Lübeck
Lübeck | |||
---|---|---|---|
Ġermanja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Ġermanja | ||
Federated state of Germany | Schleswig-Holstein | ||
Kap tal-Gvern | Jan Lindenau (en) | ||
Isem uffiċjali |
Lübeck Freie und Hansestadt Lübeck Lubeca | ||
Ismijiet oriġinali | Lübeck | ||
Kodiċi postali |
23552–23570 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 53°52′11″N 10°41′11″E / 53.8697°N 10.6864°EKoordinati: 53°52′11″N 10°41′11″E / 53.8697°N 10.6864°E | ||
Superfiċjenti | 214.21 kilometru kwadru | ||
Għoli | 13 m | ||
Fruntieri ma' | Ostholstein (en) , Stormarn (en) , District of Duchy of Lauenburg (en) , distrett ta' Nordwestmecklenburgu Krummesse (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 218,095 abitanti (31 Diċembru 2022) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
4502 , 4508 u 451 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Kawasaki, Klaipėda, Szczecin, La Rochelle, Kotka, Venezja, Wismar, Bergen, Spokaneu Muniċipalità ta' Gotland | ||
luebeck.de |
Lübeck (pronunzja bil-Ġermaniż: [ˈlyːbɛk]; bil-Ġermaniż t'Isfel: Lübeek), uffiċjalment il-Belt Anseatika ta' Lübeck (bil-Ġermaniż: Hansestadt Lübeck), hija belt fit-Tramuntana tal-Ġermanja. B'popolazzjoni ta' madwar 217,000 abitant, Lübeck hija t-tieni l-ikbar belt tul il-kosta Baltika Ġermaniża u fl-istat ta' Schleswig-Holstein, wara l-belt kapitali statali Kiel, u hija l-35 l-ikbar belt fil-Ġermanja.
Il-belt tinsab f'Holstein, fil-Grigal ta' Amburgu, fil-bokka tax-xmara Trave, li tnixxi fil-Bajja ta' Lübeck fil-lokalità ta' Travemünde, u li tkompli sejra fit-tributarja tax-xmara Trave, Wakenitz. Il-belt hija parti mir-Reġjun Metropolitan ta' Amburgu, hija l-iżjed belt fil-Lbiċ tal-Baħar Baltiku, u hija l-eqreb punt ta' aċċess għall-Baltiku minn Amburgu. Il-port ta' Lübeck huwa t-tieni l-ikbar port Baltiku Ġermaniż wara l-port ta' Rostock. Il-belt tinsab fiż-żona djalettali tat-Tramuntana tas-Sassonja t'Isfel tal-Ġermaniż t'Isfel.
Lübeck hija famuża peress li kienet in-nieqa u l-belt kapitali de facto tal-Lega Anseatika. Iċ-ċentru storiku tal-belt huwa l-iżjed Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO estensiv tal-Ġermanja.[1]
Filwaqt li s-simbolu tal-belt huwa d-Daħla ta' Holsten, il-veduta panoramika ta' Lübeck hija dominata mis-seba' torrijiet tal-ħames knejjes prinċipali tagħha: il-Knisja ta' Santa Marija, il-Katidral ta' Lübeck, il-Knisja ta' San Ġakbu, il-Knisja ta' San Pietru, u l-Knisja ta' San Giles. Il-katidral, li tlesta għall-ħabta tal-1230, kien l-ewwel knisja kbira tal-brikks fir-reġjun Baltiku. Il-Knisja ta' Santa Marija, li tlestiet fl-1351, intużat bħala mudell għall-knejjes Gotiċi tal-brikks l-oħra madwar il-Baltiku. Għandha t-tieni l-ogħla faċċata b'żewġ spieri wara l-Katidral ta' Köln, li qabiżha fl-1880. Għandha l-ogħla volta tal-brikks u hija t-tieni l-ogħla struttura tal-brikks wara l-Knisja ta' San Martin f'Landshut. Travemünde hija lokalità famuża mal-baħar, u l-Maritim tagħha jservi bħala t-tieni l-ogħla fanal fid-dinja b'għoli ta' 114-il metru (374 pied). Lübeck hija magħrufa wkoll għall-Marżipan ta' Lübeck.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-bniedem insedja l-inħawi madwar fejn illum insibu l-belt ta' Lübeck wara l-aħħar Era Glaċjali li ntemmet għall-ħabta tad-9700 Q.K. Fl-inħawi nstabu diversi dolmen Neolitiċi.
Għall-ħabta tas-700 W.K., il-popli Slaviċi bdew jinsedjaw il-partijiet tal-Lvant ta' Holstein, żona li qabel kienet insedjata minn abitanti Ġermaniċi li kienu telqu minn hemm fil-Perjodu tal-Migrazzjoni. Karlu Manju, li l-isforzi ta' Kristjanizzazzjoni taż-żona tiegħu ġew opposti mis-Sassoni Ġermaniċi, keċċa ħafna mis-Sassoni u daħħal minflok alleati Slavi Polabjani. Liubice (li tfisser "sabiħa") ġiet stabbilita max-xtut tax-xmara Trave madwar erba' kilometri (2.5 mili) fit-Tramuntana taċ-ċentru storiku tal-belt attwali ta' Lübeck.
