Athos

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Muntanja Athos.

Athos jew il-Muntanja Athos (pronunzja: /ˈæθɒs/; bil-Grieg: Ἄθως [ˈa.θos]) hija muntanja fil-peniżola ta' Athos fil-Grigal tal-Greċja. Hija ċentru importanti tal-monastiċiżmu Ortodoss tal-Lvant. Il-muntanja u l-biċċa l-kbira tal-peniżola ta' Athos huma rregolati bħala reġjun awtonomu fil-Greċja mill-komunità monastika tal-Muntanja Athos, li ekkleżjastikament taqa' taħt il-ġurisdizzjoni diretta tal-Patriarka Ekumeniku ta' Kostantinopli. Il-bqija tal-peniżola tifforma parti mill-muniċipalità ta' Aristotelis. Skont il-liġi u t-tradizzjoni reliġjuża tal-Greċja, in-nisa ma jistgħux jidħlu fiż-żona rregolata mill-komunità monastika.[1]

Il-Muntanja Athos ilha abitata minn żmien il-qedem u hija magħrufa għall-preżenza twila ta' Kristjani u għat-tradizzjonijiet monastiċi storiċi, li jmorru lura għal mill-inqas it-800 W.K. matul l-era Biżantina. Minħabba l-istorja twila ta' importanza reliġjuża, l-arkitettura agrarja ppreservata sew fi ħdan il-monasteri, u l-preservazzjoni tal-flora u tal-fawna madwar il-muntanja, il-komunità monastika tal-Muntanja Athos tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[2]

Ismijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-era klassika, il-Muntanja Athos kienet tissejjaħ Athos u l-peniżola kienet tissejjaħ Acté jew Akté (bil-Grieg Koinē: Ἀκτή). Bil-Grieg modern, il-muntanja tissejjaħ Oros Athos (bil-Grieg: Όρος Άθως) u l-peniżola tissejjaħ Hersonisos tou Atho (bil-Grieg: Χερσόνησος του Άθω), filwaqt li jintuża wkoll l-isem ta' Agio Oros (bil-Grieg: Άγιο Όρος) li jfisser "Muntanja Sagra".[3]

Xi lingwi ta' tradizzjoni Ortodossa jużaw ismijiet li jfissru "Muntanja Sagra", fosthom il-Bulgaru, il-Maċedonu, is-Serbjan (Света Гора, Sveta Gora), u l-Georgian (მთაწმინდა, mtats’minda). Madankollu, mhux il-lingwi kollha mitkellma fid-dinja Ortodossa tal-Lvant jużaw dan l-isem: bil-lingwi Slavi tal-Lvant (ir-Russu, l-Ukren, u l-Belarussu) tissejjaħ sempliċement Афон (Afon, li tfisser "Athos"), filwaqt li bir-Rumen tissejjaħ "Muntanja Athos" (Muntele Athos jew Muntele Atos).

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-Muntanja Athos mill-Majjistral.

Il-peniżola, li hija l-iżjed tarf fil-Lvant tal-peniżola ikbar ta' Chalkidiki fil-Maċedonja ċentrali, toħroġ 'il barra għal 50 kilometru (31 mil) fil-Baħar Eġew b'wisa' ta' bejn 7 u 12-il kilometru (4.3 u 7.5 mili) u tkopri erja ta' 335.6 km2 (130 mil kwadru). Il-Muntanja Athos proprja għandha xaqlibiet weqfin miksijin b'densità ta' foresti bis-siġar li jibqgħu telgħin sa 2,033 metru (6,670 pied). Il-peniżola ta' Athos, għad-differenza ta' Sithonia u ta' Kassandra, hija kontinwazzjoni ġeoloġika tal-Muntanji Rhodope tat-Tramuntana tal-Greċja u tal-Bulgarija.[4]

L-ibħra tal-madwar, speċjalment fit-tarf tal-peniżola, jistgħu jkunu perikolużi. Fl-istorja tal-Greċja tal-qedem, ġew irreġistrati żewġ diżastri tal-flotot: Erodotu stqarr li fl-492 Q.K., Darius, ir-re tal-Persja, tilef 300 bastiment taħt il-ġeneral Mardonju.[5] Fl-411 Q.K., l-Ispartani tilfu flotta ta' 50 bastiment taħt l-ammirall Epicleas.[6]

Il-Muntanja Athos għandha network estensiv ta' mogħdijiet għall-mixi, u bosta minnhom imorru lura għal żmien il-Biżantini. Ħafna minnhom tipikament mhumiex aċċessibbli għat-traffiku tal-vetturi bil-mutur.

