Aqbeż għall-kontentut

Kaká

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kaká
Informazzjoni personali
Isem sħiħRicardo Izecson dos Santos Leite
Twelid22 ta' April 1982 (1982-04-22) (42 sena)
Gama, Brażil
Tul1.83 m
RwolMidfilder offensiv
Mixtliet
1990–2000São Paulo
Karriera professjonali
SninKlabb
1999–2003São Paulo
2003–2009Milan
2009–2013Real Madrid
2013–2014Milan
2014–2017Orlando City
2014São Paulo (self)
Tim nazzjonali
2002–2016Brażil

Ricardo Izecson dos Santos Leite (Gama, 22 ta' April 1982), magħruf aħjar bħala Kaká jew Ricky Kaká, huwa eks-plejer tal-futbol Brażiljan. Fl-2007 hu rċieva l-unuri prestiġjużi tal-Ballun tad-Deheb u l-Plejer tas-Sena tal-FIFA, u fl-2008 ġie msemmi fost il-100 persuna l-aktar influwenti fid-dinja, fit-Time 100.[1] Sa Frar tal-2009, flimkien mal-plejer ta' Inter Zlatan Ibrahimović, Kaká huwa l-aktar plejer imħallas fid-dinja tal-futbol.[2]

Kaká twieled minn Simone Cristina dos Santos Leite u Bosco Izecson Pereira Leite. Ħuh iż-żgħir, Rodrigo (magħruf aħjar bħala Digão), hu wkoll plejer professjonali. Fl-età ta' seba snin, il-familja ttrasferixxiet lejn São Paulo. L-iskola daħħlet lil Kaká fi klabb ġovanili lokali bl-isem ta' "Alphaville", li kkwalifika għall-finali tat-turnew lokali.[3] Hemmhekk hu kien ġie skopert minn São Paulo li offrielu kuntratt.[4]

Fl-età ta' tmintax-il sena, Kaká sofra inċident li seta' hedded bil-kbir il-karriera tiegħu u l-possibilità ta' paralisi għal ħajtu meta ħabat rasu mal-qiegħ ta' pixxina u kisser il-vertebra ta' għonqu, però irnexxielu jirkupra. Minn dakinhar 'il quddiem, kull darba li jiskorja xi gowl, hu jiftakar f'dan il-mument billi jerfgħa idu u għajnejh lejn is-sema bħala ringrazzjament lil Alla ta' dak li għamel miegħu.

Kaká beda l-karriera tiegħu ma' São Paulo meta kellu tmien snin. Hu ffirma kuntratt meta kellu ħmistax-il sena, u mexxa lit-tim ġovanili għat-trijonf fil-Copa de Juvenil. Id-debutt ta' Kaká mat-tim tal-kbar wasal f'Jannar 2001 u skorja 12-il gowl f'27 apparenza, fejn mexxa wkoll lil São Paulo għall-ewwel u l-unika Torneio Rio-São Paulo. Huwa skorja 10 gowls fi 22 partita fl-istaġun segwenti, u grazzi għall-prestazzjonijiet tajbin tiegħu, hu kien qed jattira diversi klabbs mill-Ewropa. Kaká għamel total ta' 75 apparenza (fil-kompetizzjonijiet kollha) għall-klabb Brażiljan, fejn skorja 30 darba.

Kaká flimkien mal-President tal-Brażil Lula

AC Milan, li kienu għadhom friski mir-rebħ taċ-Champions League 2003, xtrawh għal somma ta' $8.5 miljun, somma li kienet ġiet deskritta mill-propjetarju tal-klabb, Silvio Berlusconi, bħala "waħda taċ-ċajt" għal talent bħal tiegħu. Madwar xahar wara, hu żblokka mal-ewwel tim, u d-debutt tiegħu fis-Serie A wasal fir-rebħa ta' 2–0 fuq Ancona, waqt li l-ewwel gowl tiegħu wasal fid-derby ta' Milan kontra Inter fejn issiġilla r-rebħa ta' 2–0 kontra l-arċirivali. Hu skorja għaxar gowls fi tletin apparenza dak l-istaġun, hekk kif Milan rebħu l-iscudetto u s-Supertazza Ewropea.

