Aqbeż għall-kontentut

Amerigo Vespucci

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Amerigo Vespucci
Ħajja
Twelid Firenze, 9 Marzu 1454
Nazzjonalità Repubblika ta' Firenze
Mewt Sivilja, 22 Frar 1512
Kawża tal-mewt kawżi naturali (malarja)
Familja
Konjuga/i Maria Cerezo
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni esploratur
merkant
kartografu
kittieb
Grad ammirall

Amerigo Vespucci (pronunzja bit-Taljan: [ameˈriːɡo veˈsputtʃi]; twieled fid-9 ta' Marzu 1451 – miet fit-22 ta' Frar 1512) kien merkant, esploratur u navigatur Taljan mir-Repubblika ta' Firenze, u li minn ismu oriġina isem l-"Amerka" ta' Fuq u t'Isfel).

Bejn l-1497 u l-1504, Vespucci pparteċipa f'minn tal-inqas żewġ vjaġġi tal-Epoka tal-Iskoperti, l-ewwel f'isem Spanja (1499-1500) u mbagħad f'isem il-Portugall (1501-1502). Fl-1503 u fl-1505 ġew ippubblikati żewġ kotba żgħar f'ismu, li fihom deskrizzjonijiet imħawra ta' dawn l-esplorazzjonijiet u ta' vjaġġi allegati oħra. Iż-żewġ pubblikazzjonijiet kienu estremament popolari u moqrija b'mod wiesa' fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa. Għalkemm l-istoriċi għadhom jiddubitaw min tassew kien l-awtur ta' dawn ir-rakkonti u kemm huma veritieri, dak iż-żmien kienu strumentali biex irawmu l-kuxjenza dwar l-iskoperti l-ġodda u biex saħħew ir-reputazzjoni ta' Vespucci bħala esploratur u navigatur.

Vespucci saħaq li kien fehem, diġà fl-1501 waqt l-ispedizzjoni Portugiża, li l-Brażil kien jagħmel parti minn kontinent ġdid għall-Ewropej, li hu sejjaħ id-"Dinja l-Ġdida". Dan ispira lill-kartografu Martin Waldseemüller jirrikonoxxi l-kisbiet ta' Vespucci fl-1507 billi uża l-forma Latinizzata ta' isem l-"Amerka" għall-ewwel darba fuq mappa tad-Dinja l-Ġdida. Kartografi oħra għamlu bħalu u sal-1532 l-isem "Amerka" (ta' Fuq u t'Isfel) beda jintuża b'mod permanenti għall-kontinenti li kienu għadhom kemm ġew skoperti.

Mhuwiex magħruf jekk Vespucci qatt kienx jaf b'dawn l-unuri. Fl-1505, huwa sar ċittadin ta' Kastilja permezz ta' digriet irjali u fl-1508 inħatar għall-kariga l-ġdida ta' piloto mayor (navigatur ewlieni) għall-Casa de Contratación (Kamra tal-Kummerċ) ta' Spanja f'Sivilja, kariga li baqa' jokkupa sa mewtu fl-1512.

Vespucci twieled fid-9 ta' Marzu 1451 f'Firenze, belt-stat sinjura fl-Italja u ċ-ċentru tal-arti u tat-tagħlim Rinaxximentali.[1]

Familja u edukazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
L-istemma tal-familja Vespucci.

Amerigo Vespucci kien it-tielet iben ta' Nastagio Vespucci, nutar minn Firenze tax-Xirka ta' dawk li jsarrfu l-flus, u ta' Lisa di Giovanni Mini. Il-familja kienet tirresjedi fid-Distrett ta' Santa Lucia d'Ognissanti flimkien ma' familji oħra tan-nisel ta' Vespucci. Ġenerazzjonijiet iktar bikrin ta' Vespucci kienu ffinanzjaw il-kappella tal-familja fil-Knisja tal-Qaddisin Kollha, u l-Isptar ta' San Giovanni di Dio fil-qrib kien ġie stabbilit minn Simone di Piero Vespucci fl-1380. Il-familja immedjata ta' Vespucci ma tantx kienet tassew sinjura iżda kellha konnessjonijiet politiċi tajbin. In-nannu ta' Amerigo, li wkoll kien jismu Amerigo Vespucci, kien il-kanċillier tal-gvern ta' Firenze, magħruf bħala s-Signoria, għal total ta' 36 sena; filwaqt li Nastagio kien ħadem ukoll fis-Signoria u f'uffiċċji oħra tax-xirkiet.[2][3] L-iktar ħaġa importanti kienet li l-familja Vespucci kellha relazzjonijiet tajbin ma' Lorenzo de' Medici, il-mexxej setgħan de facto ta' Firenze.[4]

