Weimar Klassika

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Palazz ta' Weimar.

Weimar Klassika (bil-Ġermaniż: Klassisches Weimar) hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCOmagħmul minn 11-il komponent fil-belt ta' Weimar, il-Ġermanja, u qribha. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-2 ta' Diċembru 1998.[1] Il-ħdax-il komponent kollha huma xhieda tal-influwenza ta' Weimar bħala ċentru kulturali tal-Illuminazzjoni matul is-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19. Għadd ta' kittieba u filosfi notevoli għexu f'Weimar bejn l-1772 u l-1805, inkluż Johann Wolfgang von Goethe, Johann Gottfried Herder, Friedrich Schiller u Christoph Martin Wieland. Dawn il-figuri kienu midħla u parteċipanti tal-moviment tal-Klassiċiżmu ta' Weimar, u l-arkitettura tas-siti madwar il-belt tirrifletti l-iżvilupp kulturali rapidu ta' żmien Weimar Klassika.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Weimar Klassika ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Statwa ta' Goethe u ta' Schiller fil-pjazza ewlenija ta' Weimar.

Komponenti[immodifika | immodifika s-sors]

  • Id-Dar ta' Goethe, fejn kien jgħix Johann Wolfgang von Goethe, inbniet bl-istil Barokk bejn l-1707 u l-1709, u l-Ġnien u d-Dar fil-Ġnien ta' Goethe f'Park an der Ilm.
  • Id-Dar ta' Schiller, fejn kien jgħix Friedrich Schiller, inbniet bl-istil Barokk ukoll fl-1777, għalkemm tinkorpora qafas tas-seklu 16.
  • Il-Knisja ta' Herder (il-Knisja ta' San Pietru u ta' San Pawl), id-Dar ta' Herder u l-Iskola Postsekondarja Antika; kollha assoċjati mal-filosfu, mat-teologu u mal-poeta Johann Gottfried Herder (1774-1803).
  • Il-Palazz ta' Weimar (il-Kastell Residenzjali) u l-kumpless ta' Bastille.
  • Il-Palazz tal-Armla (Wittumspalais), li jikkonsisti minn grupp ta' binjiet Barokki ta' żewġ sulari u ta' tliet sulari.
  • Il-Librerija tad-Dukessa Anna Amalia.
  • Il-Park max-xmara Ilm bil-Villa Rumana.
  • Il-Palazz tal-Belvedere u l-għalqa bis-siġar tal-larinġ; palazz Barokk ta' żewġ sulari b'għalqa f'għamla tal-ittra U bis-siġar tal-larinġ.
  • Il-Palazz u l-Park ta' Ettersburg, struttura ta' erba' sulari li tikkonsisti minn tliet sezzjonijiet u park.
  • Il-Palazz u l-Park ta' Tiefurt, dar lussuża li fl-imgħoddi kienet ir-residenza tas-sajf tad-Dukessa Anna Amalia ta' Brunswick-Wolfenbüttel (1739-1807).
  • Iċ-Ċimiterju Storiku ta' Weimar u l-Qabar tal-Prinċpijiet.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Classical Weimar". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-01.