Aqbeż għall-kontentut

Bażilika ta' Santa Marija Assunta, Mosta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Rotunda tal-Mosta)
Rotonda de Mosta; basilique Notre-Dame-de-l'Assomption de Mosta; Rotunde von Mosta; Rotunda de Mosta; Bażilika ta' Santa Marija Assunta, Mosta; Mostas rotonda; Ротонда; Rotunda v Mosti; モスタ・ドーム; Rotunda Mosta; Rotunda w Moście; Ротонда Моста; Rotunda of Mosta; 莫斯塔圓頂大教堂; rotonda din Mosta; כנסיית עליית מרים; Domen i Mosta; Rotunda of Mosta; Maria Hemmelvahrdskerch; Mosta-domen; Rotonda di Mosta; édifice religieux à Malte; church in Mosta, Malta; Kirchengebäude in Malta; church in Mosta, Malta; kishë; كنيسة في مالطا; Църква в Моста, Малта; kerkgebouw in Malta; Rotunda de St Marija Assunta; rotonde Sainte-Marie; Mosta Dome
Bażilika ta' Santa Marija Assunta, Mosta 
church in Mosta, Malta
Istanza ta'
  • knisja
PostMosta, Reġjun tat-Tramuntana, Malta
sit uffiċjali
MapMudell:Coord/input/error2Koordinati: Mudell:Coord/input/error2
Biddel id-data tal-infobox fuq Wikidata

Il-Bażilika ta' Santa Marija Assunta, komunament magħrufa bħala r-Rotunda tal-Mosta jew sempliċiment ir-Rotunda, hija l-knisja prinċipali fir-raħal tal-Mosta. Hija ġiet mibnija bejn is-snin 1833 u 1860 fuq pjanta tal-arkitett George Grognet de Vassé. Il-knisja nbniet fuq l-istess sit u minflok knisja antika ta' Tumas Dingli.[1]

Żewġ avvenimenti importanti fl-istorja bikrija tal-knisja huma l-għotja tat-titlu ta' knisja Arċipretali fl-1888 u l-Kungress Ewkaristiku 1913 li kien sar f'din il-knisja.[2] Fl-2018, il-knisja ġiet elevata għal-livell ta' bażilika minuri mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.[3]

Il-proċess tal-bini tal-knisja

[immodifika | immodifika s-sors]

Bħal ma gara f’diversi bliet u irħula f’Malta meta l-popolazzjoni tal-Mosta bdiet tikber sewwa bdiet tinħass il-ħtieġa li titkabbar il-knisja jew li tinbena waħda ikbar. Fil-bidu inqala’ nuqqas ta’ ftehim fuq il-lok li kellha tinbena fih il-knisja l-ġdida. Kienu diversi l-opinjonijiet iżda l-iktar waħda li kellha nies jaqblu magħha kienet li tinbena knisja ikbar madwar il-qadima. Għalkemm ħafna nies kienu jaqblu li kellha tinbena knisja ġdida, kien hemm numru ta’ nies li riedu jsalvaw il-knisja l-qadima u li jinstab lok ġdid biex tinbena l-knisja l-ġdida. Iżda dawk li riedu iżommu l-post eżistenti kienu ħafna iktar numerużi u kien għalhekk li ġie deċiż li l-knisja kellha tinbena fuq l-istess post tal-qadima.[1]

Intaghzlet il-pjanta tal-perit George Grognet de Vassé li kien ippropona li jibni knisja kbira u tonda madwar il-knisja il-qadima u meta titlesta tinħatt il-knisja l-qadima. Il-pjanta ta’ Grognet kienet tikkonsisti fi knisja spirata minn fuq il-Pantheon ta’ Ruma. Fil-bidu inqala' ħafna inkwiet u kella tinħatar kummissjoni ta’ periti biex jaraw jekk il-knisja kinitx se tkun mibnija sewwa. Dan sar permezz ta' ittra datata 18 ta' Jannar 1833 miktuba minn Grognet stess. Ftit iktar minn xahar wara, din il-kummissjoni qatgħatha kellhom isiru xi modifiki żgħar għall-pjanta qabel ma jibda l-bini tal-knisja l-ġdida. Il-kappillan ta' dak iż-żmien Dun Ġammarì Schembri imbagħad ħa pussess tal-pjanta u din ġiet analizzata mill-kap tal-inġiniera Ingliżi, u sussegwentament ħareġ il-permess mid-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi nhar il-21 ta' Marzu 1833. Wara dan, ix-xogħol seta' jinbeda. Ix-xogħol probabli beda lejn il-bidu ta' April 1833, billi ġiet invellata l-art bi preparazzjoni għall-pedamenti. Kien hemm ukoll żewġt idjar fuq is-sit li kellhom jitwaqqgħu.[1] Wara dawn il-prelimininarji, fit-30 ta’ Mejju 1833, il-Vigarju Ġenerali l-Kanonku Arċidjaknu Dun Salv Lanzon qiegħed u bierek l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja tant mistennija. Mhuwiex magħruf eżatt fejn din l-ewwel ġebla tqiegħdet.[1]

