Fernando Torres
| Informazzjoni personali | |||
|---|---|---|---|
| Isem sħiħ | Fernando José Torres Sanz | ||
| Twelid | 20 ta' Marzu 1984 Madrid |
||
| Pajjiż | |||
| Tul | 1.85 m | ||
| Rwol | Attakkant | ||
| Informazzjoni fuq il-klabb | |||
| Klabb kurrenti | Chelsea | ||
| Numru | 9 | ||
| Klabbs ġovanili | |||
| 1995–2001 | Atlético de Madrid | ||
| Klabbs professjonali* | |||
| Snin | Klabb | Preż | Gwls |
| 2001–2007 | Atlético de Madrid | 214 | (84) |
| 2007–2011 | Liverpool | 102 | (65) |
| 2011– | Chelsea | 13 | (1) |
| Tim nazzjonali | |||
| 2003– | Spanja | 84 | (26) |
| * Il-preżenzi u l-gowls fil-karriera professjonali huma validi biss għall-kampjonat domestiku. Aġġornament: 09:11, 22 Mejju 2011 (UTC) |
|||
Fernando José Torres Sanz[1] (Madrid, 20 ta' Marzu 1984) hu plejer tal-futbol Spanjol li jilgħab mat-tim tal-Premier League ta' Chelsea, u mat-tim nazzjonali Spanjol bħala attakkant.
Hu beda l-karriera tiegħu ma' Atlético Madrid, wara li tela' mit-timijiet ġovanili. Id-debutt professjonali tiegħu wasal fl-2001 u temm il-karriera tiegħu mal-klabb b'174 apparenza fil-La Liga u b'75 gowl, fejn ingħata l-laqam ta' El Niño ("It-Tfajjel") matul il-perjodu li qatta' fil-kampjonat Spanjol. Qabel dan, Torres kien lagħab żewġ staġuni fis-Segunda División, fejn f'40 dehra skorja 7 gowls. Fl-2007 hu ngħaqad ma' Liverpool, wara li l-klabb ħallas somma rekord għas-servizzi tiegħu u mmarka l-ewwel staġun mal-klabb billi sar l-ewwel plejer li skorja aktar minn 20 gowl fil-kampjonat għall-klabb fi staġun, minn mindu Robbie Fowler għamel dan fl-1995–96.
Hu hu wkoll plejer internazzjonali Spanjol u għamel id-debutt tiegħu kontra l-Portugall fl-2003. Sa issa, hu deher fi tliet kompetizzjonijiet kbar; il-Kampjonati Ewropej 2004, it-Tazza tad-Dinja 2006 u l-Kampjonati Ewropej 2008. Fit-turnew tal-2004 hu ma setax isib ix-xibka għal Spanja, imma irnexxielu jagħeml dan għal tliet darbiet fit-Tazza tad-Dinja 2006. Torres niżżel ismu fl-istorja tal-Kampjonati Ewropej meta skorja l-gowl rebbieħ ta' Spanja fir-rebħa ta' 1–0 kontra l-Ġermanja fil-finali tal-Kampjonati Ewropej 2008.
Werrej |
[editja] Bidu tal-karriera
Torres, imwieled f'Madrid, interessa ruħu fil-futbol minn mindu kien tifel żgħir u fl-età ta' ħames snin ingħaqad ma' Parque 84.[2] Missieru José kien jaħdem matul it-tfulija ta' Torres u ommu Flori kellha kuljum twasslu għat-taħriġ tal-futbol.[3] Nannuh ma kienx xi fanatiku fuq il-futbol, imma xorta waħda rawmu biex isir partitarju ta' Atlético Madrid, u minnu, Torres wiret l-imħabba lejn it-tim Madrilen.[2]
Oriġinarjament, Torres ried isir gowler, il-pożizzjoni li ħuh kien jilgħab fiha.[4] Madanakollu, meta kellu seba' snin hu beda jilgħab regularment bħala attakkant f'kampjonat għall-klabb ġar tiegħu, Mario’s Holland.[2] Tliet snin wara, meta kellu għaxar snin, hu beda jilgħab ma' Ray 13.[5] Wara staġun impressjonanti mal-klabb il-ġdid, fejn skorja 55 gowl, TOrres kien wieħed minn tliet plejers ta' Rayo 13 li ngħataw żmien ta' prova ma' Atlético Madrid.[5] Hu mpressjonahom u fl-1995, fl-età ta' ħdax-il sena, ingħaqad mal-klabb.[5]
[editja] Karriera
[editja] Atlético Madrid
