Aqbeż għall-kontentut

Birżebbuġa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Birżebbuġa
 Malta
Amministrazzjoni
Stat sovranMalta
Reġjuni ta’ MaltaReġjun tan-Nofsinnhar
Ismijiet oriġinali Birżebbuġa
Kodiċi postali BBĠ
Ġeografija
Koordinati 35°49′36″N 14°31′40″E / 35.8267°N 14.5278°E / 35.8267; 14.5278Koordinati: 35°49′36″N 14°31′40″E / 35.8267°N 14.5278°E / 35.8267; 14.5278
Birżebbuġa is located in Malta
Birżebbuġa
Birżebbuġa
Birżebbuġa (Malta)
Superfiċjenti 9.2 kilometru kwadru
Għoli 20 m
Demografija
Popolazzjoni 9,736 abitanti (31 Marzu 2014)
birzebbugalc.gov.mt

Birżebbuġa hi lokalità b'populazzjoni ta' 10,000 ruħ fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-Bajja ta' Marsaxlokk.

Din il-lokalità hi magħrufa għall-fossili li nstabu f'Għar Dalam, għar qrib Birżebbuġa. Il-knisja parrokkjali ta' Birżebbuġa hija ddedikata lil San Pietru fil-Ktajjen.

L-arma ta' Birżebbuġa turi forma ta' 'V' blu u fergħa taż-żebbuġ blu fuq sfond abjad. Il-blu jirappreżenta l-baħar u ż-żebbuġa tindika minn fejn ġej l-isem ta' din il-lokalità.

Il-motto tar-raħal huwa Pax Salus Que Omnibus (Paċi u Saħħa lil Kulħadd).

Għall-ħabta tal-bidu tas-seklu għoxrin dawn l-inħawi bdew ikunu abitati minn mijiet ta' nies speċjalment fis-sajf, minħabba l-bajjiet tar-ramel, magħrufa bħala l-Bajja s-Sabiħa u l-Bajja ta’ San Ġorġ, ħajru lil ħafna nies biex immorru jgħixu hemm, l-aktar fix-xhur tas-sajf.  Madankollu, Birżebbuġa u l-madwar kienu ilhom abitati mill-bniedem għal bosta eluf ta’ snin. Il-lokalità ta' Birżebbuġa saret parroċċa fl-1913.

L-isem ta' din il-lokalità jindika li hawn kien post tajjeb biex jirgħu il-bhejjem, għax il-prefiss ‘bir’ ġej minn bur (plural bwar), post fejn jikbru l-pjanti u fejn jirgħu l-merħliet. Il-parti l-oħra tal-isem jagħti ħjiel li hawn kienu jikbru jew jitkabbru s-siġar taż-żebbuġ.

Hekk kif wieħed jasal biex jidħol f'din il-lokalità mal-liwja tal-Bajja ta' San Ġorġ, hemm kappella li tmur lura sas-seklu sbatax. Din hi ddedikata lil San Ġorġ. Ma' din id-dawra, darba ma kienx hawn triq asfaltata bħal ma hemm illum. Minflok, it-triq li tilwi lejn Birżebbuġa kienet tgħaddi minn fuq l-għolja, sewwa sew tħaxken quddiem il-kappella żgħira. Imbagħad, it-triq kienet tinżel għal qrib il-baħar fil-bajja fejn sa żmien ilu kien aktar qisu art mistagħdra.

L-għolja ta' ħdejn il-kappella hi magħrufa bħala Borġ in-Nadur. Hawn jinsabu l-fdalijiet ta' tempju megalitiku li jmur lura daqs tlett elef sena qabel Kristu. Imbagħad daqs tefa' ta' gebla 'l bogħod, fuq l-istess għolja, naraw ħaġar qadim ieħor, din id-darba f'forma ta' ħajt tas-sejjieħ, biss magħmul minn ċnagen kbar maqtugħa u mqegħda fuq xulxin. Dan kien iservi bħala ħajt ta' difiża, li n-nies ta' madwar 1,500 sena qabel Kristu bnew biex jipproteġihom minn baħħara li setgħu jiżbarkaw għall-għarrieda fil-bajja ta’ San Ġorġ. L-abitanti ta' dan ir-raħal ċkejken kienu jabitaw dawn l-inħawi matul Żmien il-Bronż; dawn kienu nies li raw jasal fi tmiem tiegħu l-perijiodu preistoriku ta' Malta, qabel il-wasla tal-Feniċi.

X'aktarx kien l-istess ġens ta' nies li qatta' r-raddi fil-blat li hemm max-xatt ta' quddiem il-Kappella ta' San Ġorġ. Dawn ir-raddi jinżlu taħt il-baħar, u sa żmien ilu wieħed kien jista' jarahom ifiġġu n-naħa l-oħra tal-istess bajja, fejn illum hemm xatt miksi bil-konkos fin-naħa tal-Qajjenza.

