Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Ukrajna

L-Att dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Ukrajna (bl-Ukren: Акт проголошення незалежності України, b'ittri Rumani: Akt proholoshennya nezalezhnosti Ukrayiny) ġie adottat mill-Parlament Ukren fl-24 ta' Awwissu 1991.[1] L-Att reġa' stabbilixxa l-indipendenza statali tal-Ukrajna.[2]
Adozzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-Att ġie adottat wara t-tentattiv ta' kolp ta' stat fl-Unjoni Sovjetika fid-19 ta' Awwissu, meta mexxejja Komunisti akkaniti ppruvaw jerġgħu jistabbilixxu l-kontroll tal-partit Komunista ċentrali fir-rigward tal-Unjoni Sovjetika. B'rispons għal dan (matul sessjoni straordinarja taħraq ta' 11-il siegħa), il-Parlament Sovjetiku Suprem tal-SSR Ukrena, f'sessjoni speċjali li saret is-Sibt, approvat b'maġġoranza wiesgħa l-Att dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Ukrajna. L-Att għadda b'321 vot favur, żewġ voti kontra, u sitt astenzjonijiet (minn total ta' 360 votant).[3] Il-biċċa l-kbira tat-test tfassal matul il-lejl tat-23 u tal-24 ta' Awwissu, l-iktar minn Levko Lukyanenko, Serhiy Holovatyi, Mykhailo Horyn, Ivan Zayets u Vyacheslav Chornovil.[4]
Il-Partit Komunista tal-Ukrajna (CPU), wara li ġie persważ minn wara l-kwinti mill-membru tal-partit u l-President tal-Parlament Sovjet Suprem Leonid Kravchuk, ħass li kellu jappoġġa l-Att sabiex jiddistanzja ruħu mill-kolp ta' stat. L-Ewwel Segretarju tas-CPU Stanislav Hurenko argumenta li "jkun diżastru" jekk is-CPU ma jonqos milli jappoġġa l-indipendenza. Il-membri tas-CPU kienu fuq ix-xwiek wara li semgħu bl-aħbar li l-eks mexxej tal-partit Vladimir Ivashkokien ġie arrestat f'Moska, is-subordinazzjoni mill-ġdid tal-Armata Sovjetika taħt il-mexxejja tal-SFSR Russa u l-għeluq tal-istabbilimenti tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista.[4]

Fl-istess jum (l-24 ta' Awwissu), il-Parlament sejjaħ referendum dwar l-appoġġ għad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza. Il-proposta għas-sejħa tar-referendum nazzjonali waslet b'mod konġunt mill-mexxejja tal-oppożizzjoni Ihor Yukhnovsky u Dmytro Pavlychko. Il-Parlament ivvota wkoll favur il-ħolqien ta' gwardja nazzjonali tal-Ukrajna u bdil fil-ġurisdizzjoni biex il-forzi armati kollha li jinsabu fuq territorju Ukren isiru tal-Ukrajna stess.[3]
Għajr folla storbjuża li nġabret fil-binja tal-Parlament, it-toroq ta' Kiev kienu kwieti dakinhar, bi ftit sinjali ta' ċelebrazzjoni fil-beraħ.[3]
