Aqbeż għall-kontentut

Palazz ta' Schönbrunn

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Palazz ta' Schönbrunn

Il-Palazz ta' Schönbrunn (bil-Ġermaniż: Schloss Schönbrunn [ʃøːnˈbʁʊn]; bil-Bavarjan Ċentrali: Schloss Scheenbrunn) kien ir-residenza ewlenija tas-sajf tal-mexxejja Asburgi, u jinsab f'Hietzing, fi Vjenna, l-Awstrija. L-isem Schönbrunn (li jfisser "fawwara sabiħa") oriġina minn bir artiġjanali li kien jintuża għall-ilma meħtieġ mill-Asburgi.

Il-palazz bi stil Rokokò għandu 1,441 kamra u huwa wieħed mill-iktar monumenti arkitettoniċi, kulturali u storiċi tal-pajjiż. L-istorja tal-palazz u tal-ġonna kbar tiegħu tmur lura għal iktar minn 300 sena, u tirrifletti l-bidla fil-gosti, fl-interessi u fl-aspirazzjonijiet tal-monarki Asburgi suċċessivi. Il-palazz u l-ġonna tiegħu saru attrazzjoni turistika ewlenija min-nofs is-snin 50 tas-seklu 20 u tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[1][2]

Das kaiserliche Lustschloß Schönbrunn, Ehrenhofseite ta' Bernardo Bellotto, 1759-1760

Fl-1569, l-Imperatur Ruman Sagru Massimiljanu II xtara pjanura kbira taħt għolja fejn kien jinġema' l-ilma tax-xmara Wien, li kienet tinsab bejn Meidling u Hietzing. Fl-1548, l-ewwel sid tal-art bena residenza kbira msejħa Katterburg. L-imperatur ordna li ż-żona tiġi kkonfinata b'palizzati għoljin u tefa' annimali selvaġġi hemmhekk bħal faġani, papri, ċriev u ċingjali, sabiex tintuża bħala żona tal-kaċċa rikreattiva tiegħu. F'parti żgħira separata taż-żona, kienu jinżammu għasafar "eżotiċi" bħal dundjani u paguni. Barra minn hekk, inbnew ukoll għadajjar bil-ħut.

Il-Palazz ta' Eleonora Gonzaga fl-1672

Matul is-seklu ta' wara, iż-żona baqgħet tintuża bħala żona tal-kaċċa u tar-rikreazzjoni. Eleonora Gonzaga, li kienet togħġobha l-kaċċa, qattgħet ħafna ħin hemmhekk u wirtet iż-żona bħala r-residenza tagħha ladarba romlot wara l-mewt tar-raġel tagħha, Ferdinandu II. Mill-1638 sal-1643, hija żiedet palazz mar-residenza msejħa Katterburg, filwaqt li fl-1642 feġġ għall-ewwel darba l-isem ta' "Schönbrunn" fuq fattura. L-oriġini tas-serra tas-siġar tal-larinġ ta' Schönbrunn x'aktarx li jmorru lura għal żmien Eleonora Gonzaga wkoll. Il-Palazz ta' Schönbrunn kif inhi attwalment inbena u ġie mmudellat mill-ġdid matul is-snin 40 u 50 tas-seklu 18 matul ir-renju tal-imperatriċi Marija Tereża li ngħatat l-art tal-palazz bħala rigal tat-tieġ. Franz I kkummissjona d-dekorazzjoni mill-ġdid tal-palazz minn barra bl-istil Neoklassiku kif inhu attwalment.[3]

