Aqbeż għall-kontentut

Mosta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Il-Mosta)
Mosta
 Malta
Amministrazzjoni
Stat sovranMalta
Reġjuni ta’ MaltaTramuntana
Ġeografija
Koordinati 35°54′N 14°26′E / 35.9°N 14.43°E / 35.9; 14.43Koordinati: 35°54′N 14°26′E / 35.9°N 14.43°E / 35.9; 14.43
Mosta is located in Malta
Mosta
Mosta
Mosta (Malta)
Superfiċjenti 6.8 kilometru kwadru
Demografija
Popolazzjoni 20,241 abitanti (31 Marzu 2014)
Informazzjoni oħra
bliet ġemellati Ragusau Millbrae (en) Translate
mostalocalcouncil.com
Rotunda
Mosta (2000)

Il-Mosta hija lokalità fiċ-ċentru ta’ Malta. Il-Mosta minn raħal kiber biex issa ħa d-daqs ta' belt Maltija, jgħodd it-18,249 ċittadin Mosti. Dan jagħmel il-Mosta t-tieni l-akbar lokalità f'Malta. Il-qaddisa patruna tal-Mosta hija Santa Marija Assunta, li tiġi ċċelebrata fil-15 t'Awwissu. Iddedikata lil Santa Marija, fil-Mosta wieħed isib it-tielet l-akbar koppla fid-dinja, magħrufa aħjar bħala r-Rotunda.

Il-Mosta tinsab fuq pjanura u hija mdawra b’art agrikola fertili. Fost l-irħula ġirien hemm Ħal Lija, Burmarrad, ir-Rabat u n-Naxxar. Il-Mosta tinsab fuq ir-rotta prinċipali li minn il-Belt Valletta tagħti għaċ-Ċirkewwa u kuljum jgħaddi minnha ammont kbir ta’ traffiku li jkun qed jaqsam il-gżira min-naħa għall-oħra. Il-Mosta tinsab 9 km ‘l bogħod mill-Belt Valletta.

Il-Mosta għaddejja minn żvilupp bla waqfien, bini ġdid qed jittella' kuljum u l-komunità kummerċjali hija attiva u qed tikber. Il-popolazzjoni hija ta’ madwar 18,000 abitant u hija waħda mill-ogħla fil-gżejjer Maltin u ngħatat imbuttatura f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin bl-istabbiliment ta’ oqsma tad-djar ġodda (Santa Margerita, Tal-Blata l-Għolja, Ta’ Mlit, Iż-Żokrija).

Il-motto tal-Mosta "Spes Alit Ruricolam" jagħti xhieda lill-imgħoddi rurali tal-lokalità. Fil-fatt, il-motto ifisser "It-tama ssaħħaħ lill-bidwi". Iżda llum, l-urbanizzazzjoni mxiet ‘il quddiem u l-attivitajiet agrikoli tal-Mostin u l-art agrikola naqsu b’mod konsiderevoli filwaqt li l-erja mibnija issa xterdet għal dawk li qabel kienu l-inħawi rurali ta’ barra tar-raħal żgħir tal-Mosta, li issa saret belt sinifikanti u mimlija ħajja.

Hekk kif fl-ibliet u l-villaġġi l-oħra kollha fil-gżejjer Maltin, ir-Reliġjon Kattolika hija ħajja u attiva ħafna. B’hekk il-festa titulari tal-Mosta li hija dik ta’ Santa Marija jew ta’ Marija Assunta, hija l-quċċata fiċ-ċelebrazzjonijiet lokali reliġjużi u popolari fejn il-Mostin jinġabru quddiem ir-Rotunda f’manifestazzjoni ta’ ferħ u briju. Bħall-maġġoranza kbira ta’ l-ibliet u l-villaġġi madwar id-dinja, il-Mosta wkoll għandha l-istemma araldika tagħha. Dan is-simbolu jirrifletti t-twemmin u l-assi tal-Mosta li jidhru fil-partijiet varji ta’ l-istemma. It-tarka tal-fidda għandha salib aħmar li fiċ-ċentru tiegħu hemm ċirku tad-deheb li fih hemm stilla b’ħames ponot kulur is-sema.