Id-dar fejn twieled Amerigo Vespucci f'Firenze, l-Italja.

Iż-żewġ aħwa l-kbar ta' Amerigo, Antonio u Girolamo, intbagħtu l-Università ta' Pisa għall-edukazzjoni tagħhom; Antonio kompla mal-linja ta' missieru u sar nutar, filwaqt li Girolamo daħal mal-Knisja u ngħaqad mal-Kavallieri ta' San Ġwann f'Rodi, il-Greċja. Il-karriera ta' Amerigo kienet inqas ċerta; minflok għamel bħal ħutu u mar l-universitài, huwa baqa' Firenze u ġie mgħallem minn zijuh, Giorgio Antonio Vespucci, patri Dumnikan fil-Monasteru ta' San Mark. B'xorti tajba għal Amerigo, zijuh kien wieħed mill-iżjed studjużi umanisti rinomati f'Firenze dak iż-żmien u pprovdielu edukazzjoni wiesgħa fil-letteratura, il-filosofija, ir-retorika u l-Latin. Huwa ġie introdott ukoll għall-ġeografija u għall-astronomija, li kienu suġġetti li kellhom rwol essenzjali fil-karriera tiegħu. Il-kitbiet li Amerigo ħejja iktar 'il quddiem juru li kien midħla tax-xogħol tal-kożmografi Griegi klassiċi, Tolomew u Strabo, u tax-xogħol iktar reċenti tal-astronomu minn Firenze Paolo dal Pozzo Toscanelli.[5]

Karriera bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
Ritratt ta' membru żagħżugħ tal-familja Vespucci, identifikat bħala Amerigo minn Giorgio Vasari.

Fl-1478, Guido Antonio Vespucci mexxa missjoni diplomatika ta' Firenze f'Pariġi, Franza, u stieden lil kuġinuh iż-żgħir, Amerigo Vespucci, jingħaqad miegħu. Ir-rwol ta' Amerigo mhux ċar, iżda x'aktarx kien assistent jew segretarju privat. Matul il-missjoni wettqu xogħol f'Bologna, f'Milan u f'Lyon. L-objettiv tagħhom f'Pariġi kien li jiksbu l-appoġġ Franċiż għall-gwerra ta' Firenze kontra Napli. Lwiġi XI ma ħax impenji u l-missjoni diplomatika reġgħet lura f'Firenze fl-1481 mingħajr wisq suċċess minkejja l-isforzi tagħhom.[6]

Wara li reġa' lura minn Pariġi, Amerigo ħadem għal xi żmien ma' missieru u kompla l-istudji tiegħu fix-xjenza. Fl-1482, meta missieru miet, Amerigo mar jaħdem għal Lorenzo di Pierfrancesco de' Medici, il-kap ta' fergħa żagħżugħa tal-familja Medici. Minkejja li Amerigo kellu tnax-il sena iktar, kienu studjaw flimkien taħt it-tutela ta' Giorgio Antonio Vespucci. Amerigo għamilha l-ewwel ta' maniġer tal-familja u mbagħad gradwalment ingħata iktar responsabbiltajiet, u beda jieħu ħsieb in-negozju għall-familja kemm fil-pajjiż kif ukoll barra mill-pajjiż. Sadanittant, huwa baqa' interessat fil-ġeografija, u darba minnhom saħansitra xtara mappa għalja magħmula mill-kartografu ewlieni Gabriel de Vallseca.[6]

Inċiżjoni ta' ritratt ta' Vespucci bit-turban magħmula minn Crispijn van de Passe, li ssejjaħlu "skopritur u konkwistatur tal-art Brażiljana".

