Tazza tad-Dinja tal-Futbol

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Tazza tad-Dinja tal-FIFA
Staġun jew kompetizzjoni attwali:
Tazza tad-Dinja tal-Futbol 2022
Sport Futbol
Fundazzjoni 1930
Nru. ta' timijiet 32 (fażi finali)
Reġjun Internazzjonali (FIFA)
Ċampjin attwali  Arġentina (3 titlu)
L-aktar rebħiet  Brażil (5 titli)
Sit elettroniku fifa.com/worldcup

It-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, magħrufha wkoll bħala t-Tazza tad-Dinja tal-Futbol jew sempliċement bħala t-Tazza tad-Dinja, hija kompetizzjoni internazzjonali tal-futbol li tintlagħab mit-timijiet nazzjonali tal-irġiel membri tal-Fédération Internationale de Football Association (FIFA). Dan il-kampjonat ra l-bidu tiegħu fl-1930 u apparti minn waqfien bejn l-1942 u l-1946 minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija, dan intlagħab kull erba' snin. Ir-rebbieħa attwali huma Franza li rebħu t-tieni titlu fl-edizzjoni tal-2018 li saret ġewwa r-Russja.

Il-format tal-kompetizzjoni jinvolvi fażi ta' kwalifikazzjoni li ssir fit-tliet snin qabel il-fażi finali, li tiddetermina t-32 tim (fosthom il-pajjiż ospitanti) li jagħmluha għal din il-fażi. Il-logħob jintlagħbu kollha fi grawnds mifruxa fil-pajjiż(i) ospitanti fuq medda ta' xahar.

Matul t-22 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, tmien pajjiżi għollew it-trofew. Il-Brażil rebħu t-Tazza tad-Dinja total ta' ħames darbiet, u huma l-uniċi li ħadu sehem f'kull edizzjoni. L-Italja u l-Ġermanja ttrijonfaw għal erba' darbiet kull wieħed; l-Arġentina kisbu tliet tliet; Franza u l-Urugwaj ħadu t-titlu darbtejn kull wieħed; u l-Ingilterra u Spanja ħadu titlu kull wieħed.

Minbarra li hi meqjusa bħala l-ogħla unur fil-logħba tal-futbol, it-Tazza tad-Dinja hija l-aktar avveniment sportiv segwit fid-dinja, quddiem il-Logħob Olimpiku. It-total ta' spettaturi għal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja 2006 kien stmat li laħaq is-26.29 biljun ruħ, b'715.1 miljun persuna jaraw il-finali.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Kompetizzjonijiet internazzjonali preċedenti[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel logħba internazzjonali ntlagħbet fl-1872 bejn l-Ingilterra u l-Iskozja,[2] minkejja li f'dak l-istadju l-isport ftit li xejn kien magħruf barra mir-Renju Unit.

Madanakollu, mal-bidu tas-seklu għoxrin il-folja nqalbet hekk kif il-popolarità ta' dan l-isport kibret fuq skala internazzjonali u assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol bdew jiġu mwaqqfa. L-ewwel logħba internazzjonali uffiċjali barra r-Renju Unit kienet bejn Franza u l-Belġju ġewwa Pariġi f'Marzu tal-1904.[3] Din wasslet għall-fundazzjoni tal-FIFA f'Pariġi fit-22 ta' Mejju 1904, li kienet tinkludi assoċjazzjonijiet tal-futbol minn Franza, il-Belġju, id-Danimarka, in-Netherlands, Spanja, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u l-Ġermanja.

Il-futbol kompla jeskala fil-popolarità tiegħu, u dan l-isport daħal fost id-dixxiplini li ntlagħbu fl-Olimpjadi tas-sajf tal-1900 u l-1904, sakemm imbagħad sar uffiċjalment superviżat mill-FIFA fl-edizzjoni tal-1908 tal-Logħob Olimpiku tas-sajf.[4] Organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Ingilterra, l-avveniment kien wieħed għal plejers dilettanti u kien aktar imħares lejh bħala għall-gost milli għal kompetizzjoni. It-tim nazzjonali tad-dilettanti Ingliż rebaħ l-avveniment kemm fl-1908 u anki fl-1912.