Flora[immodifika | immodifika s-sors]

Il-biċċa l-kbira tal-Muntanja Athos hija miksija b'foresti mħallta ta' siġar ħorfija bil-weraq wiesa' u ta' siġar bil-weraq dejjem aħdar. Il-foresti taż-żnuber iswed (Pinus nigra) jinstabu fl-elevazzjonijiet iktar għoljin. Il-veġetazzjoni ta' mal-art tat-tip Sclerophylla tinstab kullimkien ukoll fil-Muntanja Athos. Is-siġar tipiċi huma l-qastan ħelu (Castanea sativa), il-ballut (Quercus ilex), il-ballut ta' Kermes (Quercus coccifera), il-ballut Ungeriż (Quercus frainetto), il-platanu Orjentali (Platanus orientalis), iż-żnuber iswed (Pinus nigra), u ċ-ċedru (Calocedrus decurrens). Speċijiet ta' pjanti komuni oħra jinkludu l-frawli (Arbutus unedo u Arbutus andrachne), iċ-ċipress (Cupressus sempervirens), ir-rand (Laurus nobilis), il-lentisk (Pistacia lentiscus), il-phillyrea (Phillyrea latifolia), iż-żebbuġ selvaġġ (Olea europea), u ħaxixet il-mikinsa (Erica spp.).[7] Is-siġar ħorfija li jinsabu primarjament maġenb in-nixxigħat jinkludu ż-żafżafa, ir-rand, il-platanu Orjentali u l-alnu.[8]

Iż-żnuber (Pinus halepensis) jinsab l-iktar fin-naħa tat-Tramuntana tal-peniżola. Il-veġetazzjoni folta għolja bil-weraq wiesa' tinstab iktar lejn in-Nofsinhar. Il-foresti tas-siġar ħorfija bil-weraq wiesa', iddominati mill-qastan ħelu, jinsabu 'l fuq miż-żona tal-veġetazzjoni folta għolja bil-weraq wiesa'. Hemm ukoll foresti mħallta li jikkonsistu minn siġar ħorfija tal-ballut, kif ukoll tax-xkomp, il-luq, il-karpin u l-aġġru. Iż-żnuber iswed u l-ġniebru jinten jinstabu fl-elevazzjonijiet iktar għoljin. Xi pjanti tal-ħxejjex aromatiċi bit-tuberi u bil-basal jinkludu l-krokus, il-kaħwiela, iċ-ċiklameni, u l-ispeċijiet fritillarji.[9]

Mill-inqas 35 speċi ta' pjanti huma endemiċi għall-Muntanja Athos, u l-biċċa l-kbira minnhom jinstabu fiż-żona tal-quċċata prinċipali fin-Nofsinhar. L-Isatis tinctoria ssp. athoa u l-Viola athois ingħataw isem il-Muntanja Athos f'parti minn isimhom.

Il-Muntanja Athos tospita wkoll 350 speċi ta' faqqiegħ.[10][11][12][13][14]

Fawna[immodifika | immodifika s-sors]

Il-mammiferi jinkludu l-lupu griż (Canis lupus), il-ħanżir selvaġġ (Sus scrofa), il-volpi aħmar (Vulpes vulpes), ix-xakall (Canis aureus), il-baġer Ewropew (Meles meles), il-ballottra tal-fagu (Martes foina), l-ermellin (Mustela erminea), il-ballottra (Mustela nivalis vulgaris), il-qanfud Ewropew (Erinaceus concolor), il-bugeddum (Crocidura spp.), u l-bumerin tal-Mediterran (Monachus monachus). Speċijiet oħra ta' mammiferi jinkludu ċ-ċriev selvaġġi, il-liebri u l-iskojjattli ħomor.[15]

L-għasafar jinkludu ċ-ċikonja sewda (Ciconia nigra), l-ajkla tas-sriep (Circaetus gallicus), l-ajkla rjali (Aquila chrysaetos), l-ispanjulett (Falco naumanni), is-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), il-kokka imperjali (Bubo bubo), il-garnija (Puffinus yelkouan) u l-gawwi ta' Audouin (Larus audouinii).[16] Speċijiet oħra ta' għasafar jinkludu r-ronduni, il-ħuttaf, il-ħawwiefa, ir-rożinjoli u d-daqquqa tat-toppu.[17]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Żmien il-qedem[immodifika | immodifika s-sors]

Mudell tridimensjonali tal-Muntanja Athos.