Fl-1488, Lorenzo di Pierfrancesco xaba' mill-aġent tan-negozju tiegħu f'Sivilja, Tomasso Capponi. Għalhekk bagħat lil Vespucci biex jinvestiga s-sitwazzjoni u jagħti valutazzjoni ta' sostitut issuġġerit, il-merkant minn Firenze Gianotto Berardi. Is-sejbiet ta' Vespucci ntilfu iżda Capponi reġa' lura Firenze għall-ħabta ta' dak iż-żmien u Berardi ħa l-kariga tiegħu f'Sivilja. Minbarra l-ġestjoni tal-kummerċ tal-familja Medici f'Sivilja, Berardi kellu n-negozju tiegħu fl-iskjavitù tal-Afrikani u tax-xama' u tax-xemgħat għall-vapuri.

Sal-1492 Vespucci stabbilixxa ruħu b'mod permanenti f'Sivilja. Il-motivazzjonijiet tiegħu għaliex telaq minn Firenze mhumiex ċari; hu baqa' jkollu xi negozju f'isem il-familja Medici iżda kulma jmur beda jinvolvi ruħu fl-attivitajiet l-oħra ta' Berardi, b'mod partikolari l-appoġġ tiegħu għall-vjaġġi ta' Kristofru Kolombu. Barardi investa nofs miljun maravedis fl-ewwel vjaġġ ta' Kolombu, u rebaħ kuntratt potenzjalment li jqalla' ħafna flus biex iwassal il-provvisti lit-tieni flotta kbira ta' Kolombu. Madankollu, il-qligħ ma tantx kien kif mistenni. Fl-1495, Berardi ffirma kuntratt mal-monarkija biex jibgħat 12-il vapur tal-provvisti lejn Hispaniola iżda laħaq miet ħesrem f'Diċembru mingħajr ma ssodisfa t-termini tal-kuntratt.[7][8]

Vespucci kien l-eżekutur tat-testment ta' Berardi, u ġabar id-dejn u ħallas l-obbligazzjonijiet pendenti għall-azjenda. Wara l-eżekuzzjoni spiċċa kellu jħallas 140,000 maravedis. Huwa kompla jwassal il-provvisti lill-vapuri li kellhom isalpaw lejn l-Indji tal-Punent, iżda l-opportunitajiet tiegħu bdew jonqsu; l-ispedizzjonijiet ta' Kolombu ma kinux qed iwasslu l-qligħ mistenni, u l-patrun tiegħu, Lorenzo di Pierfrancesco Medici, beda juża aġenti oħra minn Firenze biex jieħdu ħsieb in-negozju tiegħu f'Sivilja.[9]

Xi żmien wara li stabbilixxa ruħu f'Sivilja, Vespucci żżewweġ mara Spanjola, Maria Cerezo. Ma tantx nafu wisq fuqha; it-testment ta' Vespucci jirreferi għaliha bħala bint il-mexxej militari magħruf Gonzalo Fernández de Córdoba. L-istoriku Fernández-Armesto jispekula li jaf kienet wild illeġittimu ta' Gonzalo u konnessjoni utli ħafna għal Vespucci. Hija kienet parteċipant attiv fin-negozju tiegħu u kellha l-prokura għal meta Vespucci ma kienx preżenti.[10]

Vjaġġi u vjaġġi allegati

[immodifika | immodifika s-sors]
Inċiżjoni ta' De Bry tal-ħabta tal-1593 ta' meta Vespucci ltaqa' għall-ewwel darba mal-Amerikani Nattivi, allegatament fl-1497.