Il-FIFA, fl-1906, ippruvat torganizza turnew internazzjonali tal-futbol bejn pajjiżi 'l barra mill-qafas Olimpiku u dan sar ġewwa l-Iżvizzera. Dan kien żmien kmieni ħafna għall-futbol internazzjonali u l-istorja uffiċjali tal-FIFA tiddeskrivi dan it-tentattiv bħala falliment.[5]

Bl-avveniment Olimpiku jkompli jinvolvi biss timijiet dilettanti, kompetizzjonijiet li jiġu kkontestati minn timijiet professjonali bdew jidhru wkoll f'dan l-istadju. It-Torneo Internazionale Stampa Sportiva li sar f'Turin ġewwa l-Italja, fl-1908, kien fost l-ewwel u s-sena ta' wara Sir Thomas Lipton organizza s-Sir Thomas Lipton Trophy, li sar ukoll ġewwa Turin. Iż-żewġ kompetizzjonijiet intlagħbu bejn klabbs individwali (mhux timijiet nazzjonali), kull wieħed rappreżentant ta' pajjiż sħiħ.

Fl-1914, il-FIFA qabblet li tirrikonoxxi t-turnew Olimpiku bħala "kampjonat dinji tal-futbol għal dilettanti",[6] u ħadet ir-responsabilità li torganizza l-avveniment. Dan wassal għall-ewwel kompetizzjoni tal-futbol interkontinentali fl-Olimpjadi tas-sajf 1920, mirbuħa mill-Belġju. L-Urugwaj segwew b'żewġ rebħiet konsekuttivi fl-1924 u fl-1928. Fl-1928 kien deċiż min-naħa tal-FIFA li tospita t-turnew internazzjonali tagħhom. Bl-Urugwaj ikunu ċampjins uffiċjali għal darbtejn infila u ftit 'il bogħod miċ-ċelebrazzjoni miċ-ċentenarju mill-indipedenza fl-1930, FIFA għażlet lill-Urugwaj bħala l-organizzatur.

L-ewwel Tazza tad-Dinja[immodifika | immodifika s-sors]

Estadio Centenario, il-post fejn saret il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1930 f'Montevideo, l-Urugwaj

L-Olimpjadi tas-sajf tal-1932 li saru ġewwa Los Angeles ma kienx mistenni li fil-programm ta' logħob jiġi nkluż il-futbol minħabba li l-logħba tal-futbol ma kinitx tgawdi minn popolarità kbira fl-Istati Uniti. Il-FIFA u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali unanimament ma qablux fuq l-istat ta' plejers dilettanti, u dawn ġew imwaqqgħin mil-Logħob.[7] Il-president tal-FIFA Jules Rimet beda jipprepara għall-edizzjoni inawgurali tat-Tazza tad-Dinja li kellha ssir fl-Urugwaj fl-1930. L-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' numru partikulari ta' pajjiżi ġew mistiedna li jibgħatu tim, imma l-għażla tal-Urugwaj bħala l-post fejn kienet se ssir il-kompetizzjoni fissret li għal timijiet Ewropej dan kien se jkun vjaġġ twil u għali. Fil-fatt, l-ebda pajjiż Ewropew ma kkonferma li kien se jibgħat tim, sakemm xahrejn qabel il-bidu tal-kompetizzjoni Rimet irnexxielu jipperswadi lil timijiet mill-Belġju, Franza, ir-Rumanija, u l-Jugożlavja sabiex jagħmlu dan il-vjaġġ. Kienu tlettax-il tim li ħadu sehem — sebgħa mill-Amerika t'Isfel, erbgħa mill-Ewropa u tnejn mill-Amerika ta' Fuq.

