Nutar

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Nutar waqt xogħlu (pittura tal-artist Ġermaniż Max Volkhart).

Nutar huwa persuna li tkun awtorizzata twettaq atti fl-affarijiet ġuridiċi, b’mod partikolari tixhed għall-iffirmar tad-dokumenti. Il-professjoni notarili tvarja skont is-sistemi ġuridiċi lokali.[1]

Ħarsa ġenerali[immodifika | immodifika s-sors]

Id-dokumenti jiġu awtentikati minn nutar bħala deterrent kontra l-frodi u sabiex jiġi żgurat li jitħejjew kif suppost. Xhud imparzjali (in-nutar) jidentifika l-firmatarji sabiex jaċċerta li ma jkunx hemm imposturi u sabiex jiżgura li jkunu jafu li deħlin għal ftehimiet u li għandhom ir-rieda jagħmlu dan. Id-dokumenti tas-self, fosthom atti, affidavits, kuntratti u prokuri, huma dokumenti komuni ħafna li jkunu jeħtieġu awtentikazzjoni minn nutar.

Il-Liġi 122 tal-Kodiċi ta’ Hammurabi (għall-ħabta tal-1755-1750 Q.K.) kienet tistipula li depożitur tad-deheb, tal-fidda, jew ta’ proprjetà mobbli oħra għall-kustodja kellu jippreżenta l-oġġetti kollha u kuntratt iffirmat tal-kapparra qabel ma jiddepożita l-oġġetti għand bankier, u l-Liġi 123 kienet tistipula li bankier kien jinħeles minn kwalunkwe obbligu kuntrattwali tal-kapparra jekk in-nutar jiċħad l-eżistenza tal-kuntratt. Il-Liġi 124 kienet tistipula li depożitur b’kuntratt tal-kapparra awtentikat minn nutar kien intitolat li jerġa’ jieħu lura l-valur kollu tad-depożitu tiegħu.[2][3][4]

Id-definizzjoni tal-awtentikazzjoni minn nutar ta’ dokument jew ta’ avveniment tvarja minn post għall-ieħor; iżda ġeneralment tfisser it-twettiq minn nutar ta’ sensiela ta’ passi possibbli, li jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

  1. L-identifikazzjoni tal-persuna quddiem in-nutar billi jkun jafha personalment jew b’referenza għal provi sinifikanti tal-identità, inkluż il-passaport, il-liċenzja tas-sewqan, eċċ.[5]
  2. Fir-rigward tat-titoli tal-art jew jeddijiet sinifikanti, dawn jistgħu jiġu aċċertati b’referenza għall-identità u jaf ikun meħtieġ li jiġu vverifikati, irreġistrati u mqabbla l-firem.
  3. Ir-reġistrazzjoni tal-prova tal-identià fir-reġistru jew il-protokoll notarili.
  4. L-aċċertament min-nutar li l-persuna quddiemu ma tkunx minorenni u li tkun f’pożizzjoni li tagħmel dak li jkun meħtieġ skont il-kuntratt/l-att.
  5. It-teħid ta’ affidavit jew dikjarazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ dak il-fatt.
  6. It-teħid ta’ struzzjonijiet dettaljati għal protest ta’ kambjala jew ta’ vapur u t-tħejjija tiegħu.
  7. Ir-reġistrazzjoni tal-firma tal-persuna fir-reġistru jew fil-protokoll notarili.
  8. Ir-rikonoxximent (fl-Istati Uniti) tat-twettiq ta’ dokument u t-tħejjija ta’ ċertifikat ta’ rikonoxximent.
  9. It-tħejjija ta’ ċertifikat notarili (fil-biċċa l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet l-oħra) dwsr it-twettiq jew dwar pass ieħor.
  10. L-issiġillar jew l-ittimbrar u l-iffirmar tad-dokumenti.
  11. Ir-reġistrazzjoni tal-passi kollha fir-reġistru jew fil-protokoll notarili.
  12. L-għoti tal-oriġinal ikkompletat lill-persuna quddiemu.
  13. F’xi każijiet, iż-żamma ta’ kopja tad-dokument fir-reġistru jew fil-protokoll notarili.
  14. L-impożizzjoni ta’ miżata tas-servizz notarili.

Nutara tal-liġi komuni vs. tal-liġi ċivili[immodifika | immodifika s-sors]

Uffiċju ta’ nutar f’Vigo, Spanja

Il-biċċa l-kbira tas-sistemi tal-liġi komuni jkollhom nutar pubbliku, jiġifieri uffiċjal pubbliku li jawtentika d-dokumenti ġuridiċi u li jista’ wkoll jamministra u jieħu ġuramenti u jagħmel affermazzjonijiet, fost kompiti oħra.[6] Għalkemm in-nutara pubbliċi huma uffiċjali pubbliċi, dawn ġeneralment ma jitħallsux mill-gvern; jistgħu jdaħħlu l-introjtu tagħhom billi jimponu miżati, jipprovdu servizzi mingħajr ħlas b’rabta ma’ impjieg ieħor (pereżempju impjegati tal-banek), jew jipprovdu servizzi mingħajr ħlas għall-ġid komuni. Fl-Istati Uniti (għajr f’Puerto Rico), kwalunkwe peruna – avukat u mhux – tista’ tiġi kkummissjonata bħala nutar.

