Raħal Ġdid
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Raħal Ġdid | ||
---|---|---|
Malta | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Stat sovran | Malta | |
Reġjuni ta’ Malta | Port Region (Port) (en) | |
Kodiċi postali |
PLA | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 35°52′22″N 14°30′27″E / 35.8728°N 14.5075°EKoordinati: 35°52′22″N 14°30′27″E / 35.8728°N 14.5075°E | |
Superfiċjenti | 2.5 kilometru kwadru | |
Fruntieri ma' | Ħal Luqa | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 7,864 abitanti (31 Marzu 2014) | |
Informazzjoni oħra | ||
Fondazzjoni | 1626 | |
bliet ġemellati | Paola (en) | |
localgovernmentdivisioncms.gov.mt… |
Wara l-ewwel Gwerra Dinjija, il-popolazzjoni f'Raħal Ġdid bdiet tiżdied u tinfirex malajr, Minn 7,300 ruħ fl-1930 splodiet għal 15,000 fl-1948. Il-bidu proprju ta' Raħal Ġdid, jew Casal Paola, kif kien magħruf fl-antik, beda fiż-żmien meta l-Ordni ta' San Ġwann kien jaħkem Malta. Paola tinsab madwar 5 kilometri 'l bogħod mill-Belt Valletta.
Lokalitajiet viċin ta’ din il-lokalità huma l-Marsa, Ħal Tarxien, Ħal Luqa, il-Fgura u Santa Luċia. Bħala lokalità, hi maqsuma f'żewġ parroċċi. L-akbar waħda u l-aktar antika hi l-parroċċa ta' Kristu Re. L-oħra hi l-parroċċa tal-Madonna ta' Lourdes. Malli l-Kappillan Dun Frangisk Xuereb sar kappillan tal-parroċċa ta' Raħal Ġdid, kellu l-ħsieb li jibni kappella qrib in-niċċa tal-Madonna ta` Lourdes li tinsab ftit 'l isfel mill-ħabs ta` Kordin.
Skont irħama li hemm taħt din l-istatwa, jidher ċar li d-devozzjoni min-nies ta` dan ir-raħal lejn il-Madonna ta` Lourdes kienet ilha tħeġġeġ fi qlub in-nies. F`din l-iskrizzjoni nsibu li fis-sena 1875 Mons. Conte Carmelo Scicluna, li f`dak iż-żmien kien isqof ta` dawn il-gżejjer, kien ta indulġenzi lil min jgħid tliet Ave Marijiet quddiem din ix-xbieha. Meta pajjiżna kien iservi ta` stazzjon tal-faħam għall-flotot u l-vapuri li kienu jbaħħru fil-Mediterran, id-devozzjoni lejn din in-niċċa kienet kompliet tinxtered. Ħafna ħaddiema li kienu jgħaddu minn quddiemha, wara li jkunu spiċċaw mix-xogħol, kienu jtuha tislima u jitfgħu xi ħaga għall-mixegħla u l-kura ta` din ix-xbieha għażiża. Din il-qima kompla jsaħħaħha Mons. Mikiel Gonzi li, fi żmien il-veskovat tiegħu reġa` ġedded l-indulġenzi mogħtija b`digriet nhar il-15 ta` Settembru 1951.
Niċeċ u statwi fit-toroq ta' Raħal Ġdid
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-toroq tal-ibliet u l-irħula Maltin, l-aktar dawk qodma, insibu għadd kbir ta’ niċeċ u statwi li l-parti l-kbira tagħhom twaqqfu b’sens ta’ qima u devozzjoni. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Raħal Ġdid, li l-bidu tiegħu ma jeħodniex daqstant ’il bogħod. Iżda minkejja dan in-nuqqas fin-numru, isebbħu l-lokal tagħna nsibu ’l fuq minn għoxrin u saħansitra waħda minnhom, dik ta’ San Karlu Borromeo, hi unika għax fl-ebda post ieħor f’Malta jew f’Għawdex ma ssib oħra bħalha ddedikata lil dan il-qaddis.