Fil-mitoloġija Griega, Athos huwa isem wieħed mill-Ġganti li sfidaw l-allat Griegi waqt il-Gigantomachia. Athos waddab blata enormi lejn Poseidon li waqgħet fil-Baħar Eġew u saret il-Muntanja Athos. Skont verżjoni oħra tal-ġrajja, Poseidon uża l-muntanja biex jidfen il-ġgant.[18]

Omeru jsemmi l-Muntanja Athos fl-Ilijade. Erodotu jikteb li matul l-invażjoni Persjana ta' Traċja fl-492 Q.K., il-flotta tal-kmandant Persjan Mardonju għerqet, b'total ta' 300 bastiment u 20,000 raġel, minħabba riħ qawwi mit-Tramuntana, huma u jippruvaw iduru mal-kosta qrib il-Muntanja Athos. Erodotu jistqarr ukoll li l-Pelasġjani mill-gżira ta' Lemnos popolaw il-peniżola, li dak iż-żmien kienet tissejjaħ Akte, u jsemmi ħames bliet fiha, Sane, Kleonai (Cleonae), Thyssos (Thyssus), Olophyxos (Olophyxus), u Akrothoon (Acrothoum). Strabo wkoll isemmi l-bliet ta' Dion (Dium) u ta' Akrothoon. Eretrija stabbilixxa wkoll kolonji fil-peniżola ta' Akte. Mill-inqas belt oħra ġiet stabbilita fil-perjodu klassiku: Akanthos (Acanthus). Uħud minn dawn il-bliet kienu jizzekkaw il-muniti tagħhom stess.

Veduta immaġinarja tal-monument ta' Alessandru, propost minn Dinokrate. Inċiżjoni ta' Johann Bernhard Fischer von Erlach, 1725.

Il-peniżola kienet fir-rotta tal-invażjoni ta' Xerxes I, li qatta' tliet snin iħaffer il-Kanal ta' Xerxes minn naħa għall-oħra tal-istmu biex tkun tista' tgħaddi l-flotta tal-invażjoni tiegħu fl-483 Q.K. Wara l-mewt ta' Alessandru Manju, l-arkitett Dinokrate (Deinokrates) ippropona li jnaqqax il-muntanja kollha fi statwa ta' Alessandru.

Plinju x-Xiħ stqarr fis-77 W.K. li l-abitanti tal-Muntanja Athos setgħu "jgħixu sa erba' mitt sena" minħabba l-fatt li kienu jieklu l-ġilda tal-viperi.

In-nuqqas ta' ġrajjiet storiċi jċajpar l-istorja tal-peniżola matul iż-żminijiet ta' wara. L-arkeologi ma rnexxielhomx jiddeterminaw il-pożizzjoni eżatta tal-bliet irrapportati minn Strabo. Huwa maħsub li x'aktarx ġew abbandunati meta l-abitanti l-ġodda ta' Athos, il-patrijiet, bdew jaslu għall-ħabta tas-seklu 9 W.K.

Kristjaneżmu bikri[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-peniżola mill-quċċata tal-Muntanja Athos.

Skont it-tradizzjoni ta' Athos, l-Imqaddsa Marija Verġni kienet qed tbaħħar akkumpanjata minn San Ġwann l-Evanġelista minn Joppa lejn Ċipru biex iżżur lil Lażżru. Meta l-vapur tilef ir-rotta tiegħu minħabba r-riħ u spiċċa lejn Athos li dak iż-żmien kienet pagana, kellu jankra qrib il-port ta' Klement, ħdejn il-monasteru attwali ta' Iviron. Il-Madonna mexiet tul ix-xatt u mistagħġba bil-ġmiel naturali selvaġġ tal-muntanja, birkitha u staqsiet lil binha Ġesù biex din tkun il-ġnien tagħha. Instema' leħen jgħid, "Ἔστω ὁ τόπος οὗτος κλῆρος σὸς καὶ περιβόλαιον σὸν καὶ παράδεισος, ἔτι δὲ καὶ λιμὴν σωτήριος τῶν θελόντων σωθῆναι" ("Dan il-post huwa l-wirt u l-ġnien tiegħek, ġenna u post imkenni tas-salvazzjoni għal dawk li jridu jiġu salvati"). Minn dak il-mument 'il quddiem, il-muntanja ġiet ikkonsagrata bħala l-ġnien ta' Omm Alla u ġie pprojbit għan-nisa l-oħra kollha.