Fl-istaġun 2004–05, Kaká kien parti mill-ħames plejers ċentrali, waqt li ħafna drabi kien jilgħab taħt l-attakkant Andriy Shevchenko. Hu skorja seba' gowls f'36 partita domestika hekk kif Milan spiċċaw it-tieni post fil-kampjonat. Minkejja li l-klabb minn Milan tilef il-finali tal-UEFA Champions League 2004–05 kontra l-Liverpool wara l-għoti tal-penalties, hu xorta waħda kien ġie vvutat bħala l-aqwa midfilder tat-turnew.

L-istaġun 2005–06 ra lil Kaká jiskorja l-ewwel tripletta personali kemm fil-kompetizzjoni domestika kif ukoll fl-Ewropa. Fid-9 ta' April 2006, huwa skorja tripletta kontra Chievo Verona fejn kollha ġew fit-tieni taqsima. Seba' xhur wara, huwa skorja tripletta oħra din id-darba kontra RSC Anderlecht fir-rebħa ta' 4–1 tar-"Rossoneri". Id-dinja tal-futbol bdiet tagħraf aktar il-kobor ta' din l-istilla emerġenti.

Kaká ma' Milan

It-tluq ta' Shevhenko għal ma' Chelsea FC fil-bidu tal-istaġun 2006–07, tat lil Kaká biex isir il-punt fokali tal-offiża ta' Milan hekk kif hu alterna bejn il-pożizzjoni ta' nofs il-grawnd u ta' attakkant. Hu spiċċa bħala l-aqwa skorer tal-kampanja 2006–07 taċ-Champions League b'għaxar gowls. Wieħed minnhom għen lir-Rossoneri jegħlbu lil Celtic FC fil-kwarti tal-finali bi skor aggregat ta' 1–0, u tlieta oħra kienu fatali għal Manchester United fis-semifinali minkejja li t-tim Taljan tilef l-ewwel leg. Wara r-riżultat konvinċenti ta' 3–0 fit-tieni leg f'San Siro fit-2 ta' Mejju li elimina liċ-ċampjins Ingliżi, il-kowċ ta' Manchester United Sir Alex Ferguson iddikjara li Kaká kien wieħed mill-aqwa żewġ plejers fid-dinja, flimkien ma' Cristiano Ronaldo.

Kaká żied it-trijonf taċ-Champions League 2006–07 meta l-Milan rebħu lil-Liverpool 2–1 f'Ateni fit-23 ta' Mejju 2007. Minkejja li ma sabx ix-xibka, kien hu li rebaħ il-free-kick li minnu skorja Filippo Inzaghi, u pprovda wkoll il-passaġġ għat-tieni gowl, skurjat mill-istess Inzaghi. F'Ġunju tal-2007] il-pubblikazzjoni Ġermaniża "Kicker" semmietu bħala l-aqwa plejer fid-dinja, bi Cristiano Ronaldo u Ronaldinho jispiċċaw fit-tieni u fit-tielet post rispettivament. Fit-30 ta' Awwissu, Kaká ġie magħżul mill-UEFA bħala kemm l-aqwa attakant tal-istaġun 2006–07 taċ-Champions League kif ukoll bħala l-Plejer tas-Sena.[5]

Huwa lagħab il-200 logħba fil-karriera tiegħu mal-Milan fil-pari ta' 1–1 kontra Calcio Catania fit-30 ta' Settembru 2007, u fil-5 ta' Ottubru hu ġie msemmi bħala l-Aqwa Plejer tas-Sena mill-FIFPro. Fit-2 ta' Diċembru 2007, Kaká ġie mħabbar bħala l-Plejer Ewropew tas-Sena, fejn sar it-tmien Milanist fl-istorja li rebaħ dan l-unur. Huwa spiċċa fl-ewwel post b'vantaġġ kbir fuq it-tieni klassifikat, Cristiano Ronaldo.[6] Fid-29 ta' Frar 2008, hu aċċetta li jestendi l-kuntratt biex b'hekk hu se jibqa' mal-klabb sas-sena 2013.[7]