Fuq in-naħa ta' wara tal-knisja, jidhru tmien filati ta' pedamenti peressli l-livell tat-triq huwa iktar baxx hemmhekk. F'dawn il-pedamenti, Grognet fassal numru ta' mini li jintużaw bħala mħażen għall-armar u waħda minnhom kienet tintuża ukoll bħala osswarju.[1]

Fl-ewwel nofs tal-1860, jiġifieri wara 27 sena, il-knisja kienet lesta mill-bini. Dan huwa biss sentejn u nofs qabel il-mewt ta' Grognet fl-għomor ta' 88 sena.[1]

L-interjur tal-knisja: dettalji u pitturi

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-koppla

Il-Knisja hija ta’ qisien impressjonanti u fiha dijametru minn ġewwa ta’ 118 pied filwaqt li fil-fond tal-kappelli d-dijametru u 152 pied. Dan jagħmilha l-ikbar koppla ta’ Malta. L-għoli tal-koppla mill-art huwa ta’ 180 pied.[1] Fuq nett naraw il-lanterna tal-koppla li tlestiet fis-sena 1889 biex b’hekk il-knisja kollha kienet kompluta. Mad-dawra l-knisja fiha tmien artali u żewġ sagristiji iddekorati. Il-kwadru ewlieni li juri it-tlugħ is-sema ta’ Marija Santissima huwa xogħol il-pittur Pasqale Buhagiar li pittru fl-1678. Ġużeppi Hyzler kien irrestawrah fl-1827. Dan kien ġie inkurunat fl-1975 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fuq digriet tal-Papa Pawlu VI.[bżonn referenza]

Stampa tal-interjur tar-Rotunda

F’din il-knisja nsibu bosta xogħlijiet oħra bħall-kwadru li juri lil qaddisin San Bastjan, San Rokku u Santa Rosalija li qabel kien fil-knisja l-qadima. Dan il-kwadru kien ħallas Dun Ġwann Maria Galea u tpitter minn Stefano Erardi. Kwadru ieħor huwa dak li juri ż-żwieġ tal-Madonna li kien tpitter f’Ruma fl-1859 minn Ġużeppi Bonnici taħt id-direzzjoni ta’ Tommaso Minardi. Il-kwadru li juri l-mewt ta’ San Ġużepp huwa xogħol ta’ Salvu Barbara u ħadmu fl-1861. Il-Kwadru li juri l-ħarba lejn l-Eġittu huwa xogħol ta’ Bonnici li ħadmu fl-1866. Ta’ Erardi nsibu l-kwadru tal-Madonna tal-Konsolazzjoni li kien fil-knisja l-qadima u kien tpitter fis-sena 1670.[bżonn referenza]

Ġużeppi Ċalì pitter il-kwadri tal-Madonna tar-Rużarju, il-mewt ta’ Santu Wistin, San Duminku jipprietka, il-viżjoni ta’ Santa Monika u dak ta’ Santa Katerina ta’ Avignone. Iżda Calì f’din il-knisja żgur li jibqa’ jissemma għall-pittura ta’ xeni mill-isbaħ tal-ħajja ta’ Ġesù li jinsabu mad-dawra tal-Koppla. Taħt kull waħda minn dawn il-pitturi pitter diversi profeti mill-iskrittura.[bżonn referenza]

Il-kwadru tal-konverżjoni ta’ San Pawl Appostlu flimkien ma’ dawk li juru il-martirju ta’ San Pawl u dan il-qaddis ifejjaq lil missier San Publju huma kolla xogħol ta’ Barbara. Ignajzu Cortis pitter il-kwadri li juru l-Agunija u d-Difna ta’ Ġesù fil-1869. Ma’ dawn insibu bosta kwadri oħrajn sbieħ ferm li jkomplu jżejnu din il-knisja majestuza. Oriġinalment il-vara titulari kienet xogħol ta’ l-iskultur Mosti Salvu Dimech u kien ħadimha f’l-injam fis-sena 1868. Fis-sena 1948, l-iskultur Ċensu Apap irrinova mill-ġdid u l-intervent kien tant kbir li illum nistgħu ngħidu li l-vara titulari tal-Mosta hija fil-fatt ta’ Ċensu Apap.[bżonn referenza]

Insibu ukoll il-vara tal-Madonna tar-Rużarju qabel ma’ saret il-vara titulari; din l-vara kienet tintuża fil-festa titulari ta’ Santa Marija. San Ġużepp hija vara oħra li insibu f’din il-knisja din flimkien ma’ dik tad-Duluri kienu inġiebu minn Marsilja fi Franza. Hawn insibu ukoll sett vari mill-isbaħ tal-Ġimgħa il-Kbira. Ħafna minn dawn il-vari ħarġu minn taħt idejn bħal Karlu Darmanin. Fl-1924, sar il-monument il-ġdid tal-korp ta’ Kristu mejjet flimkien mal-angli. Dawn inħadmu mill-Għawdxi Wistin Camilleri. L-urna ġiet skulturata minn Antonio Agius mill-Birgu.[bżonn referenza]