Wara li tela' mit-timijiet ġovanili, Torres rebaħ l-ewwel trofew ġovanili importanti fl-1998. Atlético Madrid bagħtu tim ta' taħt il-ħmistax il-sena biex jikkompeti fin-Nike Cup, kemm dik domestika u anki dik Ewropea, biex jilgħabu ma' timijiet oħra ta' klabbs prominenti oħra. Atlético rebħu dan it-turnew.[5][6] Hu ġie vvutat bħala l-aqwa plejer fl-Ewropa ta' dik l-età.[6] Fl-1999, meta kellu ħmistax-il sena, Torres iffirma l-ewwel kuntratt professjonali ma' Atlético Madrid.[5] Hu qatta' l-ewwel sena jilgħab mat-tim taż-żgħażagħ u wara mexa biex jipparteċpa fid-División de Honor.[7] L-istaġun 2000–01 beda fuq nota negattiva hekk kif Torres kiser saqajh u kellu jibqa' barra mill-azzjoni sa Diċembru.[7] Id-debutt tiegħu wasal fis-27 ta' Mejju 2001, fl-Istadju Vicente Calderón, kontra Leganés.[7] Ġimgħa wara, hu skorja l-ewwel gowl mal-klabb kontra Albacete u l-istaġun spiċċa bl-Atlético jonqsu għal ftit il-promozzjoni għal-La Liga.[7]
L-istaġun 2001–02 ra lil Atlético jirbħu l-promozzjoni lura lejn il-La Liga, fejn dan kien staġun fqir għal Torres, fejn minn 36 apparenza skorja sitt darbiet fis-Segunda Division.[1] L-ewwel staġun ta' Torres fl-ogħla livell tal-futbol Spanjol, 2002–03, kien wieħed pożittiv hekk kif skorja 12-il darba minn 29 dehra hekk kif Atlético temmew l-istaġun fil-ħdax-il post.[1][7] Fit-tieni staġun tiegħu fil-La Liga, Torres kompla jtejjeb l-abilitajiet tiegħu, fejn skorja 19-il gowl f'35 apparenza,[1] li kien ifisser li spiċċa t-tielet l-aqwa skorer tal-kampjonat.[8] Fl-età ta' dsatax-il sena, hu ngħata l-faxxa ta' kaptan ta' Atlético, biex sar l-iżgħar kaptan fl-istorja ta' Atlético.[6] Atlético naqsu bi ftit li jikkwalifikaw għat-Tazza UEFA, imma billi spiċċa fis-7 post fl-2004 huma kkwalifikaw għat-Tazza Intertoto, fejn taw lil Torres l-ewwel tomgħa tal-kompetizzjonijiet għall-klabbs Ewropej. Iċ-ċampjins tal-Premier League Chelsea kienu interessati fil-firma tal-plejer fl-2005, però l-president ta' Atlético Enrique Cerezo irrimarka li huma ma kellhom "ebda ċans" li jixtruh.[9] Cerezo, f'Jannar tal-2006, qal li l-klabb kien lest li jisma' xi offerti għal Torres, b'Torres jistqarr li Newcastle United kien għamlu offerta għalih f'Marzu.[10][11]
Wara t-Tazza tad-Dinja 2006, liema manifestazzjoni Torres ħa sehem fiha f'isem it-tim nazzjonali Spanjol, hu ammetta li kien irrifjuta li jingħaqad ma' Chelsea fi tmiem l-istaġun 2005–06.[12] Wara l-istaġun 2006–07, fejn skorja 14-il gowl fil-kampjonat,[1] il-futur ta' Torres ma' Atlético kien suġġett għal spekulazzjoni wara li t-tim ma kienx kiseb post awtomatiku fit-Tazza UEFA. Arsenal, Chelsea, Liverpool u Manchester United ilkoll kienu interessati fih,[13] b'rapporti fl-istampa Brittanika jgħidu li Torres kien l-objettiv prinċipali tal-kampanja akkwisti ta' Liverpool.[14] Minkejja li l-president ta' Atlético, Enrique Cerezo, stqarr li ma kienu rċevew l-ebda offerta mit-tim ta' Liverpool,[15] ftit ġranet wara xi rapporti ssuġġerew li Atlético kien qablu ma' Liverpool rigward it-trasferiment ta' Torres; is-somma kellha tkun ta' madwar £25 miljun b'Luis García jitrasferixxi fid-direzzjoni opposta f'negozju ta' trasferiment separat. Fit-30 ta' Ġunju, Atlético ħabbru l-akkwist ta' Diego Forlán mit-tim ta' Villareal, li kellu jidher l-eredi ta' Torres qabel ma t-trasferiment tiegħu kien ġie finalizzat.[16] Fit-3 ta' Lulju, Torres għamel it-test mediku għal Liverpool u kien imħabbar li konferenza stampa se tiġi skedata f'Madrid fl-4 ta' Lulju biex jingħata ringrazzjament lill-benjamini ta' Atlético.[17] Is-somma li tħallset għall-firma ta' Torres hi l-ikbar waħda fl-istorja ta' Torres,[16], u f'Marzu 2008, il-kowċ Rafael Benítez ikkonferma lill-gazzetta The Times li Torres ġie miksub għal somma ta' madwar £20 miljun.[18]
[editja] Liverpool
[editja] 2007–08