Minħabba l-kontribuzzjonijiet tiegħu kemm ġewwa u barra l-grawnd, il-magażin Time nhar it-2 ta' Mejju, semma lil Kaká fit-Time 100, li hi lista tal-100 persuna l-aktar influwenti minn madwar id-dinja.[8] Fl-14 ta' Ottubru 2008, qabel il-partita ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2010 bejn il-Brażil u l-Veneżwela, Kaká ħalla l-marka ta' saqajh fil-Hall of Fame tal-Maracanã, fis-sezzjoni dedikata għall-memorja tal-aqwa plejers tal-pajjiż.[9]

Fit-13 ta' Jannar 2009, kien irrapurtat mill-BBC li Manchester City għamlu offerta lil Kaká ta' aktar minn £100 miljun. Id-direttur tal-Milan Umberto Gandini irrisponda għal din l-offerta billi bagħat, "L-unika ħaġa li nista' ngħid hi li l-offerta hi immensa u l-klabb qed jikkunsidraha," u żied li l-Milan kienu se jiddiskutu dan ir-rigward ġa ladarba Kaká u Manchester City jaqblu fuq termini personali.[10] Kaká inizzjalment irrisponda billi qal lill-ġurnalisti li hu xtaq "jixjieħ" f'Milan u joħlom li xi darba jkun kaptan tal-klabb, imma aktar tard qal, "Jekk [Milan] iridu jbiegħuni, jien lest li npoġġi bil-qiegħda u nitkellem. Jien nista' ngħid li sakemm il-klabb ma jridx ibiegħni, jien definittivament nibqa'."[11] Fid-19 ta' Jannar, Berlusconi ħabbar li City kienu uffiċjalment temmew in-negozjati, u li Kaká kien se jibqa' mal-Milan.[12] Il-partitarji tal-Milan kienu spiċċaw jipportestaw barra l-kwartieri ġenerali tal-klabb kmieni dak il-lejl, u bdew jitolbu lill-istess Kaká quddiem daru biex jibqa' mal-klabb. Ir-risposta ta' Kaká kienet li jsellmilhom billi jxejjer il-ġersi aħmar u iswed tal-Milan 'il barra mit-tieqa.[13]

Nhar it-3 ta' Ġunju, 2009, Football Italia ħabbar li l-president il-ġdid ta' Real Madrid Florentino Pérez kien għadu kif offra somma ₤68.5 miljun għal Kaká,[14] jumejn biss wara li l-plejer ingħaqad mat-tim nazzjonali għal-logħbiet internazzjonali.[15] Il-viċi-president tal-Milan, Adriano Galliani, irtira dan l-għajudt, u kkonferma li hu u missier Kaká, Bosco Leite, ivvjaġġaw lejn Spanja biex jiltaqgħu ma' Pérez.[16] Nhar l-4 ta' Ġunju, Galliani stqarr lil Gazzetta dello Sport li kienu l-motivi finanzjarji li wasslu għal taħdidiet ma' Pérez. "Ma nistgħux nħallu [lill-Milan] li nitilfu £70m [...] Ir-raġunijiet wara t-trasferiment ta' Kaká huma dawk ekonomiċi."[16]

Nhar it-Tnejn, 8 ta' Ġunju 2009, Kaká iffirma kuntratt mal-iSpanjoli ta' Real Madrid għal sitt snin, li jibda mill-istaġun 2009–10 għal somma li ddur madwar il-£65 miljun.[17] Din temmet saga kbira ta' spekulazzjoni kbira fuq il-futur ta' Kaka, b'Milan f'Jannar tal-2008 jirrifjutaw offerta ta' £100m minn Manchester City. Hu hu l-ewwel plejer li nxtara fir-ritorn mill-ġdid tal-president Florentino Pérez (li mexxa 'l-klabb Spanjol matul l-era famuża tal-Galácticos) u jimmarka wkoll l-ikbar somma ta' trasferiment qatt imħallsa għal plejer minn mindu sar it-trasferiment rekord ta' Zinedine Zidane ukoll mal-istess klabb fl-2001.[18]

Ritorn ma' Milan

[immodifika | immodifika s-sors]