Ma tantx jeżistu dokumenti storiċi dwar l-istorja tal-qedem tal-Muntanja Athos. Il-patrijiet ilhom jgħixu hemm żgur mis-seklu 4, u x'aktarx anke mis-seklu 3. Matul ir-renju ta' Kostantinu I (324–337), kemm il-Kristjani kif ukoll dawk li kienu jsegwu r-reliġjon Griega tradizzjonali kienu jgħixu hemmhekk. Matul ir-renju ta' Ġiljan (361–363), il-knejjes tal-Muntanja Athos inqerdu, u l-Kristjani nħbew fil-boskijiet u f'postijiet inaċċessibbli.

Iktar 'il quddiem, matul ir-renju ta' Teodożju I (379–395), it-tempji tar-reliġjon Griega tradizzjonali nqerdu. Il-lessikografu Hesychius ta' Lixandra jistqarr li fis-seklu 5, kien għad hemm tempju u statwa ta' "Żeus ta' Athos". Wara l-ħakma Iżlamika tal-Eġittu fis-seklu 7, bosta patrijiet Ortodossi mid-deżert Eġizzjan ippruvaw isibu post kalm ieħor; uħud minnhom marru lejn il-peniżola ta' Athos. Dokument antik isostni li l-patrijiet "bnew għorfiet tal-injam b'soqfa tal-ħuxlief ... u rnexxielhom jitrejqu permezz tal-frott mis-siġar selvaġġ".

Era Biżantina: l-ewwel monasteri[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tal-Muntanja Athos bil-monasteri kollha.

Il-kronisti Teofanu l-Konfessur (it-tmiem tas-seklu 8) u Georgios Kedrenos (is-seklu 11) kitbu li l-iżbroffar tas-726 tal-vulkan ta' Thera kien viżibbli mill-Muntanja Athos, u indikaw li kienet abitata f'dak iż-żmien. L-istoriku Genesios semma li l-patrijiet minn Athos ipparteċipaw fis-seba' Kunsill Ekumeniku ta' Niċea tas-787. Wara l-Battalja ta' Thasos fit-829, Athos ġiet abbandunata għal xi żmien minħabba l-attakki qerrieda tas-Saraċeni ta' Kreta. Għall-ħabta tat-860, il-patri Euthymios iż-Żgħir wasal fil-Muntanja Athos minn Bithynia.

Fid-958, il-patri Athanasios ta' Athos (Άγιος Αθανάσιος ο Αθωνίτης) wasal fil-Muntanja Athos. Fid-962 huwa bena l-knisja kbira ċentrali tal-Protaton f'Karyes. Fis-sena ta' wara, bl-appoġġ tal-ħabib tiegħu l-Imperatur Nicephorus Phocas, ġie stabbilit il-monasteru tal-Lavra l-Kbira, li għadu l-ikbar u l-iżjed prominenti fost l-għoxrin monasteru eżistenti llum il-ġurnata. Kien igawdi l-protezzjoni tal-imperaturi Biżantini matul is-sekli ta' wara, u r-rikkezzi tiegħu żdiedu b'mod konsiderevoli. Alexios I Komnenos, li kien l-imperatur mill-1081 sal-1118, ta awtonomija sħiħa lill-Muntanja Athos mill-Patriarka Ekumeniku u l-Isqof ta' Ierissos, u eżenta wkoll il-monasteri mit-tassazzjoni. Barra minn hekk, sal-1312, il-Protos ta' Karyes kien jinħatar direttament mill-Imperatur Biżantin.

L-ewwel Karta tal-Muntanja Athos, iffirmata fid-972 mill-Imperatur Ġwanni Tzimiskes, Athanasius ta' Athos, u 46 hegumenoi, attwalment tinżamm fil-Protaton f'Karyes. Din hija magħrufa wkoll bħala t-Tragos ("mogħża"), peress li nkitbet fuq parċmina tal-ġilda tal-mogħoż. It-tieni Karta jew typikon tal-Muntanja Athos inkitbet f'Settembru 1045 u ġiet iffirmata minn 180 hegumenoi. L-Imperatur Kostantinu IX Monomachos irratifika t-typikon b'siġill imperjali f'Ġunju 1046. Din il-Karta kienet ukoll l-ewwel dokument uffiċjali li rrefera għall-Muntanja Athos bħala l-"Muntanja Sagra".

Mid-985 sal-1287, kien hemm monasteru Benedittin fil-Muntanja Athos (bejn Magisti Lavra u Philotheou Karakallou), li kien magħruf bħala Amalphion f'ġieħ il-poplu ta' Amalfi li stabbilewh. Il-monasteru ġie stabbilit bl-appoġġ ta' Ġwanni l-Iberiku, Georgian u fundatur tal-Monasteru ta' Iviron, li huwa maħsub li influwenza l-monastiċiżmu u l-ħajja devota Kristjana Latina.

