu kontra l-Bolxeviki li kienu iżjed radikali. Il-mexxej tal-Bolxeviki kien Vladimir Lenin (1870-1924) li kien komunist u jsegwi l-ideat ta' Karl Marx. Il-gvern il-ġdid ftihem mal-Ġermaniżi u ffirma trattat ta' paċi li jgħidulu t-trattat ta' Brest-Litvosk mal-Qawwiet Ċentrali f'Marzu tal-1918 fil-belt ta' Brest Litovsk. Ir-Russi ul-Ġermanii waqqfu jiġġieldu u l-Ġermanii ħadu ħafna art fl-Ewropa tal-Lvant u l-baħar Baltiku.

Wara l-gwerra[editja]

Mappa tal-Ewropa qabel u wara l-gwerra

Wra l-gwerra, il-Ġermanii kellho jiffirmaw it-Trattat ta' Versailles. Il-Ġermanja kellha tħallas 66 miljun dollaru f'riparazzjonijiet. Kellhom jammettu r-responsabbiltà għall-gwerra. Damu jħallu d-dejn sal-4 ta' Ottubru 2010. Partimit-trattat qalet li l-pajjii tad-dinja għandhom jingħaqdu f'organizzazzjoni internazzjonali biex iwaqqfu l-gwerer. L-organizzazzjoni kien jisimha s-Soċjetà tan-Nazzjonijiet. Is-senat tal-Istati Uniti ma qabilx magħha, allavolja kienet l-idea tal-presient tal-Istati Uniti u l-Istati Uniti qatt ma saru memru tagħha.

Referenzi[editja]

  1. ^ a b Tucker & Roberts 2005, p. 273
  2. ^ http://www.1914-1918.net/faq.htm
  3. ^ Il-figuri huma għall-Imperu Brittaniku.
  4. ^ Il-figuri huma għal Franza Metropolitana u l-kolonji tagħha.
  5. ^ The First World War
  6. ^ Military Casualties of World War One
  7. ^ Ashworth, Tony, Trench warfare 1914–1918, pp3–4. 2000: Macmillan Press, Londra
  8. ^
  9. ^ David Stevenson, 1914–1918, p.12
  10. ^
  11. ^
  12. ^ Daily Mirror Headlines: The Declaration of War

Ħoloq esterni[editja]

  • World War 1 Letters Kollezzjoni ta' ittri mill-EWD
  • [1] Storja tal-EGD bl-istampi
  • [2] Il-patrimonja tal-Gwerra l-Kbira, Il-Pajjiżi l-Baxxi