Fil-jiem ta' wara, għaddew ukoll għadd ta' riżoluzzjonijiet u digrieti li wasslu għan-nazzjonalizzazzjoni tal-proprjetà kollha tas-CPU u t-trasferiment tagħha lill-kunsilli lokali u lill-Parlament Sovjetiku Suprem, il-ħruġ ta' maħfra għall-priġunieri politiċi kollha, is-sospensjoni tal-attivitajiet kollha tas-CPU u l-iffriżar tal-assi u tal-kontijiet bankarji tas-CPU soġġetti għal investigazzjonijiet uffiċjali pendenti fir-rigward tal-kollaborazzjoni possibbli ma' dawk li kienu wara l-kolp ta' stat bl-appoġġ ta' Moska, l-istabbiliment ta' kumitat ta' inkjesta li jħares lejn l-imġiba tal-uffiċjali matul il-kolp ta' stat, u l-istabbiliment ta' kumitat dwar kwistjonijiet militari b'rabta mal-ħolqien ta' Ministeru għad-Difiża tal-Ukrajna.[3]
Fis-26 ta' Awwissu 1991, ir-Rappreżentant Permanenti tal-SSR Ukrena tan-Nazzjonijiet Uniti (l-SSR Ukrena kienet membru fundatur tan-Nazzjonijiet Uniti), Hennadiy Udovenko, informa lill-uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li l-missjoni permanenti tiegħu fl-assemblea internazzjonali uffiċjalment kienet se tiġi ddeżinjata bħala rappreżentanza tal-Ukrajna. Dakinhar stess, il-kumitat eżekuttiv ta' Kiev ivvota wkoll biex jitneħħew il-monumenti kollha tal-eroj Komunisti mill-postijiet pubbliċi, inkluż il-monument ta' Lenin fil-pjazza ċentrali tar-Rivoluzzjoni ta' Ottubru. Il-kumitat iddeċieda li l-pjazza l-kbira kellha tingħata l-isem ġdid ta' Pjazza Maidan tal-Indipendenza (bl-Ukren: Maidan Nezalezhnosti), l-istess bħall-istazzjon ċentrali tal-metro ta' taħtha.[3]
Jumejn wara, iktar minn 200,000 resident ta' Lviv u tal-Oblast ta' Lviv iddikjaraw li kienu lesti jaqdu d-dmir tagħhom fil-gwardja nazzjonali.
Fir-refendum dwar l-indipendenza tal-1 ta' Diċembru 1991, il-poplu tal-Ukrajna esprima appoġġ sod u wiesa' għall-Att dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza, b'iżjed minn 90 % li vvutaw favur, u 82 % tal-elettorat li ħa sehem. Ir-referendum seħħ fl-istess jum tal-ewwel elezzjoni Presidenzjali diretta tal-Ukrajna; is-sitt kandidati Presidenzjali kollha appoġġaw l-indipendenza u għamlu kampanja favur l-"iva". L-eżitu tar-referendum temm kwalunkwe ċans realistiku li l-Unjoni Sovjetika tibqa' magħquda anke fuq skala limitata; l-Ukrajna kienet ilha t-tieni biss wara r-Russja bħala qawwa ekonomika u politika.
Ġimgħa wara l-elezzjoni, il-President elett ġdid Leonid Kravchuk ingħaqad mal-kontropartijiet Russi u Belarussi tiegħu (Boris Yeltsin u Stanislav Shushkevich, rispettivament) fl-iffirmar tal-Ftehimiet ta' Belavezha, li ddikjaraw li l-Unjoni Sovjetika ma baqgħet teżisti iktar. L-Unjoni Sovjetika xoljiet uffiċjalment fis-26 ta' Diċembru.[5]
Mill-1992 'l hawn, l-24 ta' Awwissu jiġi ċċelebrat fl-Ukrajna bħala Jum l-Indipendenza.[6]
Rikonoxximent internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Polonja u l-Kanada kienu l-ewwel pajjiżi li rrikonoxxew l-indipendenza tal-Ukrajna, it-tnejn li huma fit-2 ta' Diċembru 1991.[7] Fl-istess jum (it-2 ta' Diċembru), ġie rrapportat matul ix-xandira ta' tard filgħaxija tal-programm televiżiv tal-aħbarijiet Vesti li l-President tal-SFSR Russa, Boris Yeltsin, kien irrikonoxxa l-indipendenza tal-Ukrajna.[8]