Truppi Sovjetiċi fil-ġonna tal-Palazz ta' Schönbrunn fl-1945

Franz Josef, l-iktar imperatur tal-Awstrija li dam jirrenja, twieled fil-Palazz ta' Schönbrunn u qatta' ħafna minn ħajtu hemmhekk. Huwa miet fil-palazz meta kellu 86 sena, nhar il-21 ta' Novembru 1916. Wara l-waqgħa tal-monarkija Asburga f'Novembru 1918, il-palazz sar proprjetà tar-Repubblika Awstrijaka li kienet għadha kif ġiet stabbilita u ġie ppreservat bħala mużew.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija u matul l-Okkupazzjoni Alleata tal-Awstrija (1945-1955), il-Palazz ta' Schönbrunn ġie rrekwiżizzjonat biex jintuża bħala spazju għall-uffiċċji kemm għad-Delegazzjoni Brittanika kif ukoll għall-Kummissjoni Alleata għall-Awstrija, u għall-kwartieri ġenerali tal-Gwarniġjon Militari Brittaniku żgħir li kien preżenti fi Vjenna. Bl-istabbiliment mill-ġdid tar-Repubblika Awstrijaka fl-1955, il-palazz reġa' sar mużew. Xi drabi għadu jintuża għal avvenimenti importanti bħal-laqgħa bejn il-President tal-Istati Uniti John F. Kennedy u l-Prim Ministru Sovjetiku Nikita Khrushchev fl-1961.

Veduta tal-Palazz ta' Schönbrunn mill-entrata

Mill-1992 'l hawn, is-sjieda u l-amministrazzjoni tal-palazz u tal-ġonna kienet f'idejn ix-Schloss Schönbrunn Kultur-und Betriebsges.m.b.H., kumpanija b'responsabbiltà limitata b'sjieda sħiħa tar-Repubblika tal-Awstrija. Il-kumpanija twettaq il-preservazzjoni u r-restawr tal-proprjetajiet kollha tal-palazz mingħajr sussidji mill-istat.[4][5] L-UNESCO niżżlet il-Palazz ta' Schönbrunn fuq il-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fl-1996, flimkien mal-ġonna, bħala kumpless Barokk notevoli u eżempju tas-sinteżi tal-arti (Gesamtkunstwerk).[2]

Is-serra tas-siġar tal-palm tal-Palazz ta' Schönbrunn

L-ispazju tal-ġonna skolpiti bejn il-palazz u l-Funtana ta' Nettunu jissejjaħ il-Parterre l-Kbir. Il-ġnien Franċiż, parti kbira taż-żona tal-ġonna, ġie ppjanat fl-1695 minn Jean Trehet, dixxiplu ta' André Le Nôtre. Fost affarijiet oħra fih ukoll labirint.

Madankollu, il-kumpless fih bosta attrazzjonijiet oħra: apparti t-Tiergarten, serra bis-siġar tal-larinġ mibnija għall-ħabta tal-1755, lussu bażiku tal-palazzi Ewropej ta' dan it-tip, u serra notevoli tas-siġar tal-palm (li fl-1882 issostitwiet xi għaxar serer iżgħar u iktar antiki fil-parti tal-Punent tal-ġonna). Il-partijiet fil-Punent ġew ikkonvertiti fi ġnien Ingliż fl-1828-1852.

Mappa tal-ġonna

Iż-żona msejħa Meidlinger Vertiefung (l-art għan-niżla ta' Meidling) lejn il-Punent tal-palazz ġiet ikkonvertita f'żona fejn setgħu jilagħbu u jitħarrġu t-tfal tal-Asburgi fis-seklu 19. Dak iż-żmien kienet xi ħaġa komuni li l-ġonna jintużaw għall-edukazzjoni militari tal-prinċpijiet ta' età żgħira.[6] Għalkemm is-sur f'minjatura, li kien inbena għal dak l-iskop, ma għadux jeżisti iktar, il-pavaljun tal-ġnien li kien jintuża għall-kenn għadu jeżisti. Dan ġie kkonvertit f'kafetterija fl-1927 u mill-2013 sar magħruf bħala l-Istazzjon Jausen ta' Landtmann.[7]

Fit-tarf nett lejn il-Punent, il-ġnien botaniku li jmur lura għall-arboretum antik li kien hemm qabel ġie rranġat mill-ġdid fl-1828, meta nbniet is-Serra l-Antika tas-Siġar tal-Palm. Kompartiment modern għall-orangutans ġie installat ħdejn ir-ristorant u l-uffiċini fl-2009.

Il-Parterre l-Kbir tal-Palazz ta' Schönbrunn għandu 32 skultura, li jirrappreżentaw l-allat u l-virtujiet.