Torres iddebutta ma' Liverpool nhar il-11 ta' Awwissu 2007, kontra Aston Villa fir-rebħa ta' 2–1.[19] L-ewwel dehra fiċ-Champions League waslet erbat ijiem wara fir-rebħa ta' 1–0 kontra Toulouse, hekk kif daħal bħala sostitut fid-79 minuta.[20] L-ewwel gowl tiegħu wasal fid-debutt tiegħu f'Anfield nhar id-19 ta' Awwissu, meta skorja fis-16-il minuta kontra Chelsea, partita li ntemmet pari ta' 1–1.[21] L-ewwel tripletta tiegħu waslet f'Settembru fir-rebħa ta' 4–2 kontra Reading fil-League Cup, bil-gowls kollha jaslu fit-tieni taqsima.[22] L-ewwel gowls fiċ-Champions League waslu fit-tielet apparenza tiegħu f'din il-kompetizzjoni meta Liverpool għelbu lil Porto 4–1, fejn ħalla l-marka tiegħu għal darbtejn.[23]
Hu rebaħ l-unur tal-plejer tax-xahar tal-Premier League għax-xahar ta' Frar,[24] li matulu irnexxielu jiskorja erba' gowls f'żewġ logħbiet, fosthom tripletta kontra Middlesbrough nhar it-23 ta' Frar 2008.[25] Din it-tripletta u oħra fir-rebħa ta' 4–0 kontra West ham United fil-5 ta' Marzu 2008 fissret li sar l-ewwel plejer ta' Liverpool li qatt skorja tripletta f'partiti suċċessivi ġewwa daru, minn mindu Jackie Balmer għamel dan f'Novembru tal-1946.[26] Aktar tard f'Marzu, wara li skorja fis-47 minuta permezz ta' daqqa ta' ras kontra Reading, hu sar l-ewwel plejer ta' Liverpool li skorja aktar minn 20 gowl fil-kampjonat minn mindu Robbie Fowler kien wasal sal-istess stadju lura fl-istaġun 1995–96.[27] F'April, hu skorja gowl ieħor fiċ-Champions League, din id-darba fit-tieni leg tal-kwarti tal-finali kontra Arsenal, biex ta lil Liverpool post fis-semifinali.[28] Dan il-gowl kien id-29 wieħed fil-kompetizzjonijiet kollha għal dak l-istaġun, fejn għeleb ir-rekord personali ta' Michael Owen għan-numru ta' gowls fi staġun wieħed.[25][29] Fil-11 ta' April 2008, ġie mħabbar li Torres kien imniżżel fost il-kandidati għar-rebħ tal-Plejer tas-Sena tal-PFA,[30] unur li eventwalment kien mirbuħ minn Cristiano Ronaldo ta' Manchester United.[31] L-internazzjonali Spanjoli kien ukoll nominat għall-unur tal-Plejer Żagħżugħ tas-Sena, li kien mirbuħ minn Cesc Fàbregas ta' Arsenal, u ġie msemmi fit-Tim tas-Sena tal-PFA.[31] F'Mejju, hu spiċċa t-tieni wara Ronaldo għall-unur tal-Plejer tas-Sena tal-FWA.[32]
Nhar l-4 ta' Mejju 2008, Torres skorja il-gowl rebbieħ fis-57 minuta fil-konfront kontra Manchester City, gowl li ugwalja r-rekord ta' Anfield ta' tmien partiti konsekuttivi li fihom ħalla l-marka tiegħu, rekord li preċedentament kien f'idejn Roger Hunt.[33] Wara li skorja l-24 gowl personali fil-kampjonat fl-aħħar ġurnata tal-istaġun, fir-rebħa ta' 2–0 fuq Tottenham Hotspur, hu għamel rekord ġdid bħala l-aktar attakkant prolifiku ta' kull żmien fl-istaġun debuttanti fl-Ingilterra, fejn għeleb dan ir-rekord li kien ta' Ruud van Nistelrooy (23 gowl).[25][34] Hu u Emmanuel Adebayor spiċċaw fit-tieni post bl-istess numru ta' gowls fil-klassifika tal-aqwa skorers tal-Premier League.[35] Kien hemm spekulazzjoni kbira li Chelsea kienu lesti li joffru £50 miljun għal Torres, però hu rrisponda billi qal li se jgħaddu "ħafna snin" qabel ma jitlaq lil Liverpool.[36][37]
[editja] 2008–09