Ir-Raba' Kruċjata fis-seklu 13 ġabet magħha mexxejja Kattoliċi Rumani ġodda, li wasslu biex il-patrijiet jilmentaw u jistaqsu għall-intervent tal-Papa Innoċenz III sa ma reġa' rpilja l-Imperu Biżantin. Il-peniżola ġiet attakkata minn merċenarji Katalani fis-seklu 14 fl-hekk imsejħa vendetta Katalana, li minħabba fiha d-dħul ta' nies ta' oriġini Katalana kien ipprojbit sal-2005. Fis-seklu 14 seħħ ukoll il-kunflitt teoloġiku rigward l-eżikija pprattikata fil-Muntanja Athos u mħarsa minn Gregorju Palamas (Άγιος Γρηγόριος ο Παλαμάς). Fl-aħħar tal-1371 jew fil-bidu tal-1372, il-Biżantini għelbu attakk tal-Ottomani fuq il-Muntanja Athos.

Era u influwenzi Serbi[immodifika | immodifika s-sors]

In-nobbli Serbi tad-dinastija Nemanjić offrew appoġġ finanzjarju lill-monasteri tal-Muntanja Athos, filwaqt li wħud minnhom wettqu wkoll pellegrinaġġi u saru patrijiet hemmhekk. Stefan Nemanja għen biex jinbena l-Monasteru ta' Hilandar fil-Muntanja Athos flimkien ma' ibnu l-Arċisqof Qaddis Sava fl-1198.

Mill-1342 sal-1372, il-Muntanja Athos kienet taħt l-amministrazzjoni Serba. L-Imperatur Serb Stefan Dušan għen il-Muntanja Athos b'bosta donazzjonijiet kbar lill-monasteri kollha. Fil-Karta tal-Imperatur Stefan Dušan lill-Monasteru ta' Hilandar, l-Imperatur ta lill-Monasteru ta' Hilandar it-tmexxija diretta fuq bosta villaġġi u knejjes, inkluż il-Knisja ta' Svetog Nikole u Dobrušti fi Prizren, il-Knisja ta' Svetih Arhanđela fi Štip, il-Knisja ta' Svetog Nikole fi Vranje u l-artijiet u l-binjiet tal-madwar. Huwa ta wkoll għotjiet u donazzjonijiet kbar lill-Eremitaġġ ta' Karyes ta' San Sabas u l-Arkanġli Mqaddsa f'Ġerusalemm. L-Imperatriċi Elena, il-mara tal-Imperatur Stefan Dušan, kienet fost il-ftit nisa li setgħu jżuru u jissoġġornaw fil-Muntanja Athos, biex tkun protetta mill-pesta. Hija evitat li tikser il-projbizzjoni billi għaż-żjara kollha tagħha ma missetx mal-art, u b'mod kostanti nġarret f'karru bl-idejn.

Bis-saħħa tad-donazzjonijiet ta' Dušan, il-Monasteru Serb ta' Hilandar tkabbar għal iktar minn 10,000 ettaru, u b'hekk għandu l-ikbar art tal-Muntanja Athos fost il-monasteri l-oħra, u jokkupa terz tal-erja. In-nobbli Serb Antonije Bagaš, flimkien ma' Nikola Radonja, xtraw u rrestawraw il-Monasteru ta' Agiou Pavlou bejn l-1355 u l-1365, u sar il-patri superjuri tiegħu.

Żmien l-Imperu Serb kien żmien ta' prosperità għall-Monasteru ta' Hilandar u għal monasteri oħra fil-Muntanja Athos, u bosta minnhom ġew irrestawrati, rikostruwiti u mkabbra sew.

Il-Prinċipessa Serba Mara Branković kienet it-tieni mara Serba li ngħatat permessi biex iżżur l-inħawi. Fl-aħħar tas-seklu 15, ħames monasteri fil-Muntanja Athos kellhom patrijiet Serbi u kien taħt pirjol Serb: Docheiariou, Grigoriou, Ayiou Pavlou, Ayiou Dionysiou u Hilandar.

Era Ottomana[immodifika | immodifika s-sors]

L-Imperu Biżantin ma baqax jeżisti fis-seklu 15 u minfloku ġie stabbilit l-Imperu Ottoman.

