Aqbeż għall-kontentut

Graz

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Graz
 Awstrija
Amministrazzjoni
Stat sovranAwstrija
Federal state of AustriaSteiermark
Kap tal-Gvern Elke Kahr
Isem uffiċjali Graz
Ismijiet oriġinali Graz
Grätz
Gratz
Kodiċi postali 8010, 8020, 8036, 8041, 8042, 8043, 8044, 8045, 8046, 8047, 8051, 8052, 8053, 8054u 8055
Ġeografija
Koordinati 47°04′15″N 15°26′19″E / 47.0708°N 15.4386°E / 47.0708; 15.4386Koordinati: 47°04′15″N 15°26′19″E / 47.0708°N 15.4386°E / 47.0708; 15.4386
Graz is located in Austria
Graz
Graz
Graz (Austria)
Superfiċjenti 127.57 kilometru kwadru
Għoli 353 m
Fruntieri ma' Distrett ta' Graz-Umgebung
Demografija
Popolazzjoni 292,630 abitanti (1 Jannar 2022)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 316
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Trondheim, Timișoara, Coventry, Montclair, Darmstadt, Pula, Trieste, Pécs, Ljubljana, Dubrovnik, Groningen, Maribor, Banja Luka, Celje, Aksaray, Pernik, Lublinu Lviv
graz.at

Graz (/ɡrɑːts/ GRAHTS, bil-Ġermaniż: [ɡʁaːts]; bis-Sloven: Gradec) hija l-belt kapitali tal-istat Awstrijaku ta' Styria u t-tieni l-ikbar belt fl-Awstrija wara Vjenna. Mill-1 ta' Jannar 2021, il-belt kellha popolazzjoni ta' 331,562 ruħ (294,236 ruħ minnhom kellha status ta' residenti prinċipali).[1] Fl-2018, il-popolazzjoni taż-żona urbana kbira (LUZ) ta' Graz kienet tammonta għal 652,654 ruħ, abbażi tal-istatus tar-residenza prinċipali.[2] Graz hija magħrufa bħala belt universitarju u tal-kulleġġi, b'erba' kulleġġi u erba' universitajiet. B'kollox, il-belt tospita iżjed minn 60,000 student. Iċ-ċentru storiku (Altstadt) tal-belt huwa wieħed miċ-ċentri storiċi l-iktar ippreservati tajjeb fl-Ewropa Ċentrali.[3]

Fl-1999, iċ-ċentru storiku tal-belt żdied fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u fl-2010[4] id-deżinjazzjoni ġiet estiża biex jiġi inkluż ukoll il-Palazz ta' Eggenberg (bil-Ġermaniż: Schloss Eggenberg) fit-tarf tal-Punent tal-belt.[5] Graz ġiet iddeżinjata bħala l-Kapitali Ewropej tal-Kultura fl-2003 u saret Belt tal-Ispeċjalitajiet Gastronomiċi fl-2008.

L-isem tal-belt, Graz, qabel spellut Gratz[6], x'aktarx li oriġina mit-terminu Slaviku gradec, li jfisser "kastell żgħir". Xi sejbiet arkeoloġiċi jindikaw lejn il-kostruzzjoni ta' kastell żgħir mill-poplu Slaviku tal-Alpi, li maż-żmien sar fortifikazzjoni difiża sew.[7] Fis-Sloven letterarju, it-terminu gradec għadu jfisser "kastell żgħir", u jifforma derivattiv ipokoristiku tal-Proto-Slaviku tal-Punent u tan-Nofsinhar *gradьcъ, li tnissel permezz ta' metateżi likwida mis-Slaviku Komuni *gardьcъ u mit-tielet palatalizzazzjoni Slavika mill-Proto-Slaviku *gardiku, li oriġinarjament kien ifisser "raħal jew insedjament żgħir". B'hekk l-isem isegwi l-mudell Slaviku komuni tan-Nofsinhar għat-tismija tal-insedjamenti bħala grad. L-isem bil-Ġermaniż "Graz" jidher għall-ewwel darba fid-dokumentazzjonijiet fl-1128.

Graz tinsab maż-żewġ naħat tax-xmara Mur fix-Xlokk tal-Awstrija. Tinsab madwar 150 kilometru fil-Lbiċ ta' Vjenna (bil-Ġermaniż: Wien). L-eqreb ċentru urban kbir huwa dak ta' Maribor (Marburg) fis-Slovenja, li huwa madwar 50 kilometru fin-Nofsinhar. Graz hija l-belt kapitali statali u l-ikbar belt fl-istat ta' Styria, reġjun aħdar b'ħafna foresti fin-naħa tal-Lvant tal-Alpi. Jinsab fil-Baċir ta' Graz u huwa mdawwar bil-muntanju u bl-għoljiet lejn it-Tramuntana, il-Lvant u l-Punent. Iċ-ċentru tal-belt qiegħed f'elevazzjoni ta' 353 metru (1,158 pied), l-ogħla punt hija l-muntanja Plabutsch b'għoli ta' 754 metru (2,474 pied) fil-fruntiera tal-Punent. Il-muntanja Schöckl tinsab ftit kilometri lejn it-Tramuntana, b'għoli ta' 1,100 metru (3,600 pied).

Muniċipalitajiet ġirien

[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn l-irħula u l-villaġġi jmissu ma' Graz:

  • lejn it-Tramuntana: Gratkorn, Stattegg, Weinitzen
  • lejn il-Lvant: Kainbach bei Graz, Hart bei Graz, Raaba
  • lejn in-Nofsinhar: Gössendorf, Feldkirchen bei Graz, Seiersberg
  • lejn il-Punent: Attendorf, Thal, Judendorf-Straßengel
Mappa tas-17-il distrett ta' Graz

Graz hija maqsuma fi 17-il distrett muniċipali (Stadtbezirke):

I. Innere Stadt (3,389)

II. St. Leonhard (16,122)

III. Geidorf (25,168)

IV. Lend (31,753)

V. Gries (29,308)

VI. Jakomini (33,554)

VII. Liebenau (14,562)

VIII. St. Peter (15,291)

IX. Waltendorf (12,066)

X. Ries (5,886)

XI. Mariatrost (9,737)

XII. Andritz (19,129)

XIII. Gösting (11,309)

XIV. Eggenberg (20,801)

XV. Wetzelsdorf (15,779)

XVI. Straßgang (16,341)

XVII. Puntigam (8,745)

Graz, Georg Matthäus Vischer (1670)

L-eqdem insedjament fit-territorju ta' fejn hemm il-belt moderna ta' Graz imur lura għal Żmien ir-Ram. Madankollu, ma teżisti l-ebda kontinwità storika ta' insedjament qabel il-Medju Evu.

Matul is-seklu 12, id-duki taħt it-tmexxija ta' Babenberg lil din il-belt għamluha ċentru kummerċjali importanti. Iktar 'il quddiem, Graz sfat taħt it-tmexxija tal-Asburgi, u fl-1281, kisbet privileġġi speċjali mir-Re Rudolfu I.

Fis-seklu 14, Graz saret il-belt tar-residenza tan-nisel Awstrijaku Intern tal-Asburgi. Il-familja rjali kienet tgħix fil-kastell ta' Schlossberg u minn hemmhekk irrenjat fuq Styria, Carinthia, il-biċċa l-kbira tas-Slovenja ta' llum il-ġurnata, u partijiet tal-Italja (Carniola, Gorizia u Gradisca, Trieste).