Fis-seklu 10, dan sar l-iżjed insedjament importanti tal-konfederazzjoni Obotrita u nbena kastell. Fl-1128, il-pagani Rani minn Rügen qerdu lil Liubice.
Fl-1143, Adolf II, il-Konti ta' Schauenburg u ta' Holstein, stabbilixxa l-belt moderna bħala insedjament Ġermaniż fil-gżira Bucu f'nofs ix-xmara. Huwa bena kastell ġdid, li ssemma għall-ewwel darba mill-kronista Helmold bħala kastell li kien jeżisti fl-1147. Adolf kellu jċedi l-kastell lid-Duka tas-Sassonja, Enriku l-Iljun, fl-1158. Wara l-waqgħa ta' Enriku mill-poter fl-1181, il-belt saret belt imperjali għal tmien snin.
L-Imperatur Barbarossa (li rrenja fl-1152-1190) ordna li l-belt kellu jkollha kunsill ta' tmexxija magħmul minn 20 membru. Il-kunsill kien iddominat mill-merkanti, u għaldaqstant l-interessi kummerċjali sawru l-politika ta' Lübeck għal sekli sħaħ. Il-kunsill baqa' jeżisti sas-seklu 19. Il-belt u l-kastell bidlu s-sjieda tagħhom għal xi żmien u saru jiffurmaw parti mid-Dukat tas-Sassonja sal-1192, tal-Kontea ta' Holstein sal-1217, u tar-renju tad-Danimarka sal-Battalja ta' Bornhöved fl-1227.
Belt Anseatika
[immodifika | immodifika s-sors]Għall-ħabta tal-1200, il-port sar il-punt tat-tluq prinċipali għall-kolonjalisti li salpaw lejn it-territorji Baltiċi kkonkwistati mill-Ordni Livonjana, u iktar 'il quddiem, mill-Ordni Tewtonika. Fl-1226, l-Imperatur Federiku II eleva l-belt għall-istatus ta' belt ħielsa imperjali, u b'hekk saret il-Belt Ħielsa ta' Lübeck.
Fis-seklu 14, Lübeck saret ir-"Reġina tal-Lega Anseatika", peress li kienet bil-bosta l-ikbar membru u l-iżjed wieħed setgħan ta' dik l-organizzazzjoni kummerċjali Medjevali. Fl-1375, l-Imperatur Karlu IV ta t-titlu ta' waħda mill-ħames "Glorji tal-Imperu" lil Lübeck, titlu kondiviż ma' Venezja, Ruma, Pisa u Firenze.
Diversi kunflitti dwar il-privileġġi kummerċjali rriżultaw fi ġlied bejn Lübeck (u l-Lega Anseatika) u d-Danimarka u n-Norveġja - b'eżiti li varjaw. Filwaqt li Lübeck u l-Lega Anseatika pprevalew fil-kunflitti tal-1435 u tal-1512, Lübeck tilfet meta ġiet involuta fil-Gwerra Fewdali tal-Konti, gwerra ċivili li faqqgħet fid-Danimarka mill-1534 sal-1536. Lübeck ingħaqdet ukoll mal-Lega pro-Luterana Schmalkaldika ta' nofs is-seklu 16.
Deklin
[immodifika | immodifika s-sors]Wara t-telfa li ġarrbet fil-Gwerra Fewdali tal-Konti, il-poter ta' Lübeck bil-mod il-mod beda jmajna. Il-belt baqgħet newtrali fil-Gwerra ta' Tletin Sena tal-1618-1648, iżda l-kombinament tad-devastazzjoni mill-gwerra li damet deċennji u l-orjentazzjoni Trans-Atlantika ġdida tal-kummerċ Ewropew wasslu għad-deklin fl-importanza tal-Lega Anseatika - u b'hekk magħha ta' Lübeck. Madankollu, anke wara l-isfaxxar de facto tal-Lega Anseatika fl-1669, Lübeck xorta waħda baqgħet belt kummerċjali importanti fil-Baħar Baltiku.
Mill-gwerer ta' Napuljun għall-gwerra bejn Franza u l-Prussja
[immodifika | immodifika s-sors]Matul il-gwerra tar-Raba' Koalizzjoni kontra Napuljun, it-truppi taħt il-Marexxall Jean Baptiste Bernadotte (li iktar 'il quddiem sar ir-Re tal-Iżvezja) okkupaw Lübeck wara battalja kontra l-Ġeneral Prussjan Gebhard Blücher fis-6 ta' Novembru 1806 minħabba li dan tal-aħħar uża b'mod illegali l-belt bħala fortizza, b'vjolazzjoni tan-newtralità ta' Lübeck, b'segwitu għall-għan Franċiż tal-korpi tiegħu wara l-Battalja ta' Jena-Auerstadt. Taħt is-Sistema Kontinentali, il-bank tal-Istat falla. Fl-1811, l-Imperu Franċiż formalment annetta lil Lübeck bħala parti minn Franza iżda l-alleati ta' kontra Napuljun ħelsu l-inħawi fl-1813.
Wara t-telfa li ġarrab Napuljun, il-Kungress ta' Vjenna tal-1815 irrikonoxxa lil Lübeck bħala belt ħielsa indipendenti. Il-belt saret membru tal-Konfederazzjoni Ġermaniża (1815-1866), tal-Konfederazzjoni Ġermaniża tat-Tramuntana (1866-1871) u tal-Imperu Ġermaniż (1871-1918).