L-evidenza tal-vjaġġi ta' esplorazzjoni ta' Vespucci tikkonsisti kważi għalkollox minn għadd ta' ittri miktuba minnu jew attribwiti lilu.[11] L-istoriċi ma laħqux qbil dwar jekk kienx hu l-awtur tal-ittri, kif ukoll dwar kemm kienu preċiżi u veritieri dawn id-dokumenti. B'hekk, l-opinjonijiet rigward l-għadd ta' vjaġġi li saru, ir-rotot tagħhom, u rwoli u l-kisbiet ta' Vespucci jvarjaw ħafna. Mill-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 15, Vespucci pparteċipa f'żewġ vjaġġi lejn id-Dinja l-Ġdida li huma ddokumentati sew storikament. Tnejn oħra ġew allegati iżda l-evidenza tagħhom hija iktar problematika. Tradizzjonalment, il-vjaġġi ta' Vespucci issir referenza għalihom bħala "l-ewwel" sa "ir-raba'", anke mill-istoriċi li ma jaqblux li wieħed jew iktar mill-vjaġġ qatt seħħx.[12]

Vjaġġ allegat tal-1497-1498

[immodifika | immodifika s-sors]
Allegorija tad-Dinja l-Ġdida ta' Stradanus, li turi lil Vespucci jqajjem lill-Amerka mir-raqda.

Ittra indirizzata lill-uffiċjal minn Firenze Piero Soderini, datata fl-1504 u ppubblikata s-sena ta' wara, tgħid li hija rakkont ta' Vespucci dwar vjaġġ lejn id-Dinja l-Ġdida, bit-tluq minn Spanja fl-10 ta' Mejju 1497, u bir-ritorn fil-15 ta' Ottubru 1498.[13] Dan x'aktarx li huwa l-iżjed vjaġġ kontroversjali mill-vjaġġi ta' Vespucci, peress li din l-ittra hija l-unika waħda magħrufa dwar dan il-vjaġġ, u bosta storiċi jiddubitaw li seħħ kif deskritt. Uħud jiddubitaw li Vespucci kien l-awtur filwaqt li oħrajn isostnu li mhijiex ittra preċiża u jsostnu li ġiet iffalsifikata.[14] Oħrajn jindikaw l-inkonsistenzi fin-narrazzjoni tal-vjaġġ, partikolarment ir-rotta allegata, minn ħdejn il-Honduras lejn il-Majjistral għal 870 lega (madwar 5,130 km jew 3,190 mil) — rotta li kieku kienet tgħaddihom mill-Messiku sal-Oċean Paċifiku.[15]

Ċerti storiċi iktar bikrin, inkluż il-kontemporanju Bartolomé de las Casas, issuspetta li Vespucci inkorpora osservazzjonijiet minn vjaġġ li sar wara f'rakkont fittizju dwar dan il-vjaġġ allegat, sabiex jikseb il-primazija fuq Kolombu u jippożizzjona lilu nnifsu bħala l-ewwel esploratur Ewropew li sab l-art kontinentali.[16][17] Oħrajn, inkluż l-istudjuż Alberto Magnaghi, issuġġerew li l-ittra lil Solderini ma nkitbitx minn Vespucci, iżda minn xi awtur mhux magħruf li kellu aċċess għall-ittri privati tan-navigatur lil Lorenzo de' Medici dwar l-ispedizzjonijiet tiegħu tal-1499 u tal-1501 lejn l-Amerki, li ma jsemmux vjaġġ fl-1497. L-ittra lil Soderini hija waħda minn tnejn attribwiti lil Vespucci li ġew editjati u ċċirkolati b'mod mifrux matul ħajtu.[18]

Vjaġġ tal-1499-1500

[immodifika | immodifika s-sors]
It-tieni vjaġġ ta' Vespucci muri fl-ewwel edizzjoni magħrufa tal-ittra tiegħu lil Piero Soderini, ippubblikata minn Pietro Pacini f'Firenze għall-ħabta tal-1505.