Kaka rritorna ma' Milan fit-2 ta' Settembru 2013. Il-ġganti tas-Serie A ikkonfermaw li huma waslu għal ftehim mal-midfilder offensiv għal żmien ta' sentejn. Hu se jaqla €4 miljuni f'kull staġun ma' Milan.[19]

Internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
Kaká fit-triq mal-Brażil

Kaká għamel id-debutt tiegħu mat-tim nazzjonali Brażiljan f'Jannar tal-2002 kontra l-Bolivja. Hu kien parti mill-iskwadra rebbieħa fit-Tazza tad-Dinja 2002, imma lagħab biss 19-il minuta fil-partita tal-ewwel rawnd kontra l-Kosta Rika. Matul il-finali kontra l-Ġermanja, il-kowċ Luis Felipe Scolair kien mistenni li jdaħħal lil Kaká bħala sostitut, imma dan ma seħħx minħabba li r-referi ma rahx ixejjer idejh biex jurih li se jagħmel sostituzzjoni oħra.

Fl-2003, Kaká kien il-kaptan tat-tim Brażiljan waqt il-kampjonat tal-Gold Cup fejn it-tim spiċċa finalista tellief b'Kaká jiskorja tliet gowls. Fid-29 ta' Ġunju 2005, huwa skorja fir-rebħa ta' 4–1 fuq l-Arġentina fil-finali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet 2005 b'xutt b'saħħtu fir-rokna leminija tax-xibka. Kaká beda għall-ewwel darba mal-ewwel ħdax fit-Tazza tad-Dinja 2006, u skorja l-ewwel u l-uniku gowl fil-partita tal-ftuħ tal-Brażil kontra l-Kroazja. Il-Brażil spiċċaw barra mill-kompetizzjoni wara li tilfu 1–0 fil-kwarti tal-finali kontra l-finalisti telliefa ta' dik l-edizzjoni, Franza.

F'Ġunju tal-2007 hu bagħat ittra lill-Federazzjoni Brażiljana biex jistaqsi jekk setax ma jiġix magħżul mill-kowċ tas-selezzjoni Sud-Amerikana Dunga għall-Copa América 2007 li kellha ssir fil-Veneżwela. Il-ġustifikazzjoni tiegħu wara din ir-rikjesta kienet minħabba li kellu bżonn il-mistrieħ wara li f'dawk l-aħħar tliet staġuni kien kontinwament impenjat man-nazzjonal u mal-Milan. It-tim Brażiljan irnexxielu jirbaħ din il-kompetizzjoni. Hu reġa' rritorna mal-Brażil meta lagħab 70 minuta fil-pari ta' 1–1 kontra l-Ingilterra nhar l-1 ta' Ġunju, però 30 minuta biss fil-pari ta' mingħajr gowls kontra t-Turkija tal-5 ta' Ġunju.

Klabb Staġun Kampjonat Tazza Kontinentali1 Oħrajn2 Total
Preż Gowls Assisti Preż Gowls Assisti Preż Gowls Assisti Preż Gowls Assisti Preż Gowls Assisti
São Paulo 2001 27 12 7 1 5 0 16 4 55 17
2002 22 9 9 6 17 8 48 23
2003 10 2 5 0 7 5 22 7
Total 59 23 21 7 5 0 40 17 125 47
Milan 2003–04 30 10 4 4 0 0 10 4 1 1 0 0 44 14 5
2004–05 36 7 5 1 0 0 13 2 4 1 0 0 51 9 7
2005–06 35 14 3 2 0 0 12 5 1 49 19 5
2006–07 31 8 6 2 0 0 15 10 5 48 18 9
2007–08 30 15 10 0 0 0 9 3 2 3 2 0 41 19 12
2008–09 31 16 9 1 0 1 4 0 2 36 16 10
Total 193 70 37 10 0 1 63 24 15 5 2 0 270 95 46
Real Madrid 2009–10 25 8 6 1 0 0 7 1 2 33 9 8
2010–11 14 7 5 3 0 0 3 0 1 20 7 6
2011–12 27 5 9 4 0 0 8 3 5 1 0 0 40 8 14
2012–13 19 3 3 2 1 0 6 1 1 0 0 0 27 5 4
Total 85 23 23 10 1 0 24 5 10 1 0 0 120 29 32
Milan 2013–14 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0
Total 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0
Total tal-karriera 337 116 59 41 8 1 91 29 24 46 19 0 515 171 80