L-ewwel żewġ partiti tat-Tazza tad-Dinja ħadu post fit-13 ta' Lulju 1930, u kienu jinvolvu lil Franza u l-Istati Uniti, li għelbu lill-Messiku 4–1 u l-Belġju 3–0 rispettivament. L-ewwel gowl fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja ġie skurjat minn Lucien Laurent ta' Franza. Erbat ijiem wara ġiet skurjata l-ewwel tripletta fit-Tazza tad-Dinja mill-Amerikan Bert Patenaude fir-rebħa tal-Istati Uniti ta' 3–0 kontra l-Paragwaj. Fil-finali, l-Urugwaj għelbet lill-Arġentina 4–2 quddiem folla ta' 93,000 f'Montevideo, biex b'hekk sar l-ewwel pajjiż li rebaħ it-Tazza tad-Dinja.

1934–1938[immodifika | immodifika s-sors]

1934[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tazza tad-Dinja 1934 saret ġewwa l-Italja, u kienet l-ewwel Tazza tad-Dinja li fiha inkludiet il-fażi ta' kwalifika. Sittax-il tim ikkwalifikaw għall-fażi finali, numru li baqa' l-istess sas-sena 1982 meta dan l-istess numru ta' parteċipanti ġie estiż. L-Urugwaj, rebbieħa tal-edizzjoni preċedenti, kienu għadhom diżappuntati wara l-prestazzjoni tal-Ewropej fl-1930, u ibbojkotjaw it-Tazza tad-Dinja 1934. Il-Bolivja u l-Paragwaj kienu assenti, sabiex din is-sitwazzjoni poġġiet lill-Arġentina u lill-Brażil mal-ewwel fil-fażi finali mingħajr il-bżonn li jilgħabu logħba ta' kwalifika. L-Eġittu sar l-ewwel tim Afrikan li kkompeta, però tilef kontra l-Ungerija fl-ewwel rawnd. L-Italja rebħu dan it-turnew, imma kellhom isibu quddiem wiċċhom kritika ħarxa fuq kif it-Taljani kienu aktar privileġġati fil-grawnd, b'Benito Mussolini jistqarr li kien influwenza l-għażla tar-referis għall-partiti tat-Taljani.[8]

1938[immodifika | immodifika s-sors]

Għal darb'oħra, it-Tazza tad-Dinja 1938 saret fl-Ewropa b'diżappunt kbir min-naħa tas-Sud-Amerikani, fejn l-Urugwaj u l-Arġentina bbojkotjaw din l-edizzjoni. Għall-ewwel darba fl-istorja r-rebbieħ tal-edizzjoni preċedenti u l-ospitu tal-kompetizzjoni ngħataw post awtomatiku fil-fażi finali. Wara logħba ta' spareġġ kontra l-Latvja, l-Awstrija qatgħet passaġġ dirett lejn il-finali imma minħabba l-Anschluss f'April tal-1938, ma setgħetx tieħu sehem. Posthom ġie offrut lill-Ingilterra li min-naħa tagħha rrifjutat. Din ħalliet biss ħmistax-il pajjiż jikkompeti. Franza, li żammet ġewwa darha din il-kompetizzjoni, ma rebħitx din l-edizzjoni fejn b'hekk din kienet l-ewwel darba li pajjiż ospitu ma rebaħx dan it-turnew. Kienu l-Italja li żammew it-titlu għandhom wara li fil-finali għelbu lill-Ungerija. L-attakkant Pollakk Ernest Willimowski sar l-ewwel plejer li skorja erba' gowls f'logħba tat-Tazza tad-Dinja fit-telfa tal-Polonja bl-iskor ta' 6–5 kontra l-Brażil.

Il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tazza tad-Dinja tal-FIFA kienet skedata li ssir fl-1942. Fit-23 Kungress tal-FIFA li sar fit-13 ta' Awwissu 1936 f'Berlin, il-Ġermanja tefgħet uffiċjalment l-applikazzjoni tagħha. F'Ġunju tal-1939, il-Brażil applika wkoll biex jospita dan it-turnew. Madanakollu, wara l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-pjanijiet futuri għat-Tazza tad-Dinja 1942 ġew imħassra. Il-konsegwenzi xejn sbieħ ta' wara l-gwerra waslu wkoll għat-tħassir tat-turnew tal-1946.