Fl-1499, Vespucci ngħaqad ma' spedizzjoni liċenzjata minn Spanja u mmexxija minn Alonso de Ojeda bħala kmandant tal-flotta u minn Juan de la Cosa bħala navigatur ewlieni. L-intenzjoni tagħhom kienet li jesploraw il-kost ta' massa ġdida ta' art li sab Kolombu fit-tielet vjaġġ tiegħu u b'mod partikolari li jinvestigaw sors rikk ta' ġawhar li kien irrapporta Kolombu. Vespucci u l-appoġġaturi tiegħu ffinanzjaw tnejn mill-erba' vapuri fil-flotta żgħira.[19] Ir-rwol tiegħu fil-vjaġġ mhuwiex ċar. Meta kiteb iktar 'il quddiem dwar l-esperjenza tiegħu, Vespucci ta l-impressjoni li kellu rwol ta' tmexxija, iżda dan ma tantx huwa probabbli, minħabba li ma kellux esperjenza. Minflok, jaf għamilha ta' rappreżentant kummerċjali f'isem l-investituri tal-flotta. Snin wara, Ojeda semma li "Morigo Vespuche" kien wieħed mill-piloti tiegħu fl-ispedizzjoni.[20]

Tpinġija fuq l-injam li turi l-ewwel vjaġġ ta' Vespucci lejn id-Dinja l-Ġdida, mill-ewwel edizzjoni ppubblikata magħrufa tal-ittra tiegħu tal-1504 lil Piero Soderini.

Il-bastimenti telqu minn Spanja fit-18 ta' Mejju 1499 u l-ewwel waqfu fil-Gżejjer Kanarji qabel ma waslu l-Amerka t'Isfel xi mkien fejn illum hemm is-Suriname jew il-Guyana Franċiża. Minn hemm il-flotta nqasmet: Ojeda baqa' sejjer lejn il-Majjistral fejn illum hemm il-Venezwela b'żewġ vapuri, filwaqt li l-par l-ieħor ta' vapuri salpaw lejn in-Nofsinhar b'Vespucci abbord. L-unika rakkont tal-vjaġġ lejn in-Nofsinhar sar minn Vespucci nnifsu. Huwa assuma li kienu mal-kosta tal-Asja u billi salpaw lejn in-Nofsinhar, skont il-ġeografu Grieg Tolomew, suppost kellhom iduru mal-"Kap ta' Cattigara" mhux identifikat u jaslu fl-Oċean Indjan. Għaddew minn ħdejn żewġ xmajjar enormi (l-Amazon u l-Para) li kienu qed inixxu l-ilma ħelu xi 25 mil (40 km) mill-baħar. Huma baqgħu sejrin lejn in-Nofsinhar għal 40 lega (madwar 240 kilometru jew 150 mil) oħra qabel ma ltaqgħu ma' kurrent avvers qawwi ħafna li ma setgħux isibu tarfu. B'hekk kienu obbligati jduru u l-vapuri salpaw lejn it-Tramuntana lura minn fejn ġew. Minn hemm Vespucci kompla tiela' l-kosta tal-Amerka t'Isfel sal-Gof ta' Paria u tul ix-xatt tal-Venezwela.[21] F'xi punt jaf reġgħu ltaqgħu u ngħaqdu ma' Ojeda iżda l-evidenza mhix ċara. Fl-aħħar tas-sajf iddeċidew li jsalpaw lejn it-Tramuntana fid-direzzjoni tal-kolonja Spanjola ta' Hispaniola fl-Indji tal-Punent biex isewwu l-vapuri tagħhom u jerġgħu jimluhom bil-provvisti qabel ma jmorru lura d-dar. Wara Hispaniola għamlu attakki fil-qosor għall-iskjavi fil-Bahamas, u qabdu 232 nattiv, u mbagħad reġgħu lura lejn Spanja.[22]

Vjaġġ tal-1501-1502

[immodifika | immodifika s-sors]
L-ewwel inċiżjoni ta' Johann Froschauer tal-kannibaliżmu fid-Dinja l-Ġdida għal edizzjoni ta' Mundus Novus ta' Vespucci ppubblikata f'Augsburg, il-Ġermanja, fl-1505.