Matul il-Gwerra bejn Franza u l-Prussja, il-battaljun ta' de Fusilier ta' Lübeck kien parti mit-"tieni Riġment Anseatiku tal-Fanterija Nru 76". Dakinhar tal-Battalja ta' Loigny, il-kmandant tas-17-il Diviżjoni, Hugo von Kottwitz, avvanza filgħodu quddiem il-battaljun ta' de Fusilier tar-riġment, u ħeġġiġhom "jikkommemoraw il-qlubija tal-Lega Anseatika". Huwa wettaq attakk fit-Tramuntana filwaqt li l-battaljuni l-oħra daru lejn Loigny.
Dan ix-xokk ħasad lill-Franċiżi, tant li ġew invażi mill-ġnub. Huma ħarbu lejn Fougeu iżda tkeċċew minn hemm ukoll. Il-battalja saret il-ġrajja tal-istabbiliment tal-aħħar riġment ta' Lübeck, it-tielet Riġment Anseatiku tal-Fanterija Nru 162, li ġie stabbilit fl-1897. Meta l-kmandant tal-battaljun irritorna lejn Lübeck flimkien mal-battaljun tiegħu, huwa nħatar kmandant tar-riġment.
Seklu 20
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-aħħar tal-Ewwel Gwerra Dinjija u l-waqgħa tal-Imperu Ġermaniż, Lübeck saret stat membru tar-Repubblika ta' Weimar (1919-1933). Wara li n-Nażisti ħatfu l-poter, Lübeck, bħall-istati Ġermaniżi l-oħra kollha, ġiet soġġetta għall-proċess ta' Gleichschaltung (koordinazzjoni). Wara l-promulgazzjoni tat-"Tieni Liġi dwar il-Koordinazzjoni tal-Istati mar-Reich" tas-7 ta' April 1933, Friedrich Hildebrandt inħatar għall-kariga l-ġdida ta' Reichsstatthalter (Gvernatur tar-Reich) ta' Lübeck fis-26 ta' Mejju 1933. Hildebrandt ħatar lil Otto-Heinrich Drechsler bħala l-Bürgermeister, minflok is-Soċjal-Demokratiku elett, Paul Löwigt. Barra minn hekk, fit-30 ta' Jannar 1934, il-gvern tar-Reich ippromulga l-"Liġi dwar ir-Rikostruzzjoni tar-Reich", u formalment ġew aboliti l-parlamenti statali kollha u s-sovranità ġiet ittrasferita mill-istati lejn il-gvern ċentrali. B'din l-azzjoni, l-assemblea popolari ta' Lübeck, il-Bürgerschaft, ġiet xolta u Lübeck effettivament tilfet id-drittijiet tagħha bħala stat federali. Taħt id-dispożizzjonijiet tal-Att taż-Żona l-Kbira ta' Amburgu, Lübeck ġiet assorbita fil-Provinċja Prussjana ta' Schleswig-Holstein mill-1 ta' April 1937, u b'hekk tilfet l-istatus li kellha għal 711-il sena ta' belt ħielsa indipendenti.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija (1939-1945), Lübeck saret l-ewwel belt Ġermaniża li ġarrbet bumbardament sostanzjali mill-Forza tal-Ajru Rjali (bl-Ingliż: Royal Air Force (RAF)). L-attakk tat-28 ta' Marzu 1942 ikkawża n-nirien li ħakmu ċ-ċentru storiku u wasslu għal ħsarat estensivi. Dan l-attakk qered tlieta mill-knejjes prinċipali u partijiet kbar miż-żona mibnija; il-qniepen tal-Knisja ta' Santa Marija ċedew u waqgħu mit-torri għal isfel fuq il-ġebel. Kważi 1,500 dar inqerdu għalkollox, 2,200 dar ġarrbu ħsarat estensivi u 9,000 dar ġarrbu ftit ħsarat. Iktar minn 320 ruħ tilfu ħajjithom. Iż-żona industrijali ta' Lübeck ġiet ibbumbardjata fil-25 ta' Awwissu 1944 u 110 ruħ inqatlu. B'kollox, kważi 20 % taċ-ċentru storiku tal-belt inqered għalkollox, bi ħsara partikolari fil-kwartier ta' Gründungsviertel, fejn il-merkanti għonja mil-Lega Anseatika kien jgħixu fl-imgħoddi. Il-Ġermanja operat kamp tal-priġunieri tal-gwerra għall-uffiċjali, Oflag X-C, qrib il-belt mill-1940 sa April 1945. It-Tieni Armata Brittanika daħlet f'Lübeck fit-2 ta' Mejju 1945 u okkupatha mingħajr reżistenza.
Fit-3 ta' Mejju 1945, wieħed mill-ikbar diżastri fl-istorja navali seħħ fil-Bajja ta' Lübeck meta l-inġenji tal-ajru tal-gwerra tal-RAF għerrqu tliet vapuri: l-SS Cap Arcona, l-SS Deutschland u l-SS Thielbek - li, minn taħt, kienu ppakkjati bil-priġunieri tal-kampijiet ta' konċentrament. F'dan id-diżastru mietu madwar 7,000 ruħ.