Torres għamel bidu mill-aqwa għall-istaġun 2008–09 tal-Premier League, fejn skorja l-uniku gowl fir-rebħa ta' Liverpool barra minn darhom kontra Sunderland.[38] Fil-pari ta' 0–0 kontra Aston Villa, hu ġibed il-hamstring u kellu joqgħod barra mil-logħob bejn ġimgħatejn u tliet ġimgħat. Ir-ritorn tiegħu wasal fir-rebħa kontra Marseille f'partita taċ-Champions League,[39] u kompla biex skorja doppjetta fid-derbi ta' Merseyside kontra Everton biex ta lil Liverpool rebħa ta' 2–0.[40] Doppjetta oħra segwiet din id-darba kontra Manchester City f'rebħa ta' 3–2 ġewwa s-City of Manchester Stadium,[41] fejn l-ewwel wieħed minnhom kien l-elf gowl ta' Liverpool fil-Premier League.[42] Matul logħba mill-fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2010, hu weġġa' u kellu jitlef tliet partiti għal Liverpool,[43] fosthom tilef il-laqgħa mill-ġdid mal-klabb preċedenti tiegħu Atlético Madrid fiċ-Champions League.[44] Nhar is-27 ta' Ottubru, hu ġie msemmi fit-tim tal-FIFPro World XI għall-istaġun 2007–08.[45]
Ir-ritorn tiegħu wasal bħala sostitut fir-rebħa ta' 3–0 fuq West Bromwich Albion FCWest Bromwich Albion.[46] Hu stqarr li jkun interessat li jirritorna lura lejn Atlético, fejn qal "Ma nafx jekk nirtirax hemmhekk, imma nixtieq li mmur lura u nlesti xi affarijiet li għad iridu jsiru."[47][48] F'Novembru, għal darb'oħra kellu jdum barra mil-logħob bejn ġimgħatejn u tliet ġimgħat wara r-rebħa ta' 1–0 kontra Marseille, perjodu li wara ġie estiż għal erba' ġimgħat.[49] F'Diċembru, hu ġie msemmi fost il-kandidati għall-unur tal-Plejer tas-Sena tal-FIFA,[50] u eventwalment spiċċa fit-tielet post wara Ronaldo u Lionel Messi.[51] Torres irritorna fl-azzjoni fit-3 ta' Jannar 2009 bħala sostitut fir-rebħa kontra Preston North End, fejn ħalla wkoll il-marka tiegħu permezz ta' gowl, l-ewwel wieħed tiegħu fl-FA Cup.[52] Nhar l-1 ta' Frar, hu skorja żewġ gowls fl-aħħar minuti tal-konfront kontra Chelsea, partita mirbuħa 2–0 mit-tim ta' Liverpool.[53] Wara madwar sena u nofs mal-klabb, il-gazzetta The Times semmietu fil-50 post mil-lista tal-"50 l-aqwa plejer ta' Liverpool", fejn wera biċ-ċar l-impatt li ħalla f'Liverpool f'perjodu daqshekk żgħir.[54]
Torres affaċċja lir-rivali qodma tiegħu Real Madrid nhar l-10 ta' Marzu 2009 fil-fażi tal-aħħar sittax taċ-Champions League. Torres, minkejja li lagħab b'uġigħ fl-irkoppa, skorja l-ewwel gowl tal-partita u ngħata wkoll l-unur tal-plejer tal-partita, hekk kif il-partita spiċċat 4-0 f'favur Liverpool.[55] Erbat ijiem wara Torres skorja għall-ewwel darba kontra Manchester United, fejn kiseb il-gowl tal-pari fir-rebħa ta' Liverpool ta' 4–1.[56] Hu ġie msejjaħ fit-Tim tas-Sena tal-PFA għat-tieni sena konsekuttiva f'April tal-2009.[57] Torres skorja l-50 gowl tiegħu għal Liverpool fl-24 ta' Mejju kontra Tottenham Hotspur fl-aħħar ġurnata tal-istaġun 2008–09, fejn kienet l-84 dehra tiegħu.[58]
[editja] 2009–10
Fi tmiem l-istaġun Torres qabel li jestendi l-kuntratt tiegħu, li dan għamlu fl-14 ta' Awwissu.[59] B'dan il-kuntratt, Liverpool żiedu s-salarju tiegħu għal £110,000 fil-ġimgħa.[60] Torres skorja l-ewwel tripletta tal-istaġun 2009–10 fir-rebħa ta' 6–1 kontra Hull City ġewwa Anfield.[61] Fit-2 ta' Ottubru 2009, Torres ġie msejjaħ Plejer tax-Xahar għal Settembru, wara li skorja 5 gowls f'Settembru u jsir l-aqwa skorer tal-Premier League.[62] Għat-tieni sena konsekuttiva ġie mniżżel fil-FIFPro World XI. Il-gowl tiegħu fl-aħħar minuti kontra Aston Villa fid-29 ta' Diċembru 2009 għamluh l-iktar plejer fl-istorja tal-klabb li laħaq il-50 gowl fl-inqas logħbiet. L-aħħar dehra għall-istaġun kienet fir-rebħa ta' 4–1 tat-8 ta' April kontra Benfica fit-Tazza UEFA (fejn skorja doppjetta), u għaxart ijiem wara ħarġet l-aħbar li kien se jitlef l-istaġun kollu minħabba kirurġija li kellu bżonn f'irkopptu.[63] B'hekk temm l-istaġun għal darb'oħra bħala l-aqwa skorer ta' Liverpool, bi 22 gowl minn 32 logħba.
