Federico Macheda
![]() |
|||
| Informazzjoni personali | |||
|---|---|---|---|
| Isem sħiħ | Federico Macheda | ||
| Twelid | 22 ta' Awwissu 1991 Ruma |
||
| Pajjiż | |||
| Rwol | Attakkant | ||
| Informazzjoni fuq il-klabb | |||
| Klabb kurrenti | Manchester United | ||
| Numru | 41 | ||
| Klabbs ġovanili | |||
| 2006–2007 | Lazio | ||
| 2007–2008 | Manchester United | ||
| Klabbs professjonali* | |||
| Snin | Klabb | Preż | Gwls |
| 2008– | Manchester United | 15 | (4) |
| Tim nazzjonali | |||
| 2009– | Italja U-21 | 5 | (2) |
| * Il-preżenzi u l-gowls fil-karriera professjonali huma validi biss għall-kampjonat domestiku. Aġġornament: 15:56, 28 Novembru 2010 (UTC)~ |
|||
Federico "Kiko" Macheda (Ruma, 22 ta' Awwissu 1991) hu plejer tal-futbol Taljan li jilgħab bħala attakkant ma' Manchester United.
Werrej |
[editja] Karriera
[editja] Bidu tal-karriera
Imwieled Ruma, Macheda beda l-karriera fil-futbol ma' Lazio. Però, minħabba r-regoli Taljani tal-futbol li jipprevjenu li plejers ta' taħt it-tmintax-il sena jiffirmaw kuntratt professjonali, hu ma setax jissieħeb permanentament mal-klabb, u ftit wara għeluq is-sittax-il sena, hu ġie mixtri mit-tim ta' Manchester United tal-Ingilterra, fejn hemmhekk ir-regoli jħallu li jsir xiri ta' plejers minn sittax-il sena 'il fuq. Wara t-trasferiment ta' familtu fl-Ingilterra, hu uffiċjalment ingħaqad mal-klabb fis-16 ta' Settembru 2007, u ngħata borsa ta' studju għal tliet snin fl-Akkademja tal-klabb.
[editja] Manchester United
Hu ngħaqad mal-ewwel mat-tim ta' taħt it-tmintax-il sena ta' Manchester United, u skorja l-uniku gowl tal-partita fid-debutt tiegħu fir-rebħa ta' 1–0 kontra Barnsley, nhar il-15 ta' Settembru 2007. Fl-ewwel staġun tiegħu hu spiċċa bħala l-aqwa skorer tat-tim bi tnax-il gowl f'21 dehra, u wasal ukoll biex jagħmel debutt mat-tim tar-riservi fis-26 ta' Frar 2008, meta daħal bħala sostitut fit-68 minuta għal Gerard Piqué fit-telfa ta' 2–0 kontra Liverpool. Fit-12 ta' Mejju 2008, Macheda rċieva midalja wara r-rebħa fil-finali tal-Manchester Senior Cup kontra Bolton Wanderers.
F'għeluq is-sbatax-il sena, Macheda iffirma l-ewwel kuntratt professjonali ma' Manchester United. Fl-istaġun 2008–09, hu kompla mat-tim ta' taħt it-tmintax, waqt li għamel xi dehriet mat-tim tar-riservi. Lejn tmiem l-istaġun, Macheda beda isib aktar post mat-tim tar-riservi, fejn skorja ħames gowls f'sitt partiti, u grazzi għal din il-forma ġie magħżul mal-ewwel tim għall-partita kontra Aston Villa tal-5 ta' April 2009. B'United 2–1 minn taħt u bi bżonn ta' gowl biex iżommu ħajja l-isfida għat-titlu, il-kowċ Alex Ferguson daħħal lil Macheda minflok Nani ftit wara s-siegħa logħob. Wara li Cristiano Ronaldo kiseb il-pari fit-tmenin minuta, Macheda rebbaħ il-partita b'gowl spettakulari minn tarf il-kaxxa l-kbira fit-tielet minuta ta' ħin miżjud.[1]