Il-popolazzjoni ta' Lübeck kibret b'mod konsiderevoli, minn madwar 150,000 ruħ fl-1939 għal iktar minn 220,000 ruħ wara l-gwerra, bis-saħħa tal-influss ta' refuġjati Ġermaniżi etniċi li kienu tkeċċew mill-eks provinċji tal-Lvant tal-Ġermanja fil-Blokk Komunista. Lübeck baqgħet parti minn Schleswig-Holstein wara t-Tieni Gwerra Dinjija (u konsegwentement kienet tagħmel parti mill-Ġermanja tal-Punent). Kienet tinsab direttament ma' dik li saret il-fruntiera interna matul id-diviżjoni tal-Ġermanja f'żewġ stati fil-perjodu tal-Gwerra Bierda. Fin-Nofsinhar tal-belt, il-fruntieri kienet issegwi l-fluss tax-xmara Wakenitz, li kienet tissepara żż-żewġ Ġermanji b'inqas minn 10 metri (33 pied) f'ħafna postijiet tul ix-xmara. L-iżjed post fit-Tramuntana fejn wieħed seta' jaqsam il-fruntiera kien id-distrett ta' Schlutup f'Lübeck. Għal deċennji sħaħ sar restawr taċ-ċentru storiku tal-belt ta' Lübeck u fl-1987 l-UNESCO niżżlitu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tagħha.[1]
Fit-18 ta' Jannar 1996 billejl, in-nirien ħakmu dar tar-refuġjati barranin, u mietu 10 persuni u ndarbu sew iktar minn 30 ruħ, l-iktar tfal. Il-biċċa l-kbira tal-abitanti tad-dar ħasbu li kien attakk razzista, peress li ddikjaraw li kienu ltaqgħu ma' ostilità kbira fil-belt. Dak iż-żmien il-pulizija u l-qorti lokali ġew ikkritikati peress li eskludew ir-razziżmu bħala motiv possibbli saħansitra qabel bdew l-investigazzjonijiet preliminari. Madankollu, sal-2002, il-qrati sabu li l-Ġermaniżi kollha involuti ma kinux ħatja; u kwalunkwe persuna li kienet ħatja baqgħet qatt ma nqabdet.
F'April 2015, Lübeck ospitat il-konferenza tal-G7.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċentru storiku tal-Belt Anseatika ta' Lübeck ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987. Iż-żona ta' lqugħ tas-sit ġiet immodifikata kemxejn fl-2009.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2020, il-belt kellha popolazzjoni ta' 219,645 ruħ. L-ikbar gruppi etniċi minoritarji huma t-Torok, l-Ewropej Ċentrali (l-iktar il-Pollakki), l-Ewropej tan-Nofsinhar (l-iktar il-Griegi u t-Taljani), l-Ewropej tal-Lvant (eż. ir-Russi), l-Għarab, u diversi gruppi iżgħar.
L-iżvilupp tal-popolazzjoni mill-1350:
|
|
L-istruttura tal-popolazzjoni:
Klassifika | Nazzjonalità | Popolazzjoni (31 ta' Diċemrbu 2020) |
---|---|---|
1 | Turkija | 4,077 |
2 | Sirja | 2,733 |
3 | Polonja | 2,496 |
4 | Afganistan | 1,228 |
5 | Iraq | 1,191 |
6 | Bulgarija | 998 |
7 | Russja | 983 |
8 | Italja | 724 |
9 | Rumanija | 709 |
Politika
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sindku attwali ta' Lübeck huwa Jan Lindenau tal-Partit Demokratiku Soċjalista (SPD). L-iżjed elezzjoni reċenti għas-sindku saret fl-2017. Il-kunsill tal-belt ta' Lübeck jiggverna l-belt flimkien mas-sindku.
Kultura
[immodifika | immodifika s-sors]Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2019, Lübeck laħqet iż-żewġ miljun soġġorn. Lübeck hija famuża għaċ-ċentru storiku Medjevali tagħha mimli knejjes, għall-Holstentor, u għas-sqaqien u għat-toroq iż-żgħar. Lübeck ġiet imsejħa "Die Stadt der 7 Türme" (il-belt tas-seba' torrijiet) minħabba s-seba' torrijiet prominenti tal-knejjes tagħha. Bħal f'bosta postijiet oħra fil-Ġermanja, Lübeck għandha tradizzjoni twila tas-suq tal-Milied f'Diċembru, li jinkludi s-suq famuż tal-artiġjanat fi ħdan l-Isptar tal-Ispirtu s-Santu, li jinsab fin-naħa tat-Tramuntana ta' Königstrasse.
Binjiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira taċ-ċentru storiku tal-belt ippreserva l-bixra Medjevali tiegħu, b'binjiet storiċi u toroq dojoq. Kien hemm żmien fl-imgħoddi fejn wieħed seta' jaċċessa ċ-ċentru storiku tal-belt biss mill-erba' daħliet tagħha. Illum il-ġurnata fadal tnejn minn dawn id-daħliet, il-Holstentor (1478) famuża u l-Burgtor (1444).
Iċ-ċentru storiku tal-belt huwa dominat minn seba' torrijiet tal-kampnari tal-knejjes. L-eqdem knejjes huma l-Katidral ta' Lübeck u l-Knisja ta' Santa Marija, li t-tnejn imorru lura għas-sekli 13 u 14.