1950–1978[immodifika | immodifika s-sors]

1950[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kompetizzjoni tkompliet fl-1950, fl-edizzjoni li saret ġewwa l-Brażil, li kienet l-ewwel darba li rat parteċipanti Brittaniċi. It-timijiet Brittaniċi kienu rtiraw mill-FIFA fl-1920 minħabba li ma kienux lesti li jilgħabu kontra pajjiżi li jinsabu fi gwerra magħhom, u anke bħala protesta kontra influwenza barranija fil-futbol, imma reġgħet ingħaqdet fl-1946 wara invit min-naħa tal-FIFA. Madanakollu, il-parteċipazzjoni tal-Ingilterra ma kinitx se tkun wisq feliċi. L-Ingliżi naqsu li jagħmluha mal-aħħar grupp f'kampanja li kienet tinkludi telfa b'sorpriża kontra l-Istati Uniti bl-iskor ta' 1–0, minkejja li rapporti tal-aħbarijiet ħasbu li r-riżultat ta' 1–0 kien xi żball u li fil-fatt l-Ingilterra kienu rebħu 10–0.

Trofew[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Reġina Eliżabetta II tippreżenta t-trofew Jules Rimet lill-kaptan tat-tim nazzjonali Ingliż, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-1966, Bobby Moore

Mill-1930 sal-1970, ir-rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja kienu jiġu premjati bit-Trofew Jules Rimet. Oriġinarjament magħruf sempliċiment bħala World Cup jew Coupe du Monde, dan it-trofew fl-1947 kien ġie msemmi wara l-president tal-FIFA Jules Rimet li kien hu l-idea wara l-bidu tal-ewwel edizzjoni ta' din il-kompetizzjoni. Fl-1970, it-tielet rebħa tal-Brażil f'din il-kompetizzjoni tathom id-dritt li jżommu t-trofew għal dejjem. Madanakollu, it-trofew kien misruq fl-1983 u qatt ma nstab, fejn apparentament dan kien ġie imdewweb mill-ħallelin.[9]

Wara l-1970, trofew ġdid magħruf aħjar bħala it-Trofew tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, ġie ddisinjat. Esperti tal-FIFA minn seba' pajjiżi differenti evalwaw it-53 mudell preżentat, u fl-aħħar ġie magħżul ix-xogħol tad-disinjatur Taljan Silvio Gazzaniga. It-trofew il-ġdid għandu tul ta' 36 ċm, magħmul minn deheb solidu ta' 18-il karatt u jiżen 6.175 kg. In-naħa t'isfel tat-trofew iżżomm is-sena u l-isem ta' kull rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja mill-1974 'il quddiem. Id-deskrizzjoni ta' dan it-trofew skont l-istess Gazzaniga hi: "Il-linji joħorġu mill-bażi, jitilgħu fi spirali, u jestendu sabiex jirċievu lid-dinja. Mit-tensjonijiet dinamiċi tal-ġisem kompatt tal-iskultura joħorġu l-figuri ta' żewġ atleti fil-mument tar-rebħa."[10]

Dan it-trofew il-ġdid ma jingħatax għal dejjem lill-pajjiżi rebbieħa, però jingħataw replika miksija bid-deheb minflok l-oriġinali bid-deheb solidu.[11]

Riżultati[immodifika | immodifika s-sors]

Sena Ospitant Rebbieħa Riżultat It-tieni post It-tielet post Riżultat Ir-raba' post Numru ta' timijiet
1930 Urugwaj
Urugwaj
4–2
Arġentina

Stati Uniti
[a]
Jugożlavja
13
1934 Italja
Italja
2–1 (ħ.b.)
Ċekoslovakkja

Ġermanja
3–2
Awstrija
16
1938 Franza
Italja
4–2
Ungerija

Brażil
4–2
Żvezja
15
1950 Brażil
Urugwaj
[b]
Brażil

Żvezja
[b]
Spanja
13
1954 Żvizzera
Ġermanja tal-Punent
3–2
Ungerija

Awstrija
3–1
Urugwaj
16
1958 Żvezja
Brażil
5–2
Żvezja

Franza
6–3
Ġermanja tal-Punent
16
1962 Ċili
Brażil
3–1
Ċekoslovakkja

Ċili
1–0
Jugożlavja
16
1966 Ingilterra
Ingilterra
4–2
(ħ.b.)