Is-salib aħmar jissimbolizza l-fidi Kattolika li minn dejjem kienet predominanti fil-ħajja u t-twemmin tan-nies lokali. Iċ-ċirku jirrappreżenta r-Rotunda, il-knisja parrokkjali tal-Mosta, l-għeliem prinċipali tal-lokalità u l-bini li ma kulħadd hija l-iżjed famuża, Maltin kif ukoll barranin. L-istilla blu huwa s-simbolu tal-Madonna, qaddisa patruna tal-belt, li l-festa tagħha tiġi ċelebrata fil-15 ta’ Awwissu.

L-isem ‘il-Mosta’ għandu żewġ għeruq plawżibbli iżda għad ma ġiex stabbilit liema minn dawn huwa dak korrett. L-ewwel verżjoni joffriha l-arkitett famuż George Grognet de Vasse li ddisinja il-famusa Rotunda tal-Mosta. Skont dan l-arkitett ‘il-Mosta’ ġejja mill-kelma ‘mistur’ jew moħbi u tirreferi għas-sit fejn tinsab din il-belt. Peress li din il-pjanura hija mdawra b’għoljiet, il-Mosta donna moħbija u ma tidhirx. It-tieni ipoteżi tiffoka fuq il-kelma Għarbija ‘musta’ li tfisser ċentrali jew fin-nofs. Skont din il-verżjoni għaldaqstant l-isem ġej mill-pożizzjoni tas-sit fiċ-ċentru tal-gżira ta’ Malta.

Għalkemm jista’ hemm xi dubji dwar minn liema minn dawn it-tnejn huwa ġej isem il-belt, m’hemm l-ebda dubji dwar kemm għandha ż-żmien il-lokalità tal-Mosta. Bla ebda dubju hija waħda mill-eqdem kolonizzazzjonijiet tal-gżejjer. Insibu evidenza ta’ dan tista’ f’sejbiet arkeoloġiċi li jagħtu xhieda ta’ abitazzjoni sa miż-żmien preistoriku. L-Istorja tal-Mosta kienet imlewna b’episodji ta’ kemm ferħ kif ukoll tbatija. Kienet waħda mill-kolonizzazjonijiet milquta minn kunflitti bħal attakki korsari fil-Medjuevu u fi Żminijiet Moderni Bikrin kif jagħtu testimonjanza ċertu stejjer qodma tal-poplu bħal ‘l-Għarusa tal-Mosta’. Fit-Tieni Gwerra Dinjija il-lokalità esperjenzat attakki oħrajn u anke il-kopla tal-Mosta kienet ġiet milquta minn bomba Ġermaniża.

Leġġenda marbuta mal-Mosta hija dik ta’ Wied Speranza. Jingħad li meta Malta ġiet attakkata mit-Torok, Marija kienet ħarġet in-nagħaġ għal dawra. X’ħin rathom ġejjin għalijha hi telqet tiġri u staħbiet ġo għar. Hi bdiet titlob lil Madonna tal-Isperanza u f’dak il-waqt kien hemm brimba u bdiet tagħamel għanqbuta fid-daħla tal-għar. Meta ġew il-Torok, ma ħarsux fl-għar għax kienu żguri li ma’ kien daħal ħadd dan għax kieku kienet tqatta l-għanqbuta. La l-Madonna tal-Isperanza salvatilha ħajjietha, Marija ġabet il-permessi u bniet knisja fuq l-għar.

Il-Knisja Rotunda tal-Mosta - Il-Bażilika ta’ Santa Marija

[immodifika | immodifika s-sors]

Bħal ma gara f’diversi bliet u irħula f’Malta meta l-popolazzjoni tal-Mosta bdiet tikber sewwa bdiet tinħass il-ħtieġa li titkabbar il-knisja jew li tinbena waħda ikbar. Fil-bidu inqala’ nuqqas ta’ ftehim fuq il-lok li kellha tinbena fih il-knisja l-ġdida. Kienu diversi l-opinjonijiet iżda l-iktar waħda li kellha nies jaqblu magħha kienet li tinbena knisja ikbar minflok il-qadimha. Għalkemm ħafna nies kienu jaqblu li kellha tinbena knisja ġdida iżda kien hemm numru ta’ nies li riedu jsalvaw il-knisja l-qadima u li jinstab lok ġdid biex tinbena l-knisja l-ġdida. Iżda dawk li riedu iżommu l-post eżistenti kienu ħafna iktar numerużi u kien għalhekk li ġie deċiż li l-knisja kellha tinbena fuq l-istess post tal-qadima.