[editja] 2010–11
Wara l-ħatra ta' Roy Hodgson bħala l-kowċ il-ġdid ta' Liverpool għall-istaġun 2010–11, l-istess kowċ saħaq fuq kif Torres ma kienx għall-bejgħ u xejjen rapporti li l-plejer kien se jitlaq 'il-klabb.[64] Torres stess saħħaħ l-impenn tiegħu mal-klabb fit-3 ta' Awwissu, fejn qal "L-impenn tiegħi u l-lealtà lejn il-klabb u l-partitarji hija l-istess bħalma kienet fl-ewwel ġurnata meta iffirmajt."[65] L-ewwel gowl għal dan l-istaġun wasal fid-29 ta' Awwissu, hekk kif il-gowl tiegħu sarraf f'rebħa prezzjuża ta' 1–0 kontra West Bromwich Albion.[66] It-tieni gowl tiegħu kellu jtemm nixfa ta' iktar minn xahar mingħajr ma jsib ix-xibka, meta fl-24 ta' Ottubru skorja l-gowl tar-rebħa kontra Blackburn Rovers. Fis-7 ta' Novembru, skorja ż-żewġ gowls kontra Chelsea fir-rebħa ta' 2–0.
[editja] Chelsea
Nhar it-28 ta' Jannar 2011, Torres għamel rikjesta għal trasferiment lil Liverpool, li ġiet irrifjutata.[67] Fl-aħħar ġurnata tas-suq ta' trasferimenti, Liverpool aċċettaw l-offerta rekord ta' €58.5 miljun mit-tim ta' Chelsea, u Torres ġie uffiċjalment preżentat bħala plejer tal-Blues fejn iffirma kuntratt ta' ħames snin.[68] L-ewwel gowl mal-klabb wasal fit-23 ta' April fir-rebħa ta' 3–0 kontra West Ham United, li temmet serje negattiva ta' 903 minuti mingħajr gowl.
[editja] Internazzjonali
Fl-2003, Torres ingħata l-ewwel sejħa mat-tim nazzjonali Spanjol, u nhar is-6 ta' Settembru 2003 iddebutta f'logħba ta' ħbiberija kontra l-Portugall.[1] L-ewwel gowl tiegħu għal Spanja wasal kontra l-Italja fit-28 ta' April 2004.[1] Hu kien magħżul bħala parti mill-kontinġent Spanjol għall-Kampjonati Ewropej 2004, imma deher biss bħala sostitut fl-aħħar minuti tat-tieni partita ta' Spanja fil-fażi tal-gruppi, minkejja li lagħab id-disgħin minuta fil-partita deċiżiva kontra l-Portugall; Spanja tilfu 1–0 u ġew eliminati.[1]
Hu skorja seba' gowls fi ħdax-il apparenza fil-kwalifiki għat-Tazza tad-Dinja 2006,[69] fejn b'hekk kien l-aqwa skorer ta' Spanja matul il-fażi ta' kwalifikazzjoni. Fl-ewwel dehra tiegħu fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja, fl-edizzjoni tal-2006 li saret fil-Ġermanja, Torres skorja l-aħħar gowl fir-rebħa ta' 4–0 fuq l-Ukrajna.[70] Fit-tieni partita, Torres skorja darbtejn kontra t-Tuneżija; l-ewwel fis-76 minuta biex tefa' lil Spanja 2–1 fil-vantaġġ u mbagħad fid-90 minuta minn penalty.[71] Hu spiċċa dan it-turnew bħala l-aqwa skorer ta' Spanja flimkien ma' David Villa, li wkoll skorja tliet gowls.[72]
Torres ġie msejjaħ fl-iskwadra Spanjola għall-Kampjonati Ewropej 2008,[73] fejn assista lil Villa biex jiskorja l-ewwel gowl ta' Spanja f'dan it-turnew fil-partita tal-ftuħ kontra r-Russja.[74] Hu skorja l-gowl tal-ftuħ, l-ewwel wieħed tiegħu f'din l-edizzjoni, fil-partita suċċessiva ta' Spanja; rebħa ta' 2–1 fuq l-Iżvezja.[75] Torres skorja l-gowl rebbieħ u rċieva l-unur tal-Plejer tal-Partita fil-finali kontra l-Ġermanja fir-rebħa ta' 1–0.[76][77] Flimkien ma' sieħbu fuq l-attakk, David Villa, ġie msemmi fit-Tim tat-Turnew.[78]