Mibni fl-1286, l-Isptar tal-Ispirtu s-Santu f'Koberg huwa waħda mill-eqdem istituzzjonijiet soċjali eżistenti fid-dinja u waħda mill-iżjed binjiet importanti fil-belt. L-Isptar jiffunzjona kemm bħala dar fejn jirtiraw l-anzjani kif ukoll bħala dar fejn jiġu ndukrati. Xi partijiet storiċi nfetħu għall-pubbliku inġenerali.
Attrazzjonijiet oħra jinkludu:
- il-Muniċipju;
- il-Knisja ta' Santa Katarina, knisja li kienet parti minn eks monasteru, issa l-Katharineum, skola tal-Latin;
- id-Dar ta' Thomas Mann;
- id-Dar ta' Günter Grass;
- il-Knisja ta' San Pietru;
- il-Knisja ta' San Lawrenz, li tinsab fis-sit ta' ċimiterju għan-nies li mietu matul il-pesta tas-seklu 16;
- il-Knisja ta' San Ġakobb tal-1334;
- il-Knisja tal-Qalb Imqaddsa;
- il-Knisja ta' San Eġidju;
- is-Salzspeicher, imħażen storiċi fejn kien jinħażen il-melħ ittrasportat minn Lüneburg biex jiġi ttrasportat lejn il-portijiet Baltiċi;
- il-belt ta' Travemünde mal-kosta tal-Baħar Baltiku.
Mużika, letteratura u l-arti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kompożitur Franz Tunder kien l-organist prinċipali tal-Knisja ta' Santa Marija ta' Lübeck, meta beda t-tradizzjoni tal-Abendmusiken, fejn kienet tindaqq il-mużika kull filgħaxija. Fl-1668, bintu Anna Margarethe żżewġet lill-kompożitur Daniż-Ġermaniż Dieterich Buxtehude, li sar l-organist il-ġdid tal-Knisja ta' Santa Marija. Uħud mill-kompożituri emerġenti ta' dak iż-żmien ivvjaġġaw lejn Lübeck biex jaraw l-ispettakli mużikali tiegħu, b'mod notevoli Handel u Mattheson fl-1703, u Bach fl-1705.
Il-kittieb u r-rebbieħ tal-Premju Nobel Thomas Mann kien membru tal-familja Mann tal-merkanti ta' Lübeck. Ir-rumanz magħruf sew tiegħu tal-1901 Buddenbrooks għarraf lill-qarrejja fil-Ġermanja (u iktar 'il quddiem ta' madwar id-dinja, permezz ta' bosta traduzzjonijiet) dwar l-istil ta' ħajja u d-drawwiet tal-borgeżija ta' Lübeck fis-seklu 19.
Lübeck saret magħrufa wkoll għal skandlu notevoli tal-arti fis-snin 50 tas-seklu 20. Lothar Malskat tqabbad biex jirrestawra l-affreski Medjevali tal-Knisja ta' Santa Marija, li ġew żvelati bis-saħħa tal-ħsarat estensivi li ġarrbet mill-attakki mill-ajru matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Minflok, huwa pitter xogħlijiet ġodda, taparsi kienu restawri, u kien hemm bosta esperti li emmnuh. Malskat iktar 'il quddiem żvela l-qerq hu stess. Il-kittieb u r-rebbieħ tal-Premju Nobel Günter Grass semma din il-kwistjoni fir-rumanz tiegħu tal-1986 Il-Far; mill-1995 huwa beda jgħix qrib Lübeck f'Behlendorf, fejn imbagħad indifen fl-2015.
Mużewijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Lübeck għandha bosta mużewijiet żgħar, bħall-Mużew ta' Sant'Anna ta' Lübeck, il-Behnhaus, il-Hansemuseum Ewropew, u l-Holstentor. Il-Mużew tal-Pupazzi tat-Teatru ta' Lübeck huwa mużew privat. Mal-ilma hemm bastiment ħafif li kien intuża għal Fehmarnbelt u għal Lisa von Lübeck, li huwa rikostruzzjoni ta' karavella Anseatika tas-seklu 15. Il-mużew tal-marżipan fit-tieni sular tal-Kafetterija ta' Niederegger f'Breite Strasse jispjega l-istorja tal-marżipan, u juri l-forom storiċi tal-injam li kienu jintużaw għall-produzzjoni tal-blokok tal-marżipan u grupp ta' figuri storiċi magħmula bil-marżipan.
Ikel u xorb
[immodifika | immodifika s-sors]Lübeck hija famuża għall-industrija tal-marżipan tagħha. Skont leġġenda lokali, il-marżipan ġie magħmul għall-ewwel darba f'Lübeck, x'aktarx b'rispons jew għal assedju militari tal-belt jew sena ta' ġuħ. Il-ġrajja, probabbilment apokrifa, issostni li l-belt spiċċat bla ikel għajr għal-lewż u għaz-zokkor li kien hemm fl-imħażen, u dawn intużaw għall-produzzjoni tal-"ħobż" tal-marżipan. Oħrajn jemmnu li l-marżipan effettivament ġie vvintat fil-Persja ftit mijiet ta' snin qabel Lübeck. L-iżjed produttur magħruf huwa Niederegger, li jżuruh spiss ħafna turisti f'Lübeck, speċjalment lejn żmien il-Milied.