L-Istati Uniti għamlu l-istess fil-25 ta' Diċembru 1991.[9] F'dak ix-xahar, l-indipendenza tal-Ukrajna ġiet rikonoxxuta minn 68 Stat, u fl-1992 ġiet rikonoxxuta minn 64 Stat ieħor.[10]
F'Jannar 1992, il-President tal-Istati Uniti George H. W. Bush approva programm ta' appoġġ umanitarju Amerikan għall-Unjoni Sovjetika u għall-Ukrajna, taħt is-superviżjoni tas-Segretarju tad-Difiża.[11]
| Data | Pajjiż |
|---|---|
| It-2 ta' Diċembru 1991 | Il-Polonja |
| Il-Kanada | |
| L-SFSR Russa | |
| It-3 ta' Diċembru 1991 | L-Ungerija |
| L-4 ta' Diċembru 1991 | Il-Latvja |
| Il-Litwanja | |
| Il-5 ta' Diċembru 1991 | L-Arġentina |
| Il-Kroazja | |
| Kuba | |
| Iċ-Ċekoslovakkja | |
| Id-9 ta' Diċembru 1991 | L-Estonja |
| Il-11 ta' Diċembru 1991 | Is-Slovenja |
| It-12 ta' Diċembru 1991 | Il-Georgia |
| Is-16 ta' Diċembru 1991 | Il-Bulgarija |
| It-Turkija | |
| It-18 ta' Diċembru 1991 | L-Armenja |
| Id-19 ta' Diċembru 1991 | L-Iżvezja |
| L-20 ta' Diċembru 1991 | Il-Kirgistan |
| It-Turkmenistan | |
| It-23 ta' Diċembru 1991 | Il-Każakistan |
| L-Iżvizzera | |
| L-24 ta' Diċembru 1991 | L-Afganistan |
| In-Norveġja | |
| Il-25 ta' Diċembru 1991 | L-Iran |
| Iżrael | |
| Il-Messiku | |
| It-Taġikistan | |
| L-Istati Uniti | |
| Il-Jugoslavja | |
| Is-26 ta' Diċembru 1991 | L-Awstralja |
| Il-Brażil | |
| Il-Ġermanja | |
| L-Indja | |
| New Zealand | |
| Il-Perù | |
| L-Unjoni Sovjetika | |
| Is-Sirja | |
| It-Tajlandja | |
| L-Urugwaj | |
| Is-27 ta' Diċembru 1991 | L-Alġerija |
| Il-Belarussja | |
| Il-Kambodja | |
| Iċ-Ċina | |
| Ċipru | |
| Franza | |
| Ir-Repubblika tal-Moldova | |
| Il-Vjetnam | |
| It-28 ta' Diċembru 1991 | L-Indoneżja |
| L-Italja | |
| Il-Ġappun | |
| Il-Ġordan | |
| Id-29 ta' Diċembru 1991 | Il-Bangladexx |
| It-30 ta' Diċembru 1991 | Il-Finlandja |
| Il-Korea t'Isfel | |
| Il-Libanu | |
| Il-Marokk | |
| Il-31 ta' Diċembru 1991 | Il-Belġju |
| Id-Danimarka | |
| Il-Greċja | |
| Il-Lussemburgu | |
| Ir-Renju tan-Netherlands | |
| Il-Pakistan | |
| Spanja | |
| Ir-Renju Unit | |
| L-1 ta' Jannar 1992 | L-Iraq |
| It-2 ta' Jannar 1992 | Ethiopia |
| Laos | |
| L-Emirati Għarab Magħquda | |
| It-3 ta' Jannar 1992 | L-Eġittu |
| Il-Libja | |
| Il-Panama | |
| L-4 ta' Jannar 1992 | L-Użbekistan |
| Il-5 ta' Jannar 1992 | Il-Bahrain |
| Is-7 ta' Jannar 1992 | Il-Portugall |
| It-8 ta' Jannar 1992 | Ir-Rumanija |
| L-10 ta' Jannar 1992 | Il-Guinea |
| Is-17 ta' Jannar 1992 | Il-Mongolja |
| Id-19 ta' Jannar 1992 | L-Iżlanda |
| It-22 ta' Jannar 1992 | Il-Filippini |
| L-24 ta' Jannar 1992 | Ir-Renju tan-Nepal |
| Is-6 ta' Frar 1992 | L-Ażerbajġan |
| Il-11 ta' Frar 1992 | Il-Botswana |
| L-14 ta' Frar 1992 | L-Afrika t'Isfel |
| It-3 ta' Marzu 1992 | Il-Malażja |
| L-4 ta' Marzu 1992 | Il-Madagaskar |
| Is-7 ta' Mejju 1992 | Ir-Rwanda |
| It-2 ta' Ġunju 1992 | Is-Senegal |
| It-8 ta' Ġunju 1992 | It-Tanżanija |