"Der Notar" ("In-Nutar"), inċiżjoni tar-ram mill-ktieb tal-1698 ta’ Christoph Weigel il-Kbir

Il-maġġoranza tas-sistemi bbażati fuq il-liġi ċivili (inkluż Puerto Rico u Quebec) ikollhom nutar tal-liġi ċivili, jiġifieri professjonist ġuridiku li jwettaq iktar funzjonijiet min-nutar pubbliku tal-liġi komuni. Dawn ikunu avukati kkwalifikati li jipprovdu ħafna mill-istess servizzi bħall-avukati tal-liġi komuni (negozjar u tfassil tal-kuntratti, konsulenza ġuridika, suċċessjoni, ħolqien ta’ kumpanija u l-istatus tagħha, tħejjija ta’ testmenti u prokuri, interpretazzjoni tal-liġi, medjazzjoni, eċċ...) għajr kwalunkwe involviment f’tilwim li jkollu jidher quddiem qorti.

Fl-Istati Uniti, aġent tal-iffirmar, magħruf ukoll bħala aġent tal-iffirmar tas-self, ikun nutar pubbliku li jispeċjalizza fl-awtentikazzjoni tad-dokumenti ipotekarji u tal-proprjetà immobbli.

In-nutara fil-ġurisdizzjonijiet tal-liġi ċivili jkunu speċjalizzati fil-kwistjonijiet kollha marbuta mal-proprjetà immobbli, u jagħmlu eżamijiet tat-titoli sabiex jikkonfermaw is-sjieda tal-proprjetà, l-eżistenza ta’ xi interess ta’ garanzija bħal xi servitù jew ipoteki.

Spiss, fil-każ tan-nutara li jkunu avukati, iċ-ċertifikat li jkun irid jiġi pprovdut ma jkunx jirrikjedi firem. Pereżempju: iċ-ċertifikati li jawtentikaw il-kopji ta’ dokumenti u ċ-ċertifikati ġuridiċi, bħaċ-ċertifikati dwar il-kapaċità ta’ kumpanija li twettaq ċerti atti, jew li jispjegaw il-liġi fis-seħħ.

Sistemi online[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-Istati Uniti, ħafna stati fosthom Virginia, Texas, u Nevada għaddew liġijiet li jippermettu xhieda online min-nutara, bl-użu tal-kondiviżjoni ta’ skrin jew webcams, kif ukoll proċessi ta’ verifika tal-identità.[7] Sabiex ikun hemm konformità mal-liġi statali, in-nutara jrid ikollhom sede f’wieħed mill-istati li awtorizzaw dawn is-servizzi. Virginia kienet l-ewwel stat li għadda leġiżlazzjoni li tippermetti l-awtentikazzjoni online min-nutara fl-2012. Texas u Nevada għaddew liġijiet simili fl-2017 li daħlu fis-seħħ f’Lulju 2018. Xi siti u applikazzjonijiet jinkludu DocVerify, Notarize, NotaryCam, Safedocs, u SIGNiX. Notarize kienet ukoll l-ewwel kumpanija li offriet is-servizzi online għalkollox għall-għeluq tal-ipoteki. Fl-Istati Uniti, fl-2017, kien stmat li kien hemm iżjed minn erba’ miljun nutar impjegat.[8]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Notary Basics | nationalnotary.org". National Notary Association. Miġbur 2021-07-06.
  2. ^ Hammurabi (1903). Tradott minn Sommer, Otto. "Code of Hammurabi, King of Babylon". Records of the Past. Washington, DC: Records of the Past Exploration Society. 2 (3): 77.
  3. ^ Hammurabi (1904). "Code of Hammurabi, King of Babylon" (PDF). Liberty Fund. Tradott minn Harper, Robert Francis (tieni ed.). Chicago: University of Chicago Press. p. 43.
  4. ^ Hammurabi (1910). "Code of Hammurabi, King of Babylon". Avalon Project. Tradott minn King, Leonard William. New Haven, CT: Yale Law School.
  5. ^ "American Society of Notaries". www.asnnotary.org. Miġbur 2021-07-06.
  6. ^ Piombino, Alfred E. (2011). Notary Public Handbook: Principles, Practices & Cases, National Edition (First ed.). East Coast Publishing. ISBN 978-0-9445606-9-3.
  7. ^ ALTA.org. "Digital Closings". ALTA.org. Miġbur 2021-07-06.
  8. ^ "Notaries Are Starting To Put Down The Stamp And Pick Up A Webcam". NPR.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-06.