Intaghzlet il-pjanta tal-perit Ġorġ Grongnet de Vasse li kien propona li jibni knisja kbira u tonda madwar il-knisja il-qadima u meta titlesta tinħatt il-knisja l-qadima. Il-pjanta ta’ Grongnet kienet tikkonsisti fi knisja ispirata minn fuq il-Pantheon ta’ Ruma. Fil-bidu inqala ħafna inkwiet u kella tinħatar kummisjoni ta’ periti biex jaraw jekk il-knisja kinitx se tkun mibnija sewwa. Din il-kummissjoni qatata li l-pjanti kienu tajbin u li x-xogħol seta jinbeda. Fit 30 ta’ Mejju 1833 il-Vigarju Ġenerali l-Kanonku Arcidjsknu Dun Salv Lanzon qiegħed u bierek l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja tant mistenija. Wara 27 sena jiġifieri fl-1860 il-knisja kienet lesta mill-bini.

Il-Knisja hija ta’ qisien impressjonanti u fiha dijametru minn ġewwa ta’ 118 il-pied filwaqt li fil-fond tal-kappelli d-dijametru u 152 pied. Dan jagħmilha l-ikbar koppla ta’ Malta. L-għoli tal-koppla mill-art huwa ta’ 180 pied. Fuq nett naraw il-lanterna tal-koppla li tlestiet fis-sena 1889 biex b’hekk il-knisja kollha kienet kompluta. Il-Knisja hija sabiħa ferm minn barra kif ukoll minn ġewwa. Mad-dawra l-knisja fiha 8 artali u żewġ sagristiji li għandha huma mill-isbaħ u l-koppla hija ddedkorata b’disinn tassew sabiħ u oriġinali. Il-kwadru ewlieni li juri it-tlugħ is-sema ta’ Marija Santissima huwa xogħol il-Pittura Pasqale Buhagiar li pittru fl-1678. Ġużeppi Hyzler kien irrestawrah fl-1827. Dan kien ġie inkurunat fl-1975 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fuq digriet tal-Papa Pawlu VI.

F’din il-knisja nsibu bosta xogħlijiet oħra tajbin ferm bħall-kwadru li juri lil qaddisin San Bastjan, San Rokku u Santa Rosalija li qabel kien fil-knisja l-qadima. Dan il-kwadru kien ħallas Dun Ġwann Maria Galea u tpitter minn Erardi. Kwadru ieħor huwa dak li juri ż-żwieġ tal-Madonna li kien tpitter f’Ruma fl-1859 min Ġużeppi Bonnici taħt id-direzzjoni ta’ Minardi. Il-kwadru li juri l-mewt ta’ San Ġużepp huwa xogħol ta’ Salvu Barbara u ħadmu fl-1861. Il-Kwadru li juri l-ħarba lejn l-Eġittu huwa xogħol ta’ Bonnici li ħadmu fl-1866. Ta’ Erardi nsibu l-kwadru tal-Madonna tal-Konsolazzjoni li kien fil-knisja l-qadima u kien tpitter fis-sena 1670.

Ġużeppi Ċali pitter il-kwadri tal-Madonna tar-Rużarju, il-mewt ta’ Santu Wistin, San Duminku jipprietka, il-viżjoni ta’ Santa Monika u dak ta’ Santa Katerina ta’ Avignone. Iżda Ġużeppi Ċali f’din il-knisja żgur li jibqa’ jissemma għall-pittura ta’ xeni mill-isbaħ tal-ħajja ta’ Ġesù li jinsabu mad-dawra tal-Koppla. Taħt kull waħda minn dawn il-pitturi pitter diversi profeti mill-iskrittura.