Il-Funtana ta' Nettunu bl-istruttura tal-Gloriette fl-isfond

L-orjentazzjoni tal-ġonna tipponta lejn għolja ta' 60 metru, li mill-1775 fiha l-istruttura tal-Gloriette fil-quċċata tagħha (Fischer von Erlach inizjalment kien ippjana li jibni l-palazz prinċipali fil-quċċata ta' din l-għolja).

Il-Parterre l-Kbir bil-Gloriette fl-isfond

L-imperatriċi Marija Tereża ddeċidiet li l-Gloriette kellha tiġi ddisinjata biex tigglorifika s-setgħa tal-Asburgi u l-Gwerra Ġusta (gwerra li seħħet bħala "neċessità" u li wasslet għall-paċi), u għalhekk ordnat lill-bennejja jirriċiklaw "il-ġebel żejjed" li kien hemm mill-kważi tiġrif tax-Schloss Neugebäude. L-istess materjal intuża wkoll għall-fdalijiet Rumani.[8]

L-istruttura tal-Gloriette nqerdet fit-Tieni Gwerra Dinjija, iżda diġà kienet ġiet irrestawrata sal-1947, u mill-ġdid fl-1995.

Attwalment, l-istruttura tal-Gloriette fiha kafetterija u punt ta' osservazzjoni li joffri veduti panoramiċi tal-belt.

Fdalijiet Rumani

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-fdalijiet Rumani tal-Palazz ta' Schönbrunn

Oriġinarjament magħrufa bħala l-Fdalijiet ta' Kartaġni, il-Fdalijiet Rumani huma sett ta' fdalijiet taparsi li ġew iddisinjati mill-arkitett Johann Ferdinand Hetzendorf von Hohenberg u li nbnew bħala karatteristika arkitettonika ġdida għalkollox fl-1778. Dan il-kumpless arkitettoniku, integrat għalkollox fid-disinn tal-ġonna, jeħtieġ li jitqies bħala karatteristika ortokulturali pittoreska u mhux sempliċement bħala fdalijiet, li minħabba n-nuqqas ta' manutenzjoni spiċċa jixbaħ tassew lill-fdalijiet antiki qabel ma sar l-aħħar restawr.

Il-moda tal-fdalijiet pittoreski li saret mifruxa permezz tal-moviment Romantiku ftit wara nofs is-seklu 18 kienet simbolu kemm tad-deklin ta' setgħat li xi darba kienu qawwijin kif ukoll tal-preservazzjoni tal-fdalijiet ta' passat erojku. Mibnija għall-ħabta tal-istess żmien mhux wisq 'il bogħod mill-Fdalijiet Rumani, il-Funtana tal-Obelisk kienet maħsuba biex tikkompleta l-programm ikonografiku tal-ġonna tal-Palazz ta' Schönbrunn bħala simbolu ta' stabbiltà u ta' permanenza.

Il-Fdalijiet Rumani jikkonsistu minn pixxina rettangolari kkonfinata bi ħnejja enormi u ħitan laterali, li jevokaw il-bixra ta' binja tal-qedem li bil-mod il-mod qed taqa' biċċiet. Fil-pixxina quddiem il-fdalijiet hemm arranġament pjuttost każwali ta' frammenti tal-ġebel li qed jirfdu grupp ta' figuri li jissimboleġġaw ix-xmajjar Vltava u Elbe.[9]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz ta' Schönbrunn u l-ġonna tiegħu ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1996.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem", ladarba huma eżempju ppreservat tajjeb ħafna tal-kumplessi residenzjali prinċipeski Barokki u jikkostitwixxu eżempju straordinarju tal-Gesamtkunstwerk, fużjoni mill-aqwa ta' bosta forom ta' arti; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem", ladarba l-palazz u l-ġonna fihom evidenza ppreservata tal-modifiki li saru matul diversi sekli li juru ferm il-gosti, l-interessi u l-aspirazzjonijiet tal-monarki Asburgi suċċessivi.[2]