Nhar it-28 ta' Marzu 2009, Torres għamel is-60 apparenza għall-pajjiż tiegħu kontra t-Turkija fejn sar l-iżgħar plejer li laħaq din iċ-ċifra ta' preżenzi.[79] Hu ġie msejjaħ fi ħdan l-iskwadra Spanjola għat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet 2009.[80] Hu skorja tripletta wara biss 17-il minuta f'logħba minn partita mill-fażi tal-gruppi tal-istess kompetizzjoni kontra New Zealand nhar l-14 ta' Ġunju,[81] biex kiser ir-rekord tal-iktar tripletta veloċi minn plejer għat-tim Spanjol.[82] Hu lagħab ukoll fit-telfa ta' 2–0 kontra l-Istati Uniti fis-semifinali,[83] u kif ukoll fil-partita ta' spareġġ għat-tielet u r-raba' post, li Spanja rebħuha 3–2 wara l-ħin barrani.[84]
[editja] Ħajja personali
Torres hu mgħarres lil Olalla Domínguez Liste, fejn ilu f'relazzjoni magħha mill-2001.[85] Fi Frar tal-2009 ġie mħabbar li l-koppja kienet qed tistenna tarbija,[86] li aktar wara kkonfermaw li se tkun tifla.[87]
[editja] Statistika
Korretti sal-15 ta' Mejju 2011
| Klabb | Staġun | Kampjonat | Tazza | League Cup | Ewropa | Total | |||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| Preż | Gowls | Preż | Gowls | Preż | Gowls | Preż | Gowls | Preż | Gowls | ||
| Atlético Madrid | 2000–01 | 4 | 1 | 2 | 0 | – | – | 6 | 1 | ||
| 2001–02 | 36 | 6 | 1 | 1 | – | – | 37 | 7 | |||
| 2002–03 | 29 | 13 | 2 | 1 | – | – | 31 | 14 | |||
| 2003–04 | 35 | 19 | 5 | 2 | – | – | 40 | 21 | |||
| 2004–05 | 38 | 16 | 6 | 2 | – | 5 | 2 | 49 | 20 | ||
| 2005–06 | 36 | 13 | 4 | 0 | – | – | 40 | 13 | |||
| 2006–07 | 36 | 14 | 4 | 1 | – | – | 40 | 15 | |||
| Total | 214 | 82 | 24 | 7 | – | 5 | 2 | 243 | 91 | ||
| Liverpool | 2007–08 | 33 | 24 | 1 | 0 | 1 | 3 | 11 | 6 | 46 | 33 |
| 2008–09 | 24 | 14 | 3 | 1 | 2 | 0 | 9 | 2 | 38 | 17 | |
| 2009–10 | 22 | 18 | 2 | 0 | 0 | 0 | 8 | 4 | 32 | 22 | |
| 2010–11 | 23 | 9 | 1 | 0 | 0 | 0 | 2 | 0 | 26 | 9 | |
| Total | 102 | 65 | 7 | 1 | 3 | 3 | 30 | 12 | 142 | 81 | |
| Chelsea | 2010–11 | 13 | 1 | 0 | 0 | 0 | 0 | 4 | 0 | 17 | 1 |
| Total | 13 | 1 | 0 | 0 | 0 | 0 | 4 | 0 | 17 | 1 | |
| Total tal-karriera | 329 | 148 | 31 | 8 | 3 | 3 | 45 | 14 | 408 | 173 | |
[editja] Dehriet internazzjonali
Korretti sal-25 ta' Marzu 2011
| Tim nazzjonali | Staġun | Preż | Gowls |
|---|---|---|---|
| Spanja | 2003–04 | 10 | 1 |
| 2004–05 | 10 | 2 | |
| 2005–06 | 15 | 10 | |
| 2006–07 | 8 | 1 | |
| 2007–08 | 12 | 3 | |
| 2008–09 | 12 | 5 | |
| 2009–10 | 13 | 2 | |
| 2010–11 | 4 | 2 | |
| Total | 84 | 26 | |
[editja] Unuri
[editja] Klabb
- Segunda División: 2001–02[88]
[editja] Internazzjonali
- Kampjonati Ewropej ta' taħt is-16-il sena: 2001[88]
- Kampjonati Ewropej ta' taħt id-19-il sena: 2002[88]
- Kampjonati Ewropej: 2008[88]
[editja] Individwali
- L-aqwa skorer tan-Nike Cup: 1999[88]
- Plejer tat-Turnew tal-Kampjonati Ewropej ta' taħt is-16-il sena: 2001[88]
- L-aqwa skorer tal-Kampjonati Ewropej ta' taħt is-16-il sena: 2001[88]
- Plejer tat-Turnew tal-Kampjonati Ewropej ta' taħt id-19-il sena: 2003[88]
- L-aqwa skorer tal-Kampjonati Ewropej ta' taħt id-19-il sena: 2003[88]
- Tim tas-Sena tal-PFA: 2007–08[31]
- Plejer tax-Xahar tal-Premier League: Frar 2008[24]
- L-aqwa skorer ta' Liverpool: 2007–08[89]
- Tim tat-Turnew tal-Kampjonati Ewropej: 2008[78]
- FIFPro World XI: 2007–08[45]
[editja] Referenzi
- ^ a b c d e f g h (Ingliż) Torres. FootballDatabase. Aċċess tal-URL: 12-03-2009.