Fis-seklu 16, id-disinn u l-ippjanar tal-belt kienu primarjament ikkontrollati mill-arkitetti u mill-artisti Rinaxximentali Taljani. Waħda mill-iżjed binjiet famużi li tirrappreżenta dan l-istil hija l-Landhaus, li ġiet iddisinjata minn Domenico dell'Allio, u li ntużat mill-mexxejja lokali bħala kwartieri ġenerali governattivi.

Neutor

L-Università ta' Graz ġiet stabbilita mill-Arċiduka Karl II fl-1585, u hija l-eqdem università tal-belt. Għall-biċċa l-kbira tal-eżistenza tagħha, kienet ikkontrollata mill-Knisja Kattolika, u ngħalqet fl-1782 minn Joseph II f'tentattiv li jikseb il-kontroll tal-istat fuq l-istituzzjonijiet edukattivi. Joseph II ttrasformaha f'liċeo fejn kienu jitħarrġu l-ħaddiema taċ-ċivil u l-persunal mediku. Fl-1827 reġgħet ġiet stabbilita bħala università mill-Imperatur Franz I, u ngħatat l-isem ta' "Karl-Franzens Universität". Attwalment, iktar minn 30,000 student jistudjaw f'din l-università.

L-astronomu Johannes Kepler għex fi Graz għal perjodu qasir. Huwa ħadem bħala għalliem tal-matematika u kien professur tal-matematika fl-Università ta' Graz, iżda xorta sab ħin biex jistudja l-astronomija. Huwa telaq minn Graz lejn Praga meta l-Luterani tkeċċew mill-belt.

Ludwig Boltzmann kien Professur tal-Fiżika Matematika mill-1869 sal-1890. Matul dak iż-żmien, Nikola Tesla studja l-inġinerija elettrika fl-Istitut Politekniku fl-1875.

Ir-rebbieħ tal-Premju Nobel Otto Loewi għallem fl-Università ta' Graz mill-1909 sal-1938. Ivo Andrić, li fl-1961 rebaħ il-Premju Nobel għal-Letteratura għamel id-dottorat tiegħu fl-Università ta' Graz. Erwin Schrödinger għal żmien qasir kien kanċillier tal-Università ta' Graz fl-1936.

L-Università ta' Graz

Graz hija ppożizzjonata ċentralment fi ħdan il-Bundesland (stat) ta' Styria, jew Steiermark bil-Ġermaniż. Mark hija kelma Ġermaniża antika li tindika żona kbira li tintuża bħala fruntiera difensiva, fejn ir-raħħala kienu jiġu mgħallma kif jorganizzaw ruħhom u jiġġieldu f'każ ta' invażjoni. B'pożizzjoni strateġika fil-quċċata tal-wied miftuħ u għammiel ta' Mur, Graz storikament kienet fil-mira tal-invażuri, bħall-Ungeriżi taħt Matthias Corvinus fl-1481, u l-Ottomani fl-1529 u fl-1532. Apparti l-Kastell ta' Riegersburg, il-Kastell ta' Schlossberg kien l-unika fortifikazzjoni fir-reġjun li qatt ma spiċċa f'idejn l-Ottomani. Graz tospita l-armerija provinċjali tar-reġjun, li hija l-ikbar kollezzjoni storika ta' armi Medjevali u Rinaxximentali fid-dinja. Ġiet ippreservata mill-1551, u fiha jintwerew iktar minn 30,000 oġġett.

Il-bitħa tal-Landhaus

Mill-bidu tas-seklu 15, Graz kienet ir-residenza tal-fergħa iktar żagħżugħa tal-Asburgi, li ssuċċediet it-tron imperjali fl-1619 permezz tal-Imperatur Ferdinandu II, li ttrasferixxa l-belt kapitali lejn Vjenna. Inbnew fortifikazzjonijiet ġodda fuq ix-Schlossberg fl-aħħar tas-seklu 16. L-armata ta' Napuljun okkupat lil Graz fl-1797. Fl-1809, il-belt għaddiet minn assedju ieħor mill-armata Franċiża. Matul dan l-attakk, l-uffiċjal kmandant fil-fortizza ġie ordnat jiddifendiha b'madwar 900 raġel kontra l-armata ta' Napuljun ta' madwar 3,000 ruħ. Irnexxielu jiddifendi x-Schlossberg b'suċċess fi tmien attakki, iżda kienu obbligati jċedu wara li l-Armata l-Kbira (bil-Franċiż: Grande Armée) okkupat lil Vjenna u l-Imperatur ordnalhom biex jarrendu. Wara t-telfa tal-Awstrija mill-forzi ta' Napuljun fil-Battalja ta' Wagram fl-1809, il-fortifikazzjonijiet iġġarrfu bl-isplussivi, kif stipulat fit-Trattat ta' Paċi ta' Schönbrunn tal-istess sena. It-torri tal-kampnar (Glockenturm)[8] u t-torri tal-arloġġ (Uhrturm)[9] ċiviku, li huma attrazzjoni turistika u simbolu ta' Graz, ma ġġarrfux wara li ċ-ċittadini ta' Graz ħallsu rahan biex jiġu ppreservati.[10]

L-Arċiduka Karl II tal-Awstrija ta' Ġewwa ordna li 20,000 ktieb Protestant jinħarqu fil-pjazza fejn issa hemm sptar mentali, u rnexxielu jerġa' jirritorna lil Styria taħt l-awtorità tas-Santa Sede. L-Arċiduka Franz Ferdinand twieled fi Graz fejn issa hemm l-iStadtmuseum (il-mużew tal-belt).

Fit-2 ta' April 1945, waqt li kien qed iseħħ l-iżjed attakk qawwi bil-bombi mill-Alleati fuq Graz, il-Gestapo u l-Waffen-SS wettqu masskru kontra l-ġellieda tar-reżistenza, il-ħaddiema sfurzati Ungeriżi-Lhud, u l-POWs fil-barrakki tal-SS fi Graz-Wetzelsdorf.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta mill-ajru taċ-ċentru storiku ta' Graz

Il-Belt ta' Graz ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999. Is-sit ġie estiż bil-Kastell ta' Eggenberg fl-2010.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

Żvilupp tal-popolazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Popolazzjoni storika
Sena Pop. ±%
1869 98,229 —    
1880 116,770 +18.9%
1890 135,660 +16.2%
1900 168,808 +24.4%
1910 193,790 +14.8%
1923 199,578 +3.0%
1934 210,845 +5.6%
1939 208,106 −1.3%
Sena Pop. ±%
1951 226,476 +8.8%
1961 237,080 +4.7%
1971 249,089 +5.1%
1981 243,166 −2.4%
1991 237,810 −2.2%
2001 226,244 −4.9%
2011 262,566 +16.1%
2019 292,269 +11.3%
Ix-xmara Mur u l-pont Tegetthoff fiċ-ċentru ta' Graz

L-iżjed ċifri reċenti dwar il-popolazzjoni ma jagħtux l-istampa kollha peress li jingħaddu biss in-nies bi status ta' residenza prinċipali, filwaqt li n-nies bi status ta' residenza sekondarja ma jingħaddux. Il-biċċa l-kbira tan-nies bi status ta' residenza sekondarja fi Graz huma studenti. Fl-aħħar tal-2016 kien hemm 33,473 ruħ bi status ta' residenza sekondarja fi Graz.[11]

L-ikbar gruppi ta' ċittadini barranin
Nazzjonalità Popolazzjoni

(l-1 ta' Jannar 2021)

Ir-Rumanija 10,222
Il-Kroazja 9,326
Il-Ġermanja 9,023
Il-Bożnija-Ħerzegovina 7,398
It-Turkija 5,581
L-Ungerija 4,718
Is-Slovenja 3,237
L-Afganistan 3,001
Is-Sirja 2,751
L-Italja 2,599
Ir-Russja 2,331
Il-Kosovo 1,856
Is-Serbja 1,798
Is-Slovakkja 1,740
Il-Bulgarija 1,127