| It-23 ta' Lulju 1992 | Il-Maċedonja |
Test tal-Att tal-Indipendenza
[immodifika | immodifika s-sors]L-Att dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Ukrajna
- Fid-dawl tal-periklu mortali fl-Ukrajna b'rabta mal-kolp ta' stat fl-Unjoni Sovjetika fid-19 ta' Awwissu 1991,
- Bi tkomplija tat-tradizzjoni ta' elf sena ta' żvilupp statali fl-Ukrajna,
- Abbażi tad-dritt ta' awtodeterminazzjoni ta' nazzjoni f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u dokumenti legali internazzjonali oħra, u
- B'implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tas-Sovranità tal-Istat tal-Ukrajna,
il-Verkhovna Rada tar-Repubblika Soċjalista Sovjetika Ukrena tiddikjara b'mod solenni
l-Indipendenza tal-Ukrajna u l-ħolqien ta' stat Ukren indipendenti – L-UKRAJNA.
It-territorju tal-Ukrajna ma jistax jinqasam u ma jistax jitkasbar.
Minn dan il-jum 'il quddiem, il-Kostituzzjoni u l-liġijiet tal-Ukrajna biss huma validi fuq it-territorju tal-Ukrajna.
Dan l-att isir effettiv fil-mument tal-approvazzjoni tiegħu.
— Il-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, l-24 ta' Awwissu 1991 (traduzzjoni mhux uffiċjali)
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ A History of Ukraine: The Land and Its Peoples by Paul Robert Magocsi, University of Toronto Press, 2010, ISBN 1442610212. pp. 722-723.
- ↑ "Ukrainian Week" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-06-20. Miġbur 2022-03-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- 1 2 3 4 5 Historic vote for independence, The Ukrainian Weekly (l-1 ta' Settembru 1991).
- 1 2 A reform that ruined the Soviet Union, The Ukrainian Week (l-10 ta' Novembru 2018)
- ↑ Historical Dictionary of the Russian Federation by Robert A. Saunders & Vlad Strukov, Scarecrow Press, 2010, ISBN 0810854759, p. 75.
- ↑ Ukraine Intelligence & Security Activities and Operations Handbook, International Business Publications, 2009, ISBN 0739716611. p. 268.
- ↑ Ukraine and Russia: The Post-Soviet Transition by Roman Solchanyk, Rowman & Littlefield, 2000, ISBN 0742510182. p. 100.
- ↑ Clines, Francis X. (1991-12-03). "Ex-Communist Wins in Ukraine; Yeltsin Recognizes Independence" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-31.
- ↑ Clines, Francis X. (1991-12-03). "Ex-Communist Wins in Ukraine; Yeltsin Recognizes Independence" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-31.
- ↑ Clines, Francis X. (1991-12-03). "Ex-Communist Wins in Ukraine; Yeltsin Recognizes Independence" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-31.
- ↑ "Remarks at the International Conference on Humanitarian Assistance to the Former U.S.S.R | The American Presidency Project". web.archive.org. 2021-07-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-07-22. Miġbur 2022-03-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)