Il-kummerċ tal-inbejjed f'Lübeck imur lura għal żmien l-Anseatiċi. Inbid famuż ta' Lübeck huwa r-Rotspon, li huwa nbid magħmul mill-għeneb ipproċessati u ffermentati fi Franza u ttrasportati fi btieti tal-injam lejn Lübeck, fejn imbagħad jinħażen, jitħalla jiqdiem u jitqiegħed fil-fliexken.
Bħal f'komunitajiet kostali oħra tat-Tramuntana tal-Ġermanja, il-Fischbrötchen u l-Brathering huma ikliet popolari ta' malajr, peress li hemm abbundanza ta' varjetajiet ta' ħut.
Edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Lübeck għandha tliet universitajiet, l-Università ta' Lübeck, l-Università Teknika tax-Xjenzi Applikati ta' Lübeck, u l-Akkademja tal-Mużika ta' Lübeck. L-Iskola Universitarja għall-Mediċina Informatika u x-Xjenzi Naturali hija fakultà ċentrali tal-università u ġiet stabbilita mill-Inizjattiva tal-Eċċellenza Ġermaniża. L-Iskola Internazzjonali tal-Midja l-Ġdida hija istitut affiljat tal-università.
Distretti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' Lübeck hija maqsuma f'10 żoni. Dawn mill-ġdid huma organizzati f'35 distrett urban. L-10 żoni bin-numri uffiċjali tagħhom, id-distretti urbani assoċjati magħhom u n-numru ta' abitanti tal-kwartieri huma dawn li ġejjin:
- 01 - Iċ-ċentru tal-belt (~ 12,000 abitant)
L-Innenstadt huwa l-attrazzjoni turistika prinċipali u jikkonsisti miċ-ċentru storiku tal-belt kif ukoll l-eks fortifikazzjonijiet. Din hija l-eqdem u l-iżgħar parti ta' Lübeck.
- 02 - San Jürgen (~ 40,000 abitant)
- Hüxtertor / Mühlentor / Gärtnergasse, Strecknitz / Rothebek, Blankensee, Wulfsdorf, Beidendorf, Krummesse, Kronsforde, Niederbüssau, Vorrade, Schiereichenkoppel, Oberbüssau.
Sankt Jürgen huwa wieħed minn tliet subborgi ta' Lübeck (flimkien ma' St. Lorenz u St. Gertrud). Jinsab fin-Nofsinhar taċ-ċentru storiku u huwa l-ikbar parti tal-belt.
- 03 - Moisling (~ 10,000 abitant)
- Niendorf / Moorgarten, Reecke, iċ-ċentru storiku ta' Moisling / Genin.
Moisling tinsab l-iktar fil-Lbiċ u l-istorja tagħha tmur lura għas-seklu 17.
- 04 - Buntekuh (~ 10,000 abitant)
Buntekuh tinsab fil-Punent ta' Lübeck. Parti kbira minnha tikkonsisti minn żoni
kummerċjali bħas-Citti-Park, l-ikbar stabbiliment kummerċjali ta' Lübeck.
- 05 - In-Nofsinhar ta' St. Lorenz (~ 12,000 abitant)
Sankt Lorenz-Süd jinsab fil-Lbiċ taċ-ċentru storiku tal-belt u għandu l-ikbar densità tal-popolazzjoni. L-istazzjonijiet prinċipali tal-karozzi tal-linja u tal-ferroviji jinsabu fit-Tramuntana tiegħu.
- 06 - It-Tramuntana ta' St. Lorenz (~ 40,000 abitant)
- it-Tramuntana ta' Holstentor, Falkenfeld / Vorwerk / Teerhof, Großsteinrade / Schönböcken, Dornbreite / Krempelsdorf.
Sankt Lorenz-Nord jinsab fil-Majjistral ta' Lübeck u huwa maqsum minn Sankt Lorenz-Süd permezz tal-linji ferrovjarji.
- 07 - St. Gertrud (~ 40,000 abitant)
- Burgtor / Stadtpark, Marli / Brandenbaum, Eichholz, Karlshof / Israelsdorf / Gothmund.
Sankt Gertrud jinsab fil-Lvant taċ-ċentru storiku tal-belt. Dan is-subborg huwa kkaratterizzat l-iktar min-natura tiegħu. Il-biċċa l-kbira ta' dan is-subborg huwa magħmul minn bosta parks, ix-xmajjar Wakenitz u Trave u l-foresta ta' Lauerholz.
- 08 - Schlutup (~ 6,000 abitant)
Schlutup tinsab l-iktar fil-Lvant miċ-ċentru storiku ta' Lübeck. Minħabba l-foresta ta' Lauerholz fil-Punent u x-xmara Trave fit-Tramuntana, Schlutup hija relattivament iżolata mill-partijiet l-oħra tal-belt.
- 09 - Kücknitz (~ 20,000 abitant)
- Dänischburg / Siems / Rangenberg / Wallberg, Herrenwyk, Alt-Kücknitz / Dummersdorf / Roter Hahn, Poeppendorf.
Fit-Tramuntana tax-xmara Trave hemm Kücknitz, li hija ż-żona industrijali antika ta' Lübeck.
- 10 - Travemünde (~ 15,000 abitant)
- Ivendorf, Alt-Travemünde / Rönnau, Priwall, Teutendorf, Brodten.