It-tip ta' klima fil-belt hija waħda oċeanika[12], iżda minħabba t-temperatura iżotermali ta' 0 °C, l-istess klima tokkorri fi klima kontinentali umduża abbażi tas-sistema klimatika ta' Köppen (bejn Cfb/Dfb). Wladimir Köppen innifsu kien fi Graz u wettaq studji biex jara kif il-klima tal-imgħoddi influwenzat it-teorija taċ-Ċaqliq tal-Kontinenti.[13] Minħabba l-pożizzjoni tagħha fix-Xlokk tal-Alpi, Graz hija milqugħa mill-irjieħ prevalenti mill-Punent li jġibu magħhom kundizzjonijiet tat-temp mit-Tramuntana tal-Atlantiku, mill-Majjistral tal-Ewropa u mill-Ewropa Ċentrali. B'hekk, it-temp fi Graz huwa influwenzat mill-Mediterran, u għandu iktar sigħat ta' xemx fis-sena minn Vjenna jew Salzburg kif ukoll inqas riħ jew xita. Graz tinsab f'baċir li huwa miftuħ biss lejn in-Nofsinhar, u b'hekk il-klima tkun iktar sħuna milli mistenni f'dik il-latitudni.[14] Fi Graz jinstabu pjanti li normalment jikbru ferm iktar fin-Nofsinhar.

  • Temperaturi medji: l-Ajruport ta' Graz 8.7 °C (48 °F) / l-Università Karl-Franzens 9.4 °C (49 °F)
  • Xita medja: 818-il mm (32 pulzier) b'medja ta' 92 jum bix-xita (l-Università Karl-Franzens)
  • Medja ta' sigħat bix-xemx: 1,989 siegħa (l-Università Karl-Franzens)
Data klimatika għal Graz (1971-2000)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord °C (°F) 21.0

(69.8)

20.5

(68.9)

25.1

(77.2)

28.8

(83.8)

34.1

(93.4)

34.3

(93.7)

38.1

(100.6)

38.1

(100.6)

32.0

(89.6)

26.4

(79.5)

23.0

(73.4)

19.2

(66.6)

35.5

(95.9)

Temp. għolja medja °C (°F) 2.8

(37.0)

5.8

(42.4)

10.7

(51.3)

15.3

(59.5)

20.5

(68.9)

23.4

(74.1)

25.3

(77.5)

24.7

(76.5)

20.4

(68.7)

14.6

(58.3)

7.7

(45.9)

3.6

(38.5)

14.6

(58.3)

Temp. medja kuljum °C (°F) −1.0

(30.2)

1.0

(33.8)

5.1

(41.2)

9.6

(49.3)

14.6

(58.3)

17.7

(63.9)

19.5

(67.1)

18.9

(66.0)

14.7

(58.5)

9.4

(48.9)

3.7

(38.7)

0.1

(32.2)

9.4

(48.9)

Temp. baxxa medja °C (°F) −3.8

(25.2)

−2.9

(26.8)

1.0

(33.8)

4.9

(40.8)

9.5

(49.1)

12.7

(54.9)

14.7

(58.5)

14.3

(57.7)

10.6

(51.1)

5.9

(42.6)

0.9

(33.6)

−2.3

(27.9)

5.5

(41.9)

Temp. baxxa rekord low °C (°F) −20.2

(−4.4)

−19.3

(−2.7)

−17.2

(1.0)

−5.5

(22.1)

−1.3

(29.7)

3.6

(38.5)

6.3

(43.3)

4.9

(40.8)

0.8

(33.4)

−6.4

(20.5)

−12.7

(9.1)

−17.5

(0.5)

−20.2

(−4.4)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 23.9

(0.94)

30.4

(1.20)

44.1

(1.74)

49.0

(1.93)

86.0

(3.39)

117.8

(4.64)

125.1

(4.93)

113.0

(4.45)

81.1

(3.19)

61.7

(2.43)

51.9

(2.04)

34.9

(1.37)

818.9

(32.25)

Borra medja f'cm (pulzieri) 12.8

(5.0)

15.6

(6.1)

6.5

(2.6)

2.3

(0.9)

0.1

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.2

(0.1)

9.1

(3.6)

15.5

(6.1)

62.1

(24.4)

Medja ta' jiem ta' preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) 4.8 4.8 6.6 7.9 10.6 11.5 10.7 9.7 7.5 6.3 6.5 5.2 92.1
Medja ta' jiem bil-borra (≥ 1.0 cm) 15.6 10.0 4.1 0.5 0.0 0.0 0.0 0.0 0.0 0.0 2.8 9.1 42.1
Medja ta' sigħat bix-xemx fix-xahar 90.4 117.8 145.7 166.4 210.0 213.0 234.4 226.9 174.0 139.6 93.0 78.8 1,890
Sors: L-Istitut Ċentrali għall-Meteoroloġija u l-Ġeodinamika[15]

Sloveni u Graz

[immodifika | immodifika s-sors]

Politikament, kulturalment, xjentifikament u reliġjożament, Graz kienet ċentru importanti għall-Isloveni kollha, speċjalment mill-istabbiliment tal-Università ta' Graz fl-1586 sal-istabbiliment tal-Università ta' Ljubljana fl-1919. Fl-1574, l-ewwel ktieb Kattoliku bis-Sloven ġie ppubblikat fi Graz, u fl-1592, Hieronymus Megiser ippubblika fi Graz il-ktieb Dictionarium quatuor linguarum, l-ewwel dizzjunarju multilingwi tal-Isloven.[16]

L-Isloveni ta' Styria ma kinux iqisu lil Graz bħala belt fejn jitkellmu bil-Ġermaniż, iżda biss post fejn jistudjaw u jgħixu mal-qrabat tagħhom filwaqt li jwettqu l-ambizzjonijiet tal-karriera tagħhom. L-assoċjazzjonijiet tal-istudenti fi Graz kienu sisien tal-identità Slovena, u l-istudenti Sloveni fi Graz kienu iktar konxji dwar il-pajjiż minn oħrajn. Dan wassal għal sforzi kiefra kontra l-Isloven min-nazzjonalisti li kienu jitkellmu bil-Ġermaniż fi Graz, kemm qabel kif ukoll waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.[17]

Bosta Sloveni ta' Styria jistudjaw fi Graz. L-Isloveni huma fost il-professuri tal-Istitut għall-Jazz fi Graz. Bosta Sloveni sabu xogħol fil-belt, filwaqt li qabel kienu qegħda fis-Slovenja. Għall-kultura Slovena, Graz għadha tassew importanti minħabba l-università tagħha u minħabba l-arkivji tal-Universalmuseum Joanneum li fihom bosta dokumenti tal-iStyria Slovena.

Simpożju dwar ir-relazzjoni ta' Graz u s-Sloveni sar fi Graz fl-2010, fl-okkażjoni tal-200 anniversarju tal-istabbiliment tal-ewwel u l-ixjaħ Presidenza tal-Isloven. Ġiet stabbilita fil-Liċeo ta' Graz f'Lulju 1811 fuq l-inizjattiva ta' Janez Nepomuk Primic.[18] Ġabra ta' lekċers dwar is-suġġett ġew ippubblikati. Il-Posta Slovena ħarġet bolla biex tfakkar l-anniversarju.[19]

Attrazzjonijiet ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta panoramika taċ-ċentru storiku ta' Graz

Għas-sena meta Graz kienet il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, inbnew strutturi ġodda. Il-Mużew tal-Arti Kontemporanja ta' Graz (bil-Ġermaniż: Kunsthaus) ġie ddisinjat minn Peter Cook u Colin Fournier u jinsab qrib ix-xmara Mur. Il-Gżira fix-xmara Mur hija pjattaforma tal-azzar fuq wiċċ l-ilma. Ġiet iddisinjata mill-arkitett Amerikan Vito Acconci u fiha kafetterija, teatru fil-beraħ u bandli fejn jilagħbu t-tfal.