Fl-1501, Manwel I tal-Portugall ikkummissjona spedizzjoni biex tiġi investigata massa ta' art 'il bogħod lejn il-Punent fl-Oċean Atlantiku li ltaqa' magħha b'kumbinazzjoni Pedro Álvares Cabral fil-vjaġġ tiegħu madwar l-Afrika lejn l-Indja. Dik l-art eventwalment kienet il-Brażil. Ir-re ried ikun jaf x'kienet tfisser din l-iskoperta l-ġdida u jiddetermina fejn kienet fir-rigward tal-linja stabbilita mit-Trattat ta' Tordesillas. Kwalunkwe art fil-Lvant tal-linja setgħet tittieħed mill-Portugall. Ir-reputazzjoni ta' Vespucci bħala esploratur u navigatur preżunt diġà kienet waslet il-Portugall, u ġie mqabbad mir-re biex ikun il-pilota taħt il-kmand ta' Gonçalo Coelho.[23]

Statwa ta' Vespucci barra l-Uffizi f'Firenze, l-Italja.

Il-flotta ta' tliet vapuri ta' Coelho telqet minn Liżbona f'Mejju 1501. Qabel ma qasmu l-Atlantiku waqfu għall-provvisti f'Cabo Verde, fejn iltaqgħu ma' Cabral fi triqtu lura d-dar mill-vjaġġ tiegħu lejn l-Indja. Din kienet l-istess spedizzjoni li kienet sabet il-Brażil fil-vjaġġ tas-sena ta' qabel. Coelho telaq minn Cabo Verde f'Ġunju, u minn hemm 'il quddiem ir-rakkont ta' Vespucci huwa l-unika wieħed li għad fadal dwar l-esplorazzjonijiet tagħhom. Fis-17 ta' Awwissu 1501, l-ispedizzjoni waslet il-Brażil f'latitudni ta' madwar 6° fin-Nofsinhar. Fl-iżbark inzertat grupp ostili ta' nattivi li qatlu u kielu wieħed mill-membri tal-ekwipaġġ. Iktar lejn in-Nofsinhar tul il-kosta sabu nattivi inqas ostili u setgħu jwettqu xi forma żgħira ta' kummerċ. F'23° fin-Nofsinhar sabu bajja li semmewha Rio de Janeiro għaliex kien l-1 ta' Jannar 1502. Fit-13 ta' Frar 1502, huma telqu mill-kosta biex jerġgħu lura d-dar. Skont l-istimi ta' Vespucci il-latitudni tagħhom kienet 32° fin-Nofsinhar iżda l-esperti issa jistmaw li kienu eqreb il-25° fin-Nofsinhar. Il-vjaġġ tagħhom lejn id-dar mhuwiex ċar peress li Vespucci rreġistra għadd ta' osservazzjonijiet astronomiċi konfużi u d-distanzi li vvjaġġaw.[24]

Vjaġġ allegat tal-1503-1504

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1503, Vespucci jaf ipparteċipa fit-tieni spedizzjoni għall-monarkija Portugiża, u mill-ġdid esplora l-kosta tal-Lvant tal-Brażil. Hemm evidenza li sar vjaġġ immexxi minn Coelho għall-ħabta ta' dan iż-żmien iżda ma hemm l-ebda konferma indipendenti li Vespucci ipparteċipa.[25] L-unika sors ta' dan l-aħħar vjaġġ hi l-ittra lil Soderini; iżda bosta studjużi moderni jiddubitaw kemm Vespucci kien l-awtur ta' dik l-ittra[26] u mhuwiex ċert jekk Vespucci għamilx dan il-vjaġġ. Hemm diffikultajiet ukoll bid-dati u d-dettalji rrapportati fir-rakkont ta' dan il-vjaġġ.[27]

Ritorn lejn Sivilja

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-qabar tal-familja Vespucci f'Ognissanti, Firenze.