Attivitajiet attwali fil-Palazz ta' Schönbrunn

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Palazz ta' Schönbrunn minn ġewwa

Il-Palazz ta' Schönbrunn huwa l-iktar destinazzjoni turistika popolari ta' Vjenna, u fl-2017 laqa' xi 3,800,000 viżitatur.[10] Il-kumpless kollu tal-Palazz ta' Schönbrunn bit-Tiergarten Schönbrunn, il-Palmenhaus, il-Wüstenhaus, il-Wagenburg, u l-Kunċerti li saru fil-Palazz[11], laqgħu iktar minn ħames miljun viżitatur fl-2009.[12] Fis-sit web uffiċjali tal-palazz wieħed jista' jixtri l-biljetti għal żjarat iggwidati fuq ġewwa. Barra minn hekk, bosta kunċerti tal-mużika klassika ta' Mozart u ta' mużiċisti kontemporanji tiegħu jiġu organizzati kull sena u wieħed jista' jitpaxxa bil-veduti tal-palazz u tal-ġonna tiegħu iktar fit-tul.

Kull sena fis-sajf isir kunċert billejl fil-ġonna tal-Palazz ta' Schönbrunn.[13]

Kunċerti tal-Palazz ta' Schönbrunn

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kunċerti tal-Palazz ta' Schönbrunn jiġu organizzati mill-Orkestra tal-Palazz ta' Schönbrunn.[14] L-orkestra ġiet stabbilita fl-1997, u hija mmexxija mis-surmast ewlieni tal-opri l-Maestro Guido Mancusi mill-1998. Huwa stabbilixxa wkoll l-Opra tal-Palazz ta' Schönbrunn fis-sensiela ta' Kunċerti tal-Palazz ta' Schönbrunn.

Fi Vjenna, kuljum isiru kunċerti fil-post oriġinali tal-isfida famuża mad-dinja kollha bejn Mozart u Salieri (1786). L-orkestra għandha esperjenza kbira ta' ħidma ma' bosta kantanti u żeffiena taż-żfin klassiku. L-orkestra jkollha tours dinjin regolari biex iddoqq fiċ-Ċina, fil-Ġappun, f'Singapore, fir-Russja, fl-Iżvezja, fid-Danimarka, fin-Norveġja, fil-Finlandja, fl-Iżlanda, fl-Estonja, fil-Ġermanja, fl-Iżvizzera, fir-Repubblika Ċeka, u fil-Brażil.

Produzzjonijiet televiżivi u tal-films

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ġonna u l-palazz intużaw għal bosta produzzjonijiet televiżivi u tal-films, fosthom il-produzzjoni tat-triloġija ta' Sissi fis-snin 50 tas-seklu 20, A Breath of Scandal b'Sophia Loren bħala protagonista, u ftit anke f'The Living Daylights tas-sensiela ta' James Bond.[15] Il-kummiedja The Great Race nġibdet hawn fl-1965.[16] Jackie Chan ġibed xi xeni għal Armour of God fil-ġonna tal-palazz. Iktar reċentement, inġibed ukoll id-dramm televiżiv The Crown Prince b'Max von Thun bħala l-Prinċep tal-Kuruna Rudolf u Klaus Maria Brandauer bħala l-Kaiser Franz Josef.

Il-labirint tal-ġonna tal-Palazz ta' Schönbrunn

Is-sensiela televiżiva Awstrijaka, Kommissar Rex, kellha diversi episodji li nġibdu hawnhekk.[17] Fl-episodju 2 ta' Kuroshitsuji, il-maġġordom Omnipotent, Sebastian Michaelis, jgħid lill-imgħallem tiegħu li kien mistieden fis-serati tal-Palazz ta' Schönbrunn qabel il-kuntratt tiegħu ngħalaq ma' Ciel filwaqt li jgħallem lill-imgħallem iż-żgħir tiegħu jiżfen. Il-vjolinista Olandiż André Rieu u l-Orkestra ta' Johann Strauss, flimkien mal-Opera Babes, użaw il-palazz bħala sfond għal verżjoni tal-Innu Ewropew fl-2003.