Mir-rendikont tal-pellegrin Rus' Iżaija, sa tmiem is-seklu 15 il-monasteri tal-Muntanja Athos kienu jirrappreżentaw il-komunitajiet monastiċi minn partijiet kbar u diversi tal-Balkani (Slavi, Albaniżi, Griegi). Monasteri oħra elenkati minnu ma kellhomx tali deżinjazzjonijiet. B'mod partikolari, Docheiariou, Grigoriou, Ayiou Pavlou, Ayiou Dionysiou, u Chilandariou kienu Serbi; Karakalou u Philotheou kienu Albaniżi; Panteleïmon kien Russu; Simonopetra kien Bulgaru; il-Lavra l-Kbira, Vatopedi, Pantokratoros u Stavronikita kienu Griegi; u Zographou, Kastamonitou, Xeropotamou, Koutloumousiou, Xenophontos, Iviron u Protaton ma kellhom l-ebda deżinjazzjoni.

Is-Sultan Selim I kien benefattur sostanzjali tal-Monasteru ta' Xeropotamou. Fl-1517, huwa ħareġ fatwa u Hatt-i Sharif ("editt nobbli") li "il-post, fejn jiġi pprietkat il-Vanġelu Mqaddes, kull meta jinħaraq jew anke jġarrab xi ħsarat, għandu jerġa' jinbena". Huwa ta privileġġi wkoll lill-monasteru u ffinanzja l-kostruzzjoni taż-żona tal-ikel u ta' taħt l-art tal-monasteru, kif ukoll ir-rinnovazzjoni tal-pitturi ta' mal-ħajt fil-knisja ċentrali li tlestew bejn l-1533 u l-1541.

Dan il-mod ġdid ta' organizzazzjoni monastika kien miżura ta' emerġenza li ttieħdet mill-komunitajiet monastiċi biex jilqgħu għall-ambjent ekonomiku iebes tagħhom. Kuntrarjament għas-sistema ċenobitika, il-patrijiet fil-komunitajiet idjoritmiċi jkollhom il-proprjetà privata tagħhom u jaħdmu għalihom infushom, u jkollhom l-unika responsabbiltà li jakkwistaw l-ikel u ħtiġijiet oħra; huma jieklu għal rashom fiċ-ċelel tagħhom, u jiltaqgħu biss mal-patrijiet l-oħra fil-knisja. Fl-istess żmien, il-patrijiet superjuri tal-monasteri ġew sostitwiti minn komunitajiet u f'Karyes il-Protos ġie sostitwit minn kumitat magħmul minn erba' membri.

Fl-1749, bl-istabbiliment tal-Akkademja ta' Athos qrib il-Monasteru ta' Vatopedi, il-komunità monastika lokali kellha rwol ċentrali fil-moviment modern tal-Illuminiżmu Grieg tas-seklu 18. Din l-istituzzjoni offriet edukazzjoni ta' livell għoli, speċjalment taħt Eugenios Voulgaris, fejn kienu mgħallma l-filosofija tal-qedem u x-xjenza fiżika moderna.

Żminijiet moderni aħħarin[immodifika | immodifika s-sors]

Fiż-żminijiet moderni wara tmiem it-tmexxija Ottomana, rejiet Serbi ġodda mid-dinastija Obrenović u mid-dinastija Karađorđević u l-klassi l-ġdida tal-borgeżija komplew jappoġġaw il-Muntanja Athos.

F'Novembru 1912, matul l-Ewwel Gwerra tal-Balkani, l-Ottomani tkeċċew mill-Flotta Navali Griega.

F'Ġunju 1913, flotta Russa żgħira, magħmula mill-bastiment militari Donets u mill-bastimenti tat-trasport Tsar u Kherson, wasslu lill-Arċisqof ta' Vologda, u għadd ta' truppi fil-Muntanja Athos, biex jintervjeni fil-kontroversja teoloġika rigward l-imiaslavie (moviment Ortodoss Russu).

Maryse Choisy daħlet fil-komunità monastika fis-snin 20 tas-seklu 20 liebsa ta' baħri. Iktar 'il quddiem kitbet dwar dan f'Un mois chez les hommes ("Xahar mal-Irġiel"). Fis-snin 30 tas-seklu 20, Aliki Diplarakou libset ta' raġel u daħliet fil-komunità monastika. Dan ġie diskuss f'artiklu tar-rivista Time tat-13 ta' Lulju 1953 bit-titlu "Il-Qofol tad-Dnub".