Travemünde tinsab l-iktar fil-Grigal taċ-ċentru storiku ta' Lübeck qrib il-Baħar Baltiku. Permezz tal-bajja u tal-kosta twila tagħha, Travemünde hija t-tieni l-ikbar destinazzjoni turistika.
Relazzjonijiet internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Ġemellaġġi
[immodifika | immodifika s-sors]Lübeck hija ġemellata ma':
- Kotka, il-Finlandja (1969);
- La Rochelle, Franza (1988);
- Wismar, il-Ġermanja (1987);
- Klaipėda, il-Litwanja (1990);
- Gotland, l-Iżvezja (1999).
Bliet amikevoli
[immodifika | immodifika s-sors]Lübeck għandha relazzjonijiet ta' ħbiberija ma':
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Lübeck hija kkollegata ma' tliet awtostradi (Autobahnen) prinċipali. L-Awtostrada A1 tibqa' sejra lejn il-gżira ta' Fehmarn u Copenhagen (id-Danimarka) u lejn in-Nofsinhar lejn Amburgu, Bremen u Köln. L-Awtostrada A20 tibqa' sejra lejn il-Lvant lejn Wismar, Rostock u Szczecin (il-Polonja) u lejn il-Punent lejn Bad Segeberg u l-Baħar tat-Tramuntana. L-Awtorstrada A226 tibda fiċ-ċentru ta' Lübeck u tibqa' sejra lejn il-Grigal u l-belt portwali ta' Travemünde.
Lübeck hija moqdija minn diversi stazzjonijiet ferrovjarji. Dak prinċipali huwa ta' Lübeck Hauptbahnhof, li jaqdi madwar 31,000 passiġġier kuljum, u huwa l-iżjed stazzjon importanti f'Schleswig-Holstein. L-istazzjon huwa moqdi l-iktar minn servizzi ferrovjarji reġjonali lejn Amburgu, Lüneburg, Kiel, il-gżira ta' Fehmarn u Szczecin (il-Polonja). Hemm xi ferroviji li jivvjaġġaw distanzi twal lejn Munich, Frankfurt-am-Main u Köln. Matul il-vaganzi tas-sajf, ikun hemm bosta servizzi ferrovjarji addizzjonali. Sal-aħħar tal-2019, Lübeck kienet waqfa fil-linja ferrovjarja "Vogelfluglinie" minn Amburgu sa Copenhagen (id-Danimarka).
It-trasport pubbliku huwa organizzat mill-Kumpanija tat-Traffiku tal-Belt ta' Lübeck (Lübecker Stadtverkehr). Hemm 40 linja tal-karozzi tal-linja li jaqdu lill-belt u ż-żona madwar Lübeck, minbarra s-servizzi tal-karozzi tal-linja reġjonali.
Id-distrett ta' Travemünde jinsab mal-Baħar Baltiku u għandu l-port prinċipali tal-belt. L-iScandinavienkai (il-moll tal-Iskandinavja) huwa l-punt ta' tluq għar-rotot tal-laneċ lejn Malmö u Trelleborg (l-Iżvezja); Liepāja (il-Latvja); Helsinki (il-Finlandja) u San Pietruburgu (ir-Russja). Hija t-tieni l-ikbar port Ġermaniż mal-Baħar Baltiku.
L-Ajruport ta' Lübeck jinsab fin-Nofsinhar ta' Lübeck fir-raħal ta' Blankensee. L-ajruport jipprovdi titjiriet reġjonali lejn Munich u Stuttgart u xi titjiriet charter lejn l-Italja u l-Kroazja.
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]Reliġjon
[immodifika | immodifika s-sors]- Laurentius Surius (1522-1578), patri u ħaġjografu Kartużjan;
- August Hermann Francke (1663-1727), pedagoġista u teologu li stabbilixxa l-Fondazzjonijiet ta' Francke;
- Johann Lorenz von Mosheim (1693-1755), storiku tal-Knisja Luterana;
- Ephraim Carlebach (1879-1936), rabbi u fundatur tal-Iskola Għolja tal-Iżraeliti f'Leipzig;
- Joseph Carlebach (1883-1942), rabbi u vittma tal-Olokawst;
- Felix Carlebach (1911-2008), rabbi.
- Johann Wittenborg (1321-1363), sindku ta' Lübeck li tilef fil-Battalja ta' Helsingborg;
- Jürgen Wullenwever (għall-ħabta tal-1492-1537), sindku ta' Lübeck mill-1533 sal-1535;
- George Wulweber, Protestant tas-seklu 16 li ġie ttorturat fuq il-forka;
- Friedrich Krüger (1819-1896), diplomatiku għall-bliet Anseatiċi ta' Lübeck, Amburgu u Bremen;
- John Rugee (1827-1894), politiku f'Wisconsin, l-Istati Uniti;
- Gustav Radbruch (1878-1949), studjuż legali u politiku;
- Hermann Lüdemann (1880-1959), politiku tas-CDU;
- Otto-Heinrich Drechsler (1895-1945), sindku ta' Lübeck mill-1933 sal-1937 li stabbilixxa l-getto ta' Riga;
- Haim Cohn (1911-2002), ġurista u politiku Iżraeljan;
- Willy Brandt (1913-1992), politiku tal-SPD u Kanċillier Ġermaniż;
- Björn Engholm (twieled fl-1939), politiku tal-SPD;
- Robert Habeck (twieled fl-1969), kittieb u politiku tal-Alleanza 90/il-Ħodor;
- Birgitt Ory (twieldet fl-1964), diplomatika;
- Beatrix von Storch (twieldet fl-1971), politiku tal-AfD politician u eks Membru Parlamentari Ewropew.