Ġermanja tal-Punent

Portugall
2–1
Unjoni Sovjetika
16
1970 Messiku
Brażil
4–1
Italja

Ġermanja tal-Punent
1–0
Urugwaj
16
1974 Ġermanja tal-Punent
Ġermanja tal-Punent
2–1
Netherlands

Polonja
1–0
Brażil
16
1978 Arġentina
Arġentina
3–1 (ħ.b.)
Netherlands

Brażil
2–1
Italja
16
1982 Spanja
Italja
3–1
Ġermanja tal-Punent

Polonja
3–2
Franza
24
1986 Messiku
Arġentina
3–2
Ġermanja tal-Punent

Franza
4–2 (ħ.b.)
Belġju
24
1990 Italja
Ġermanja tal-Punent
1–0
Arġentina

Italja
2–1
Ingilterra
24
1994 Stati Uniti
Brażil
0–0 (ħ.b.)
(3–2 p.)

Italja

Żvezja
4–0
Bulgarija
24
1998 Franza
Franza
3–0
Brażil

Kroazja
2–1
Netherlands
32
2002 Korea t'Isfel
Ġappun

Brażil
2–0
Ġermanja

Turkija
3–2
Korea t'Isfel
32
2006 Ġermanja
Italja
1–1 (ħ.b.)
(5–3 p.)

Franza

Ġermanja
3–1
Portugall
32
2010 Afrika t'Isfel
Spanja
1–0 (ħ.b.)
Netherlands

Ġermanja
3–2
Urugwaj
32
2014 Brażil
Ġermanja
1–0 (ħ.b.)
Arġentina

Netherlands
3–0
Brażil
32
2018 Russja
Franza
4–2
Kroazja

Belġju
2–0
Ingilterra
32
2022 Qatar
Arġentina
3–3 (ħ.b.)
(4–2 p.)

Franza

Kroazja
2–1
Marokk
32
2026 Kanada
Messiku
Stati Uniti
48

Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]

Noti[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Fl-1930 ma kien hemm l-ebda partita uffiċjali għat-tielet post. Il-FIFA tirrikonoxxi lill-Istati Uniti bħala t-tim li kklassifika fit-tielet post u l-Jugożlavja fir-raba' post skont il-prestazzjoni taż-żewġ timijiet fil-kompetizzjoni.[12]
  2. ^ a b L-aħħar rawnd tal-edizzjoni tal-1950 kienet tikkonsisti minn grupp ta' erba' timijiet. Uffiċjalment ma kien hemm l-ebda finali għal din il-kompetizzjoni, madanakollu, il-logħba bejn l-Urugwaj u l-Brażil hija kkunsidrata bħala l-finali tal-kompetizzjoni.[13][14]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "2006 FIFA World Cup™ broadcast wider, longer and farther than ever before" (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. 2007-02-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-03-23. Miġbur 2009-10-11.
  2. ^ "The first international football match" (bl-Ingliż). BBC. Miġbur 2009-01-17.
  3. ^ "History of FIFA - Foundation". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2009-08-02.
  4. ^ "London, 1908". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2009-01-17.
  5. ^ "History of FIFA – FIFA takes shape". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-03-29. Miġbur 2014-07-12.
  6. ^ "Where it all began". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2006-04-10.
  7. ^ "The Football World Cup — An Introduction" (bl-Ingliż). BBC. Miġbur 2006-03-01.
  8. ^ "Football, fascism and England's Nazi salute" (bl-Ingliż). BBC. Miġbur 2006-04-13.
  9. ^ "Jules Rimet Trophy". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2007-11-19.
  10. ^ "FIFA World Cup Trophy". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2007-11-19.
  11. ^ "FIFA Assets – Trophy". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2007-11-19.
  12. ^ "1930 FIFA World Cup Uruguay". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Miġbur 2018-12-30.
  13. ^ "1950 FIFA World Cup". FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-12-20. Miġbur 2009-03-05.
  14. ^ "FIFA World Cup Finals since 1930" (PDF). FIFA.com (bl-Ingliż). Fédération Internationale de Football Association. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2007-11-29. Miġbur 2009-03-05.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]