F’din il-knisja nsibu kustoditi l-fdalijiet qaddisa ta’ San Paċifiku li kien ġabhom fil-Mosta il-Kappillan Dun Salv Saver Bonnici. Fit-30 ta’ Awwissu 1787, l-Isqof Labini ħareġ digriet li bih ta l-permess biex dan seta jinħareġ għall-qima tal-pubbliku. Fl-1913, f’din il-knisja kien sar il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li kien ġie organizzat f’pajjiżna. Illum il-ġurnata, it-triq prinċipali li biha tasal ir-Rotunda min-naħa tal-lvant tal-Mosta hija msemmija wara dan il-Kungress.[bżonn referenza]

L-esterjur tal-knisja u l-iskulturi

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-Rotunda tal-Mosta minn barra

Fuq in-naħa tal-quddiem tal-knisja insibu l-iskrizzjoni:

VIRGINI SYDERIBVS RESTITVTAE T H MVSTENSES F. F. A. S. M CCM LVII

Jiġifieri: "Lill-Verġni mtellgħa s-sema dan it-tempju nbena mill-Mostin fis-sena 1857".[4] Li tissemma s-sena 1857 hija nteressanti meta tikkunsidra l-fatt li x-xogħol tal-bini kien tlesta tliet snin wara, jiġifieri fl-1860.[1] F'din il-parti tal-knisja nsibu ukoll strutturi tal-palmetti; jista' jkun li dan ix-xogħol sar mill-iskultur Mosti Salvatore Dimech.[1]

Dettall mill-iskulturi li jinstabu fuq barra tal-knisja

Iktar 'l-isfel, fil-portiku, wieħed isib għaxar niċeċ kbar, u f'kull waħda hemm statwa ta' wieħed mit-tnax l-Appostli ta' Ġesù Kristu. Dawn inħadmu bil-franka mill-iskultur Malti Marco Montebello bejn 1966 u 1974. Apparti minn hekk, fuq in-naħa tax-xellug tal-portiku nsibu pedestal bi statwa ta' San Pietru u fuq in-naħa tal-lemin insibu ieħor bi statwa ta' San Pawl. Hemm ukoll żewġ statwi tal-bronż ta' San Ġużepp u Santa Marija fuq ix-xellug u l-lemin taz-zuntier rispettivament, li dawn iż-żewġ statwi kienu nħadmu minn Vincent Apap.[4]

Il-knisja fis-sekli 20 u 21

[immodifika | immodifika s-sors]
Replika tal-bomba li laqtet il-koppla tar-Rotunda nhar id-9 ta' April 1942

Fid-9 ta’ April 1942 kien sar fuq Malta wieħed mill-agħar attakki mill-ajru li qatt seħħ matul il-gwerra. Kien fil-ħin ta 16:40 meta ajruplan tal-għadu xeħet numru ta’ bombi fuq il-Mosta, b'waħda minnhom tiġi fuq il-knisja u ttaqqab il-koppla. Bid-daqqa, ħabtet mal-ħajt u baqgħet sejra għal ġo nofs il-knisja fejn spiċċat mal-art mingħajr ma laqtet lil ħadd min-nies li dak il-ħin kienu qegħdin fil-knisja. B’xorti tajba, din il-bomba baqgħet ma sploditx u jingħad li l-Madonna riedet li ma jmut ħadd u lanqas tinqered il-knisja. Fis-sagristija tal-knisja nsibu replika ta' din il-bomba.[5]

Kien għalhekk naturali dak li ġara nhar l-Għid tal-Assunta tal-2015, meta l-Arċipriet Dun Albert Buhagiar għamel it-talba formali lill-Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna biex dan s-Santwarju jingħata t-titlu ta’ Bażilika Minuri. Wara snin ta’ ħidma, nhar id-29 ta’ Lulju 2018, fi żmien l-Arċipriet Dun Sebastjan Caruana, l-Arċisqof għolla ‘l dan it-tempju għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri.[3] Dan seħħ b’digriet pontifiċju tal-Papa Franġisku li jġib d-data tal-31 ta’ Mejju 2018. Ftit tax-xhur wara, it-triq li mill-pjazza tar-Rotunda twassal għan-Naxxar issemmiet wara din il-Bażilika.

  1. 1 2 3 4 5 6 7 8 9 Grech, Nicholas (2017). "Il-knisja l-qadima u l-bini tar-Rotunda" (PDF). The Mosta Archives (bil-Malti). Miġbur 2025-11-14.
  2. Grech, Nicholas (2019). "Il-Mostin tal-1932" (PDF). The Mosta Archives (bil-Malti). Miġbur 2025-11-15.
  3. 1 2 "Se tingħata t-titlu ta' Bażilika nhar il-Ħadd li ġej". Television Malta (bl-Ingliż). 2018-07-26. Miġbur 2025-11-14.
  4. 1 2 "station 29 – gb | Mosta Dome" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-11-15.
  5. Debono, Charles (2022-04-13). "Remembering the blitz of April 1942". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2025-11-15.