Korretta sat-2 ta' Settembru 2013[20]

Brażil São Paulo

Italja AC Milan

Ħajja privata

[immodifika | immodifika s-sors]
Kaká ma' martu Caroline

Nhar it-23 ta' Diċembru 2005, f'São Paulo, quddiem 600 invitata fil-knisja evanġelika Renascer em Cristo, Kaká iżżewweġ Caroline Celico, wara tliet snin ta' għerusija.[21] Il-koppja kellha l-ewwel tifel tagħha, Luca Celico Leite, li twieled fil-lejl bejn id-9 u l-10 ta' Ġunju 2008.[22]

  1. ^ "Kaká - The 2008 TIME 100" (bl-Ingliż). Time Magazine. 2008-04-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-03-28. Miġbur 2009-02-23.
  2. ^ "The 50 highest salaries of football players 2008/2009". futebolfinance.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-02-22. Miġbur 2009-02-23.
  3. ^ Bijografija ta' Kaká (Portugiż)
  4. ^ Bijografija - fantasticoakaka.it (Taljan)
  5. ^ "Kaka named UEFA's European club player of the year" (bl-Ingliż). Reuters. 2007-08-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-12-01. Miġbur 2009-02-23.
  6. ^ "Ballon d'Or: Kaka crowned" (bl-Ingliż). Football Italia. Miġbur 2008-03-09.
  7. ^ "Kaka will not leave Milan" (bl-Ingliż). Sky Sports. Miġbur 2008-03-08.
  8. ^ Keller, Kasey. "Kaká - The 2008 Time 100" (bl-Ingliż). Time. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-03-28. Miġbur 2009-02-23.
  9. ^ "Kaká coloca os pés entre Zico e Marta na Calçada da Fama do Maracanã". globoesporte.com (bil-Portugiż). 2008-10-15. Miġbur 2008-10-27.
  10. ^ Panja, Tariq; Poggi, Alessandro (2009-01-16). "AC Milan's Gandini Says Kaka Will Talk With Manchester City" (bl-Ingliż). Bloomberg.
  11. ^ Marcotti, Gabriele (2009-01-16). "Kaka and Manchester City: three days that shook the football world" (bl-Ingliż). The Times. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-09-06. Miġbur 2009-02-23.
  12. ^ "Kaka deal dead but Bellamy signs for £12M" (bl-Ingliż). CNN. 2009-01-19.
  13. ^ "Kaka salutes fans pleading with him to stay" (bl-Ingliż). Agence France-Presse. 2009-01-19. Miġbur 2009-02-23.
  14. ^ "KAKA FOR SALE" (bl-Ingliż). Football Italia. 2009-06-03.
  15. ^ "Kaka will leave" (bl-Ingliż). Football Italia. 2009-06-01.
  16. ^ a b "Galliani: We have to sell Kaka" (bl-Ingliż). Football Italia. 2009-06-03.
  17. ^ "Official Announcement" (bl-Ingliż). Real Madrid CF. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-11-10.
  18. ^ "Kaka completes switch to Madrid" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-06-08. Miġbur 2009-06-09.
  19. ^ http://www.goal.com/en/news/11/transfer-zone/2013/09/02/4231203/official-ac-milan-sign-kaka?ICID=CP_1
  20. ^ http://www.acmilan.com/LM_Actor.aspx?idSquadra=3&idStagione=14&idPersona=53&name=Kaká
  21. ^ Downie, Andrew (2009-01-19). "Seven dead and dozens injured after 'Kaka's church' collapses during service" (bl-Ingliż). The Daily Telegraph. Miġbur 2009-02-23.
  22. ^ "RICKY AND CAROLINE, CONGRATULATIONS!" (bl-Ingliż). Associazione Calcio Milan. 2008-06-10. Miġbur 2008-06-10.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Kaká fuq National-Football-Teams.com Immodifika fuq Wikidata
  • Kaká – rekord kompetittiv tal-FIFA (arkivjat) Immodifika fuq Wikidata