- ^ a b c (Ingliż) Bio. Fernando Torres. Aċċess tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Martin Samuel. "Fernando Torres talks to Martin Samuel: Liverpool's Spain superstar on Kaka, feeling at home and the battle to stop Manchester United's title chase", Daily Mail, 19-01-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Spanjol) "Torres asegura que habría sido "un gran portero"", Marca, 2008-04-17. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ a b c d e (Ingliż) Bio. Fernando Torres. Aċċess tal-URL: 04-04-2009.
- ^ a b c (Ingliż) Lowe, Sid. "Will Torres be Kop's new God or just another Fernando?", The Guardian, 2007-07-04. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ a b c d e (Ingliż) Bio. Fernando Torres
- ^ (Ingliż) Spanish Primera División - Top Scorers - 2003/04. ESPNsoccernet. Aċċess tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Atletico warn Chelsea off Torres", BBC Sport, 28-06-2005. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Atletico prepared to sell Torres", BBC Sport, 24-01-2006. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Newcastle want me, claims Torres", BBC Sport, 16-03-2006. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Tom . "'Flattered' Villa to stay with Che", Sky Sports. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Premiership - Summer transfer latest", Eurosport Yahoo, 17-06-2007. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Torres is Reds' number one target", Liverpool Echo, 20-06-2007. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Atlético deny Torres rumours", Sky Sports, 25-06-2007. Konsultazzjoni tal-URL: 2007-06-30.
- ^ a b (Ingliż) "Liverpool complete Torres signing", BBC Sport, 04-07-2007. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Liverpool wrap up record Torres transfer", The Guardian, 04-07-2007. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Guillem Balague meets Rafa Benitez. Liverpool F.C.. Aċċess tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) John Sinnott. "Aston Villa 1-2 Liverpool", BBC Sport, 11-08-2007. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Mandeep Sanghera. "Toulouse 0-1 Liverpool", BBC Sport, 15-08-2007. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Saj Chowdhury. "Liverpool 1-1 Chelsea", BBC Sport, 19-08-2007. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Andrew McKenzie. "Reading 2-4 Liverpool", BBC Sport, 25-09-2007. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) John Sinnott. "Liverpool 4-1 FC Porto", BBC Sport, 28-11-2007. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ a b (Ingliż) "Moyes & Torres win monthly awards", BBC Sport, 07-03-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ a b c (Ingliż) Fernando Torres. Soccerbase. Aċċess tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Tony Barrett. "Fernando Torres: My pride at Anfield hat-trick record", Liverpool Echo, 06-03-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) John May. "Liverpool 2-1 Reading", BBC Sport, 15-03-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Andrew McKenzie. "Liverpool 4-2 Arsenal (agg 5-3)", BBC Sport, 08-04-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Goalscorers for the 2001-2002 season. LFChistory.net. Aċċess tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Ronaldo tops PFA nominations list", BBC Sport, 11-04-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ a b c (Ingliż) "Ronaldo named player of the year", BBC Sport, 27-04-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Ronaldo wins writers' award again", BBC Sport, 02-05-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Liverpool 1-0 Man City", ESPNsoccernet, 04-05-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Charlie Caroe. "Jose Reina: Fernando Torres will improve", The Telegraph, 06-05-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) English Premier League - Top Scorers - 2007/2008. ESPNsoccernet. Aċċess tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Charlie Caroe. "Chelsea target Liverpool's Spanish striker Fernando Torres with £50 million bid", The Telegraph, 26-05-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Torres pledges long-term future to Reds", ESPNsoccernet, 31-05-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 04-04-2009.
- ^ (Ingliż) Jonathan Stevenson. "Sunderland 0-1 Liverpool", BBC Sport, 16-08-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Mandeep Sanghera. "Marseille 1-2 Liverpool", BBC Sport, 2008-09-16. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Phil McNulty. "Everton 0-2 Liverpool", BBC Sport, 27-09-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Mandeep Sanghera. "Man City 2-3 Liverpool", BBC Sport, 05-10-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Paul Eaton. "Torres nets landmark goal for Reds", Liverpool F.C., 05-10-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Torres ruled out for '10-15 days'", BBC Sport, 16-10-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Phil McNulty. "Atletico Madrid 1-1 Liverpool", BBC Sport, 22-10-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ a b (Ingliż) "Ronaldo voted FIFPro World Player of the Year", UEFA, 27-10-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Ian Hughes. "Liverpool 3-0 West Brom", BBC Sport, 08-11-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Torres open to Atletico return", Sky Sports, 09-11-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ Kliem tradotti minn: "I don't know if I will retire there, but I would like to go back and finish some things that are left to do."