Arti
[immodifika | immodifika s-sors]- Benjamin Block (1631-1690), pittur Barokk Ġermaniż-Ungeriż;
- Sir Godfrey Kneller (1646-1723), pittur tal-qorti ta' diversi monarki Brittaniċi;
- Catharina Elisabeth Heinecken (1683-1757), artista u alkemista;
- Carl Heinrich von Heineken (1707-1791), storiku tal-arti;
- Friedrich Overbeck (1789-1869), pittur u kap tan-Nazzareni;
- Johann Wilhelm Cordes (1824-1869), pittur tal-pajsaġġi;
- Gotthardt Kuehl (1850-1915), pittur;
- Maria Slavona (1865-1931), pittriċi impressjonista, oħt Cornelia Schorer;
- Erich Ponto (1884-1957), attur;
- Walter D. Asmus (twieled fl-1941), direttur tat-teatru;
- Justus von Dohnányi (twieled fl-1960), attur;
- Jonas Nay (twieled fl-1990), attur.
Mużika
[immodifika | immodifika s-sors]- Franz Tunder (1614-1667), organist u kompożitur;
- Thomas Baltzar (għall-ħabta tal-1631-1663), vjolinist u kompożitur;
- Dieterich Buxtehude (għall-ħabta tal-1637-1707), kompożitur u organist;
- Andreas Kneller (1649-1724), kompożitur u organist;
- Friedrich Ludwig Æmilius Kunzen (1761-1817), kompożitur;
- Anja Thauer (1945-1973), vjolinċellista.
Xjenza
[immodifika | immodifika s-sors]- Joachim Jungius (1587-1657), matematiku, fiżiku u filosfu;
- Heinrich Meibom (1638-1700), espert mediku li skopra l-glandola Meibomjana;
- Hermann von Fehling (1811-1885), spiżjar;
- Robert Christian Avé-Lallemant (1812-1884), tabib u vjaġġatur riċerkatur;
- Ernst Curtius (1814-1896), arkeologu u storiku klassiku;
- Georg Curtius (1820-1885), filologu;
- Friedrich Matthias Claudius (1822-1869), anatomista;
- James Behrens (1824-1898), entomologu;
- Friedrich Matz (1843-1874), arkeologu;
- Friedrich Wilhelm Gustav Bruhn (1853-1927), ivvinta t-taksimetru;
- Cornelia Schorer (1863-1939), waħda mill-ewwel tobba nisa fil-Ġermanja;
- Heinrich Lüders (1869-1943), Orjentalist u indologu;
- Justus Mühlenpfordt (1911-2000), fiżiku nukleari;
- Wolfgang Luthe (1922-1985), tabib, psikoterapista u pijunier fit-taħriġ awtoġeniku.
Kitba
[immodifika | immodifika s-sors]- Erasmus Finx (1627-1694), polistoriku, awtur u kittieb tal-knisja;
- Christian Adolph Overbeck (1755-1821), sindku u poeta;
- Johann Bernhard Vermehren (1777-1803), Romantiku u lekċerer;
- Emanuel Geibel (1815-1884), poeta;
- Gustav Falke (1853-1916), awtur;
- Heinrich Mann (1871-1950), rumanzier;
- Thomas Mann (1875-1955), rumanzier, rebbieħ tal-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1929;
- Friedrich Ranke (1882-1950), Medjevalista, filologu, folklorista u kittieb Ġermaniż;
- Jörg Wontorra (twieled fl-1948), ġurnalist sportiv;
- Nicolai Riedel (twieled fl-1952), filologu, awtur u editur.
Sport
[immodifika | immodifika s-sors]- Sandra Völker (twieldet fl-1974), għawwiema, rebħet tliet medalji fil-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-1996;
- Marie-Louise Dräger (twieldet fl-1981), ċampjin tad-dinja għal ħames darbiet bħala lightweight sculler;
- Tobias Kamke (twieled fl-1986), plejer professjonali tat-tennis;
- Maximilian Munski (twieled fl-1988), qaddief, rebbieħ ta' medalja tal-fidda fil-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-2016.
Oħrajn
[immodifika | immodifika s-sors]- Adam Brand (għall-ħabta tal-1692-1746), merkant u riċerkatur;
- Christian Friedrich Heinecken (1721-1725), "l-istudjuż żgħir ta' Lübeck", tifel prodiġju;
- Kurd von Schlözer (1822-1894), diplomatiku u storiku;
- Hermann von der Hude (1830-1908), arkitett;
- Hermann Blohm (1848-1930), bennej tal-vapuri u fundatur ta' kumpanija;
- Hermann Pister (1885-1948), kmandant tal-SS Nażisti tal-Kamp ta' Konċentrament ta' Buchenwald;
- Walter Ewers (1892-1918), bdot rinomat tal-Ewwel Gwerra Dinjija;
- Hans Blumenberg (1920-1996), filosfu;
- Jörg Ziercke (twieled fl-1947), kap kummissarju tal-Uffiċċju Federali Kriminali tal-Pulizija mill-2004 sal-2014.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Hanseatic City of Lübeck". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-06.