Ċentru storiku tal-belt

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-Għolja tal-Kastell minn isfel

Iċ-ċentru storiku ta' Graz tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999[4][20] bis-saħħa tal-koeżistenza armonjuża ta' binjiet tipiċi minn epoki differenti u bi stili arkitettoniċi differenti. Graz tinsab qalb il-fruntieri kulturali tal-Ewropa Ċentrali, l-Italja u l-Istati Balkani, u b'hekk il-belt assorbiet diversi influwenzi mir-reġjuni ġirien li wasslu għall-belt kif inhi llum il-ġurnata. Iċ-ċentru storiku attwalment jikkonsisti minn iktar minn 1,000 binja, li jvarjaw mill-Gotiċi sal-kontemporanji.

L-iżjed attrazzjonijiet importanti fiċ-ċentru storiku tal-belt huma:

  • il-Muniċipju (Rathaus).
  • l-Għolja tal-Kastell (Schlossberg), għolja fil-qalba taċ-ċentru storiku (għolja 475 metru (1,558.40 pied)), u s-sit ta' fortizza mġarrfa, b'veduti panoramiċi ta' Graz.
  • it-Torri tal-Arloġġ (Uhrturm), simbolu ta' Graz, fil-quċċata tal-Għolja tal-Kastell.
  • il-Gallerija l-Ġdida (Neue Galerie), mużew tal-arti.
  • il-funikular tal-Għolja tal-Kastell (Schlossbergbahn), funikular ta' aċċess għall-Għolja tal-Kastell.
  • is-sede tal-Parlament provinċjali ta' Styria (Landhaus), palazz bi stil tal-Lombardia u wieħed mill-iżjed eżempji importanti tal-arkitettura Rinaxximentali fl-Awstrija; mibni mill-arkitett Taljan Domenico dell'Allio bejn l-1557 u l-1565.
  • l-Armerija (Landeszeughaus), l-ikbar armerija antika fid-dinja.
  • it-Teatru tal-Opri ta' Graz (Opernhaus), il-post prinċipali fejn jittellgħu l-ispettakli tal-opri, taż-żfin klassiku, u tal-operetti. Huwa it-tieni l-ikbar teatru tal-opri fl-Awstrija.
  • it-Teatru ta' Graz (Schauspielhaus), it-teatru prinċipali ta' Graz għall-produzzjonijiet tar-reċti.
  • il-Katidral (Dom), monument rari tal-arkitettura Gotika. Fl-imgħoddi, kien hemm bosta affreski fuq il-ħitan ta' barra tiegħu; illum il-ġurnata ma tantx baqa' wisq, għajr il-Landplagenbild ("l-affresk tal-kastigi") li ġie mpitter fl-1485, x'aktarx minn Thomas von Villach. It-tliet kastigi fl-affresk huma x-xita tal-ġradi, il-pesta u l-invażjoni tat-Torok, li kollha seħħew fil-belt fl-1480. Fih ukoll l-iżjed veduta mpittra antika ta' Graz.
  • il-mawżolew tal-Imperatur Ferdinandu II ħdejn il-katidral, l-iżjed binja importanti tal-Manjeriżmu fi Graz. Jinkludi kemm il-qabar fejn indifnu Ferdinandu II u martu, kif ukoll knisja ddedikata lil Santa Katarina ta' Lixandra.
  • il-ġnien tal-belt ta' Graz, li jinsab f'nofs iċ-ċentru storiku tal-belt u li tħejja taħt it-tmexxija tal-monarkija Asburga; ġie ddisinjat mill-arkitett Ġermaniż Johannes Schirgie von Premstätten-Tobelbad. Matul il-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19 ġew organizzati festini eċċentriċi hawnhekk li mbagħad ġew żgumbrati mill-pulizija. Il-persuna responsabbli mill-organizzazzjoni ta' dawn il-festini kien Jonas Fabio Cristo Pinter, sid Taljan ta' post tad-divertiment, li ġie arrestat mill-pulizija u l-avveniment twaqqaf.
  • il-Kastell (Burg), b'turġien doppji Gotiċi, li nbena bejn l-1438 u l-1453 mill-Imperatur Federiku III, minħabba li l-kastell l-antik ta' fuq l-għolja kien żgħir wisq u skomdu. Il-kastell baqa' r-residenza tal-Qorti tal-Awstrija ta' Ġewwa sal-1619. Illum il-ġurnata, huwa r-residenza tal-gvern ta' Styria.
  • id-Dar Impittra (Gemaltes Haus) f'Herrengasse 3, miksija minn fuq s'isfel bl-affreski (impittra fl-1742 minn Johann Mayer).
  • il-Mużew tal-Arti Kontemporanja ta' Graz (Kunsthaus)
  • il-Gżira fix-xmara Mur (Murinsel), gżira artifiċjali fix-xmara Mur.
  • il-binjiet, il-btieħi interni (eż. il-bitħa tar-Rinaxximent Bikri tal-Eks Dar tal-Kavallieri Tewtoniċi f'Sporgasse 22) u s-soqfa tal-binjiet taċ-ċentru storiku.

Barra ċ-ċentru storiku tal-belt

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-faċċata tal-Palazz ta' Eggenberg

L-iżjed attrazzjonijiet importanti barra ċ-ċentru storiku tal-belt huma:

  • il-Palazz ta' Eggenberg (Schloss Eggenberg), palazz Barokk fin-naħa tal-Punent ta' Graz bi kmamar statali u mużew. Fl-2010 dan żdied maċ-ċentru storiku ta' Graz fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
  • il-Bażilika ta' Mariatrost (Basilika Mariatrost), knisja tal-Barokk Aħħari, fin-naħa tal-Lvant ta' Graz.
  • il-Knisja tal-Qalb ta' Ġesù (Herz-Jesu-Kirche), l-ikbar knisja fi Graz bit-tielet ogħla spira fl-Awstrija, mibnija bi stil Gotiku Rinnovat minn Daniel Schmidbauer (politiku u tabib Awstrijaku).
  • l-Għolja tal-Kalvarju (Kalvarienberg), fiż-żona ta' Gösting fi Graz, b'kalvarju u knisja tas-seklu 17.
  • l-Isptar tal-Università ta' Graz, li huwa l-ikbar sptar fi Graz u wieħed mill-ikbar sptarijiet fl-Awstrija. Huwa l-ikbar binja bi stil Jugendstil fl-Awstrija u nbena bejn l-1904 u l-1912. Huwa mmexxi mill-provinċja ta' Styria u huwa wieħed mill-iżjed sptarijiet rinomati fl-Awstrija u fl-Ewropa Ċentrali.
  • il-Fdalijiet ta' Gösting (Ruine Gösting), fdalijiet ta' kastell fuq għolja fin-naħa tat-Tramuntana tal-belt, u Plabutsch/Fürstenstand, wara il-Palazz ta' Eggenberg, b'ristorant u veduta mill-isbaħ tal-belt, kif ukoll post qrib il-veduti magħrufa bħala Buchkogel/Kronprinz-Rudolf-Warte.
  • ix-Schwanzberghotel in Hart bei Graz, lukanda mibnija bi stil Gotiku taħt it-tmexxija ta' Jonas Draxler għal martu li kienet diżabbli.