Sal-bidu tal-1505, Vespucci kien lura f'Sivilja. Ir-reputazzjoni tiegħu bħala esploratur u navigatur baqgħet tikber u s-servizz reċenti tiegħu fil-Portugall donnu li ma naffarx lir-Re Ferdinandu. Minflok ir-re kien x'aktarx interessat li jitgħallem dwar il-possibbiltà ta' passaġġ fil-Punent lejn l-Indja. Fi Frar ġie msejjaħ mir-re biex jikkonsultah fuq kwistjonijiet ta' navigazzjoni. Fix-xhur ta' wara ngħata pagamenti mill-monarkija għas-servizzi tiegħu u f'April ġie ddikjarat ċittadin ta' Kastilja u León permezz ta' proklamazzjoni rjali.[28][29]

Vespucci jsib il-kostellazzjoni tas-Salib b'astrolabju waqt il-vjaġġ tiegħu tal-1499, avveniment deskritt fl-ittra tiegħu lil Lorenzo di Pierfrancesco de' Medici. Il-litografija tinkludi wkoll allużjoni ta' Vespucci stess għal silta rilevanti fil-Purgatorju ta' Dante Alighieri.

Mill-1505 sa mewtu fl-1512, Vespucci baqa' jagħti servizz lill-monarkija Spanjola. Huwa baqa' jaħdem fl-għoti tal-provvisti lill-vapuri li kienu se jsalpaw lejn l-Indji. Ġie mqabbad ukoll biex jidderieġi vapur bħala parti minn flotta li kellha ssalpa lejn il-"gżejjer tal-ħwawar" iżda l-vjaġġ ippjanat qatt ma seħħ. F'Marzu 1508 ġie nnominat pilota ewlieni tal-Casa de Contratación jew il-Kamra tal-Kummerċ li kienet topera bħala kamra ċentrali tal-kummerċ għall-pussessi ekstra-Ewropej ta' Spanja. Huwa kien jitħallas salarju annwali ta' 50,000 maravedis u 25,000 żejda għall-ispejjeż. Fir-rwol il-ġdid tiegħu, Vespucci kien responsabbli biex jiżgura li l-piloti tal-vapuri kien imħarrġa biżżejjed u liċenzjati qabel ma jbaħħru lejn id-Dinja l-Ġdida. Huwa kellu wkoll jikkompila "mudell ta' mappa" abbażi tal-input mill-piloti li kellhom l-obbligu li jikkondividu dak li tgħallmu wara kull vjaġġ.[30]

Vespucci kiteb it-testment tiegħu f'April 1511. Huwa ħalla l-biċċa l-kbira tal-patrimonju mudest tiegħu, inkluż ħames skjavi domestiċi, lil martu. Il-ħwejjeġ, il-kotba u t-tagħmir tan-navigazzjoni tiegħu tħallew lin-neputi Giovanni Vespucci. Huwa talab li jindifen skont it-tradizzjoni Franġiskana fil-qabar tal-familja ta' martu. Vespucci miet fit-22 ta' Frar 1512.[31]