Meta nsemmu n-niċeċ u statwi, żgur li f’moħħ bosta Pawlisti tfeġġ dik dedikata lill-Madonna ta’ Lourdes fit-telgħa ta’ Raħal Gdid - Triq il- Belt Valletta, kantuniera ma’ Triq il-Ġdida. Niċċa li d-devozzjoni kbira lejha ma juruhiex biss in-nies ta’ dawn l-inħawi iżda wkoll l-eluf ta’ Maltin li ta’ kuljum jgħaddu minn quddiemha fil-karozzi tal-linja. U bix-xieraq, għax din hi l-eqdem fost dawk ix-xbihat li nsibu fostna. Skont kitba li nsibu taħtha dwar għoti ta’ indulġenzi mill-Isqof Carmelo Scicluna, fl-1875 ġa kienet tinsab f’dan il-post.
L-ewwel niċeċ u statwi f’Raħal Gdid issawru lejn tmiem is-seklu dsatax, meta l-popolazzjoni f’dawn l-inħawi ħadet spinta 'l quddiem bl-iżvilupp tal-proġett mibdi mill-Ammiraljat. Iżda l-akbar għadd minnhom saru fis-seklu li għadu kif intemm, meta l-għadd ta’ nies f’dawn l-inħawi kotor qatigħ. Fil-fatt insibu biss żewġ statwi oħra li jmorru lura sas-seklu dsatax - in-niċċa tal-Kurċifiss li tinsab faċċata tal-knisja parrokkjali, fil-misraħ, u dik tal-Qalb ta’ Ġesù fi Triq Reġina, kantuniera ma’ Triq Sant’Ubaldeska.
Bħalma nsibu fi bliet u rħula oħra fil-gżejjer Maltin, f'Raħal Ġdid insibu wkoll xi qaddis jew qaddisa li għandhom aktar minn niċċa jew statwa waħda dedikati għalih jew għaliha. Hawnhekk San Ġużepp jidħer li hu l-aktar qaddis popolari għax imxerrda fil-lokal tagħna nsibu ħamsa li twaqqfu f’gieħu. Dawn jinsabu fi Triq Ninu Cremona / Triq il-Ġdida, Triq l-Arkata / Triq Sant’Ubaldeska, Triq il-Foss, Triq Sammat u Triq San Ġużepp / Triq il-Karmnu. Il-Madonna ta’ Lourdes u l-Qalb ta’ Ġesù wkoll għandhom aktar minn niċċa jew statwa waħda ddedikata lilhom.
Minbarra dik li semmejna fit-telgħa ta' Raħal Ġdid, insibu oħra fi Triq Għajn Dwieli filwaqt li dawk li twaqqfu b’qima lill-Qalb ta’ Ġesù jinsabu fi Triq Ħaż-Żabbar u Triq ir-Reġina / Triq Sant’Ubaldeska. Ma rridux ninsew li mat-twaqqif tal-parroċċa fl-1910, il-knisja ta’ Sant’Ubaldeska ġiet iddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù. Anke San Pietru sab aktar devoti hawnhekk f’żewġt inħawi fejn insibu xbihat tiegħu: fi Triq Sammat u f'Misraħ Antoine de Paule.
Imxerrda fit-toroq tagħna nsibu wkoll numru mħux ħażin ta’ statwi u niċeċ iddedikati lill-Madonna taħt titlu jew ieħor. Dik tal-Madonna tal-Grazzja tinsab fi Triq Sant’Ubaldeska / Triq Ninu Cremona; Madonna tal-Karmnu (Triq Ħaż-Żabbar); Marija Assunta (Triq Sammat); Marija Bambina (Triq il-Karmnu); Marija Immakulata (Triq Santa Monika / Triq it-Tarzna u oħra fi Triq l-Arkata).
Minbarra dawn l-istatwi u n-niċeċ, hemm ukoll dik ta’ Sant’Antnin ta’ Padova fi Triq Bormla / Sqaq Sant’Antnin. Oħrajn huma ddedikati lil San Franġisk t’Assisi (Triq l-Arkata); San Pawl (Triq Sammat); Santa Rita ta’ Cascia (It-Telgħa ta' Raħal Ġdid) u San Vinċenz Ferrari, li tinsab fi Triq Sammat / Triq it-Tarzna.