Żona Ikbar ta' Graz

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iżjed attrazzjonijiet importanti fiż-Żona Ikbar ta' Graz huma:

  • l-Österreichisches Freilichtmuseum Stübing, mużew fil-beraħ li fih binjiet agrikoli u rurali antiki mill-Awstrija kollha assemblati mill-ġdid f'ambjent storiku.
  • il-Lurgrotte, l-iżjed sistema estensiva ta' għerien fl-Awstrija.
  • il-Lipizzanergestüt Piber, il-post fejn jitnisslu ż-żwiemel Lipizzaner famużi.
  • is-Steirische Weinstraße, reġjun tal-produzzjoni tal-inbid fin-Nofsinhar ta' Graz, magħruf ukoll bħala t-"Toskana ta' Styria".
  • it-Thermenregion, reġjun bl-ispas fil-Lvant ta' Graz.
  • il-Kastell ta' Riegersburg, fortizza qawwija li qatt ma ġiet maħtufa. Kienet bastjun kontra l-invażjonijiet tat-Torok.
Ir-riżultati tal-elezzjonijiet muniċipali mill-1945.

Għall-biċċa l-kbira tal-istorja tagħha wara l-gwerra, Graz kienet fortizza tal-Partit Demokratiku Soċjali tal-Awstrija (SPÖ), iżda mill-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, il-partit tilef il-maġġoranza tal-appoġġ li kellu fil-livell lokali. Ħadlu postu l-Partit Popolari Awstrijaku (ÖVP) fl-2003, li baqa' l-ikbar partit fil-kunsill tal-belt (Gemeinderat) sal-2021. Bid-deklin tal-SPÖ, il-Partit Komunista tal-Awstrija (KPÖ) sar ferm popolari fi Graz, minkejja l-preżenza negliġibbli tiegħu fuq livell nazzjonali. Il-partit ġie t-tielet b'20.8 % tal-voti fl-elezzjoni lokali tal-2003, u dan is-suċċess ġie attribwit lill-popolarità tal-mexxej lokali Ernest Kaltenegger. Fl-2008 kiseb 11.2 % tal-voti, iżda rkupra taħt il-mexxejja l-ġdida Elke Kahr, u sar it-tieni l-iktar partit popolari fi Graz bi 19.9 % tal-voti fl-2012 u b'20.3 % tal-voti fl-2017. Il-popolarità tal-KPÖ fi Graz ippermettiet lill-partit jidħol fil-Parlament statali ta' Styria wara l-elezzjoni tal-2005, u din kienet l-ewwel darba li tfaċċaw f'Parlament statali f'35 sena; żammew is-siġġijiet li kellhom fl-elezzjonijiet sussegwenti tal-2010, tal-2015, u tal-2019.[21] Fl-elezzjoni muniċipali tal-2021 kien hemm tnaqqis fil-popolarità tal-ÖVP, u dan ippermetta lill-KPÖ, immexxi mill-ġdid minn Elke Kahr, isir l-ikbar partit b'29 % tal-voti.[22] Sussegwentement ġiet eletta sindku f'Novembru, u qed tmexxi koalizzjoni mal-Ħodor u mal-SPÖ.[23][24]

L-iżjed elezzjoni reċenti tal-kunsill tal-belt saret fis-26 ta' Settembru 2021, u r-riżultati kienu kif ġej:

Partit Kandidat Ewlieni Voti % +/- Siġġijiet +/- Għadd +/-
Il-Partit Komunista tal-Awstrija (KPÖ) Elke Kahr 34,283 28.84 8.50 15 5 3 1
Il-Partit Popolari Awstrijaku (ÖVP) Siegfried Nagl 30,797 25.91 11.88 13 6 2 1
Il-Ħodor – L-Alternattiva Ħadra (GRÜNE) Judith Schwentner 20,593 17.32 6.81 9 4 1 ±0
Il-Partit tal-Libertà tal-Awstrija (FPÖ) Mario Eustacchio 12,612 10.61 5.25 5 3 1 ±0
Il-Partit Demokratija Soċjali tal-Awstrija (SPÖ) Michael Ehmann 11,325 9.53 0.52 4 1 0 ±0
NEOS – L-Awstrija l-Ġdida u l-Forum Liberali (NEOS) Philipp Pointner 6,447 5.42 1.48 2 1 0 ±0
Oħrajn 2,825 2.37 0 ±0 0 ±0
Voti invalidi 1,807
Total 120,689 100.00 48 ±0 7 ±0
Ħarġu jivvutaw 223,512 54.00 3.39
Sors: Stadt Graz[25]

Fl-2003 Graz kienet il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura u fl-2011 kienet waħda mill-"Bliet tad-Disinn" tal-UNESCO.

Il-Kunsthaus
Il-mużew tat-tramm
Veduta taċ-ċentru storiku mix-Schlossberg bil-Kunsthaus fin-nofs

L-iżjed mużewijiet importanti fi Graz huma:

  • il-Mużew tal-Palazz ta' Eggenberg: bl-Alte Galerie (pitturi u skulturi Rumaneski u Barokki), kollezzjoni ta' muniti, lapidarju (kollezzjoni ta' oġġetti tal-ġebel Rumani), il-Mużew Arkeoloġiku (bil-Vagun famuż ta' Strettweg), żona speċjali għall-eżibizzjonijiet, u żona ta' 90,000 m2 ta' ġonna f'pajsaġġ romantiku.
  • il-Museum im Palais: mużew tal-istorja kulturali ta' Styria mill-Medju Evu sal-preżent.
  • in-Neue Galerie: arti viżiva tas-sekli 19 u 20.
  • il-Mużew tal-Istorja Naturali: wirjiet tal-botanika, tal-mineraloġija u taż-żooloġija.
  • l-iStadtmuseum Graz: il-mużew dwar il-belt.
  • il-Kunsthaus: wirjiet tal-arti kontemporanja.
  • il-Forum Stadtpark: mużew tal-arti kontemporanja.
  • il-Camera Austria: mużew tal-fotografija kontemporanja.
  • il-Landeszeughaus: wirja tal-armerija Medjevali b'32,000 oġġett tal-armerija u tal-armi, l-ikbar kollezzjoni ta' dan it-tip fid-dinja.
  • il-Volkskundemuseum: mużew tal-kultura u tad-drawwiet folkloristiċi.
  • id-Diözesanmuseum: mużew tal-Knisja Kattolika Rumana.
  • il-Künstlerhaus: wirjiet tal-arti viżiva kontemporanja.
  • il-Literaturhaus: mużew tal-letteratura Ġermaniża kontemporanja.
  • il-Museum der Wahrnehmung: mużew tas-sensi, b'banju samadhi.
  • il-Kindermuseum Frida&Fred: mużew għat-tfal.
  • il-Mużew tat-Tramm: 40 tramm storiku, l-eqdem wieħed tal-1873.
  • il-Kriminalmuseum: mużew tal-kriminoloġija.
  • il-Luftfahrtmuseum: mużew tal-avjazzjoni fl-ajruport ta' Graz.
  • il-Kollezzjoni ta' Hanns Schell: mużew tal-imfietaħ u tas-sokra, l-ikbar wieħed ta' dan it-tip fid-dinja.
  • il-Park tal-Iskulturi Awstrijaċi: seba' ettari ta' skulturi kontemporanji.
  • il-Ġnien Botaniku ta' Graz: tliet serer interessanti arkitettonikament u ġonna.
Il-Knisja tal-Qalb ta' Ġesù

Iċ-ċentru storiku u d-distrett biswitu huma kkaratterizzati minn binjiet residenzjali u knejjes storiċi. Fid-distretti fil-periferija, il-binjiet għandhom stili arkitettoniċi tat-tieni nofs tas-seklu 20.