Wara li ġie msejjaħ fil-bankina għall-ewwel leg tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League kontra Porto, hu għamel it-tieni apparenza mal-klabb fil-partita mill-kampjonat kontra Sunderland. Bi kwarta minn tmiem il-partita, Macheda daħal minflok Dimitar Berbatov u b'inqas minn 61 sekonda fil-grawnd hu skorja għat-tieni darba fil-karriera tiegħu ma' United, fejn xellef xutt ta' Michael Carrick li spiċċa fix-xibka.[2] B'Alex Ferguson iserraħ ħafna mill-istilel tiegħu għas-semifinali tal-FA Cup kontra Everton tad-19 ta' April 2009, Macheda ingħata l-opportunità li jibda' mill-ewwel minuta. Però, Macheda naqas li jiskorja u ġie sostitwit aktar tard fil-bidu tal-ħin supplementari minn Dimitar Berbatov.[3] L-ewwel partita mal-ewwel ħdax fil-Premier League waslet kontra Middlesbrough fir-rebħa ta' 2–0, ta' nhar it-2 ta' Mejju 2009, imma naqas li jispiċċa fost l-iskorers u ġie sostitwit għaxar minuti fit-tieni taqsima.[4]
L-istaġun 2009–10 ta' Macheda beda b'dehriet fit-tielet u r-raba' rawnd tal-League Cup kontra Wolverhampton Wanderers u Barnsley rispettivament. Hu ddebutta fic-Champions League fit-3 ta' Novembru kontra CSKA Moscow. Nhar it-2 ta' Diċembru, 2009, Macheda iffirma kuntratt ta' erba' snin li se jżommu mal-klabb sa Ġunju tal-2014.[5] Lejn l-aħħar tas-sena, Macheda weġġa' u kellu joqgħod barra mil-logħob sal-21 ta' Jannar, meta rritorna fil-partita tar-riservi kontra Sunderland. L-ewwel dehra tiegħu fil-kampjonat għal dan l-istaġun waslet fir-rebħa ta' 4–0 kontra Bolton fis-27 ta' Marzu, fejn ħa post Ryan Giggs fl-84 minuta. B'Wayne Rooney mweġġa' wara l-konfront kontra Bayern Munich miċ-Champions League, Macheda ġie msejjaħ fuq il-bankina għal-logħba kontra Chelsea tat-3 ta' April, valida għall-Premier League. B'United 1–0 minn taħt, Macheda ġie introdott fit-72 minuta; Chelsea skurjaw it-tieni gowl fid-79 minuta, qabel ma Macheda skorja gowl ta' konsolazzjoni żewġ minuti wara.
Nhar it-13 ta' Novembru, Macheda skorja l-ewwel gowl tiegħu għall-istaġun 2010–11 fejn għen lil United jirkupraw żewġ gowls minn taħt, meta skorja l-ewwel gowl fil-pari ta' 2–2 barra minn darhom kontra Aston Villa.[6]
[editja] Statistika
| Klabb | Staġun | Kampjonat | Tazza | League Cup | Ewropa | Oħrajn | Total | ||||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| Preż | Gowls | Preż | Gowls | Preż | Gowls | Preż | Gowls | Preż | Gowls | Preż | Gowls | ||
| Manchester United | 2008–09 | 4 | 2 | 1 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 5 | 2 |
| 2009–10 | 5 | 1 | 0 | 0 | 3 | 0 | 2 | 0 | 0 | 0 | 10 | 1 | |
| 2010–11 | 6 | 1 | 0 | 0 | 2 | 0 | 2 | 0 | 0 | 0 | 10 | 1 | |
| Total | 15 | 4 | 1 | 0 | 5 | 0 | 4 | 0 | 0 | 0 | 25 | 4 | |
Statistika korretta sal-20 ta' Novembru 2010.
[editja] Referenzi
- ^ (Ingliż) Ian Hughes. "Man Utd 3-2 Aston Villa", BBC Sport, 05-04-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Nabil Hassan. "Sunderland 1-2 Man Utd", BBC Sport, 11-04-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 11-04-2009.
- ^ (Ingliż) Phil McNulty. "Man Utd 0-0 Everton (aet)", BBC Sport, 19-04-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 04-05-2009.
- ^ (Ingliż) Saj Chowdhury. "Middlesbrough 0-2 Man Utd", BBC Sport, 02-05-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 04-05-2009.
- ^ (Ingliż) "Federico Macheda signs new Manchester United deal", BBC Sport, 02-12-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 02-12-2009.
- ^ (Ingliż) "Aston Villa 2-2 Man Utd", BBC Sport, 02-12-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 02-12-2009.
[editja] Ħoloq esterni
- Statistika fuq Soccerbase.com
- Profil fuq ManUtd.com
|
|||||