Patri jismu Mihailo Tolotos jingħad li għex fil-komunità monastika mill-1855–1856 sal-1938. Fid-29 ta' Ottubru 1938, il-gazzetta tal-komunità Amerikana Edinburg Daily Courier ta' Edinburg, Indiana rrapportat li Tolotos kien miet tal-età ta' 82 sena. Ġie rrapportat ukoll li Tolotos qatt ma kien ra mara f'għomru, peress li ommu kienet mietet meta welditu u huwa trabba fil-monasteru mill-patrijiet. Il-mewt tiegħu fl-1938 issemmiet ukoll fl-edizzjoni tas-7 ta' Jannar 1949 ta' Raleigh Register f'reklami ta' kumpanija tal-għamara ta' Nixon, fejn issemma li huwa għex ħajja iżolata fil-monasteru, fejn x'aktarx li qatt ma ħareġ mill-monasteru.

Wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, matul l-invażjoni Ġermaniża tal-Greċja tal-1941, ir-rivista Time ddeskriviet attakk bil-bombi qrib il-komunità monastika, "L-Istukas għaddew mis-smewwiet tal-Eġew qishom għasafar skuri tal-biża', iżda ma waqqgħux bombi fuq il-patrijiet tal-Muntanja Athos". Matul l-okkupazzjoni Ġermaniża tal-Greċja, l-Epistassia staqsiet formalment lil Adolf Hitler biex il-komunità monastika titqiegħed taħt il-protezzjoni personali tiegħu. Hitler qabel u ngħata t-titlu ta' "Protettur Għoli tal-Muntanja Sagra" (bil-Ġermaniż: Hoher Protektor des heiligen Berges) mingħand il-patrijiet. Il-komunità monastika rnexxielha b'hekk tevita li ġġarrab ħsarat estensivi matul il-gwerra.

Żminijiet kontemporanji[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-gwerra, Assemblea Doppja Speċjali għaddiet il-karta kostituzzjonali tal-komunità monastika, li mbagħad ġiet irratifikata mill-Parlament Grieg.

Fl-1953, Cora Miller, għalliema Amerikana tal-Programm ta' Fulbright, żbarkat għal żmien qasir flimkien ma' żewġ nisa oħra, u qajmet kontroversja sħiħa fost il-patrijiet lokali.

Wara x-xoljiment tar-reġim Komunista Jugoslav u l-Jugoslavja Soċjalista, bosta Presidenti u Prim Ministri tas-Serbja żaru l-Muntanja Athos.

Riżoluzzjoni tal-2003 tal-Parlament Ewropew talbet biex il-projbizzjoni kontra n-nisa titneħħa għaliex tkasbar "il-prinċipju rikonoxxut universalment tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri".

Fis-26 ta' Mejju 2008, ħames Moldovani daħlu illegalment fil-Greċja mit-Turkija, u spiċċaw fil-komunità monastika. Erba' minn dawn il-migranti kienu nisa. Il-patrijiet ħafrulhom talli daħlu fit-territorju monastiku u infurmawhom dwar il-projbizzjoni kontra n-nisa.

Fl-2008, grupp ta' nisa Griegi kisru l-projbizzjoni kontra n-nisa li ilha 1,000 sena matul protesta, wara li ħames monasteri sostnew li kellhom il-jedd fuq 8,100 ettaru (20,000 akru) ta' art fil-peniżola ta' Chalkidiki fil-qrib. Madwar 10 nisa qabżu ċ-ċint diviżorju tal-muntanja u qattgħu madwar 20 minuta fit-territorju tal-muntanja, u ngħaqdet magħhom il-Membru Parlamentari Litsa Ammanatidou-Paschalidou.

Fl-2018, il-komunità monastika kienet fil-mira ta' kwistjoni taħraq bejn il-Greċja u r-Russja meta l-gvern Grieg ċaħad id-dħul lil membri tal-kleru Russi li riedu jżuru l-komunità monastiku. Il-mezzi tax-xandir irrapportaw allegazzjonijiet li l-Federazzjoni Russa kienet qed tuża lill-komunità monastika bħala bażi għall-operazzjonijiet tal-intelligence fil-Greċja. F'Ottubru 2018, il-Patriarkat ta' Moska kisirha minn mal-Patriarkat Ekumeniku u pprojbixxa lill-aderenti tiegħu milli jżuru s-siti kkontrollati mill-Patriarka Bartilmew I ta' Kostantinopli, inkluż il-komunità monastika, bħala ritaljazzjonijiet għad-deċiżjoni tiegħu li jagħti awtoċefalija lill-Knisja Ortodossa tal-Ukrajna.

Fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna u s-sanzjonijiet relatati, fl-2022 l-awtorità tal-ħasil tal-flus tal-Greċja nediet investigazzjoni rigward it-trasferiment suspettuż ta' fondi kbar mir-Russja lill-patrijiet u lill-monasteri midħla tar-Russi fil-Muntanja Athos. Diversi uffiċjali Russi għoljin kienu żaru l-Muntanja Athos fix-xhur ta' qabel.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Muntanja Athos ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' sitt kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[2]

Monasteri[immodifika | immodifika s-sors]

Monasteru tal-Lavra l-Kbira Monasteru ta' Vatopedi Monasteru ta' Iviron Monasteru ta' Helandariou Monasteru ta' Dionysiou
Μεγίστη Λαύρα Βατοπέδι Ιβήρων

ივერთა მონასტერი (Georgjan)

Χιλανδαρίου

Хиландар (Serb)

Διονυσίου
Monasteru ta' Koutloumousiou Monasteru ta' Pantokratoros Monasteru ta' Xeropotamou Monasteru ta' Zografou Monasteru ta' Docheiariou
Κουτλουμούσι Παντοκράτορος Ξηροποτάμου Ζωγράφου

Зограф (Bulgaru)

Δοχειαρίου
Monasteru ta' Karakalou Monasteru ta' Filotheou Monasteru ta' Simonos Petras Monasteru ta' Agiou Pavlou Monasteru ta' Stavronikita
Καρακάλλου Φιλοθέου Σίμωνος Πέτρα Αγίου Παύλου

Mănăstirea Sfântul Pavel (Rumen)

Σταυρονικήτα
Monasteru ta' Xenophontos Monasteru ta' Osiou Grigoriou Monasteru ta' Esphigmenou Monasteru ta' Agiou Panteleimonos Konstamonitou Monastery
Ξενοφώντος Οσίου Γρηγορίου Εσφιγμένου Αγίου Παντελεήμονος

Пантелеймонов (Russu)

Κωνσταμονίτου

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Why are women banned from Mount Athos?" (bl-Ingliż). 2016-05-26. Miġbur 2024-04-20.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Mount Athos". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-20.
  3. ^ Davie, Grace; Leustean, Lucian N. (2021). The Oxford Handbook of Religion and Europe. Oxford University Press. p. 487. ISBN 978-0-19-257106-9.
  4. ^ Speake, Graham (2014). Mount Athos: renewal in paradise (2nd ed.). Limni, Evia, il-Greċja. p. 32. ISBN 978-960-7120-34-2.
  5. ^ Herodotus, Histories, book VI ("Erato"); Aeschylus, The Persians.
  6. ^ Diodorus Siculus, Bibliotheca historica XIII 41, 1–3.
  7. ^ UNEP-WCMC (2017-05-22). "MOUNT ATHOS". World Heritage Datasheet (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-20.
  8. ^ Speake, Graham (2014). Mount Athos: renewal in paradise (2nd ed.). Limni, Evia, il-Greċja. p. 33. ISBN 978-960-7120-34-2.
  9. ^ Speake, Graham (2014). Mount Athos: renewal in paradise (2nd ed.). Limni, Evia, il-Greċja. p. 34. ISBN 978-960-7120-34-2.
  10. ^ Cosgrove, Denis E.; Della Dora, Veronica (2009). High places: cultural geographies of mountains, ice and science. Londra: I.B. Tauris & Co. ISBN 978-1-4416-2965-4.
  11. ^ S. Dafis, ‘Anthrōpines drastēriotētes kai fysiko perivallon’, in S. Dafis et al. (eds.), Fysekai Perivallon sto Agion Oros, Thessaloniki, 1998.
  12. ^ G. Sideropoulos, Agion Oros: anafores stēn anthropogeōgrafia, Athens, 2000, p. 28.
  13. ^ O. Rackham, ‘Our Lady’s Garden: the historical ecology of the Holy Mountain’, Friends of Mount Athos, Annual Report (2000), p. 50.
  14. ^ D. Babalonas, ‘Chlōrida kai endemismos tou Agiou Orous’, in M. Parcharidou and M. Fountoulēs (eds.), Agion Oros: fysē, latreia, technē, Vol. I, Thessalonica, 1999, p. 119.
  15. ^ Speake, Graham (2014). Mount Athos: renewal in paradise (2nd ed.). Limni, Evia, il-Greċja. p. 37. ISBN 978-960-7120-34-2.
  16. ^ Grimmett, R. & Jones, T. (eds) (1989). Important Bird Areas in Europe. Technical Publication #9, ICBP, Cambridge, ir-Renju Unit.
  17. ^ Heath, M. & Evans, M. (eds) (2000). Important Bird Areas in Europe: Priority Sites for Conservation Vol.2. BirdLife International, Cambridge, ir-Renju Unit.
  18. ^ "Mythology and History of Chalkidiki (Halkidiki)". chalkidiki.com. Miġbur 2024-04-20.