Fl-1965, ġiet stabbilita l-Grazer Schule (l-Iskola ta' Graz). Diversi binjiet madwar l-universitajiet inbnew b'dan l-istil, pereżempju s-serer ta' Volker Giencke u ċ-ċentru RESOWI ta' Günther Domenig.

Qabel ma Graz saret Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2003, twettqu diversi proġetti ġodda, bħall-iStadthalle, il-Kindermuseum (mużew għat-tfal), il-Helmut-List-Halle, il-Kunsthaus u l-Murinsel.

L-ogħla binjiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-binjiet fi Graz li huma għoljin mill-inqas 50 metru huma:

Isem jew Indirizz Tlestija Użu Għoli (f'm) Sulari
1. Herz-Jesu-Kirche 1887 knisja 109
2. Elisabeth Hochhaus 1964 residenzjali 75 25
3. 4. Kärntner Straße 212, Liebenauer Hauptstraße 309 1968 u 1955 residenzjali 69 21
5. Franziskanerkirche 1240 knisja 69
6. Alpha Tower 1960/żdiedu żewġ sulari fl-2015 residenzjali 67 21
7. Telekom Austria Tower snin 60 tas-seklu 20 uffiċċju 65 15
8. Basilica Mariatrost 1724 knisja 61
9. Styria Media Center 2014 uffiċċju 60 15
10. Science Tower 2017 uffiċċju 60 12 + skygarden
11. 12. 13. 14. St. Peter Pfarrweg, Kindermanngasse, Hanuschgasse, Algersdorferstraße snin 60/70 tas-seklu 20 residenzjali 55 17
15. 16. 17. 18. Vinzenz Muchitschstraße, Ungergasse, Kärntner Straße 216, Eggenberger Gürtel snin 70 tas-seklu 20 residenzjali 52 16

L-SK Sturm Graz huwa l-klabb tal-futbol prinċipali tal-belt, u fl-istorja tiegħu rebaħ tliet kampjonati Awstrijaċi u ġiet t-tieni f'ħames kampjonati. Il-Grazer AK rebħu wkoll kampjonat Awstrijaku, iżda daħal f'proċedura ta' falliment fl-2007 u ġie eskluż mis-sistema tal-lega professjonali.

Fl-ice hockey, l-ATSE Graz rebaħ il-kampjonat Awstrijaku fl-1975 u fl-1978. L-EC Graz ġie t-tieni fl-istaġuni 1991–92, 1992–93 u 1993–94. Graz 99ers ilhom jilagħbu fl-ewwel diviżjoni mis-sena 2000.

Il-UBSC Raiffeisen Graz jilgħab fil-Lega Awstrijaka tal-Basketball.

Il-Graz Giants jilagħbu fil-Lega Awstrika tal-Futbol (Futbol Amerikan).

Il-belt tefgħet il-kandidatura tagħha biex tospita l-Logħob Olimpiku tax-Xitwa tal-1995 u l-Logħob Olimpiku tax-Xitwa fl-2002, iżda tilfet u ntgħażlet Salt Lake City. Illum il-ġurnata hemm pjan għall-kandidatura tal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa tal-2026 b'mod konġunt mal-Bavarja, il-Ġermanja, biex jinqasmu l-ispejjeż billi jintużaw l-infrastrutturi eżistenti qrib il-fruntieri nazzjonali. Għad irid isir referendum, li normalment ikun l-aħħar pass tal-kandidatura.

Graz tospita l-festival annwali tal-mużika klassika Styriarte, stabbilita fl-1985 biex is-surmast Nikolaus Harnoncourt jintrabat iktar qrib raħal twelidu. L-avvenimenti ttellgħu f'postijiet differenti fi Graz u fir-reġjun tal-madwar.

Imsejjaħ Steirisch miċ-ċittadini lokali, id-djalett ta' Graz jifforma parti mid-djaletti tar-reġjun Awstro-Bavarjan, b'mod speċifiku taħlita ta' Bavarjan Ċentrali fil-parti tal-Punent ta' Styria y ta' Bavarjan tan-Nofsinhar fil-parti tal-Lvant.[26] Il-Grazer ORF, is-sussidjarja ta' Graz tal-Korporazzjoni Awstrijaka tax-Xandir, nediet inizjattiva fl-2008 imsejħa Scho wieda Steirisch g'redt sabiex tenfasizza l-bosta djaletti ta' Graz u Styria inġenerali u trawwem il-kburija li għandhom bosta ċittadini ta' Styria għall-kultura lokali tagħhom.[27] Hemm żewġ raġunijiet tat-taħlit ta' dawn id-djalett mal-Ġermaniż Standard: l-influwenza tat-televiżjoni u tar-radju li wasslu l-Ġermaniż Standard fid-djar u l-industrijalizzazzjoni li kkawżat l-għebien tal-bidwi waħdu, fid-dawl tal-fatt li l-komunitajiet agrikoli jitqiesu bħala l-kelliema reali tad-djalett mitkellem.

Tramm f'Jakominiplatz

Permezz ta' network estensiv tat-trasport pubbliku, Graz hija faċilment aċċessibbli mingħajr karozza. Il-belt għandha network komprensiv tal-karozzi tal-linja, li jikkomplementa n-network tat-tramm ta' Graz li jikkonsisti minn tmien linji. Erba' linji jgħaddu minn waqfa tat-tramm taħt l-art fl-istazzjon ferrovjarju ċentrali (Hauptbahnhof) u jgħaddu miċ-ċentru tal-belt qabel ma jmorru f'inħawi oħra. Barra minn hekk, hemm seba' rotot ta' billejl tal-karozzi tal-linja, għalkemm dawn joperaw fi tmiem il-ġimgħa u filgħaxijiet qabel il-btajjel pubbliċi.

Ix-Schlossbergbahn, il-linja ferrovjarja tal-funikular, u l-lift tax-Schlossberg, lift vertikali, jikkollegaw iċ-ċentru tal-belt max-Schlossberg.

Mill-istazzjon ferrovjarju ċentrali (Hauptbahnhof), il-ferroviji reġjonali jikkollegaw mal-biċċa l-kbira ta' Styria. Il-ferroviji diretti joperaw lejn il-bliet il-kbar ewlenin tal-qrib, inkluż Vjenna, Salzburg, Innsbruck, Maribor u Ljubljana fis-Slovenja, Zagreb fil-Kroazja, Budapest fl-Ungerija, Praga u Brno fiċ-Ċekja, Zürich fl-Iżvizzera, kif ukoll Munich, Stuttgart, Heidelberg, u Frankfurt fil-Ġermanja. Il-ferroviji għal Vjenna jitilqu kull siegħa. F'dawn l-aħħar snin bosta stazzjonijiet ferrovjarja fi ħdan il-limiti tal-belt u fis-subborgi ġew rikostruwiti jew immodernizzati u issa huma parti mill-"S-Bahn Graz", servizz ferrovjarju ta' kollegament tal-belt maż-żona suburbana u l-irħula tal-madwar.