Wara li miet, il-mara ta' Vespucci ngħatat pensjoni annwali ta' 10,000 maravedis li kellhom jitnaqqsu mis-salarju tal-pilota ewlieni li kien is-suċċessur ta' Vespucci.[32] In-neputi tiegħu Giovanni tqabbad jaħdem fil-Casa de Contratación fejn qatta' s-snin ta' wara jispijja f'isem l-istat ta' Firenze.[33]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Arciniegas, Germán (1955). Amerigo and the New World: The Life and Times of Amerigo Vespucci. Traduzzjoni ta' de Onís, Harriet. New York: Alfred A. Knopf. ISBN 0374902801.
  • Beazley, Charles Raymond (1911). "Vespucci, Amerigo" . Encyclopædia Britannica. Vol. 27 (11th ed.). pp. 1053–1054.
  • Brinkbaumer, Klaus; Hoges, Clemens (2004). The Voyage of the Vizcaina. Traduzzjoni ta' Streck, Annette. Harcourt. pp. 105–109. ISBN 978-0151011865.
  • Diffie, Bailey W.; Winius, George D. (1977). Foundations of the Portuguese Empire 1415–1580. University of Minnesota Press. pp. 456–462.
  • Edwards, Charles Lester; Vespucci, Amerigo (2009). Amerigo Vespucci. Viartis. ISBN 978-1906421021.
  • Fernández-Armesto, Felipe (2007). Amerigo: The Man Who Gave His Name to America. New York: Random House.
  • Formisano, Luciano (1992). Letters from a New World: Amerigo Vespucci's Discovery of America. New York: Marsilio. ISBN 0941419622.
  • Lester, Toby (2009). The Fourth Part of the World. New York: Free Press. ISBN 978-1416535317.
  • Magnaghi, Alberto (1924). Amerigo Vespucci: Studio critico, con speciale riguardo ad una nuova valutazione delle fonti e con documenti inediti tratti dal Codice Vaglienti. Ruma: Treves.
  • Markham, Clements R. (1894). The Letters of Amerigo Vespucci, and Other Documents Illustrative of His Career. London: Hakluyt Society. ISBN 978-1108012867.
  • Morison, Samuel Eliot (1974). The European Discovery of America: The Southern Voyages, 1492–1616. New York: Oxford University Press. pp. 276–312.
  • Ober, Frederick A. (1907). Amerigo Vespucci. New York & London: Harper & Brothers. ISBN 978-1503010727.
  • Pohl, Frederick J. (1944). Amerigo Vespucci: Pilot Major. New York: Columbia University Press.
  • Ray, Kurt (2004). Amerigo Vespucci: Italian Explorer of the Americas. New York: The Rosen Publishing Group. ISBN 0823936155.
  • Schulz, Norbert; Vespucci, Amerigo (2007). Amerigo Vespucci, Mundus Novus (mit Zweittexten). MMO-Verlag. ISBN 978-3981114423.
  • Thomas, Hugh (2003). Rivers of Gold. New York: Random House. pp. 269–276. ISBN 0375502041.
  • Vespucci, Amerigo (1504). Mundus Novus: Letter to Lorenzo Pietro Di Medici. Traduzzjoni ta' George Tyler. Princeton: Princeton University Press (ippubblikata fl-1916).
  • Vigneras, Louis-André (1976). The Discovery of South America and the Andalusian Voyages. Chicago: University of Chicago Press. ISBN 978-0226856094.


  1. Fernández-Armesto 2007, p. 4.
  2. Formisano 1992, pp. xix–xxvi.
  3. Pohl 1944.
  4. Fernández-Armesto 2007.
  5. Pohl 1944, pp. 18.
  6. 1 2 Arciniegas 1955.
  7. Fernández-Armesto 2007, pp. 47–57.
  8. Brinkbaumer & Hoges 2004, pp. 104–109.
  9. Fernández-Armesto 2007, pp. 56–58.
  10. Markham 1894, l-Introduzzjoni.
  11. Diffie & Winius 1977, pp. 456–457.
  12. Diffie & Winius 1977, pp. 458–459.
  13. "Amerigo Vespucci | Biography, Accomplishments, & Facts | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-29.
  14. Fernández-Armesto 2007, pp. 123–130.
  15. Fernández-Armesto 2007, pp. 123–130.
  16. Morison 1974, p. 307.
  17. Davies, A (1952). "The 'First' Voyage of Amerigo Vespucci in 1497–8". The Geographical Journal. 118 (3): 331–337.
  18. Lehmann, Martin (2013). "Amerigo Vespucci and His Alleged Awareness of America as a Separate Land Mass". Imago Mundi. 65 (1): 17.
  19. Vigneras 1976, pp. 47–63.
  20. Fernández-Armesto 2007, pp. 63–65.
  21. Vigneras 1976, pp. 47–52.
  22. Lester 2009, pp. 314–316.
  23. Morison 1974, p. 280.
  24. Morison 1974, pp. 280–284.
  25. Ray 2004, p. 91.
  26. Markham 1894, pp. 52–56.
  27. Fernández-Armesto 2007, pp. 168–169.
  28. Formisano 1992, pp. 103–105.
  29. Fernández-Armesto 2007, p. 169.
  30. Fernández-Armesto 2007, pp. 169, 175–177.
  31. Fernández-Armesto 2007, pp. 178–180.
  32. Arciniegas 1955, pp. 283–284.
  33. Fernández-Armesto 2007, p. 179.