It-tielet rawnd ta' The Amazing Race 4, il-palazz ospita l-kompitu ta' "Fast Forward" fejn tim kellu jġorr gabarrejiet tat-tazzi tax-xampanja minn naħa għall-oħra ta' sala tal-ballu fejn xi koppji kienu qed jiżfnu l-waltz.[18] Fis-sitt rawnd ta' The Amazing Race 23, it-timijiet kellhom jikkompetu f'tellieqa fil-labirint tal-palazz u jfittxu l-pit stop li kien jinsab fejn l-istruttura tal-Gloriette.[19]

Is-sensiela animata televiżiva tad-Disney Little Einsteins ġiet ambjentata fil-Palazz ta' Schönbrunn fit-Tieni Staġun, fl-episodju msejjaħ The Glass Slipper Ball, fejn dehret ukoll pittura b'ħuta oranġjo ta' Andy Warhol u ndaqqet il-mużika The Blue Danube Waltz ta' Johann Strauss II, ibbażata fuq il-film animat tal-1950 tad-Disney u l-ktieb Cinderella ta' Charles Perrault li ġiet imxandra għall-ewwel darba f'Jannar 2007.

Munita tal-fidda tal-Palazz ta' Schönbrunn

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-palazz intgħażel bħala l-motiv ewlieni ta' munita kommemorattiva ta' valur għoli: il-munita Awstrijaka tal-fidda ta' 10 ewro tal-Palazz ta' Schönbrunn, li ġiet izzekkata fit-8 ta' Ottubru 2003. In-naħa ta' wara tal-munita turi l-parti ċentrali tal-faċċata tal-palazz wara l-funtani l-kbar fil-beraħ.[20]

  1. ^ Betriebsges.m.b.H, Schloß Schönbrunn Kultur-und. "Schloss Schönbrunn". www.schoenbrunn.at (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-04-30.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Palace and Gardens of Schönbrunn". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-30.
  3. ^ Betriebsges.m.b.H, Schloß Schönbrunn Kultur-und. "History". www.schoenbrunn.at (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-30.
  4. ^ Betriebsges.m.b.H, Schloß Schönbrunn Kultur-und. "The Palace". www.schoenbrunn.at (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-30.
  5. ^ "The history of Schönbrunn Palace". www.visitingvienna.com. Miġbur 2021-04-30.
  6. ^ "Schönbrunn Palace, Wien, Austria" (bl-Ingliż). 2018-07-06. Miġbur 2021-04-30.
  7. ^ "Landtmann's Jausen Station". www.landtmann-jausenstation.at (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-30.
  8. ^ Betriebsges.m.b.H, Schloß Schönbrunn Kultur-und. "The Gardens". www.schoenbrunn.at (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-30.
  9. ^ "The Roman Ruins at Schönbrunn Palace". www.visitingvienna.com. Miġbur 2021-04-30.
  10. ^ "Wien Besucherzahlen: Bundesmuseen vermelden neuen Besucherrekord!" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-04-30.
  11. ^ "Klassische Konzerte mit Musik von Mozart und Strauss in Wien". www.imagevienna.com. Miġbur 2021-04-30.
  12. ^ Um 11:51, 04 08 2010 (2010-08-04). "Schönbrunn ist Wiens beliebteste Sehenswürdigkeit". Die Presse (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-04-30.Manutenzjoni CS1: ismijiet bħala numri: authors list (link)
  13. ^ "Rolex and the Arts". Rolex (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-06. Miġbur 2021-04-30.
  14. ^ "Schoenbrunn Palace Orchestra". www.schoenbrunnorchester.com. Miġbur 2021-04-30.
  15. ^ "The Living Daylights (1987) - imdb.com".
  16. ^ "The Great Race (1965) - imdb.com".
  17. ^ "Die Tote von Schönbrunn - imdb.com".
  18. ^ "Game Show NewsNet". www.gameshownewsnet.com. Miġbur 2021-04-30.
  19. ^ "The Amazing Race recap: 'Choir Boy at Heart'". EW.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-30.
  20. ^ "10 Euro, Austria". en.numista.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-30.