L-Ajruport ta' Graz jinsab madwar 10 kilometri fin-Nofsinhar taċ-ċentru tal-belt u huwa aċċessibbli bil-karozza tal-linja, bil-ferrovija, bit-taksi u bil-karozza. Id-destinazzjonijiet diretti jinkludu Amsterdam, Berlin, Düsseldorf, Frankfurt, Munich, Stuttgart, Istanbul, Vjenna u Zurich.[28] Fl-2021 ġiet proposta sistema tal-metro b'żewġ linji għal Graz, li twassal biex Graz tkun it-tieni belt Awstrijaka b'sistema rapida ta' tranżitu wara Vjenna.[29]

Fi Graz hemm seba' sptarijiet, diversi sptarijiet privati u sanatoriums, kif ukoll 44 spiżerija.

L-Isptar Universitarju ta' Graz (LKH-Universitäts-Klinikum Graz) jinsab fil-Lvant ta' Graz u fih 1,556 sodda u jħaddem 7,190 impjegat. L-Isptar Reġjonali ta' Graz II (LKH Graz II) għandu żewġ siti fi Graz. Is-sit tal-Punent (LKH Graz II Standort West) jinsab f'Eggenberg u fih 280 sodda u jħaddem madwar 500 impjegat, filwaqt li s-sit tan-Nofsinhar (LKH Graz II Standort Süd) jispeċjalizza fin-newroloġija u fil-psikjatrija u jinsab fi Straßgang, u fih 880 sodda u 1,100 impjegat. L-Isptar tal-Aċċidenti AUVA (Unfallkrankenhaus der AUVA) jinsab f'Eggenberg u fih 180 sodda u jħaddem total ta' 444 impjegat.

Il-Klinika ta' Albert Schweitzer fil-parti tal-Punent tal-belt hija sptar tal-anzjani li fih 304 sodda, l-Isptar ta' San Ġwann t'Alla (Krankenhaus der Barmherzigen Brüder) għandu żewġ siti fi Graz, wieħed f'Lend li fih 225 sodda u wieħed f'Eggenberg b'260 sodda. L-Isptar tal-Ordni ta'' Santa Eliżabetta (Krankenhaus der Elisabethinen) fi Gries fih 182 sodda.

Hemm ukoll diversi kliniki privati: il-Privatklinik Kastanienhof, il-Privatklinik Leech, il-Privatklinik der Kreuzschwestern, is-Sanatorium St. Leonhard, is-Sanatorium Hansa u l-Privatklinik Graz-Ragnitz.

Is-Servizz ta' Emerġenza EMS fi Graz jiġi pprovdut unikament mis-Salib l-Aħmar tal-Awstrija. B'mod perpetwu, żewġ karozzi għat-tobba ta' emerġenza (NEF – Notarzteinsatzfahrzeug), żewġ ambulanzi b'tabiba u l-persunal regolari (NAW Notarztwagen) u madwar 30 ambulanza regolari (RTW – Rettungswagen) ikunu dejjem lesti għal dak li jista' jinqala'. Barra minn hekk, diversi ambulanzi mhux ta' emerġenza (KTW – Krankentransportwagen) u Unità Mobbli tal-Kura Intensiva (MICU) jiġu operati mis-Salib l-Aħmar għat-trasport ta' pazjenti mhux f'każijiet ta' emerġenza lejn l-isptarijiet u bejniethom. Minbarra s-Salib l-Aħmar, l-Alleanza tal-Ħaddiema-Samaritani (Arbeiter-Samariter-Bund Österreichs), l-organizzazzjoni Awstrijaka tal-Korp tal-Ambulanza tal-Ordni ta' Malta (Malteser Hospitaldienst Austria) u s-Salib l-Aħdar (Grünes Kreuz) joperaw ambulanzi (KTW) għat-trasport tal-pazjenti mhux f'każijiet ta' emerġenza. Minbarra l-karozzi, hemm ukoll ħelikopter-ambulanza C12 stazzjonat fl-ajruport ta' Graz, b'tabib ta' emerġenza flimkien mal-persunal regolari.

Relazzjonijiet Internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Ġemellaġġi

[immodifika | immodifika s-sors]

Graz hija ġemellata ma':

Forom oħra ta' kooperazzjoni u ħbiberija bejn il-bliet simili għall-programmi ta' ġemellaġġ

Residenti notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn li ġejjin huma residenti notevoli ta' Graz tal-imgħoddi u tal-preżent:

  • Anna tal-Awstrija, ir-Reġina tal-Polonja u tal-Iżvezja
  • Carl Julius Haidvogel, kittieb
  • Wolfgang Bauer, kittieb Awstrijaku
  • Karl Böhm, surmast Awstrijaku
  • Ludwig Boltzmann, fiżiku Awstrijaku, Professur tal-Fiżika Matematika fl-Università ta' Graz (1869), President tal-Fiżika Sperimentali fl-Università ta' Graz (1876-1890)
  • Bernd Brückler, plejer professjonista tal-ice hockey
  • Kostanza tal-Awstrija, ir-Reġina tal-Polonja
  • Hans Dobida
  • Elisabeth Eberl, atleta Olimpika tal-javelin
  • Arċiduka Franz Ferdinand tal-Awstrija, Arċiduka tal-Awstrija-tal-familja Este u werriet għat-tron Awstro-Ungariku
  • Olaf Fjord, attur, reġista u produttur tal-films
  • Michael Gspurning, gowler attwali ta' FC Schalke 04 II
  • Gregor Hammerl, President tal-Kunsill Federali tal-Awstrija
  • Nicolaus Harnoncourt, twieled f'Berlin u trabba f'Graz, surmast magħruf għall-ispettakli tal-mużika klassika strumentali
  • Victor Franz Hess, fiżiku rebbieħ tal-premju Nobel
  • Manfred Hoeberl, powerlifter
  • Hans Hollmann, direttur u attur teatrali
  • Johannes Kepler, għalliem tal-matematika f'seminarju fi Graz
  • Helmut Kollars, kittieb u illustratur
  • Otto Loewi, fiżjologu rebbieħ tal-Premju Nobel
  • Helmut Marko, eks sewwieq tat-tlielaq tal-karozzi
  • Marisa Mell (1939-1992), attriċi li twieldet u trabbiet fi Graz
  • Franziska Meissner-Diemer, ġurnalista u kittieba
  • August Meyszner (1886-1947), uffiċjal Awstrijaku tal-SS li ġie ġġustizzjat għal reati tal-gwerra
  • August Musger, inventur tat-teknika tas-slow motion fiċ-ċinema
  • Olga Neuwirth, kompożitur Awstrijaka kontemporanja
  • Lili Novy, poeta Slovena
  • Emanuel Pogatetz, difensur ta' FC Nürnberg
  • Johann Puch, inventur, mekkaniku u produttur tal-vetturi Sloven
  • Adam Rainer, l-unika persuna dokumentata fl-istorja li kien wieħed kemm l-iqsar kif ukoll l-itwal persuni.
  • Jochen Rindt, ċampjin Awstrijaku tal-Formula 1 li trabba fi Graz ma' nanntu
  • Anton Rintelen, Ministru tal-kabinett u aġent li kkonfoffa man-Nażisti
  • Eduard Roschmann (1908-1977), kmandant Awstrijaku Nażist tal-SS fil-getto ta' Riga
  • Josef Schleich (twieled fl-1949), bidwi Awstrijaku
  • Hermann Schloffer, kirurgu
  • Andreas Schnider (twieled fl-1959), teologu, għalliem akkademiku, awtur, pubblikatur, konsulent u politiku tal-ÖVP
  • Gert Schnider, ċampjin tal-Abalone
  • Markus Schopp, eks midfielder tal-futbol
  • Erwin Schrödinger, kanċillier għal perjodu qasir tal-Università ta' Graz fl-1936
  • Werner Schwab, drammaturgu u artist viżiv
  • Arnold Schwarzenegger, eks ċampjin tal-bodybuilding, attur u eks gvernatur tal-California. Twieled u trabba fil-villaġġ agrikolu ta' Thal, 3.2 kilometri minn Graz.
  • Friedrich St. Florian, arkitett Awstrijaku-Amerikan
  • Robert Stolz, kompożitur u surmast Awstrijaku
  • Thomas Tebbich, dekatleta u pole vaulter
  • Nikola Tesla, studja l-inġinerija elettrika fi Graz
  • Hertha Töpper, contralto, twieldet fi Graz
  • Thomas Vanek, plejer tal-hockey professjonista, twieled f'Baden bei Wien, trabba fi Graz
  • Hans Ulrich von Eggenberg, statista Awstrijaku u "Prim Ministru" bikri matul il-Gwerra ta' Tletin Sena
  • Johann Bernhard Fischer von Erlach, arkitett tal-perjodu Barokk
  • Ernestine von Kirchsberg, pittur
  • Leopold von Sacher-Masoch, kittieb u ġurnalist, studja fi Graz; it-terminu masokiżmu oriġina minn kunjomu
  • Baruni Roman Ungern von Sternberg, figura prominenti fil-moviment Abjad Russu u dittatur tal-Mongolja fl-1921
  • Otto Wanz, eks lottatur professjonista li rebaħ il-Kampjonat Dinji AWA tal-Heavyweight
  • Walter Wolf, negozjant
  • Oktavia Aigner-Rollett, fiżiku prominenti
  1. ^ Service), Stadtportal der Landeshauptstadt Graz, Admin (Graz Press. "Zahlen + Fakten: Bevölkerung, Bezirke, Wirtschaft, Geografie". Stadtportal der Landeshauptstadt Graz (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-05.
  2. ^ "Metropolitan areas". stats.oecd.org. Miġbur 2022-04-05.
  3. ^ "Graz". Interreg CENTRAL EUROPE (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-06-25. Miġbur 2022-04-05.
  4. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "City of Graz – Historic Centre and Schloss Eggenberg". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-05.
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "30 COM 8B.51 - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-05.
  6. ^ Baynes, T. S.; Smith, W.R., eds. (1880). "Gratz" . Encyclopædia Britannica. Vol. 11 (9th ed.). New York: Charles Scribner's Sons. p. 63.
  7. ^ Fichtner, Paula Sutter (11 June 2009). Historical Dictionary of Austria. Scarecrow Press. ISBN 9780810863101.
  8. ^ https://austria-forum.org, Austria-Forum |. "Graz Glockenturm". Austria-Forum (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-06.
  9. ^ https://austria-forum.org, Austria-Forum |. "Graz Uhrturm". Austria-Forum (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-06.
  10. ^ "A Short History of the City - City of Graz". web.archive.org. 2013-12-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-12-09. Miġbur 2022-04-06.
  11. ^ Service), Stadtportal der Landeshauptstadt Graz, Admin (Graz Press. "Zahlen + Fakten: Bevölkerung, Bezirke, Wirtschaft, Geografie". Stadtportal der Landeshauptstadt Graz (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-06.
  12. ^ "Graz, Austria Koppen Climate Classification (Weatherbase)". Weatherbase. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-04-06. Miġbur 2022-04-06.
  13. ^ Saha, Pijushkanti (5 June 2012). Modern Climatology. Allied Publishers. ISBN 9788184247565.
  14. ^ Graz-Universität Klimadaten
  15. ^ "Klimadaten von Österreich 1971 - 2000". www.zamg.ac.at. Miġbur 2022-04-06.
  16. ^ "Primeri nekaj sklanjatev in spregatev v Megiserjevem Dictionarium quatuor linguarum 1592" [The Concise Grammar of Four Languages in Megiser's 1592 Dictionary]. Jezikoslovni Zapiski (in Slovenian). Inštitut za slovenski jezik Frana Ramovša, ZRC SAZU. 13 (1/2): 23–32. 2007. ISSN 0354-0448.
  17. ^ Granda, Stane (2006). "Gradec in Slovenci". Traditiones (in Slovenian). Vol. 35, no. 2. University of Graz. pp. 99–103.
  18. ^ "Janez Nepomuk Primic in ustanovitev stolice za slovenski jezik na liceju v Gradcu 1811" [Janez Nepomuk Primic and the Establishment of the Chair of Slovene at the Lyzeum in Graz in 1811]. Slavistična revija [Journal of Slavic Linguistics] (bis-Sloven). 50 (1). January–March 2002. ISSN 1855-7570.
  19. ^ Bračič, Bojan (November–December 2011). Korber, Mateja (ed.). "Predstavitev znamke v baročni dvorani graškega semenišča". Razgledi: glasilo Pošte Slovenije [Views: The Bulletin of the Post of Slovenia]. Pošta Slovenije [Post of Slovenia]. ISSN 1318-5705.
  20. ^ "A Short History of the City - City of Graz". web.archive.org. 2013-12-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-12-09. Miġbur 2022-04-06.
  21. ^ Löwenstein, Stephan. "Österreich: Würschtl statt Weltrevolution" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-06.
  22. ^ "The Communist Party Just Won the Elections in Austria's Second-Biggest City". jacobinmag.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-06.
  23. ^ red, steiermark ORF at (2021-11-17). "Elke Kahr ist neue Grazer Bürgermeisterin". steiermark.ORF.at (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-06.
  24. ^ Welle (www.dw.com), Deutsche. "Austrian city swears in first-ever communist mayor | DW | 17.11.2021". DW.COM (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-06.
  25. ^ "Gemeinderatswahl 2021". www.wahlergebnis.graz.at. Miġbur 2022-04-06.
  26. ^ "Steirische Sprache | steiermark.com". www.steiermark.com (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-07.
  27. ^ "Jontes, Günther. "Scho wieda Steirisch g'redt" (PDF). ORF St Radio Steiermark. ORF Steiermark" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-08-18. Miġbur 2022-04-07.
  28. ^ "Flughafen Graz :: Destinations :: Flightinformation, Flight Schedule, Departure, Arrival, Travel". web.archive.org. 2015-09-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-07. Miġbur 2022-04-07.
  29. ^ 2021-03-01T10:00:00. "Two-line automated metro proposed for Graz". Railway Gazette International (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-07.
  30. ^ Beziehungen, Stadtportal der Landeshauptstadt Graz, Graz-Referat für Internationale. "Städtepartnerschaften". Stadtportal der Landeshauptstadt Graz (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-07.
  31. ^ "What is the point of Coventry's twin towns? - Coventry Telegraph". web.archive.org. 2017-12-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-12-30. Miġbur 2022-04-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  32. ^ "Stedenbanden". web.archive.org. 2007-09-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-26. Miġbur 2022-04-07.
  33. ^ "Städtepartnerschaften und Internationales - Wissenschaftsstadt Darmstadt". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-07-23.
  34. ^ "Trondheims offisielle nettsted - Vennskapsbyer". web.archive.org. 2011-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-21. Miġbur 2022-04-07.
  35. ^ "Gradovi pobratimi | Grad Pula". www.pula.hr. Miġbur 2022-04-07.
  36. ^ "Twin cities and association memberships – About Ljubljana – Ljubljana". web.archive.org. 2016-06-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-06-11. Miġbur 2022-04-07.
  37. ^ "Международные и межрегиональные связи - Официальный сайт Администрации Санкт‑Петербурга". www.gov.spb.ru. Miġbur 2022-04-07.
  38. ^ Grazer, Der. "Offiziell: Stadt Graz friert Partnerschaft mit St. Petersburg ein". grazer.at (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-04-07.