- ^ (Ingliż) "Liverpool hit by Torres setback", BBC Sport, 04-12-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Ronaldo, Torres up for Fifa award", BBC Sport, 12-12-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Ronaldo collects Fifa world title", BBC Sport, 01-12-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Mark Ashenden. "Preston 0-2 Liverpool", BBC Sport, 03-01-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Phil McNulty. "Liverpool 2-0 Chelsea", BBC Sport, 01-02-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Tony Evans. "The 50 greatest Liverpool players", The Times, 13-02-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Phil McNulty. "Liverpool 4-0 Real Madrid (agg 5-0)", BBC Sport, 10-03-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Phil McNulty. "Man Utd 1-4 Liverpool", BBC Sport, 14-03-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Giggs earns prestigious PFA award", BBC Sport, 26-04-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 02-05-2009.
- ^ (Ingliż) Oliver Brett. "Liverpool 3-1 Tottenham", BBC Sport, 24-05-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 25-05-2009.
- ^ (Ingliż) "Torres signs new Liverpool deal", BBC Sport, 14-08-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 14-08-2009.
- ^ (Ingliż) "Torres signs contract extension with Liverpool", ESPN Soccernet, 14-08-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 14-08-2009.
- ^ (Ingliż) Priceless Fernando Torres slays Hull with a hat-trick show fit for a prince. Guardian, 28-09-2009. Aċċess tal-URL: 28-09-2009.
- ^ (Ingliż) "{{{titlu}}}", BBC, 02-10-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 02-10-2009.
- ^ (Ingliż) Liverpool's Fernando Torres out for rest of season. BBC Sport, 18-04-2010. Aċċess tal-URL: 19-04-2010.
- ^ (Ingliż) Gerrard and Torres staying at Liverpool - Hodgson. BBC Sport, 16-07-2010. Aċċess tal-URL: 16-07-2010.
- ^ (Ingliż) Striker Fernando Torres committed to Liverpool. BBC Sport, 03-08-2010. Aċċess tal-URL: 03-08-2010.
- ^ Mandeep Sanghera. (Ingliż) Liverpool 1 – 0 West Brom. BBC Sport, 29-08-2010. Aċċess tal-URL: 29-08-2010.
- ^ (Ingliż) Liverpool reject Torres transfer request. Times Of Malta, 29-01-2011. Aċċess tal-URL: 01-02-2011.
- ^ Kevin Grech. (Ingliż) Torres leaves Liverpool for Chelsea in record €58.5m deal. MaltaToday, 01-02-2011. Aċċess tal-URL: 01-02-2011.
- ^ (Ingliż) Fernando Torres. FIFA. Aċċess tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Spain 4-0 Ukraine", BBC Sport, 14-06-2006. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Spain - Tunisia. FIFA. Aċċess tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Top goals. FIFA. Aċċess tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Raul left out of Spain Euro squad", BBC Sport, 17-05-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Barney Ronay. "Quicksilver Villa lights up the Alps", The Guardian, 10-06-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Chris Bevan. "Sweden 1-2 Spain", BBC Sport, 14-06-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Phil McNulty. "Germany 0-1 Spain", BBC Sport, 29-06-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Torres hailed as world's best", Press Association, 30-06-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ a b (Ingliż) "Spain dominate Team of the Tournament", UEFA Euro 2008, 30-06-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Spanjol) España vence a una digna Turquía en el partido 60 de Torres con la Selección absoluta (1-0). fernando9torres, 28-03-2009. Aċċess tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) "Spain unveils Confederations Cup roster", CBC.ca, 01-06-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 01-06-2009.
- ^ (Ingliż) Peter Scrivener. "Spain 5-0 New Zealand", BBC Sport, 14-06-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 14-06-2009.
- ^ (Spanjol) R. Mollina. "Torres logra el 'hat trick' más rápido de la historia de la selección", Marca, 2009-06-14. Konsultazzjoni tal-URL: 14-06-2009.
- ^ Saj Chowdhury. "Spain 0-2 United States", BBC Sport, 25-06-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 27-06-2009.
- ^ (Ingliż) "Spain 3-2 South Africa (aet)", BBC Sport, 28-06-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 29-06-2009.
- ^ (Ingliż) "Football is a funny ol game", The Sun, 15-04-2008. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Chris Johnson. "Liverpool striker Fernando Torres takes pregnant fiancée on romantic Valentine's break", Daily Mail, 16-02-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ (Ingliż) Carl Stroud. "Kop ace 'Bogey' team is a winner", The Sun, 18-03-2009. Konsultazzjoni tal-URL: 05-04-2009.
- ^ a b c d e f g h i (Ingliż) Silverware. Fernando Torres. Aċċess tal-URL: 06-04-2008.
- ^ (Ingliż) Liverpool 2007/2008 player appearances. Soccerbase. Aċċess tal-URL: 06-04-2009.
[editja] Ħoloq esterni
| Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Fernando Torres |
|
|||||
|
|||||||