Il-kwadru tal-konverżjoni ta’ San Pawl flimkien ma’ dawk li juru il-martirju ta’ San Pawl u dan il-qaddis ifejjaq lil misier San Publju huwma kolla xogħol ta’Barbara. Ignajzu Cortis pitter il-kwadri li juru l-Agunijja u d-Difna ta’ Ġesù fil-1869. Ma’ dawn insibu bosta kwadri oħrajn sbieħ ferm li jkomplu jżejnu din il-knisja majestuza. Oriġinalment il-vara titulari kienet xogħol ta’ l-iskultur Mosti Salvu Dimech u kien ħadimha f’l-injam fis-sena 1868. Fis-sena 1948 Ċensu Apap irrinova mill-ġdid u l-intervent kien tant kbir li illum nistgħu ngħidu li l-vara titulari tal-Mosta hija fil-fatt ta’ Ċensu Apap.

Insibu ukoll il-vara tal-Madonna tar-Rużarju qabel ma’ saret il-vara titulari din l-vara kienet tintuża fil-festa titulari ta’ Santa Marija. San Ġużepp hija vara oħra li insibu f’din il-knisja din flimkien ma’ dik tad-Duluri kienu inġiebu minn Marsilja fi Franza. Hawn insibu ukoll sett vari mill-isbaħ tal-Ġimgħa il-Kbira. Ħafna minn dawn il-vari ħarġu minn taħt idejn bħal Karlu Darmanin. Fl-1924 sar il-monument il-ġdid il-korp ta’ Kristu mejjet u l-angli nħadmu mill-Għawdxi, Wistin Camilleri. L-urna ġiet skulturata minn Antonio Agius mill-Birgu.

F’din il-knisja nsibu kustoditi l-fdalijiet qaddisa ta’ San Paċifiku li kien inġieb fil-Mosta mill-Kappillan tal-Mosta Dun Salv Saver Bonnici. Fit-30 ta’ Awissu 1787 l-Isqof Labini ħareġ digriet li bih ta l-permess biex dan seta jinħareġ għall-qima tal-pubbliku. Fl-1913 f’din il-knisja kien sar il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonai li kien ġie organizzat f’pajjiżna.

Fid-9 ta’ April 1942 kien sar fuq Malta wieħed mill-għar attaki mill-ajru li qatt seħħ matul il-gwerra. Kien fl-4.40 minuta ta’ wara nofsinar meta ajruplan ta’ l-għadu xeħet numru ta’ bombi fuq il-Mosta waħda minnhom ġiet fuq il-knisja u taqbet il-koppla. Bid-daqqa ħabtet mall-ħajt u baqgħet sejra għal nofs il-knisja fejn spiċċat ma’ l-art mingħajr ma laqtet lil ħadd min-nies li dak il-ħin kienu qegħdin fil-knisja. B’xorti tajba din il-bomba minkejja li ħabtet kemm-il darba baqgħet ma sploditx u l-Madonna riedet li ma jmut ħadd u lanqas tinqered il-knisja.

Kien għalhekk naturali dak li ġara nhar l-Għid tal-Assunta tal-2015, meta l-Arċipriet Dun Albert Buhagiar għamel it-talba formali lil Mons. Arċisqof biex dan s-Santwarju jingħata t-titlu ta’ Bażilika Minuri. Wara snin ta’ ħidma, il-ħolma ta’ ħafna Mostin seħħet! Kien propju nhar id-29 ta’ Lulju 2018, fi żmien l-Arċipriet Dun Sebastjan Caruana, li Mons. Charles Jude Scicluna, Arċisqof ta’ Malta għolla ‘l dan t-tempju għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri. Dan seħħ b’digriet pontifiċju tal-Papa Franġisku li jġib d-data tal-31 ta’ Mejju 2018.

L-arma tal-Mosta turi salib ħamrani fuq sfond tal-fidda – simbolu tal-fidi nisranija, stilla bajda fin-nofs – simbolu tal-Madonna patruna tagħna u ċ-ċirku isfar li jfisser ir-Rotunda. Jgħalaq kollox huwa il-Motto tal-Mosta “Spes Alit Ruricolam” - It-tama tgħajjex lil bidwi. Dan ifakkarna li l-Mosta kien raħal li niesu kienu jgħixu mir-raba’.