Qrib sew ta' dawn ir-raddi fuq l-istess blat mad-dawra, hemm ħofor, li kull waħda minnhom fiha daqs metru fond. L-istudjużi jaħsbu li dawn il-ħofor kienu jservu bħala fosos tal-qamħ. Minn dawn il-ħofor hemm daqs sitta, u xi wħud minnhom illum mikula u mgħottija bl-ilma baħar. Biex il-ħofor setgħu jintużaw għall-iskop tagħhom, bilfors li fi żmienhom il-baħar kien ħafna aktar baxx milli hu llum. Ir-raddi ta' ħdejhom xi darba wkoll kienu jaqsmu l-bajja fuq blat sod mingħajr ma jmissu mal-ilma. Kemm ir-raddi kif ukoll il-fosos tal-qamħ qegħdin jindikaw biċ-ċar li l-livell tal-baħar illum hu ħafna aktar ogħla minn kif kien daqs tlett elef sena ilu.

Aktar ‘il fuq minn din il-bajja, fit-triq prinċipali li minnha wieħed jgħaddi biex iħalli Birżebbuġa warajh, man-naħa tax-xellug hemm Wied Dalam. Daqs tliet mitt metru ’l fuq hemm mużew li wieħed jista’ jżur biex wara jinżel fil-wied u jidħol f’Għar Dalam. Fuq l-għolja, fuq ix-xaqliba l-oħra tal-wied, hemm il-fdalijiet ta' villa Rumana, sit arkeoloġiku li fi żmienu kien iservi ta’ razzett u art agrikola. Għad hemm bosta ġebel u trinek li jindikaw iż-żmien meta din il-villa ntużat mill-bdiewa. Hemm ukoll ċisterna fonda maqtugħa fil-blat qrib l-istess fdalijiet. Il-kobor ta' din iċ-ċisterna hu impressjonanti hu ta' xi għaxar metri u jagħti wieħed x'jifhem li hawn kien hawn ħażna kbira tal-ilma.

Bla dubju l-aqwa u l-eqdem monument storiku ta' dawn l-inħawi hu Għar Dalam. Dan għaliex fih instabu l-fdalijiet ta' annimali li għexu f'Malta madwar 20,000 sa 150,000 sena ilu. F'dan l-istess perjodu, minn żmien għall-ieħor, kienu jersqu lejn Malta, annimali li llum ma nsibuhomx jgħixu aktar f’din il-gżira. Dawn kienu iljunfanti, ippopotami, kif ukoll annimali li ġew wara żmienhom, bħal ċriev, orsijiet, ilpup u ħafna oħrajn. Dan ifisser li dak iż-żmien, Malta kienet magħquda ma' Sqallija, għax annimali bħal dawn instabu hemm ukoll. Sqallija hi daqs 90 kilometru 'l bogħod u meta dawn il-merħliet ta' annimali preistoriċi qasmu lejn Malta, il-baħar bejn Malta u Sqallija ma kienx jeżisti.

Kappelli fir-raħal ta' Birżebbuġa:

  1. il-Kappella ta' San Ġorġ Martri (għall-ħabta tal-1565);
  2. il-Kappella tal-Immakkulata Kunċizzjoni f'Bengħisa (1822);
  3. il-Kappella tal-Għajnuna tal-Insara (1830);
  4. il-Kappella tas-Sagra Familja (1865);
  5. il-Kappella ta' San Ġużepp (1871);
  6. il-Kappella ta' Marija Addolorata (1907), li serviet ta' parroċċa sal-1937;
  7. il-Kappella tar-Ragħaj it-Tajjeb (is-snin 80 tas-seklu 20)

Il-Parroċċa ta' Birżebbuġa hija waħda mis-sitta li ħarġu minn dik tal-Gudja u twaqqfet mill-Isqof Pietru Pace nhar id-9 ta' Settembru 1913 taħt it-titlu ta' Marija Addolorata. Kienet xewqa personali tal-Isqof Mauro Caruana li l-knisja l-ġdida li bdiet tinbena fl-1926 tkun iddedikata lil San Pietru fil-Ktajjen. Fl-1937, il-parroċċa ġiet trasferita mill-knisja l-antika tad-Duluri għall-knisja l-ġdida ta’ San Pietru fil-Ktajjen, u minn dik is-sena bdiet tiġi ċċelebrata l-festa titulari ta' dan il-qaddis f'kull l-ewwel Ħadd ta' Awwissu.

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, f'din il-lokalità kien hawn influss kbir ta' abitanti permanenti. Dan wassal biex din il-lokalità kibret sostanzjalment. Illum, il-popolazzjoni ta' Birżebbuġa tlaħħaq madwar 10,000 ruħ. Il-kappillan preżenti huwa r-Rev. Kan. Dun Anton Galea-Scannura.

Żoni f'Birżebbuġa

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Parroċċa ta' Birżebbuġa.

Apparti ċ-ċentru ta' Birżebbuġa madwar il-knisja parrokjali, insibu diversi żoni mxerrda mar-raħal, fosthom:

  1. Il-Qajjenza
  2. Tal-Papa
  3. Bengħisa
  4. il-Brolli
  5. Kalafrana
  6. Ħal Far

Biex tasal f'din il-lokalità bit-trasport pubbliku, wieħed jista' jaqbad il-karozza numru 82 (tgħaddi ukoll fiż-żona tal-Papa), X4 (tgħaddi ukoll fiż-żona ta' Ħal Far u diretta għall-ajruport), 210 (mill-Isptar Mater Dei u tgħaddi miż-Żejtun).

Każini tal-Banda

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Birżebbuġa hemm żewġ każini tal-Banda:

  1. Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen, 1957
  2. Soċjetà Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa, 1990